Brussell, 4.3.2024

COM(2024) 94 final

2024/0050(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Din il-proposta tikkonċerna l-iffirmar ta’ Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record, PNR) (minn hawn’ il quddiem “il-Ftehim”).

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (passenger name record, PNR) hija informazzjoni pprovduta mill-passiġġieri u miġbura minn u miżmuma fis-sistemi ta’ prenotazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq tat-trasportaturi tal-ajru għall-finijiet kummerċjali tagħhom stess. Il-kontenut tad-data tal-PNR ivarja skont l-informazzjoni mogħtija matul il-proċess tal-prenotazzjoni u taċ-check-in u jista’ jinkludi, pereżempju, id-dati tal-ivvjaġġar u l-itinerarju sħiħ tal-ivvjaġġar tal-passiġġier jew tal-grupp ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw flimkien, id-dettalji ta’ kuntatt bħall-indirizz u n-numru tat-telefown, l-informazzjoni dwar il-ħlas, in-numru tas-sit u l-informazzjoni dwar il-bagalji.

Il-ġbir u l-analiżi tad-data tal-PNR jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet b’elementi importanti li jippermettulhom jiskopru xejriet ta’ vvjaġġar suspettużi u jidentifikaw l-assoċjati tal-kriminali u tat-terroristi, b’mod partikolari dawk li qabel ma kinux magħrufa mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Għaldaqstant, l-ipproċessar tad-data tal-PNR sar għodda tal-infurzar tal-liġi użat b’mod wiesa’, fl-UE u lil hinn minnha, biex jinkixfu t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja, bħal reati relatati mad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali tat-tfal, u biex jiġi evitat it-twettiq ta’ tali kriminalità. Wera wkoll li jikkostitwixxi sors importanti ta’ informazzjoni biex jappoġġa l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet fejn ikunu twettqu tali attivitajiet illegali 1 .

Il-leġiżlazzjoni Kanadiża tobbliga lit-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet tal-passiġġieri lejn il-Kanada jipprovdu lill-Canada Border Services Agency (CBSA) b’data tal-PNR, qabel il-wasla tal-passiġġieri fil-Kanada sa fejn tali data tinġabar u tinżamm fis-sistemi awtomatizzati ta’ prenotazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq tat-trasportaturi tal-ajru fil-kors normali tan-negozju tagħhom. Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li ttejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċità tas-CBSA li twettaq valutazzjoni effiċjenti u effettiva tar-riskju tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri minn qabel u li tiffaċilita l-ivvjaġġar bona fide, u b’hekk issaħħaħ is-sigurtà tal-Kanada fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità tranżnazzjonali serja oħra.

L-UE tikkoopera mal-Kanada fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità tranżnazzjonali serja oħra u tqis it-trasferiment tad-data tal-PNR lill-Kanada bħala mezz biex titrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi.

Għal dan l-għan, il-Komunità Ewropea ffirmat Ftehim fl-2005 mal-Kanada dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR 2 . Il-Ftehim daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Marzu 2006 u kien ibbażat fuq (i) serje ta’ Impenji li s-CBSA tat dwar il-mod kif tipproċessa d-data tal-PNR u (ii) deċiżjoni ta’ adegwatezza maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea li kkunsidrat l-Impenji tas-CBSA biex tipprovdi protezzjoni adegwata tad-data personali 3 . L-impenji tas-CBSA u d-deċiżjoni ta’ adegwatezza skadew fit-22 ta’ Settembru 2009.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Istati Membri ħadu fuqhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li jkomplu għaddejjin it-trasferimenti tad-data tal-PNR lill-Kanada matul dan il-perjodu interim, filwaqt li s-CBSA kkonfermat lill-Istati Membri, lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni li se tkompli timplimenta l-Impenji tagħha għal tali perjodu interim kif inhu meħtieġ sabiex jiġi nnegozjat u konkluż ftehim fit-tul bejn l-UE u l-Kanada.

Fl-2010, l-UE fetħet negozjati mal-Kanada bl-għan li tikkonkludi Ftehim ġdid li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-qafas li skontu t-trasportaturi tal-ajru jistgħu jittrasferixxu lis-CBSA d-data tal-PNR tal-passiġġieri li jtiru bejn l-UE u l-Kanada. L-abbozz ta’ Ftehim ġdid mal-Kanada ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014 u ppreżentat mill-Kunsill għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Lulju 2014. Fit-30 ta’ Jannar 2015, il-Parlament Ewropew talab l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-Ftehim PNR previst mal-Kanada huwiex kompatibbli mat-Trattati u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fis-26 ta’ Lulju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tat l-Opinjoni 1/15 4 u ddikjarat li l-Ftehim PNR previst bejn il-Kanada u l-UE ma setax jiġi konkluż fil-forma tiegħu minħabba li bosta mid-dispożizzjonijiet tiegħu ma kinux kompatibbli mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-UE, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data u r-rispett għall-ħajja privata. Il-Qorti sostniet ukoll li jenħtieġ li l-bażi legali ta’ tali Ftehim tkun il-kombinazzjoni tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE u l-Artikolu 16(2) TFUE.

Wara l-ħruġ ta’ din l-Opinjoni, l-UE u l-Kanada fetħu negozjati ġodda bil-għan li jiffirmaw Ftehim ġdid b’mod li jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Qorti. In-negozjati mal-Kanada bdew fl-20 ta’ Ġunju 2018 u, f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati, iffukaw fuq l-aspetti meħtieġa biex jinsiltu l-konsegwenzi mill-Opinjoni msemmija.

Wara s-seba’ u l-aħħar ċiklu, li sar fl-4 ta’ Lulju 2023, in-negozjaturi laħqu ftehim preliminari fil-11 ta’ Ottubru 2023. In-negozjaturi ewlenin inizjalaw l-abbozz tat-test tal-Ftehim fis-27 ta’ Novembru 2023.

Il-koleġiżlaturi ġew infurmati u kkonsultati regolarment fl-istadji kollha tan-negozjati, b’mod partikolari billi rrappurtaw lill-grupp ta’ ħidma responsabbli tal-Kunsill u lill-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew. Qabel l-inizjalar tiegħu, l-abbozz finali tat-test tal-ftehim ġie wkoll kondiviż.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet il-linji ġenerali tal-politika esterna tal-UE dwar il-PNR f’Komunikazzjoni tal-2003 dwar l-approċċ tal-UE lejn it-trasferimenti tad-data tal-PNR mill-UE lil pajjiżi terzi 5 , li ġew riveduti f’Komunikazzjoni adottata fl-2010 6 .

Bħalissa hemm tliet ftehimiet internazzjonali fis-seħħ bejn l-UE u pajjiżi terzi, jiġifieri l-Awstralja 7 , l-Istati Uniti (2012) 8 u r-Renju Unit (2020) 9 li jkopru t-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR mill-UE. Minbarra n-negozjati mal-Kanada, il-Kummissjoni hija awtorizzata tinnegozja ftehimiet tal-PNR mal-Messiku u l-Ġappun u, f’Settembru 2023, irrakkomandat ukoll il-ftuħ ta’ negozjati man-Norveġja 10 , l-Iżlanda 11 u l-Iżvizzera 12 .

Fl-2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva (UE) 2016/681 dwar l-użu tad-data tal-PNR għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (“id-Direttiva dwar il-PNR”) 13 . Din id-Direttiva tirregola t-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR fl-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi salvagwardji importanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-817/19 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE kkonfermat il-validità ta’ din id-Direttiva mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u t-Trattati tal-Unjoni 14 .

Fil-livell internazzjonali, għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi terzi bdew jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom biex jiġbru d-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru. Din ix-xejra hija xprunata ulterjorment minn Riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (fl-2017 u fl-2019), li jobbligaw li l-Istati kollha jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru u jużaw id-data tal-PNR 15 , li abbażi tagħha ġew adottati Standards u Prattiki Rakkomandati dwar il-PNR (Standards and Recommended Practices, SARPs) mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organization, ICAO) fl-2020, permezz tal-Emenda 28 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago li saret applikabbli fi Frar 2021 16 .

Il-pożizzjoni tal-Unjoni, kif stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/121, tilqa’ l-SARPs tal-ICAO dwar il-PNR bħala li jistabbilixxu salvagwardji ambizzjużi dwar il-protezzjoni tad-data u b’hekk jippermettu li jsir progress sinifikanti fil-livell internazzjonali. Fl-istess ħin, din id-Deċiżjoni tal-Kunsill qieset, billi talbet lill-Istati Membri jirreġistraw differenza, li r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (inkluża l-ġurisprudenza rilevanti), huma aktar eżiġenti minn ċerti Standards tal-ICAO, u li t-trasferimenti mill-UE lil pajjiżi terzi jirrikjedu bażi legali li tistabbilixxi regoli u salvagwardji ċari u preċiżi fir-rigward tal-użu tad-data tal-PNR mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz 17 . Fid-dawl ta’ dan, fuq talba mill-Kunsill 18 , il-Kummissjoni bdiet tikkunsidra li t-turija ta’ konformità mal-Istandards tal-PNR tal-ICAO hija element importanti li għandu jitqies meta wieħed jidħol fi djalogu dwar il-PNR ma’ kwalunkwe pajjiż terz.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

L-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjoni li “tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.” Peress li l-għan tal-proposta huwa li tingħata awtorizzazzjoni biex il-ftehim jiġi ffirmat, il-bażi legali proċedurali hija l-Artikolu 218(5) TFUE. Il-proposta għandha żewġ għanijiet u komponenti ewlenin, wieħed relatat mal-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika permezz tat-trasferiment tad-data tal-PNR lill-Kanada u l-ieħor mal-protezzjoni tal-privatezza u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra tal-individwi. Għalhekk il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

•Proporzjonalità

L-objettivi tal-Unjoni fir-rigward ta’ din il-proposta kif stabbiliti hawn fuq jistgħu jintlaħqu biss billi tiġi stabbilita bażi legali valida fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat li tingħata protezzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali lit-trasferimenti ta’ data personali mill-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-ftehim huma limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tiegħu u jinstab bilanċ ġust bejn l-objettiv leġittimu li tinżamm is-sigurtà pubblika u d-dritt ta’ kull persuna għat-tgawdija tal-protezzjoni tad-data personali u l-ħajja privata.

•Għażla tal-istrument

Il-Kapitolu V tar-Regolament 2016/679 19 (“GDPR”) jitlob li kwalunkwe trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni lil pajjiżi terzi jkun ibbażat fuq strument validu li jistabbilixxi salvagwardji xierqa. Il-Ftehim preżenti jikkostitwixxi wieħed minn dawk l-istrumenti, jiġifieri strument legalment vinkolanti u infurzabbli bejn l-awtoritajiet pubbliċi previst fl-Artikolu 46(2)(a) ta’ dak ir-Regolament.

•Drittijiet fundamentali

L-iskambju ta’ data tal-PNR u l-ipproċessar tagħha mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jikkostitwixxu interferenza mad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Madankollu, il-Ftehim jiżgura n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ kwalunkwe interferenza bħal din fid-dawl tal-għanijiet leġittimi tal-ipproċessar tad-data personali, jiġifieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kriminalità serja u terroriżmu. Dan huwa ggarantit mill-applikazzjoni ta’ salvagwardji adegwati tal-protezzjoni tad-data fejn tidħol id-data personali trasferita u pproċessata, f’konformità mad-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.    

3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja fuq il-baġit tal-Unjoni.

4.ELEMENTI OĦRA

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Ftehim li jirriżulta min-negozjati fih diversi salvagwardji importanti għal dawk il-persuni li d-data tagħhom se tiġi trasferita lill-Kanada u pproċessata fiha. F’allinjament sħiħ mar-rekwiżiti tal-imsemmija Opinjoni tal-Qorti u d-direttivi ta’ negozjati, id-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tan-negozjati kienu b’mod partikolari:

Artikolu 3: l-iskopijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data tal-PNR ikunu deskritti b’mod ċar u preċiż;

Artikolu 8: l-ipproċessar ta’ data sensittiva mill-Kanada huwa pprojbit skont il-Ftehim. Jekk il-Kanada tirċievi tali informazzjoni bħala parti mid-data tal-PNR skont il-Ftehim, it-tħassir huwa meħtieġ ukoll;

Artikolu 10: is-sorveljanza tal-konformità tal-Kanada ma’ dawn ir-regoli għandha tiġi eżerċitata minn awtoritajiet pubbliċi indipendenti;

Artikolu 11: l-individwi jiġu nnotifikati dwar l-użu tal-PNR tagħhom;

Artikolu 12: l-individwi jistgħu jaċċessaw (biss) id-data tal-PNR tagħhom stess u jingħataw id-dritt għal korrezzjoni, ir-rimedju u l-informazzjoni;

Artikolu 15: l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR se jkun ibbażat biss fuq kriterji mhux diskriminatorji u affidabbli;

Artikolu 16: il-perjodu massimu ta’ żamma ta’ 5 snin se jiġi kkombinat ma’ rekwiżit li titħassar id-data wara d-data tat-tluq tal-passiġġieri, sakemm valutazzjoni tar-riskju ma tindikax li hemm konnessjoni bbażata fuq elementi oġġettivi li minnhom jista’ jiġi dedott li d-data tal-PNR tista’ tagħti kontribut effettiv biex jiġu indirizzati l-għanijiet tal-Ftehim, flimkien mar-rekwiżit li l-Kanada tirrieżamina l-valutazzjoni tagħha kull sentejn;

Artikolu 17: kwalunkwe użu tad-data tal-PNR għal skopijiet oħra minbarra l-kontrolli tas-sigurtà u fuq il-fruntiera se jkun soġġett għal rieżami minn qabel minn qorti jew awtorità indipendenti;

Artikolu 20: it-trasferimenti ulterjuri tad-data tal-PNR lil awtoritajiet governattivi oħra se jkunu soġġetti għal salvagwardji xierqa u, f’każ ta’ divulgazzjoni barra mill-Kanada, limitati għal pajjiżi li kkonkludew Ftehim komparabbli mal-UE jew li huma soġġetti għal deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni;

Anness: l-elementi tad-data tal-PNR li għandhom jiġu ttrasferiti lill-Kanada huma ddeterminati b’mod ċar u preċiż.

2024/0050 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-7 ta’Diċembru 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Kanada għal Ftehim dwar it-trasferiment u l-użu ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record, PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità tranżnazzjonali serja oħra.

(2)In-negozjati ta’ Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR (“il-Ftehim”) ġew iffinalizzati b’suċċess f’Lulju 2023. It-test tal-Ftehim ġie inizjalat fis-27 ta’ Novembru 2023.

(3)Il-Ftehim jippermetti t-trasferiment tad-data tal-PNR lill-Kanada għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kriminalità serja u terroriżmu.

(4)Il-Ftehim jiżgura r-rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. B’mod partikolari, il-Ftehim jinkludi salvagwardji adegwati għall-protezzjoni ta’ data personali trasferita skont il-Ftehim.

(5)[F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.] JEW [F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat [, permezz ta’ ittra ta’ …,] ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.].

(6)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

(7)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-Opinjoni tiegħu [xxx] fi [xx.xx.xxxx].

(8)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record, PNR) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

It-test tal-Ftehim li jrid jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/i indikata/i mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ara wkoll ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2016/681 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja; COM(2020) 305 final (24.07.2020).
(2)    ĠU L 82, 21.3.2006, p. 15.
(3)    ĠU L 91, 29.3.2006, p. 49–60.
(4)    ECLI:UE:C:2017:592.
(5)    KUMM(2003) 826 finali.
(6)    KUMM(2010) 492 finali (21.09.2010).
(7)    ĠU L 186, 14.7.2012, p. 4–16.
(8)    ĠU L 215, 11.8.2012, p. 5–14.
(9)    ĠU L 149, 30.4.2021, p. 710–735.
(10)    COM(2023) 507 final.
(11)    COM(2023) 508 final.
(12)    COM(2023) 509 final.
(13)    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132–149), minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Direttiva dwar il-PNR” jew id-“Direttiva (UE) 2016/681”.
(14)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Ġunju 2022 “Ligue des droits humains ASBL vs Conseil des ministres”, C-817/19, EU:C:2022:491. Is-sentenza kienet tikkonċerna talba għal deċiżjoni preliminari mill-Cour Constitutionnelle tal-Belġju.
(15)    UNSCR 2396 (2017): “Il-Kunsill tas-Sigurtà: [..] 12. “Jiddeċiedi li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw, b’segwitu għall-istandards u l-prattiki rakkomandati tal-ICAO, id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u jiżguraw li d-data tal-PNR tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tagħhom u tiġi kondiviża magħhom, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għall-fini tal-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u l-ivvjaġġar relatat, [..]”. Ara wkoll l-UNSCR 2482 (2019).
(16)     https://www.icao.int/safety/airnavigation/nationalitymarks/annexes_booklet_en.pdf  
(17)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/121 tat-28 ta’ Jannar 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea b’risposta għall-Ittra lill-Istati mibgħuta mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-Emenda 28 fit-Taqsima D - Kapitolu 9 - Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ĠU L 37, 3.2.2021, p. 6-9).
(18)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2021 dwar it-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-Awstralja u l-Istati Uniti, għall-fini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja.
(19)    ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88.