European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1484

23.12.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1484

tal-24 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-deroga għad-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2376 (2) ta deroga mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni (MCRS, minimum conservation reference size) li jikkonċerna l-gandoffli ta’ Venere għal tul totali ta’ 22 mm, fl-ilmijiet territorjali tal-Italja tas-Subżoni 9, 10, 17 u 18 tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran. Dik id-deroga segwiet rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata mill-Italja, li hija l-uniku Stat Membru b’interess ta’ ġestjoni dirett fl-ilmijiet territorjali tiegħu.

(2)

Id-deroga ngħatat diversi drabi bir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2020/3 (3), (UE) 2020/2237 (4) u (UE) 2022/2587 (5), l-aħħar darba sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(3)

Fl-10 ta’ Marzu 2025 (6), l-Italja ppreżentat lill-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2019/1241, rakkomandazzjoni konġunta ġdida li titlob li tiġi estiża dik id-deroga fir-rigward tal-MCRS għall-gandoffli ta’ Venere fl-istess ilmijiet territorjali tal-Italja. Il-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran (MEDAC, Mediterranean Advisory Council) (7) ġie kkonsultat kif xieraq u jappoġġa r-rakkomandazzjoni konġunta. Fir-Rakkomandazzjoni Konġunta, l-awtoritajiet Taljani impenjaw ruħhom li jieħdu sensiela ta’ miżuri biex jgħinu fl-isfruttament sostenibbli tal-istokk tal-gandoffli ta’ Venere, inkluż massimu ta’ 4 jiem ta’ qbid fil-ġimgħa, qabda massima ta’ 400 kg kuljum għal kull bastiment mingħajr ebda tolleranza, punti ta’ ħatt l-art indikati esklużivament, sistema ta’ skrinjar f’dawn il-punti ta’ ħatt l-art, konformi mar-rekwiżiti regolatorji (DM 22/12/2000), li tiżgura li jintgħażlu biss il-gandoffli ta’ daqs kummerċjali (22 mm jew aktar), li l-attivitajiet tas-sajd jieqfu għal 3 xhur (mhux konsekuttivi) bejn Frar u Novembru minflok għal xahrejn kif hemm bħal fil-pjan kurrenti, u indikat żoni ta’ ripopolazzjoni għall-gandoffli taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni.

(4)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries) ivvaluta r-rakkomandazzjoni konġunta u l-evidenza xjentifika ta’ sostenn li ppreżentat l-Italja fis-sessjoni plenarja tagħha mill-24 sat-28 ta’ Marzu 2025 (STECF 25-01) (8). L-STECF faħħar l-informazzjoni komprensiva ppreżentata b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni konġunta għal deroga mill-MCRS tal-gandoffli ta’ Venere, li aġġornat l-informazzjoni sottomessa lill-STECF għall-plenarja ta’ Marzu tal-2022. L-informazzjoni sottomessa indirizzat l-elementi ewlenin meħtieġa għall-valutazzjoni tar-Rakkomandazzjoni Konġunta. L-STECF innota li l-istħarriġ li sar fid-distretti differenti fuq perjodu ta’ 6, 7 jew 8 snin, skont id-distrett, juri distribuzzjonijiet stabbli tal-frekwenza tat-tul (LFDs, length frequency distributions), b’reklutaġġi annwali tajbin, u li l-gandoffli kummerċjali (22 mm jew aktar) jirrappreżentaw frazzjoni żgħira tat-total fil-każijiet kollha. Barra minn hekk, l-STECF osserva li s-selettività tjiebet minn meta l-MCRS ta’ 22 mm ġie implimentat għall-ewwel darba fl-2017, b’tali mod li issa ma hemmx biżżejjed gandoffli miżmuma abbord biex jappoġġaw operazzjonijiet sinifikanti ta’ fertilizzazzjoni għal skopijiet ta’ ripopolazzjoni u ż-żoni ta’ ripopolazzjoni ntużaw biss b’mod marġinali. L-STECF innota wkoll li wara l-ewwel deroga tal-MCRS permezz tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2376 u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni f’dak ir-regolament, il-ħatt l-art tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) jidher li stabbilizza f’madwar 20 000 tunnellata filwaqt li l-bijomassa żdiedet f’diversi distretti. Skont ir-riżultati tal-valutazzjoni, il-qabdiet ġeneralment baqgħu madwar ir-rendiment massimu sostenibbli, li jissuġġerixxi, b’mod ġenerali, li l-prattiki ta’ ġestjoni kurrenti għenu biex jiġi evitat l-isfruttament żejjed tal-gandoffli ta’ Venere. Barra minn hekk, l-STECF ikkonkluda wkoll li minkejja t-tnaqqis tal-MCRS għal 22 mm fl-2017, il-livell tal-bijomassa ta’ stokk riproduttiv jidher li huwa f’saħħtu peress li ġie osservat reklutaġġ tajjeb fil-biċċa l-kbira tad-distretti marittimi u fil-qabda kummerċjali, diment li l-miżuri ta’ ġestjoni jkomplu jiġu implimentati bħal fis-snin preċedenti u ma jkun hemm l-ebda disturb ambjentali kbir, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li fil-5 snin li ġejjin l-impatti fuq l-istokk tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) fl-Adrijatiku fuq ir-rati ta’ sfruttament u fuq il-bijomassa tal-istokk se jsegwu xejriet simili għal dawk osservati mill-implimentazzjoni tal-MCRS ta’ 22 mm ’l hawn. L-STECF irrakkomanda wkoll li ssir valutazzjoni tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-MCRS ta’ 22 mm fl-2030 biex tippermetti kwalunkwe modifika potenzjali fil-Pjan ta’ Ġestjoni u biex issegwi l-evoluzzjoni tal-istokk fid-distretti marittimi differenti.

(5)

L-STECF ikkonkluda wkoll li l-istudji rrapportati fir-rakkomandazzjoni konġunta jidhru li juru li l-impatti fuq il-ħabitats ma humiex maġġuri jew huma irriversibbli. L-STECF tenna li l-pjan ta’ ġestjoni tal-Italja tal-2019 (9) jinkludi miżuri li x’aktarx ikunu aktar effettivi mill-kundizzjonijiet preċedenti li kienu prevalenti qabel l-2017.

(6)

Il-Kummissjoni tqis li, abbażi tal-informazzjoni miġbura f’dan l-istadju fir-rakkomandazzjoni konġunta, tal-opinjoni tal-MEDA, tal-valutazzjoni STECF 25-01 u tal-impenji li saru mill-amministrazzjoni Taljana fl-Anness B tar-Rakkomandazzjoni Konġunta, id-deroga mill-MCRS tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti għall-miżuri tekniċi fl-Artikoli 15 u 18 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Il-pjan ta’ ġestjoni Taljan jispeċifika li l-Italja se timmonitorja mill-qrib l-istokkijiet tal-gandoffli ta’ Venere permezz ta’ rapporti li se jintbagħtu lill-Kummissjoni kull sena.

(9)

Il-miżuri ssuġġeriti fir-rakkomandazzjoni konġunta huma konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(10)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-sajd u l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) 2019/1241

L-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Lista tal-bastimenti

Sal-15 ta’ Jannar 2026, permezz tas-sit web sigur tal-kontroll tal-Unjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-lista tal-bastimenti kollha awtorizzati sabiex jistadu għall-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) bl-użu ta’ gangmi idrawliċi fl-ilmijiet territorjali tal-Italja tas-Subżoni Ġeografiċi 9, 10, 17 u 18 tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iżommu dik il-lista aġġornata f’kull ħin u jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-aġġornament, f’konformità mal-ewwel subparagrafu.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2030.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2376 tat-13 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan għall-iskart tal-mollusk bivalv Venus spp. fl-ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/2376/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/3 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-gandoffli Venus (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 2, 6.1.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/3/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2237 tat-13 ta’ Awwissu 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/3 fir-rigward tad-deroga għad-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 436, 28.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/2237/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2587 tat-18 ta’ Awwissu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-deroga għad-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 338, 30.12.2022, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2587/oj).

(6)  Ares(2025)2275519.

(7)  MEDAC 94/19.3.2025.

(8)  STECF 25-01: https://stecf.ec.europa.eu/document/download/53d22b03-45d7-4692-a05f-2fbefe64e34f_mt.

(9)  Adozione del Piano di gestione nazionale per le attivita’ di pesca con il sistema draghe idrauliche e rastrelli da natante cosi’ come identificati nella denominazione degli attrezzi di pesca in draghe meccaniche comprese le turbosoffianti (HMD) e draga meccanizzata (DRB). (19A04117) (GU Serie Generale n. 156 del 5.7.2019 – Suppl. Ordinario n. 27).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj).


ANNESS

Is-27 entrata tat-tabella fil-Parti A tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 tinbidel b’dan li ġej:

“Gandoffli ta’ Venere (Venus spp,)

25 mm (*1)


(*1)  Permezz ta’ deroga, mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2030, id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-Gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) għandu jkun 22 mm fl-ilmijiet territorjali Taljani fis-subżoni ġeografiċi 9, 10, 17 u 18 tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM, General Fisheries Commission for the Mediterranean) kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2023 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (GFCM) (ĠU L, 2023/2124, 12.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2124/oj).”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1484/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)