|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/753 |
31.1.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri għal Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2025/753)
Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, jistgħu jippreżentaw oppożizzjoni lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
“Ail rose de Lautrec”
Nru tal-UE: PGI-FR-0193-AM01 – 30.3.2021
DOP ( ) IĠP (X)
1. Grupp applikant u interess leġittimu
|
Syndicat de Défense du Label Rouge Ail rose et de l’IGP Ail rose de Lautrec |
|
20 rue du Mercadial |
|
81400 Lautrec |
|
FRANCE |
Tel. 05 63759031
Indirizz elettroniku: info@ailrosedelautrec.com
Is-“Syndicat de Défense du Label Rouge Ail rose et de l’IGP Ail rose de Lautrec”, assoċjazzjoni professjonali rregolata mill-Kodiċi tax-Xogħol, hija magħmula minn produtturi-imballaturi tat-tewm u impjanti tal-imballaġġ (madwar 160 operatur). Għaldaqstant għandha interess leġittimu li tippreżenta l-applikazzjoni.
2. Stat membru jew pajjiż terz
Franza
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i
|
☐ |
Isem il-prodott |
|
☒ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
|
☒ |
Żona ġeografika |
|
☒ |
Prova tal-oriġini |
|
☒ |
Metodu ta’ produzzjoni |
|
☒ |
Rabta |
|
☒ |
Tikkettar |
|
☒ |
Oħrajn: aġġornament tad-dettalji tal-grupp applikant, it-tip ta’ prodott, il-korpi ta’ kontroll, ir-rekwiżiti nazzjonali, it-tħassir tas-sommarji u l-mapep. |
4. Tip ta’ emenda/i
|
☐ |
Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 |
|
☒ |
Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew l-ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 |
5. Emenda/i
5.1. Emendi li ma jaffettwawx l-elementi essenzjali
— L-intestatura “Deskrizzjoni tal-Prodott”
Għalhekk żdiedu elementi deskrittivi sabiex il-prodott jiġi kkaratterizzat aħjar billi jiġi speċifikat li huwa tewm alternattiv, terminu li huwa aktar xieraq minn “tewm tar-rebbiegħa” biex jiddeskrivi tewm b’perjodu twil ta’ rqad. Primarjament żdiedet informazzjoni dwar id-daqs, il-forma tal-basla, l-għadd ta’ snien, il-preżentazzjoni tal-bażi tal-għeruq u l-preżentazzjoni tal-basla. Żdiedet deskrizzjoni tad-difetti fl-apparenza biex tikkomplementa r-rekwiżiti għall-preżentazzjoni tal-basla.
Mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott żdiedu r-regoli dwar it-tolleranza (perċentwali) għad-devjazzjonijiet li jikkonċernaw id-difetti fl-aspetti u fid-daqsijiet. Dawn l-indikazzjonijiet, kif ukoll ir-regoli dwar l-issortjar u t-tqassim skont id-daqs deskritti fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, jagħmluha possibbli li tiġi ssupplimentata l-karatterizzazzjoni tal-prodott. Il-valuri, f’perċentwali, tar-regoli ta’ tolleranza stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jikkorrispondu għall-valuri tal-istandard NUKEE FFV-18 għall-kategorija “Extra”.
Fl-aħħar nett, ma’ din l-intestatura żdiedet sentenza dwar il-metodi ta’ preżentazzjoni tal-“Ail rose de Lautrec”, li mbagħad jiġu deskritti fid-dettall fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fil-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.
— L-intestatura “Żona ġeografika”
It-taqsima “Żona ġeografika” tal-“Ail rose de Lautrec” ġiet emendata fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u żdiedet mad-Dokument Uniku. Dawn l-emendi ma jaffettwawx il-perimetru taż-żona ġeografika, li jibqa’ l-istess.
Il-preżentazzjoni tal-muniċipalitajiet skont il-canton ġiet sostitwita b’lista tal-muniċipalitajiet fiż-żona ġeografika, li kollha jinsabu fid-département ta’ Tarn.
Il-formulazzjoni li ġejja żdiedet fit-taqsima dwar id-definizzjoni taż-żona ġeografika fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott:
“ L-operazzjonijiet ta’ kultivazzjoni, tnixxif, ħżin u imballaġġ isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.”
Ir-restrizzjoni tal-imballaġġ tal-“Ail rose de Lautrec” għaż-żona ġeografika ġiet introdotta fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, minkejja li din il-prattika kienet fil-fatt diġà tiġi implimentata mill-operaturi.
Id-Dokument Uniku ġie ssupplimentat ukoll. Għaldaqstant jiżdiedu s-sentenzi li ġejjin:
|
— |
Fil-punt 3.4: “ Il-kultivazzjoni, it-tqaxxir u t-tnixxif isiru fiż-żona ġeografika. ” |
|
— |
Fil-punt 3.5: “ L-‘Ail rose de Lautrec’ jiġi imballat fiż-żona ġeografika fi trejs, kontenituri, boroż jew xbieki. ” |
Billi l-annessi tħassru mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, is-sentenza li ġejja tħassret ukoll:
“ Iż-żona ġeografika tidher fuq il-mappa mehmuża hawnhekk, li turi wkoll fejn jinsabu l-intrapriżi. ”
Is-sentenza li tindika d-distribuzzjoni tal-produtturi fiż-żona tħassret mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, billi l-informazzjoni ta’ sfond mogħtija mhijiex utli biex din tinftiehem
— L-intestatura “Prova tal-oriġini”
Din it-taqsima, li tikkorrispondi għall-parti bit-titolu “Traċċabbiltà tal-prodott” fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali, inkitbet mill-ġdid f’forma ta’ tabella u ġiet issupplimentata fit-taqsima 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Għalhekk, it-tabella tiddeskrivi d-dokumenti stabbiliti biex jippermettu l-monitoraġġ u l-kontroll tal-prodott b’indikazzjoni ġeografika protetta, skont l-istadju tal-produzzjoni, għall-operaturi kollha u għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari.
Id-dispożizzjoni “ Identifikazzjoni tal-operaturi: Kwalunkwe operatur li jixtieq jieħu sehem fil-produzzjoni sħiħa jew parzjali tal-‘Ail rose de Lautrec’ irid jiġi identifikat mal-grupp għall-awtorizzazzjoni. ” żdiedet fil-punt 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott dwar “Evidenza li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika” sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti regolatorji nazzjonali.
Fit-tabella, l-obbligi ta’ rappurtar li ġejjin jittieħdu mit-test oriġinali rreġistrat: dikjarazzjoni tan-newba tal-għelejjel fl-istadju tal-kultivazzjoni u rendikont tal-istokk fl-istadju tal-imballaġġ u tal-kummerċjalizzazzjoni fl-impjant tal-imballaġġ.
L-obbligu li tinżamm il-“skeda ta’ monitoraġġ tal-għelejjel” żdied għall-produttur, li jirreġistra l-operazzjonijiet kollha ta’ kultivazzjoni mwettqa fuq roqgħa art (fertilizzazzjoni, qtugħ tal-bont iffjurit, data tal-ħsad u verifika tas-sajran).
Ir-“reġistru tal-manifattura”, previst fil-punt 2 tat-taqsima “Traċċabbiltà tal-prodott” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali, issa ġie inkluż fir-“reġistru tal-kummerċjalizzazzjoni”, “skeda ta’ monitoraġġ fil-kmamar imkessħin” u żdiedet “skeda ta’ reġistrazzjoni ta’ telf tal-piż”, li tippermetti l-monitoraġġ tat-traċċabbiltà tat-tewm mill-produzzjoni sal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.
Dawn l-obbligi huma ssupplimentati, għall-impjanti tal-imballaġġ, b’“noti tal-konsenja”, “skeda għall-identifikazzjoni tal-pallets”, “rendikont tal-istokk u tikketti”, “noti tal-konsenja jew fatturi” u “skeda tal-inventarju għall-imballaġġ”, li jiżguraw li t-tewm jibqa’ traċċabbli sakemm jiġi kkummerċjalizzat.
Id-dijagramma tal-produzzjoni tmexxiet għall-intestatura 5.1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott taħt l-intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”.
— L-intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”
Is-subintestatura 5.1 “Dijagramma tal-produzzjoni”
Id-dijagramma tal-produzzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tmexxiet mill-paragrafu inizjali “Traċċabbiltà” u ġiet emendata.
L-istadji tal-produzzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġew deskritti u saru konformi mad-diversi emendi tat-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”. L-istadji ta’ wara l-imballaġġ tħassru billi ma jagħmlux parti mir-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-IĠP, iżda japplikaw biss għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-Label Rouge “Ail rose” LA Nru 02/66 approvata fil-livell Franċiż.
Id-dokumenti tat-traċċabbiltà (id-dikjarazzjoni, ir-reġistru u r-rendikont tal-istokk) huma stabbiliti fit-tabella fit-taqsima 4 “Evidenza li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika”.
Is-subintestatura 5.2 “Għażla tal-varjetajiet”
Billi l-varjetà titqies bħala karatteristika essenzjali tal-IĠP “Ail rose de Lautrec”, u f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, ġiet inkluża lista eżawrjenti tal-varjetajiet fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fid-Dokument Uniku.
Is-subintestatura 5.3 “Għażla taż-żrieragħ”
Il-formulazzjoni ta’ din is-s-subintestatura ġiet emendata sabiex, b’mod partikolari, jiġi introdott perċentwal minimu ta’ 20 % ta’ żrieragħ iċċertifikati. L-użu ta’ żrieragħ iċċertifikati prinċipalment jevita telf sinifikanti fil-ħsad, fejn iċ-ċertifikazzjoni tiżgura l-ġerminazzjoni u l-istat tas-saħħa taż-żerriegħa. Dan il-perċentwal jikkorrispondi għall-prattiki attwali u l-kapaċità attwali tal-provvista għall-varjetajiet awtorizzati.
Il-possibbiltà li jintużaw żrieragħ ittrattati bit-termoterapija ġiet abolita, din il-prattika diġà hija sistematika fuq żrieragħ iċċertifikati u mhijiex prattikata fuq żrieragħ mhux iċċertifikati.
Il-possibbiltà li jintużaw żrieragħ imsejħa tal-irziezet (indikati bħala “ derivati minn żrieragħ iċċertifikati ” fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali) ġiet riformulata iżda nżammet sabiex tiġi ggarantita l-provvista taż-żrieragħ minkejja l-inċertezzi (b’mod partikolari klimatiċi), billi l-korp ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni (ODG, Organisme de Défense et de Gestion) fil-passat kien iffaċċja problemi fir-rigward tal-provvista ta’ żrieragħ iċċertifikati. Din il-possibbiltà hija limitata għall-varjetajiet awtorizzati għall-IĠP “Ail rose de Lautrec” biss, u għalhekk ma taffettwax il-kwalità tal-prodott. Din id-dispożizzjoni ġiet issupplimentata sabiex jiġi żgurat li tinżamm il-kwalità taż-żrieragħ tal-irziezet: bl-eċċezzjoni tal-varjetà rose de Lautrec, iż-żrieragħ tal-irziezet, prodotti esklussivament fl-irziezet, dawn iridu jkunu derivati minn żrieragħ iċċertifikati fis-sena n-1.
It-taqsimiet “Ħaxix ħażin” u “Mard” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali
Dawn it-taqsimiet tħassru mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott billi huma magħmula minn pariri u prattiki tajba ta’ kultivazzjoni.
Is-subintestatura 5.4 “Għażla tar-roqgħa art”
Il-formulazzjoni tat-tip ta’ ħamrija fejn jitkabbar it-tewm ġiet emendata fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Is-sentenza: “ Art: taflija u kalkarja ” hija sostitwita b’dan li ġej: “ L-Ail rose de Lautrec jiġi prodott fuq ħamrija taflija u kalkarja ”.
Il-ħamrija użata biex jinżera’ l-Ail rose de Lautrec tibqa’ dik tat-tip taflija u kalkarja.
Is-subintestatura 5.5 “Newba tal-għelejjel”
Fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott żdiedet is-sentenza li ġejja: “ L-irqajja’ tal-art ma kellhomx allium għal 3 snin konsekuttivi ”
Biż-żieda ta’ dan l-obbligu jkun possibbli li jiġu ppreservati r-riskji għas-saħħa (biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni minn ċertu mard) tal-irqajja’ tal-art.
Is-subintestatura 5.6 “Tħawwil”
Id-data tal-bidu tat-tħawwil titressaq ’il quddiem b’10 ijiem (l-20 ta’ Novembru minflok l-1 ta’ Diċembru) u d-data tat-tmiem tat-tħawwil titħassar. Ġie deċiż li l-perjodu tat-tħawwil jiġi estiż sabiex jiġu promossi kundizzjonijiet tajbin għat-tħawwil (kundizzjonijiet klimatiċi, kundizzjoni tal-ħamrija), u b’hekk jiġi żgurat tħawwil tajjeb, l-għeruq jaqbdu sew, u li l-pjanti mbagħad jikbru tajjeb. It-tħawwil f’kundizzjonijiet tajbin jillimita l-attakki minn aggressuri bijoloġiċi, b’mod partikolari l-penicillium, li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-inbit u jaffettwaw l-iżvilupp tal-pjanti. F’każ ta’ perjodu ta’ tħawwil ristrett wisq, il-produttur ikun imġiegħel iħawwel il-pjanti minkejja kundizzjonijiet sfavorevoli.
Tħawwil bikri wisq jista’ jwassal biex il-ġerminazzjoni terġa’ tibda qabel suppsot u għal sensittività eċċessiva taż-żrieragħ għall-ġlata tax-xitwa. Għalhekk, tinżamm data tal-bidu tat-tħawwil.
Is-subintestatura 5.7 “Tixrid”
Ġiet introdotta restrizzjoni fuq it-tixrid tal-ħama mill-impjanti tad-drenaġġ. Din il-projbizzjoni żdiedet sabiex jiġi evitat, primarjament, ir-riskju li jiżdiedu metalli tqal fl-irqajja’ tal-art maħsuba għall-produzzjoni tat-tewm u b’hekk tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-prodott, billi t-tewm jassorbi dawn il-metalli b’mod naturali.
Is-subintestatura 5.8 “Fertilizzazzjoni”
Il-paragrafu li ġej tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie emendat biex jinftiehem.
Ġie deċiż li jiġu indikati b’mod ċar id-dożi ta’ fertilizzanti awtorizzati minflok il-proporzjonijiet.
L-obbligu li n-nitroġenu jinqasam huwa miżjud sabiex il-pjanta tiġi ppreservata minn nitroġenu żejjed, li jista’ jkun ta’ detriment għall-iżvilupp tal-basla billi jwassal għal “snien żejda” u għall-qsim tagħha.
L-indikazzjoni “ f’art inklinata sew ” tħassret, billi hija kwistjoni ta’ pariri u prattiki tajbin marbuta mal-għarfien tal-produtturi.
Is-subintestatura 5.9 “Qtugħ tal-bont iffjurit”
Is-sentenza hija ssupplimentata bit-terminu “ zokk ”, li jirreferi għall-bont iffjurit, u bit-terminu tradizzjonali “qtugħ” użat biex jiddeskrivi l-qtugħ tiegħu, kif ukoll l-istadju fiżjoloġiku li fih dak l-istadju għandu jsir “ qabel il-ħsad ”.
Is-subintestatura 5.10 “Ħsad”
Id-dati tal-ħsad tħassru billi ma jippermettux li l-ħsad jiġi rregolat bl-aktar mod preċiż possibbli. Id-dati tal-ħsad ivarjaw skont is-snin.
Dawn ġew sostitwiti b’żewġ metodi ta’ identifikazzjoni tal-istadju fiżjoloġiku tas-sajran tat-tewm, li jippermettu li jiġi vvalutat u attivat il-ħsad fl-aħjar żmien u b’hekk tiġi żgurata l-maturità ottimali tat-tewm maħsud:
|
“- |
il-kalkolu tal-proporzjon tal-piż tal-basal/piż tal-weraq akbar minn 1,8 (iz-zkuk huma bejn wieħed u ieħor 2 cm bogħod minn xulxin u l-għeruq jitneħħew mill-ħamrija), |
|
- |
valutazzjoni viżwali, preżenza ta’ massimu ta’ erba’ weraq ħodor fuq il-pjanta.” |
Is-subintestatura 5.11 “Proċeduri tat-tnixxif”
Il-paragrafu ġie fformulat mill-ġdid biex jispeċifika l-metodi ta’ ventilazzjoni “ naturali ” jew “ dinamika ” awtorizzati, li jikkorrispondu għall-metodi ta’ tnixxif attwali fiż-żona ġeografika.
L-obbligu tat-telf tal-piż tal-prodott bit-tnixxif żdied biex jiġi żgurat tnixxif minimu tal-prodott u b’hekk tiġi żgurata kwalità tajba tas-saħħa u l-preservazzjoni tal-basal.
Is-subintestatura 5.12 “Proċedura ta’ ħżin qabel l-ewwel kummerċjalizzazzjoni”
Tinżamm il-possibbiltà ta’ preservazzjoni fl-arja ambjentali.
Jitħassru l-kundizzjonijiet tal-ħżin f’temperatura ta’ 15 °C + -2 u umdità ta’ 80 % HR + -15. Dan il-metodu użat waqt ir-reġistrazzjoni tal-IĠP fl-aħħar mill-aħħar ma kienx adegwat billi kellu impatt negattiv ħafna fuq il-konservazzjoni tat-tewm u l-produtturi osservaw deterjorament fil-kwalità tas-saħħa tal-prodott. L-obbligu li t-tewm jinħażen minn Ottubru taħt dawn il-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni wara Diċembru fil-fatt tneħħa wkoll.
Żdiedet il-possibbiltà ta’ ħżin f’kamra mkessħa billi din toffri kundizzjonijiet favorevoli għall-preservazzjoni tat-tewm. Bil-ħżin fil-kesħa tiġi mblukkata l-ġerminazzjoni tal-basal u tiġi ppreservata l-kwalità tas-saħħa tagħhom, filwaqt li jiġi evitat l-eżawriment tar-riżervi jew it-tixrid tat-taħsir fil-basla sħiħa. Huwa awtorizzat fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-Label Rouge “Ail rose” LA Nru 02/66 approvata fil-livell Franċiż u li l-operaturi tagħha huma l-istess bħall-IĠP “Ail rose de Lautrec”. Għalhekk, dan il-metodu ta’ preservazzjoni tat-tewm diġà jintuża ħafna mill-impjanti tal-imballaġġ fiż-żona ġeografika u mill-produtturi li gradwalment għammru kmamar imkessħin.
Is-subintestatura 5.13 “Tqaxxir”
Il-paragrafi dwar l-istadju tat-tqaxxir ġew separati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont it-tipi ta’ imballaġġ. Dawn l-elementi issa nġabru flimkien fl-istess paragrafu u huma ssupplimentati b’dispożizzjonijiet ġodda. B’dawn iż-żidiet jiġu ċċarati l-prattiki attwali dwar it-tqaxxir.
L-elementi tal-preżentazzjoni tal-bażi tal-għeruq huma komuni għat-tipi kollha ta’ imballaġġ. Ir-rekwiżit tal-użu ta’ “ sikkina jew imqass għaż-żbir ” tħassar. L-għażla tal-għodda titħalla f’idejn l-operatur billi dan l-obbligu ma kellu l-ebda impatt fuq il-kwalità tal-prodott lest.
Id-dispożizzjoni dwar il-kwalità tal-qlugħ mill-għeruq hija ssupplimentata mid-dispożizzjoni “ mingħajr ma tinkixef il-bażi tal-għeruq ” sabiex tiggarantixxi basla b’bażi tal-għeruq tajba, mingħajr ħsara, biex b’hekk tiġi evitata kwalunkwe problema fil-konservazzjoni u l-iżvilupp ta’ moffa.
Jiżdied l-imballaġġ f’kontenituri u fi trejs. Dawn it-tipi ta’ imballaġġ huma assoċjati mal-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa tat-tewm (bejgħ bħala unità) u jkunu jistgħu jiżguraw li t-tewm jiġi ppreservat kif xieraq, billi jitnaqqas l-impatt bejn il-basal u jiġi ffaċilitat l-immaniġġjar. Dawn jintużaw ħafna mill-impjanti tal-imballaġġ u mill-produtturi għall-imballaġġ tat-tewm.
Ir-rekwiżit li t-tewm jinqata’ f’massimu ta’ 3 cm mill-basla jitnaqqas għal 2 cm. Meta t-tewm jiġi ppreżentat b’zokk iqsar, ikun aktar faċli biex jiġi mmaniġġjat waqt l-imballaġġ u mqiegħed marsus fit-tipi differenti ta’ imballaġġ, u dan inaqqas l-impatt bejn il-basal u jtejjeb il-preservazzjoni tagħhom.
Żdied il-kliem “ bl-idejn ” għat-tqaxxir tat-tewm. Dan il-pass dejjem sar bl-idejn, u ppermetta li l-basal jiġi ttrattat bl-akbar attenzjoni possibbli. Ġie deċiż li jiżdied mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott biex isir obbligatorju.
Il-metodu tat-tqaxxir tat-tewm huwa ddettaljat għal kull tip ta’ imballaġġ:
|
— |
it-tewm jew jitqaxxar fejn titħalla qoxra waħda jew tnejn biex jidher il-kulur roża tas-snien, |
|
— |
jew it-tewm jitqaxxar billi titneħħa qoxra waħda jew tnejn biex tibqa’ tidher il-qoxra proprja, biex b’hekk il-qxur li jifdal jipproteġu l-basla mill-impatti. Dan it-tip ta’ tqaxxir huwa ppreferut għall-imballaġġ li x’aktarx jikkawża aktar impatti bħax-xbieki. |
Is-subintestatura 5.14 “Għażla/tqassim skont id-daqs”
Dan il-paragrafu ma kienx jeżisti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott irreġistrata. Ġie deċiż li jiżdied, peress li huwa pass essenzjali fil-kisba ta’ “Ail rose de Lautrec” ta’ kwalità u preżentazzjoni ta’ basal li jissodisfa l-karatteristiċi tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. L-istadju tal-issortjar/tat-tqassim skont id-daqs jikkonsisti fit-tneħħija tal-basal li ma jikkorrispondix mal-karatteristiċi tal-IĠP, kemm f’termini ta’ dehra viżiva, difetti fid-dehra kif ukoll fid-daqs.
Id-diversi difetti viżivi huma dettaljati sabiex jiġi ċċarat l-istadju tal-issortjar/tat-tqassim skont id-daqs.
Is-subintestaturi 5.15 “Imballaġġ”, 5.16 “Tipi ta’ imballaġġ awtorizzati għall-produtturi”, 5.17 “Tipi ta’ imballaġġ awtorizzati għall-impjanti tal-imballaġġ”
Ġiet introdotta r-restrizzjoni tal-imballaġġ tal-“Ail rose de Lautrec” għaż-żona ġeografika. Hija ġġustifikata mill-fraġilità tal-prodott, li hija sensittiva għall-immaniġġjar u għall-impatti potenzjali. L-għarfien espert miksub mill-operaturi lokali jiżgura li jinkiseb prodott lest ta’ kwalità. Il-ġustifikazzjoni għal din ir-restrizzjoni żdiedet fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (taħt l-intestatura 5.15 “Imballaġġ”) u fid-Dokument Uniku (it-Taqsima 3.5).
Il-paragrafu inizjali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott dwar l-imballaġġ ġie emendat sabiex jiġu spjegati aħjar id-diversi dispożizzjonijiet dwar l-imballaġġ. Minbarra l-paragrafu introduttorju, dan imbagħad jinqasam f’żewġ paragrafi separati: l-ewwel wieħed jinkludi l-imballaġġ awtorizzat għall-produtturi filwaqt li t-tieni jelenka l-imballaġġ awtorizzat għall-impjanti tal-imballaġġ.
Ir-rekwiżiti dwar l-imballaġġ (il-piż tal-imballaġġ u d-daqsijiet) huma dettaljati skont it-tip ta’ imballaġġ.
Jiżdied l-imballaġġ f’kontenituri u fi trejs. Dawn it-tipi ta’ imballaġġ dehru wara r-reġistrazzjoni bħala IĠP. B’dawn jiġi żgurat li t-tewm jiġi ppreservat kif xieraq billi jitnaqqas l-impatt bejn il-basal, ventilazzjoni tajba u mmaniġġjar aktar faċli. Dawn jintużaw ħafna mill-impjanti tal-imballaġġ u mill-produtturi għall-imballaġġ tat-tewm.
Żdiedu r-rekwiżiti tal-imballaġġ f’termini ta’ piż massimu u daqsijiet awtorizzati għat-trejs u l-kontenituri.
L-imballaġġ f’“għenieqed” huwa ddettaljat bħala “għenieqed u qatet” għall-produtturi (il-qatet li jikkorrispondu għall-għenieqed ta’ 0,250 kg fit-test oriġinali), u jagħti dettalji tar-rekwiżiti għal kull wieħed minn dan l-imballaġġ awtorizzat. Żdiedu żewġ tipi ta’ rbit possibbli għall-qatet: “ lasktuwa kannella/ħamra jew tejp aħmar,” , flimkien ma’ “ spaga ħamra ”, u r-rekwiżit li jiġi ppreżentat “b’mod uniformi għal-lott.”. Għall-għanqud, il-piżijiet awtorizzati huma ppreservati, l-għanqud ta’ 5 kg jiġi sostitwit b’għanqud ta’ 4 kg (l-għanqud ta’ 5 kg huwa diffiċli biex jiġi mmaniġġjat u jitlef ir-riġidità tiegħu, u r-restrizzjoni għal 4 kg tipprevjeni li l-basal ma jġarrabx impatt matul l-istadji tal-imballaġġ u wara l-kummerċjalizzazzjoni), l-għadd ta’ basal għal kull għanqud tneħħa, ir-rekwiżiti tad-daqs ġew ifformulati mill-ġdid iżda nżammu u tiżdied differenza massima fid-daqs.
Dawn ir-rekwiżiti kollha huma essenzjali biex tiġi żgurata preżentazzjoni ottimali u uniformi tal-prodott.
Il-paragrafu dwar l-imballaġġ awtorizzat għall-impjanti tal-imballaġġ huwa ssupplimentat bil-possibbiltà li l-għanqud jitqiegħed taħt xibka sabiex il-basal tat-tewm jiġi protetti matul il-kummerċjalizzazzjoni, u billi l-basal tat-tewm inizjalment imballat fi trej jitqiegħed f’xibka jew f’kontenitur għal kummerċjalizzazzjoni f’imballaġġ iżgħar.
Ir-referenzi għall-kategoriji tat-tewm tħassru, billi kienu bbażati fuq ir-Regolament (KEE) Nru 2288/97 li ma għadux fis-seħħ.
It-taqsima 3.5 tad-Dokument Uniku ġie ssupplimentat bit-tipi ta’ imballaġġ awtorizzati.
Is-subintestatura 5.18 “Kummerċjalizzazzjoni”
Is-sentenza li ġejja tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsima “Deskrizzjoni tal-prodott”):
“ Il-perjodu ta’ kummerċjalizzazzjoni jista’ jestendi minn Lulju sa Marzu ”
Hija sostitwita fil-“Metodu ta’ produzzjoni” biż-żieda tal-paragrafu li ġej:
“Id-data li fiha tibda tiġi kkummerċjalizzata l-IĠP ‘Ail rose de Lautrec’ hija ffissata mill-ODG abbażi tad-data medja tal-ħsad tal-istaġun u taż-żmien meħtieġ għat-tnixxif. Din id-data għandha tiġi kkomunikata lill-Korp taċ-Ċertifikazzjoni u lill-produtturi.
It-tmiem tal-kummerċjalizzazzjoni mill-operaturi għandu jkun fil-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara l-ħsad. ”
Ġie deċiż li din id-dispożizzjoni tiġi riveduta u tiżdied data tal-ftuħ tal-kummerċjalizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-produtturi jirrispettaw biżżejjed iż-żmien għat-tnixxif. Id-data tal-bidu tal-kummerċjalizzazzjoni għandha tiġi ffissata mill-grupp li jibbażaha fuq l-analiżi tal-kampjuni tat-tewm rappreżentattivi taż-żona ġeografika kollha.
Id-data massima tal-kummerċjalizzazzjoni hija posposta mill-aħħar ta’ Marzu sal-aħħar ta’ Mejju. L-iżviluppi fit-tagħmir għall-preservazzjoni, b’mod partikolari l-ħżin fil-kesħa, jippermettu ħajja itwal fuq l-ixkaffa, mingħajr ebda impatt fuq il-prodott lest.
Bis-saħħa tad-data tal-31 ta’ Mejju, jiġi żgurat li t-tewm ta’ żewġ kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni differenti ma jkunx fis-suq fl-istess ħin.
— L-intestatura “Rabta”
Din it-taqsima nkitbet mill-ġdid kompletament sabiex tintwera aħjar ir-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi speċifiċi tal-“Ail rose de Lautrec”. Ġiet riformulata mill-ġdid ukoll f’konformità mar-rekwiżiti attwali dwar l-abbozzar ta’ din it-taqsima.
Din ir-rabta hija bbażata fuq ir-rabta kawżali inizjalment deskritta fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali:
L-elementi li jikkonċernaw l-assoċjazzjoni tat-territorju mal-prattiki lokali huma inklużi fil-paragrafu dwar il-“fatturi naturali u umani”.
Fir-rigward tas-sentenza relatata mal-fatt li l-prodott jispikka f’termini ta’ kulur, preservazzjoni u kwalitajiet tat-togħma: l-elementi li jikkonċernaw il-kulur u l-preservazzjoni huma inklużi fil-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott. Tħassar il-kunċett tal-kwalità tat-togħma, peress li dan jirreferi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott l-antika tal-Label Rouge u l-ODG ma għandu l-ebda analiżi sensorjali biex juri dan.
L-elementi tal-valutazzjoni ġew aġġornati u inklużi fir-rabta kawżali fil-paragrafu dwar il-prova tar-reputazzjoni.
Il-paragrafu dwar iż-żrieragħ imkabbra f’ħamrija differenti tħassar għax ma għadux jikkorrispondi għar-rekwiżiti għall-abbozzar tar-rabta mal-ambjent ġeografiku, u lanqas ma huwa bbażat fuq xi studji identifikati.
Żdiedet is-sentenza li ġejja mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u mad-Dokument Uniku:
“Ir-rabta maż-żona ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott u l-kwalità mogħtija lilu mill-fatturi naturali u umani li jikkaratterizzaw iż-żona ġeografika. ”
Il-karatteristiċi speċifiċi taż-żona ġeografika (fatturi naturali u umani) ġew issupplimentati.
Il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott huma fformulati kif ġej:
“L-‘Ail rose de Lautrec’ huwa tewm niexef alternattiv b’raqda estiża.
Huwa kkaratterizzat primarjament mill-kulur roża tal-qoxra tas-snien tiegħu, li jidher mill-aħħar żewġ qoxriet tal-basla.
Il-basal għandhom forma uniformi, mingħajr snien żejda u ta’ daqs minimu ta’ 40 mm. Il-bont iffjurit qiegħed fin-nofs tal-basla. Din l-ispeċifiċità hija l-bażi tal-preżentazzjoni tal-‘Ail rose de Lautrec’ fil-forma tradizzjonali ta’ għanqud jew ‘manouille’ (qatgħa).
Għandu kapaċità tajba ta’ konservazzjoni, b’hekk jista’ jiġi kkumerċjalizzat minn Lulju sa Mejju (tas-sena ta’ wara l-ħsad). ”
Żdiedet ir-rabta kawżali li tikkaratterizza r-rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika tiegħu, li tistabbilixxi r-rabta bejn il-fatturi naturali u umani u l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott.
5.2. Emendi għall-formulazzjoni
Sommarju u Annessi: Is-sommarju tħassar sabiex jikkonforma mal-istruzzjonijiet fis-seħħ fil-livell nazzjonali għall-armonizzazzjoni tal-abbozzar tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott.
L-Annessi kollha tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott irreġistrata tħassru billi dawn huma illustrazzjonijiet li mhumiex essenzjali għall-fehim tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Fl-intestatura “Awtorità kompetenti tal-Istat Membru”, żdiedu d-dettalji ta’ kuntatt tal-Istitut Nazzjonali tal-Kwalità u tal-Oriġini (INAO, Institut national de la qualité et de l'origine) bħala l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
Fl-intestatura “Grupp applikant”, id-dettalji tal-grupp applikant ġew aġġornati. Titħassar il-parti deskrittiva rigward il-grupp applikant. L-għadd ta’ membri u l-lista tal-cantons jew tal-muniċipalitajiet tħassru minn din it-taqsima, u din tal-aħħar diġà tidher taħt l-intestatura “Żona ġeografika”. Il-lista ta’ kumpaniji downstream titħassar ukoll billi tirreferi għal Label Rouge 02-66.
Fir-rigward il-kompożizzjoni tal-grupp u l-istat legali tiegħu, dawn tħallew sostanzjalment l-istess. Il-grupp dejjem jiġbor flimkien lill-produtturi-imballaturi tat-tewm u l-impjanti tal-imballaġġ.
Fl-intestatura “Tip ta’ prodott”, id-dispożizzjoni ġiet riveduta biex issir konformi man-nomenklatura attwalment fis-seħħ.
Fl-intestatura “Korp ta’ spezzjoni”, skont l-istruzzjonijiet fis-seħħ fil-livell nazzjonali għall-armonizzazzjoni tal-formulazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ ċertifikazzjoni tħassru. Il-pjan ta’ kontroll fil-forma ta’ tabella li turi l-proċeduri ta’ kontroll “tekniku”, “tal-kwalità”, “l-awtoverifika” u “l-verifiki mwettqa mill-korp ta’ ċertifikazzjoni” jitħassar ukoll. Issa din l-intestatura ssemmi d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-verifika fil-livell Franċiż: l-Istitut Nazzjonali għall-Oriġini u l-Kwalità (INAO) u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Prevenzjoni tal-Frodi (DGCCRF, Direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes). L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit tal-INAO u fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni kollha dwar il-kontrolli tal-operaturi hija elenkata fil-pjan ta’ spezzjoni li jikkorrispondi mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-IĠP “Ail rose de Lautrec”.
Fl-intestatura “Tikkettar”,
Ir-referenzi għar-Regolament Tekniku Nru 02-66 (Label Rouge) jitħassru:
|
— |
“- Referenza għall-Kummissjoni Nazzjonali dwar it-Tikketti |
|
— |
Ir-rettangolu tal-istandardizzazzjoni |
|
— |
Il-logo Label Rouge u n-numru tal-approvazzjoni tiegħu” |
Ir-referenzi għall-“ Arqualim ” jitħassru, u l-kontrolli issa qed isiru minn korp ta’ kontroll taħt l-awtorità tal-INAO.
L-obbligu li titwaħħal id-data tal-imballaġġ għall-boroż u x-xbieki jitħassar; it-traċċabbiltà diġà hija ggarantita bit-twaħħil ta’ numru uniku fuq kull tikketta.
Jiġu pprovduti stickers għall-basal tat-tewm li jistgħu jinbiegħu waħda waħda. L-għan ta’ dawn it-tikketti huwa li jiġi identifikat il-prodott u jagħmluh aktar rikonoxxibbli għall-konsumatur.
It-tikketti u l-imballaġġi enumerati kollha jitqassmu mill-ODG sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji tat-tikkettar u biex jiġi żgurat li t-tikketti jaqblu.
Fl-intestatura “Rekwiżiti nazzjonali”, fid-dawl tal-iżviluppi leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali:
|
— |
Ir-referenzi għal-Label Rouge Nru 02-66 jitħassru; |
|
— |
L-intestatura “Rekwiżiti nazzjonali” hija ppreżentata fil-forma ta’ tabella bil-punti ewlenin li għandhom jiġu vverifikati u l-metodu ta’ evalwazzjoni tagħhom. |
DOKUMENT UNIKU
“Ail rose de Lautrec”
PGI-FR-0193-AM01 – 30.3.2021
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)
“Ail rose de Lautrec”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6 “Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati”
- Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
0703 — Basal, xalott, tewm, kurrat u ħaxix ieħor tal-grupp tat-tewm, friski jew imkessħin |
|
— |
0703 20 00 — Tewm |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
L-“Ail rose de Lautrec” huwa tewm roża alternattiv b’raqda estiża, mibjugħ niexef. Huwa prodott mill-varjetajiet Edenrose, Goulurose, Ibérose, Jardirose u Rose de Lautrec.
Għandu kapaċità naturali tajba ta’ konservazzjoni.
Il-qoxra tas-snien tat-tewm tiegħu ssir roża meta l-basla tkun niexfa.
Huwa kkaratterizzat minn daqs ugwali għal 40 mm jew akbar, forma regolari u tonda tal-basla tiegħu magħmula minn diversi snien (minn 8 sinniet sa 12-il sinna viżibbli minn barra). Il-basal tat-tewm huma ppreżentati sħaħ, sodi, kemxejn irrigati, mingħajr snien żejda u b’tal-inqas qoxra waħda ta’ barra, u s-snien huma marsusin.
L-għeruq jinqatgħu daqs xulxin, mingħajr ma ssir ħsara lill-bażi tal-għeruq u mingħajr ma din tinkixef.
L-“Ail rose de Lautrec” jista’ jkun:
|
— |
Li titneħħielu qoxra waħda jew tnejn biex tkun tista’ tidher il-qoxra proprja, fejn il-qxur li jifdal jipproteġu l-basla tat-tewm mill-impatti. |
|
— |
Li jitqaxxar u titħallielu qoxra waħda jew tnejn biex ikun jista’ jidher il-kulur roża tas-sinna tat-tewma. |
Fi tmiem iċ-ċiklu tat-tkabbir, joħroġ bont iffjurit min-nofs li jkollu fjura inflorexxenti sterili.
Il-basal tat-tewm m’għandux ikollu difetti fid-dehra (xi ħaġa li tikber fuqhom, aggressuri bijoloġiċi, impatti u daqqiet tas-skieken, difetti kawża tat-tqaxxir u difetti oħra). Il-qoxra ta’ barra jista’ jkollha xquq irqaq.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-kultivazzjoni, it-tqaxxir u t-tnixxif isiru fiż-żona ġeografika.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
L-“Ail rose de Lautrec” jista’ jiġi kkummerċjalizzat fil-forma ta’ preżentazzjonijiet tradizzjonali bħal għenieqed (magħruf ukoll bħala “manouille”) u qatet.
L-“Ail rose de Lautrec” jiġi imballat fiż-żona ġeografika fi trejs, kontenituri, boroż jew xbieki.
L-imballaġġ fiż-żona ġeografika huwa essenzjali sabiex jinżammu l-kwalitajiet tal-“Ail rose de Lautrec”, minn naħa, biex jiġu ppreservati l-kwalitajiet viżivi tiegħu u, min-naħa l-oħra, biex tiġi ppreservata l-kwalità tas-saħħa tiegħu.
L-“Ail rose de Lautrec” huwa sensittiv ħafna għall-impatti, u jeħtieġ viġilanza partikolari min-naħa tal-operaturi fl-istadji kollha tal-produzzjoni, b’mod partikolari fil-mument tal-imballaġġ. It-tewm jiġi mmaniġġjat b’attenzjoni u mill-inqas possibbli sabiex jiġu limitati l-impatti u tiġi ppreservata l-qoxra ta’ barra tal-basal tat-tewm. L-“Ail rose de Lautrec” jinżamm ukoll f’kundizzjonijiet definiti (kamra kiesħa jew f’ilqugħ mix-xemx u temp ħażin), u b’hekk tiġi ppreservata s-saħħa tajba tal-prodott.
Barra minn hekk, l-imballaġġ jiddependi fuq l-għarfien espert lokali tal-operaturi, li jgħin ukoll biex jiġu stabbiliti u ppreservati l-karatteristiċi tal-“Ail rose de Lautrec” permezz ta’:
|
— |
l-issortjar u l-għażla bir-reqqa tal-basal tat-tewm, li jippermettu preżentazzjonijiet uniformi fil-kulur, fid-daqs u fil-forma. Din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiddefinixxi d-daqsijiet u l-piżijiet awtorizzati għal kull tip ta’ imballaġġ awtorizzat u tiddefinixxi wkoll id-differenzi massimi fid-daqs u l-kulur tal-irbit u tax-xbieki għal ċertu imballaġġ; |
|
— |
il-pożizzjonament tal-basal tat-tewm biex jinkiseb imballaġġ imfassal biex jiflaħ għall-immaniġġjar u jiġi evitat li l-basal tat-tewm iġarrab impatti matul il-kummerċjalizzazzjoni: it-trassis tal-faxxini tal-għenieqed u l-qatet biex jinkiseb arranġament riġidu, bl-irbit kemm jista’ jkun qrib il-basal tat-tewm fil-boroż, ix-xbieki u l-kontenituri, u l-basal tat-tewm jitqiegħdu marsusin fit-trejs. |
L-għenieqed, il-qatet, il-boroż ta’ 5 kg u t-trejs jitħejjew fl-azjendi bl-użu tal-għarfien espert tal-produtturi. It-tewm f’għanqud jew “manouille” huwa l-imballaġġ tradizzjonali tal-“Ail rose de Lautrec” u huwa speċifiku ħafna għal din iż-żona ġeografika.
L-imballaġġ fiż-żona jiffaċilita wkoll it-traċċabbiltà u l-kontroll tal-prodotti.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
It-tikketta għandha tinkludi:
|
— |
in-numru uniku tal-imballaġġ |
|
— |
l-isem jew il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-imballatur jew tal-produttur |
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika.
Iż-żona ġeografika tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin fid-département ta’ Tarn:
Aguts, Algans, Appelle, Aussac, Bannieres, Belcastel, Bertre, Blan, Briatexte, Brousse, Busque, Cabanes, Cadalen, Cambon Les Lavaur, Cambounet sur le Sor, Carbes, Carlus, Castres, Cuq, Cuq Toulza, Damiatte, Denat, Fenols, Fiac, Frejeville, Garrigues, Graulhet, Guitalens l’Albarede, Jonquieres, Labastide Denat, Labessiere Candeil, Laboulbene, Laboutarie, Lacougotte Cadoul, Lacroisille, Lamillarie, Lasgraisses, Lautrec, Lavaur, Le Sequestre, Lombers, Magrin, Marzens, Massac Seran, Maurens Scopont, Missecle, Montcabrier, Montdragon, Montfa, Montgey, Montpinier, Moulayres, Mouzens, Orban, Pechaudier, Peyregoux, Poudis, Poulan Pouzols, Prades, Pratviel, Puechoursi, Puybegon, Puycalvel, Puylaurens, Realmont, Roquevidal, Rouffiac, Salies, Semalens, Servies, Sieurac, Saint Agnan, Saint Gauzens, Saint Genest De Contest, Saint Germain Des Pres, Saint Germier, Saint Julien Du Puy, Saint Paul Cap De Joux, Saint Sernin Les Lavaur, Teulat, Teyssode, Veilhes, Venes, Vielmur Sur Agout, Villeneuve Les Lavaur, Viterbe, Viviers Les Lavaur.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta maż-żona ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni u l-kwalità tal-prodott minħabba l-fatturi naturali u umani li jikkaratterizzaw iż-żona ġeografika.
Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Ail rose de Lautrec” tinsab fid-département ta’ Tarn, iċċentrat madwar il-muniċipalità ta’ Lautrec. Il-ħamrija hija taflija u kalkarja mingħajr ċagħaq kbir. Dawn jiġu skulati tajjeb b’mod naturali. Il-klima taż-żona hija sub-Mediterranja. Ir-riħ t’Autant (ir-riħ mix-Xlokk) jonfoħ ta’ spiss ħafna. Dan jirriżulta f’temperaturi moderati u jillimita l-preċipitazzjoni.
L-“Ail rose de Lautrec” jitħawwel mill-aħħar ta’ Novembru. Għandu l-kwalità partikolari li joħroġ bont iffjurit riġidu. Sabiex jiġi ottimizzat it-tkabbir tal-basla tat-tewm, il-produtturi jaqtgħu l-bont (jew “qtugħ tal-bont iffjurit”). Il-ħsad isir mas-sajran u t-tnixxif jista’ jsir b’mod tradizzjonali “fuq il-vireg” jew permezz ta’ ventilazzjoni dinamika.
L“Ail rose de Lautrec” huwa tewm niexef u alternattiv b’raqda estiża. Huwa kkaratterizzat primarjament mill-kulur roża tal-qoxra tas-snien tat-tewm tiegħu, li jidhru mill-aħħar żewġ qoxriet tal-basla.
Il-basal għandhom forma uniformi, mingħajr snien żejda u ta’ daqs minimu ta’ 40 mm. Il-bont iffjurit qiegħed fin-nofs tal-basla. Din l-ispeċifiċità hija l-bażi għall-preżentazzjoni tal-“Ail rose de Lautrec” fil-forma tradizzjonali ta’ għanqud jew “manouille”.
Għandu kapaċità tajba ta’ konservazzjoni, b’hekk jista’ jiġi kkumerċjalizzat minn Lulju sa Mejju (tas-sena ta’ wara l-ħsad).
Il-karatteristiċi naturali taż-żona marbuta mal-għarfien espert tal-produtturi u tal-impjanti tal-imballaġġ jagħtu lill-prodott lest kwalità rikonoxxuta mill-konsumaturi, li tikkontribwixxi għar-reputazzjoni tal-“Ail rose de Lautrec”.
L-ewwel nett, l-“Ail rose de Lautrec” huwa kkaratterizzat mill-kulur tiegħu. Dan huwa dovut għall-użu ta’ varjetajiet derivati minn popolazzjonijiet lokali li jiżviluppaw kulur roża fuq il-qoxra tal-basal tat-tewm, flimkien ma’ ħsad mas-sajran u kundizzjonijiet adatti ta’ tnixxif. Il-kulur roża fil-fatt jidher biss fl-istadju fiżjoloġiku li jikkorrispondi mal-istadju ottimali tas-sajran tal-basla; bi ħsad bikri, il-pjanta ma tiżviluppax din il-karatteristika, li tawmenta matul il-proċess tat-tnixxif. L-għarfien espert tal-produtturi mbagħad huwa espress b’mod partikolari fl-għażla tad-data tal-ħsad u l-osservazzjoni bir-reqqa tal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-pjanta.
Il-ħamrija taflija u kalkarja fiż-żona ġeografika hija partikolarment adattata għall-kultivazzjoni tal-“Ail rose de Lautrec”. Peress li ma fihiex ċagħaq kbir, din tippermetti wkoll li l-basla tat-tewm tiżviluppa b’mod uniformi u mingħajr xkiel. L-istrutturar tajjeb tagħha jippermetti li l-pjanta jkollha għeruq fondi kif ukoll ilma u nutriment minerali adegwati. Il-karatteristiċi tal-ħamrija jillimitaw l-ilma żejjed, li mhuwiex tajjeb għall-għalla u li jwassal għal attakki minn xi aggressuri bijoloġiċi.
Il-klima taż-żona tippermetti wkoll li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-għalla, bis-saħħa ta’:
|
— |
ħarifa pjuttost niexfa, li tagħmilha possibbli li l-ħamrija tiġi ppreparata bl-aktar mod effettiv possibbli u b’hekk jiġu limitati r-riskji assoċjati ma’ ċertu mard jew problemi fiżjoloġiċi; |
|
— |
xtiewi ħfief li jwasslu għall-ħruġ mir-raqda u għas-sodisfazzjon tal-ħtieġa tal-ksieħ għall-għalla, mingħajr ma tiġi kkawżata ħsara marbuta mal-ġlata; |
|
— |
it-tisħin tal-ħamrija u r-ritorn ta’ xita sinifikanti lejn tmiem ix-xitwa, biex il-pjanta tibda tikber b’mod attiv u tissodisfa dawn il-ħtiġijiet; |
|
— |
kundizzjonijiet tat-temp aktar moderati fil-bidu tas-sajf flimkien mar-riħ sħun u xott ta’ Autan, li jwasslu għal sajran u tnixxif biex jiġu limitati l-attakki minn aggressuri bijoloġiċi. |
Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi jiffavorixxu l-produzzjoni ta’ basal kbir u regolari, mingħajr snien żejda, sod u mingħajr difetti fid-dehra jew fl-iżvilupp.
L-istat tajjeb tas-saħħa tal-“Ail rose de Lautrec” huwa dovut ukoll għall-iżvilupp ta’ prattiki ta’ kultivazzjoni adottati mill-produtturi fiż-żona ġeografika biex jitnaqqas it-tixrid tal-mard: in-newba tal-għelejjel u l-projbizzjoni ta’ ċerti kultivazzjonijiet preċedenti, l-iffissar tad-dati tat-tħawwil u l-fertilizzazzjoni xierqa.
L-“Ail rose de Lautrec” għandu kapaċità tajba ta’ konservazzjoni bis-saħħa tal-użu ta’ varjetajiet speċifiċi b’raqda estiża (żvilupp tardiv tal-ġelbin), u l-għarfien espert tal-operaturi biex jillimitaw l-impatti fid-diversi stadji tal-immaniġġjar (il-ħsad, l-issortjar/it-tqassim skont id-daqs u l-imballaġġ).
It-tnixxif huwa wkoll pass essenzjali biex jiġi żgurat li l-prodott jiġi ppreservat matul il-perjodu ta’ kummerċjalizzazzjoni u jippermetti li t-tewm jiżviluppa l-kulur roża tiegħu. Perjodu minimu ta’ tnixxif u ambjent adatt jgħinu biex l-ilma jonqos b’tal-inqas 25 % tal-massa tal-prodott maħsud.
Bl-għarfien espert tal-produtturi waqt it-tqaxxir manwali, tista’ tinkiseb basla nadifa u jkun jista’ jfeġġ il-kulur roża tas-snien tat-tewm, meta dan jitqaxxar sal-aħħar qoxra. Dan ix-xogħol metikoluż ħafna jeħtieġ li tinkiseb kompetenza kbira sabiex ma ssirx ħsara lill-basla, jiġu ppreservati l-qxur ta’ barra mhux imqattgħin u l-għeruq jinqatgħu qosra filwaqt li tiġi ppreservata l-bażi tal-għeruq.
Matul dan l-istadju, il-produttur irid jillimita wkoll l-impatti, il-ħsarat jew it-tbenġil li għalihom l-“Ail rose de Lautrec” huwa sensittiv ħafna, sabiex inaqqas, b’mod partikolari, il-punt tad-dħul għal ċerti aggressuri bijoloġiċi.
Billi jintużaw varjetajiet li għandhom bont iffjurit riġidu, ikunu jistgħu jitħejjew bl-idejn preżentazzjonijiet tradizzjonali fil-forma ta’ għanqud jew “manouille”. Dan l-imballaġġ isir fl-azjenda. Dan sawwar ir-reputazzjoni tal-“Ail rose de Lautrec” u jeħtieġ l-għarfien espert tal-produtturi stess.
Il-passi manwali kollha meħtieġa għall-imballaġġ jagħmluha possibbli li l-basal jitqiegħed marsus biex jiġu limitati l-impatti waqt il-kummerċjalizzazzjoni. Jiggarantixxu wkoll produzzjoni ta’ preżentazzjonijiet li huma viżwalment uniformi fid-daqs, fil-forma u fil-kulur permezz ta’ għażla rigoruża tal-basal tat-tewm.
Il-festival annwali tal-“Ail rose de Lautrec” twaqqaf mis-Syndicat de l’Ail Rose de Lautrec fil-bidu tas-snin sebgħin biex jiċċelebra l-bidu tal-kummerċjalizzazzjoni. Il-kompetizzjoni għall-aktar “manouille” sabiħa għadha fil-programm tal-festival. Dan il-festival tradizzjonali sar avveniment essenzjali ta’ Tarn, li jlaqqa’ flimkien aktar minn 10 000 viżitatur kull sena.
Xi 10 snin ilu, ir-raħal ta’ Lautrec ingħata wkoll it-tikketta “Site remarquable du goût” (“Sit rinomat għat-togħma”), bis-saħħa tar-reputazzjoni tat-tewm tiegħu.
Din ir-reputazzjoni tiġi promossa regolarment fl-istampa. F’Awwissu 1993, il-gazzetta Tarn infos iddeskriviet l-“Ail rose de Lautrec” bħala l-“ġojjell tal-ekonomija lokali”. Fl-edizzjoni tagħha ta’ Mejju/Ġunju 2008, ir-rivista La vie du jardin semmiet “il-fama tal-‘Ail rose de Lautrec’, magħruf għat-togħma, l-aroma delikata u l-preservazzjoni tajba tiegħu”, u r-rivista Magnétic news tonora l-“Ail rose de Lautrec” fit-taqsima tagħha “L’épicerie de Rungis”, fejn tiddeskrivih bħala “l-aktar tewm raffinat”, “il-favorit tal-esperti fil-gastronomija” u tiżgura li huwa tewm “imfittex ħafna mill-koki l-kbar u apprezzat mill-esperti fil-gastronomija raffinati”.
L-“Ail rose de Lautrec” spiss jintuża fir-riċetti, kemm lokali jew ta’ koki kbar. Fl-2011, Gilles Goujon (kok bl-istilel Michelin), intervistat fir-rivista Magnetic news, qies l-“Ail rose de Lautrec” bħala “l-uniku wieħed li jistħoqqlu tintuża fl-Haute Cuisine”. F’artiklu ppubblikat f’Ottubru 2011 fuq is-sit Nuntrissime.com, il-kok bl-istilel Michelin Alain Ducasse wkoll ta prominenza lill-“Ail rose de Lautrec”: “Ilni nuża l-‘Ail rose de Lautrec’ għal żmien twil ħafna fil-kċina tiegħi għax għalija m’hemmx tewm ta’ kwalità daqshekk tajba.”. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Ail rose de Lautrec” huma riflessi fil-valur ekonomiku ogħla tiegħu meta mqabbel ma’ tewm ieħor. Hemm żieda fil-valur ta’ 4 EUR għal kull kilo meta mqabbel mat-tewm abjad mingħajr indikazzjoni ġeografika.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://extranet.inao.gouv.fr/fichier/CDC-IGPAilRoseLautrec20240422.pdf
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/753/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)