22.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/21


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Mejju 2013

li tawtorizza lil laboratorju fil-Kroazja jwettaq testijiet seroloġiċi biex jissorvelja l-effettività tat-tilqim tar-rabbja

(notifikata bid-dokument C(2013) 2783)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/224/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE tal-20 ta’ Marzu 2000 li taħtar istituzzjoni speċifika sabiex tkun responsabbli biex tistabbilixxi l-kriterji neċessarji għall-istandardizzazzjoni ta’ testijiet seroloġiċi biex issegwi l-effettività tat-tilqim kontra l-idrofobija [rabbja] (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2000/258/KE taħtar lill-Agence française de sécurité sanitaire des aliments (AFSSA) f’Nancy, Franza (integrata mill-1 ta’ Lulju 2010 fl-Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail, ANSES), bħala l-istitut speċifiku responsabbli biex jistabbilixxi l-kriterji meħtieġa għall-istandardizzazzjoni tat-testijiet seroloġiċi biex tkun segwita l-effettività tal-vaċċini tar-rabbja.

(2)

Dik id-Deċiżjoni tipprevedi wkoll li l-ANSES għandha tiddokumenta l-evalwazzjoni tal-laboratorji f’pajjiżi terzi li jkunu applikaw biex jagħmlu testijiet seroloġiċi biex jissorveljaw l-effettività tat-tilqim tar-rabbja.

(3)

Billi tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/304/UE tal-11 ta’ Ġunju 2012 li tawtorizza laboratorji fil-Kroazja u fil-Messiku biex jagħmlu testijiet seroloġiċi biex issegwi l-effettività tat-tilqim tar-rabbja (2), il-Kummissjoni awtorizzat il-laboratorju għall-idrofobija [rabbja] u l-viroloġija ġenerali tal-Istitut Veterinarju Kroat biex iwettaq testijiet seroloġiċi biex jissorvelja l-effettività tat-tilqim tar-rabbja fil-klieb, il-qtates u l-inmsa.

(4)

Wara r-rapport ta’ stima mhux favorevoli stabbilit mill-ANSES, bid-data tat-3 ta’ Settembru 2012, l-awtorizzazzjoni mogħtija lil dak il-laboratorju ġiet rtirata skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/436/UE tad-9 ta’ Awwissu 2010 li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE fir-rigward tat-testijiet ta’ profiċjenza għall-finijiet taż-żamma tal-awtorizzazzjonijiet tal-laboratorji biex iwettqu testijiet seroloġiċi biex jimmonitorizzaw l-effettività tal-vaċċini tal-idrofobija [rabbja] (3).

(5)

L-awtorità kompetenti tal-Kroazja ressqet applikazzjoni għal approvazzjoni mill-ġdid tal-laboratorju għar-rabbja u l-viroloġija ġenerali tal-Istitut Veterinarju Kroat li huwa appoġġjat minn rapport ta’ stima favorevoli stabbilit għal dak il-laboratorju mill-ANSES, bid-data tal-15 ta’ Frar 2013.

(6)

L-awtorità kompetenti tal-Kroazja kienet ukoll informat uffiċjalment lill-Kummissjoni li l-isem tal-laboratorju inbidel.

(7)

Għaldaqstant, dak il-laboratorju għandu jkun awtorizzat li jwettaq testijiet seroloġiċi biex jissorvelja l-effettività tat-tilqim tar-rabbja fil-klieb, il-qtates u l-inmsa.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-laboratorju li ġej hu awtorizzat li jwettaq testijiet seroloġiċi biex tkun segwita l-effettività tal-vaċċini tar-rabbja fil-klieb, fil-qtates u fl-inmsa, kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2000/258/KE:

Il-laboratorju għar-rabbja (Laboratorju Nazzjonali ta’ Referenza Kroat għar-Rabbja) tal-Istitut Veterinarju Kroat

Savska cesta 143

10000 Zagreb

Il-Kroazja

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2013.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 79, 30.3.2000, p. 40.

(2)   ĠU L 152, 13.6.2012, p. 50.

(3)   ĠU L 209, 10.8.2010, p. 19.