KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fl-1 ta’ Frar 2017 ( 1 )
Kawżi magħquda C-361/15 P u C-405/15 P
Easy Sanitary Solutions BV (C–361/15 P),
Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (C–405/15 P)
vs
Group Nivelles NV
“Appelli – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta drejn tal-ilma tad-doċċa – Disinn preċedenti – Evalwazzjoni ta’ novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat – Oneru tal-prova fuq min jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità – Rekwiżiti marbuta mar-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti – Termini u portata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 – Kompetenzi tal-EUIPO fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-prova – Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 – Limiti tal-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002 – Motiv ta’ ordni pubbliku”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Dawn il-kawżi għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-portata ta’ kunċetti u prinċipji essenzjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinni Komunitarji ( 2 ). |
|
2. |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tasal biex tfakkar ir-ratio legis ta’ dan ir-regolament u l-kompetenzi li għandhom jew ma għandhomx jiġu attribwiti lill-istanzi tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat. |
|
3. |
Din it-tilwima toriġina minn talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità magħmula minn I-Drain BVBA li saret Group Nivelles N.V. ( 3 ) ta’ disinn irreġistrat, miżmum minn Easy Sanitary Solutions BV ( 4 ), u wara din ir‑reġistrazzjoni kien jirreferi għal “drejn tal-ilma tad-doċċa”. Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu magħmula quddiem id‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO, Group Nivelles sostna li dan id‑disinn kien nieqes minn novità u minn karattru individwali, abbażi tal‑eżistenza u tal-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn preċedenti. Id‑diffikultajiet li kkaratterizzaw l-eżami ta’ din it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma marbuta mal-iżbalji mwettqa kemm mill-persuna li talbet dikjarazzjoni ta’ invalidità li ma pproduċietx debitament id-disinn preċedenti tagħha, iżda wkoll mid-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni u mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO li ma għamlux paragun korrett tad-disinni inkwistjoni. |
|
4. |
Għalhekk fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Mejju 2015, Group Nivelles vs UASI – Easy Sanitary Solutions (Drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa) ( 5 ), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-4 ta’ Ottubru 2012 ( 6 ). |
|
5. |
Permezz tal-appelli tagħhom, l-EUIPO u ESS jitolbu rispettivament l-annullament u l-annullament parzjali ta’ din is-sentenza. |
|
6. |
F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nipproponi fl-ewwel lok lill‑Qorti tal-Ġustizzja tqajjem ex officio aggravju bbażat fuq l‑inkompetenza tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, jiena nikkunsidra li din qabżet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità imposti fuqha bl-applikazzjoni tal‑Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv inċidentali mqajjem minn ESS, b’tali mod li s-sentenza appellata għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi parzjalment annullata. |
|
7. |
Fit-tieni lok, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell tal-EUIPO fil-Kawża C-405/15 P. |
|
8. |
Fl-ewwel lok, sejjer nesponi r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tiegħi, effettivament wettqet żball ta’ liġi fil-punti 77 sa 79 tas‑sentenza appellata, billi rrikjediet lill-EUIPO jirrikostruwixxi id-disinn preċedenti billi jgħaqqad il-partijiet differenti tiegħu riprodotti fid‑diversi estratti tal-katalogi annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Nispjega li tali obbligu sa fejn jikser it-termini u l‑portata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002, ma jistax jaqa’ fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid ta’ disinn, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u lanqas, bħala tali, jaqa’ taħt il-kompetenzi mogħtija lill-istanzi tal-EUIPO mill-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament. |
|
9. |
Fit-tieni lok, nispjega madankollu r-raġunijiet għaliex din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. |
|
10. |
Fit-tielet u l-aħħar lok, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell ta’ ESS. |
II – Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni
A – Ir-Regolament Nru 6/2002
|
11. |
Skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, “disinn” ifisser id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il‑kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu. |
|
12. |
Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, il-protezzjoni ta’ disinn b’disinn Komunitarju hija suġġetta għall-kundizzjonijiet ta’ novità u ta’ karattru individwali tal-imsemmi disinn. |
|
13. |
Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss bħala ġdid u li għandu karattru individwali, jekk kemm ’il darba l-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar, u l-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jissodisfaw fihom innifishom il-kundizzjonijiet ta’ novità u ta’ karattru individwali. |
|
14. |
Skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jiġi kkunsidrat bħala ġdid jekk ebda disinn identiku ma jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, id-data tal‑prijorità. |
|
15. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li d-disinni huma kkunsidrati bħala identiċi meta l-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti biss f’dettalji insinjifikattivi. |
|
16. |
Skont l-Artikolu 6(1)(b) ta’ dan ir-regolament, disinn Komunitarju rreġistrat huwa kkunsidrat li għandu karattru individwali jekk l‑impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti minn dik imħollija minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għall-prijorità, qabel id-data tal-prijorità. |
|
17. |
Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) u tal-Artikolu 6(1)(b) tal-istess regolament, disinn huwa kkunsidrat li jkun ġie żvelat lill-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew eżebit, użat fil-kummerċ jew b’xi mod ieħor żvelat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih tintalab il-protezzjoni jkun ġie żvelat lill-pubbliku għall-ewwel darba, ħlief jekk dawn il-fatti ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju miċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li jkunu qegħdin joperaw fl-Unjoni Ewropea. |
|
18. |
L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Skop tal‑protezzjoni” jindika li l-protezzjoni mogħtija mid-disinn Komunitarju testendi għal kull disinn li ma jħallix impressjoni viżiva ġenerali differenti fuq l-utent informat. |
|
19. |
Skont l-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament. |
|
20. |
Fil-kuntest tat-Titolu VII, intitolat “Appelli”, l-Artikolu 61(2) tal‑imsemmi regolament jippreċiża li “[i]l-kawża [quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja] tista’ titressaq għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, il-ksur ta’ ħtieġa proċedurali essenzjali, il-ksur tat-Trattat, ta’ dan ir‑Regolament jew kull regola oħra li jkollha x’taqsam ma l-applikazzjoni tagħha jew l-użu ħażin tal-poter”. |
|
21. |
Fit-Titolu VIII, intitolat “Proċedura quddiem l-uffiċċju”, l‑Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jindika barra minn hekk li “[f]il-proċeduri quddiemu, l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l‑inizjattiva tiegħu nnifsu. Madankollu, il-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu ma’ dikjarazzjoni ta’ l-invalidità, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett f’din l‑eżaminazzjoni bil-fatti, bix-xhieda u bl-argumenti pprovduti mill‑partijiet u bir-rimedju mfittex”. |
|
22. |
Skont l-Artikolu 65(1) ta’ dan ir-regolament, l-EUIPO jista’, f’kull proċedura, jadotta miżuri istruttorji, u b’mod partikolari, jisma’ l-partijiet u x-xhieda, jitlob informazzjoni kif ukoll il-produzzjoni ta’ dokumenti u mezzi ta’ prova, u jirrikjedi perizja |
B – Ir-Regolament Nru 2245/2002
|
23. |
Fl-aħħar nett, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002, tal-21 ta’ Ottubru 2002, li timplimenta r-Regolament Nru 6/2002 ( 7 ), jipprovdi dan li ġej fl-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tiegħu: “1. Applikazzjoni lill-uffiċċju għal dikjarazzjoni ta’ invalidità in segwitu ta’ l-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 trid tiġbor: […]
[…]”. |
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
24. |
ESS hija proprjetarja tad-disinn Komunitarju rreġistrat bin‑numru 000107834 0025, ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2003 (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”). |
|
25. |
Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej: |
|
26. |
Skont din ir-reġistrazzjoni, dan id-disinn jissejjaħ “drejn tal-ilma tad-doċċa (shower drain)”. |
|
27. |
Fit-3 ta’ Settembru 2009, l-appellanta I-Drain, ippreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002. Fit‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-appellanta argumentat li d‑disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002 peress li l-parti ta’ dan id-disinn li tibqa’ viżibbli waqt użu normali, jiġifieri l-għatu mhux imtaqqab, kien nieqes minn novità u kellux karattru individwali. |
|
28. |
Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha u sabiex turi l-eżistenza u l-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn preċedenti identiku, l‑appellanta pproduċiet estratti mill-katalogi tal-prodotti tal-impriża Blücher, datati bis-sena 1998 u s-sena 2000 ( 8 ) li fihom kienet tidher l-illustrazzjoni li ġejja (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti”): |
|
29. |
B’deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar‑Regolament Nru 6/2002, billi kkunsidrat li d-disinn ikkontestat kien nieqes min-novità fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. |
|
30. |
Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni telqet mill-prinċipju li l-uniku element viżibbli tad-disinn ikkontestat, wara l-installazzjoni, kien l-għatu tiegħu. Għalhekk hija kkunsidrat li dan kien identiku għall-għatu li jinsab fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 28 hawn fuq u abbażi ta’ dan, laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
31. |
Fil-15 ta’ Ottubru 2010, ESS appellat din id‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni abbażi tal-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
32. |
Waqt din il-proċedura, il-partijiet ipproduċew fatti u provi ġodda insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ammessi mit-Tielet Bord tal‑Appell tal-EUIPO. |
|
33. |
B’deċiżjoni datata 4 ta’ Ottubru 2012, dan il-Bord annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
|
34. |
Għall-kuntrarju tad-Diviżjoni tal-Annullament, it-Tielet Bord tal‑Appell tal-EUIPO kkunsidra li d-disinn ikkontestat jinkludi mhux biss l-għatu ta’ forma rettangolari iżda wkoll kanali laterali u uċuħ esterni tad‑drejn tal-ilma tad-doċċa. Għalhekk huwa pparaguna lil dan tal-aħħar mad-disinn preċedenti li fl-opinjoni tiegħu huwa “drejn tal-ilma tad‑doċċa sempliċi ħafna u rettangolari kompost minn għatu li kien fih toqba” ( 9 ). |
|
35. |
Huwa fuq din il-bażi li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kkunsidra li d-disinn ikkontestat kien jippreżenta karattru ġdid fis-sens tal‑Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 peress li ma kienx identiku għad-disinn preċedenti, u dawn iż-żewġ disinni jippreżentaw differenzi “faċilment perċepibbli” li ma humiex “minimi u lanqas diffiċli li jiġu evalwati b’mod oġġettiv” ( 10 ). |
|
36. |
Għalhekk it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO rrinvija l-kawża quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
A – Argumenti tal-partijiet
|
37. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2013, Group Nivelles fetħet kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
38. |
Insostenn ta’ dan ir-rikors, Group Nivelles invokat motiv wieħed, ibbażat fuq żball imwettaq mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO waqt il‑paragun tad-disinn ikkontestat mad-disinn preċedenti li hija kienet invokat insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil‑fehma tagħha, dan l-iżball wassal lit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO għall-konklużjoni żbaljata li d-disinn ikkontestat kien ġdid fis-sens tal‑Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Għal dan il-għan, Group Nivelles ippreżentat dokument ġdid intiż sabiex juri n-nuqqas ta’ novità tad-disinn ikkontestat. L-appellanti talbet ukoll lill-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata. |
|
39. |
Fil-kuntest tar-risposta tagħha, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2013, ESS talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal raġuni differenti minn dawk invokati minn Group Nivelles fil-kuntest tar-rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-fatt ESS sostniet li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, fil-punt 31 tad‑deċiżjoni kkontestata, minn naħa, imkien ma kkunsidra l-argumenti tagħha intiżi sabiex juru li l-użu industrijali li għalih huwa ddestinat il‑prodott li fih jaqa’ d-disinn preċedenti jiddistingwi lil dan tal-aħħar mid-disinn ikkontestat, u min-naħa l-oħra, ma mmotivax debitament id‑deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward ( 11 ). ESS argumentat, għalhekk li t‑Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ma identifikax b’mod korrett id‑disinn preċedenti, b’mod li jaffettwa l-evalwazzjoni tal-fondatezza tat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
B – Is-sentenza appellata
|
40. |
Is-sentenza appellata fiha tliet partijiet. |
|
41. |
Fl-ewwel parti tagħha, li tinkludi l-punti 15 sa 35 ta’ din is‑sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà mqajma minn ESS u l-EUIPO. Dan ir-raġunament ma huwiex ikkontestat fil-kuntest tal-appelli odjerni. |
|
42. |
Fit-tieni parti tal-imsemmija sentenza, li tinkludi l-punti 36 sa 92, il-Qorti Ġenerali eżaminat iż-żewġ talbiet ta’ Group Nivelles fil-kuntest tar-rikors tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
43. |
Fl-ewwel lok (punti 36 sa 88 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-uniku motiv invokat minn Group Nivelles. |
|
44. |
Qabel xejn, fil-punti 59 sa 70 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO effettivament wettaq żball fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tan-novità tad-disinn ikkontestat, billi pparaguna il-karatteristiċi viżibbli kollha ta’ dan tal-aħħar ma’ element wieħed tad-disinn preċedenti u b’hekk ma silitx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konsegwenzi korretti tal-iżball li kien ikkonstata fir-rigward tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Dan ir-raġunament ma huwiex ikkontestat fil-kuntest tal-appell odjerni. |
|
45. |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 71 sa 86 tal-imsemmija sentenza, eżaminat l-argumenti differenti mqajma mill-EUIPO u min ESS bil-għan li tivverifika jekk dawn tal-aħħar jikkontestawx din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-argumenti kollha u f’din l-okkażjoni imponiet fuq EUIPO obbligu ġdid li huwa kkontestat permezz tal-appell tiegħu. Fi tmiem dan l-analiżi, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-unika motiv imqajjem minn Group Nivelles fil-kuntest tar-rikors tagħha u laqgħet it-talba għal annullament imressqa minn din tal-aħħar. |
|
46. |
Fit-tieni lok (punti 89 sa 92 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ Group Nivelles intiża għar-riforma tad‑deċiżjoni kkontestata, billi ddeċidiet li hija ma tistax tipproċedi, minflok l-istanzi tal-EUIPO, għal eżami komplut tan-novità tad-disinn ikkontestat. |
|
47. |
Fit-tielet u l-aħħar parti ta’ dik is-sentenza, li tkopri l-punti 93 sa 139, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-motiv inċidentali mqajjem minn ESS, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
|
48. |
Wara li kkonstatat, fil-punt 100 tal-imsemmija sentenza, li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kien immotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 102 sa 133 tal-imsemmija sentenza, jekk l-identifikazzjoni ta’ prodott preċiż li fih jiġi inkorporat id-disinn precedent, invokata insostenn tat-talba għal nullità, tikkostitwixxix element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid jew individwali tad-disinn ikkontestat. Fi tmiem din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kien ikklassifika b’mod żbaljat il-prodott li jinsab fiċ-ċentru tar-riproduzzjoni annessa mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ “drejn tal-ilma tad-doċċa”, u laqgħet għalhekk it-talba għal annullament ta’ ESS. |
|
49. |
Għalhekk permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet kemm l-uniku motiv ta’ Group Nivelles kif ukoll il-motiv inċidentali ta’ ESS, u konsegwentement annullat id-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal riforma ta’ din id-deċiżjoni, ippreżentata minn Group Nivelles. |
V – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja
|
50. |
Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C-405/15 P, l-EUIPO talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lil Group Nivelles u ESS għall-ispejjeż tiegħu. |
|
51. |
ESS talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell għal dak li jirrigwarda l-ewwel żewġ aggravji tal-EUIPO u tikkundanna lil Group Nivelles għall-ispejjeż tal-EUIPO. Hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell għal dak li jirrigwarda t-tielet aggravju tal-EUIPO u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż ta’ ESS fir-rigward ta’ dan l‑aggravju. |
|
52. |
Min-naħa tagħha, Group Nivelles talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tiegħu. |
|
53. |
Ir-Renju Unit, li kien awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-EUIPO b’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2016, talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata bl-intiża li huwa jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
54. |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-361/15, ESS talbet lill‑Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment is-sentenza appellata u tikkundanna l-parti telliefa għall-ispejjeż. |
|
55. |
L-EUIPO u Group Nivelles talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell u tikkundanna lill-appellanta għall-ispejjeż ta’ kull wieħed minnhom. |
|
56. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 2016, il-Kawżi C-361/15 P u C-405/15 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
VI – Osservazzjonijiet preliminari
|
57. |
Fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, jiena nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tqajjem ex officio motiv li jiena nikkunsidra ta’ ordni pubbliku, jiġifieri dak ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, kif iddefinit fl-Artikolu 61(2) tar‑Regolament Nru 6/2002. |
|
58. |
Fil-fatt, għar-raġunijiet li ser nesponi, jidhirli li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
59. |
Fil-fatt, il-ksur tar-regoli ta’ kompetenza jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u, bħala tali, għandu jkun ikkunsidrat li jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jkun eżaminat ex officio ( 12 ). Fil-fatt, dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jiżguraw valur fundamentali tal-ordni pubbliku tal-Unjoni, jiġifieri l-ekwilibriju istituzzjonali li minnu huwa ispirat il-prinċipju ta’ tqassim tal‑kompetenzi bejn l-EUIPO u l-Qorti Ġenerali, li l-leġiżlatur ittraduċa fl-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002. Barra minn hekk, dawn ir-regoli huma b’mod evidenti stabbiliti fl‑interess tal-kollettività b’mod ġenerali. |
|
60. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, li r-rwol tagħha huwa li tiżgura l-osservanza tal-liġi, għandha għalhekk tiżgura li l-Qorti Ġenerali, li quddiemha jkollha rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma taqbiżx il-kompetenzi mogħtija lilha mil-leġiżlatur fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjonijiet tal‑Bord tal-Appell tal-EUIPO. |
|
61. |
Fil-ġurisprudenza tagħha, din tal-aħħar barra minn hekk ikkonfermat kemm-il darba li l‑inkompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal‑Unjoni, anki meta l-ebda mill-partijiet ma titlob li jsir dan ( 13 ). |
|
62. |
F’dan il-każ, ninnota li l-partijiet kienu mistiedna jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar dan il-punt. |
|
63. |
Għalhekk fl-opinjoni tiegħi xejn ma jostakola lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżamina ex officio dan il-motiv li jiena nqis li huwa ta’ ordni pubbliku. |
VII – Fuq il-motiv ta’ ordni pubbliku, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ tagħha tal-legalità fil-kuntest tal-eżami tal-motiv inċidentali mqajjem minn ESS
|
64. |
Skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, appell kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO jista’ jitressaq quddiem il-Qorti Ġenerali għal ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-regolament jew ta’ kull regola ta’ liġi dwar l-applikazzjoni tagħhom. |
|
65. |
Skont il-ġurisprudenza, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l‑Qorti Ġenerali tista’ tannulla jew tirriforma d-deċiżjoni appellata biss meta, fil-mument li tingħata, din kienet ivvizzjata minn waħda mir‑raġunijiet ta’ annullament jew ta’ bdil stabbiliti fl-Artikolu 61(2) tal-imsemmi regolament ( 14 ). Minn dan isegwi li s-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lil din il-qorti s‑setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal‑Appell tal-EUIPO u, lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l‑imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex ( 15 ). |
|
66. |
Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-motiv inċidentali mqajjem minn ESS, u b’mod partikolari, fil-punti 112 sa 133 tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-użu li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn precedent, invokat insostenn tat-talba għal annullament, huwiex effettivament fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid jew individwali tad-disinn ikkontestat, punt li ma kienx ġie ttrattat mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO fid-deċiżjoni kkontestata. |
|
67. |
Huwa minnu li, f’din il-kawża, il-partijiet kienu ddibattew din il‑kwistjoni quddiem l-istanzi tal-EUIPO ( 16 ). Id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni, fil-punt 20 tad-deċiżjoni tagħha, kienet ċaħdet l‑argument billi spjegat li l-użu li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn preċedenti ma huwiex fattur rilevanti għall-finijiet tal-paragun tad-disinni inkwistjoni, peress li ma huwiex fattur marbut mad-dehra tal‑prodott. |
|
68. |
Barra minn hekk, ESS għal darb’oħra ressqet quddiem il‑Qorti Ġenerali, it-teżi li l-użu industrijali li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn preċedenti jaffettwa l-evalwazzjoni tal-fondatezza tat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ( 17 ). |
|
69. |
Madankollu, kif irrilevat espressament il-Qorti Ġenerali fil‑punt 111 tas-sentenza appellata, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO “ma ddeċidix, fid-deċiżjoni [kkontestata]” dwar din il-kwistjoni. |
|
70. |
Konsegwentement, billi eżaminat l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, fid-dawl tal-argumenti magħmula u tal-provi ppreżentati quddiem it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, minflok dan tal-aħħar, il‑Qorti Ġenerali emendat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma qabel ikkonstatat li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata minn wieħed mir‑raġunijiet ta’ annullament stabbiliti fl-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, u b’mod partikolari, li kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. |
|
71. |
Dwar dan, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija ferm kontradittorja. |
|
72. |
Fil-fatt, ESS tallega preċiżament li t-Tielet Bord tal-Appell tal‑EUIPO ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu u li ma kkunsidrax l‑argumenti tagħha dwar ir-rilevanza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità tad-disinn ikkontestat, tal-użu li għalih huwa intiż l-prodott li jinkludi d‑disinn preċedenti, u b’hekk din id-deċiżjoni ma tinftiehemx ( 18 ). |
|
73. |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’saħħa l-motiv ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi ddeċidiet fil-punt 100 tas-sentenza appellata li d-deċiżjoni kkontestata “tinkludi motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward, peress li fil-punt 31 tagħha tirrileva li dan jirrigwarda “drejn tal-ilma tad-doċċa”. |
|
74. |
Barra minn hekk, fil-punti sussegwenti, jiġifieri l-punti 101 sa 133 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali mhux biss eżaminat b’mod iddettaljat ir-rilevanza ta’ dan il-fattur fid-dawl tal-argumenti magħmula u l-provi ppreżentati mill-partijiet matul il-proċedura, u għalhekk, issostitwixxiet it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, iżda kkonkludiet ukoll favur ir-rilevanza ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-evalwazzjoni tall-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. |
|
75. |
Din il-kontradizzjoni fl-analiżi tal-Qorti Ġenerali tirriżulta b’mod inkontestabbli mill-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġietx bħala tali ssanzjonata mill-Qorti Ġenerali. |
|
76. |
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata biss nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u mhux tiddeċiedi dwar l‑evalwazzjoni magħmula mit-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO dwar l‑argumenti magħmula mill-partijiet quddiemu ( 19 ). |
|
77. |
L-irwol tal-Qorti Ġenerali huwa fil-fatt li tiżgura li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO ikunu mmotivati, skont l‑Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali, kif hija ġustament tirrileva fil-punt 98 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal‑Ġustizzja li hija l-aħħar livell ta’ stħarriġ, għandha għalhekk tkun f’pożizzjoni li tagħraf id-destin li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO jagħti lill‑argumenti mqajma mill-partijiet u r-raġunijiet li jiġġustifikaw, jekk ikun il-każ, ir-rifjut ta’ dawn tal-aħħar. |
|
78. |
F’din il-kawża, minkejja li ninsabu fit-tielet u l-aħħar livell ta’ rimedju ( 20 ), għandu jiġi kkonstatat li għadna qed ninjoraw ir-raġunijiet li għalihom it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO skarta l-argumenti mqajma mill-partijiet dwar ir-rilevanza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità ta’ disinn, tal-użu li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn preċedenti. |
|
79. |
Fid-dawl tal-impreċiżjoni tat-termini tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Qorti Ġenerali ma tistax għalhekk tipproċedi għal tali eżami mingħajr ma qabel tannulla din id-deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. |
|
80. |
Għalhekk fil-fehma tiegħi, billi pproċediet għall-analiżi magħmula fil-punti 112 sa 133, b’sostituzzjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti ta’ stħarriġ tal-legalità tad‑deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, kif previst fl‑Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002, u qabżet għalhekk il‑kompetenzi tagħha fil-kuntest tal-eżami tal-motiv inċidentali mqajjem quddiemha minn ESS. |
|
81. |
Konsegwentement jiena nikkunsidra li s‑sentenza appellata għandha tiġi annullata parzjalment peress li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 112 sa 133 ta’ din is-sentenza, evalwat jekk l-identifikazzjoni tal-prodott li jinkludi d‑disinn preċedenti huwiex fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid jew individwali tad-disinn ikkontestat ( 21 ). |
|
82. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma teżaminax it-tielet aggravju tal-appell tal-EUIPO (C/405/15 P) kif ukoll l-ewwel aggravju tal-appell ta’ ESS (C-361/15 P), peress li dawn saru kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punti 112 sa 133 tas-sentenza appellata. |
VIII – Fuq l-appell ippreżentat mill-EUIPO fil-Kawża C-405/15 P
|
83. |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO iqajjem tliet aggravji. |
|
84. |
L‑ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal‑Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u jqajjem il-kwistjoni tal‑oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova fil-kuntest ta’ rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn irreġistrat. |
|
85. |
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, peress li l-EUIPO jikkritika l-evalwazzjonijiet mwettqa mill-qorti Ġenerali dwar il-modalitajiet tal-eżami relattiv għan-novità tad-disinn ikkontestat. |
|
86. |
Minkejja li bbażati fuq dispożizzjonijiet differenti tad-dritt, l-argumenti żviluppati mill-EUIPO insostenn ta’ dawn iż-żewġ aggravji jirrepetu lil xulxin u jikkonċernaw punti tas-sentenza li għandhom jinqraw u jiġu interpretati konġuntement. Konsegwentement, jiena ser neżamina dawn l-ewwel żewġ aggravji flimkien. |
|
87. |
Fl-aħħar, it-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 6/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li permezz tiegħu l-EUIPO jikkontesta, din id-darba, ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rilevanza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, tal-identifikazzjoni tal-prodott li għalih japplika disinn preċedenti jew li fih huwa inkorporat. |
|
88. |
Sa fejn dan l-aggravju huwa dirett kontra r-raġunijiet li jiena nipproponi li jiġu annullati minħabba ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma teżaminahx. |
A – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 63(1) tar‑Regolament Nru 6/2002 u fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, marbut man-novità ta’ disinn komunitarju, moqri flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament
|
89. |
Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi ta’ dawn l-aggravji, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tilwima li għandha quddiemha llum il-Qorti tal‑Ġustizzja toriġina fl-identifikazzjoni żbaljata ta’ disinn preċedenti indikat fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, filwaqt li l‑ebda immaġini li turi l-intier tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi propost mill-impriża Blücher ma ġiet ippreżentata minn Group Nivelles ( 22 ) quddiem l-istanzi tal-EUIPO. |
|
90. |
Għaldaqstant huwa importanti li nżommu f’moħħna l-kuntest li fih u l-mod kif l-istanzi tal-EUIPO evalwaw in-novità tad-disinn ikkontestat. |
|
91. |
Fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, l‑appellanta fil-fatt ipproduċiet il-parti tad-disinn li hija kkunsidrat viżibbli waqt l-użu normali, jiġifieri l-għatu, irrappreżentat kif ġej fil‑katalogi Blücher: |
|
92. |
Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ikkunsidrat li l-uniku element viżibbli tad-disinn ikkontestat, wara l-installazzjoni, kien l-għatu, irrappreżentat kif ġej: |
|
93. |
Hija kkunsidrat li dan huwa identiku għall-għatu rrappreżentat fid‑disinn preċedenti u laqgħet, abbażi ta’ dan, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata minn I-Drain. |
|
94. |
Fir-rigward tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, huwa kkunsidra li partijiet oħra tad-drejn tal-ilma tad-doċċa rrappreżentati mid-disinn ikkontestat jibqgħu viżibbli wara l-installazzjoni. Għalhekk huwa pparaguna d-disinn ikkontestat magħmul minn għatu ta’ forma rettangolari iżda wkoll minn kanali laterali u uċuħ esterni tal-katusi mal‑għatu waħdu riprodott fid-disinn preċedenti, u kkonkluda għalhekk in-nuqqas ta’ identità bejn dawn tal-aħħar u annulla d-deċiżjoni tad‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
|
95. |
Quddiem il-Qorti Ġenerali, Group Nivelles mbagħad ippreżentat, fl‑anness A.9 tar-rikors promotur tagħha (innumerat p. 76 ta’ dan l‑anness), dokument ġdid li jirrappreżenta immaġini kompluta tad‑dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidu kif proposta mill-impriża Blücher. Dan id-dokument kien ġustament ikkunsidrat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali. |
|
96. |
Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-EUIPO għalhekk sostna li Group Nivelles baqgħet ma wrietx l-eżistenza ta’ disinn li jippreċedi d-disinn ikkontestat li kellu l-karatteristiċi kollha ta’ dan tal-aħħar |
|
97. |
Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-argument, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata:
|
|
98. |
Insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, kisret l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u, b’mod partikolari, il-prinċipji li għandhom jirregolaw l-oneru u l-amministrazzjoni tal-prova fil-kuntest ta’ kawża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn irreġistrat, billi rrikjedietu li jirrikostruwixxi d-disinn preċedenti abbażi tal-estratti differenti mill-katalogi annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
99. |
Insostenn tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, kisret ir-regoli li għandhom jirregolaw l-evalwazzjoni tan-novità ta’ disinn Komunitarju msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, billi ħolqot fir-rigward tiegħu l-obbligu li jgħaqqad flimkien il-komponenti differenti ta’ disinn, żvelati b’mod separat. |
|
100. |
L-eżami konġunt ta’ dawn l-aggravji huwa obbligatorju sa fejn iqajmu kemm il-kwistjoni tal-legalità ta’ dan l-obbligu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fil-mertu kif ukoll proċedurali tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
101. |
Barra minn hekk, għalkemm l-ewwel aggravju huwa intiż li jikkontesta r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata u għalkemm it-tieni aggravju, min-naħa tiegħu, huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali inkluż fil-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza, dawn il-punti għandhom jiġu eżaminati konġuntement. |
|
102. |
Fil-fatt, il-punti 78 u 79 tas-sentenza appellata għandhom jinqraw u jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju li l-Qorti Ġenerali tipprovdi fil-punt 77 ta’ din is-sentenza. Dan jirriżulta b’mod ċar ħafna, minn naħa, mill-espressjoni “Fi kliem ieħor” użat mill-Qorti Ġenerali fl-introduzzjoni tal-punt 78 tal-imsemmija sentenza u min-naħa l-oħra, mill-kliem “F’dan il-każ, dan ifisser li”, użat minnha fil-punt 79 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali b’hekk tislet il-konklużjoni, f’dan il-każ, mill-prinċipju li hija żviluppat qabel. |
1. L-argumenti tal-partijiet
a) Fuq l-ewwel aggravju
|
103. |
L-EUIPO jikkontesta essenzjalment il-mod kif il-Qorti Ġenerali amministrat il-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-konklużjonijiet li din tal-aħħar siltet minnhom, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-EUIPO fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-provi prodotti mill-parti li talbet dikjarazzjoni ta’ nullità. |
|
104. |
L-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, billi ddeċidiet fil-punti 74 u 79 tas-sentenza appellata, li d-disinn preċedenti invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu huma magħmula mhux biss mill-għatu li huwa parti mid-disinn preċedenti iżda mid-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi fl-intier tiegħu. |
|
105. |
Għalhekk il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet ruħha ma’ dak li talab l‑invalidità billi identifikat liema disinni preċedenti riprodotti fil-katalogi Blücher kienu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
106. |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali minn naħa, marret kontra l-kompetenzi mogħtija lill-EUIPO fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, previsti fl-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, u min‑naħa l-oħra, l-obbligi li għandu min jitlob l-invalidità meta dan irid juri l-eżistenza ta’ disinn preċedenti identiku jew jipproduċi impressjoni ġenerali simili, previsti fl-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
107. |
L-EUIPO jsostni li skont din l-aħħar dispożizzjoni iżda ukoll skont il-prinċipji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 25 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions ( 23 ), min jitlob l-invalidità għandu jidentifika b’mod preċiż, permezz tad-dokumenti li huwa jipprovdi, liema huma d-disinni preċedenti rilevanti għall-finijiet tar‑rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ippreżentat. Għalhekk, hija ma tistax tissostitwixxi ruħha għal min jitlob l-invalidità fil-kuntest tal‑amministrazzjoni tal-prova. |
|
108. |
L-ewwel nett, ma setgħetx tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq prova li ħadd mill-partijiet ma pprovda jew fuq disinn preċedenti li min talab l‑invalidità ma nvokax espressament, kif ġara f’dan il-każ. |
|
109. |
It-tieni ma setgħetx tfittex liema disinn preċedenti jista’ jkun rilevanti fost dawk kollha li jidhru fid-dokumenti pprovduti mill-attur għaliex tali atitudni tiffavorixxi parti għal preġudizzju tal-oħra u tmur kontra d-drittijiet tad-difiża. |
|
110. |
It-tielet nett, anki meta disinn identiku għad-disinn ikkontestat jiġi riprodott fid-dokumenti pprovduti minn min jitlob l-invalidità, hija ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha ex officio fuq din il-preċedenza jekk l‑attur ibbaża l-argument tiegħu fuq disinni oħra. |
|
111. |
F’dan il-każ, ma jirriżultax la mit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn Group Nivelles kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll quddiem it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, li din l-impriża kienet identifikat u indikat b’mod ċar, fis-sens tal-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-integralità tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi bħala d-disinn preċedenti invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet għalhekk illimitat l-eżami komparattiv bejn id-disinn ikkontestat u d‑disinn preċedenti mal-għatu biss, mingħajr ma kkunsidrat il‑karatteristiċi l-oħra li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kien imbagħad ikkunsidra rilevanti għall-finijiet ta’ dan il-paragun, bħall‑forma tal-kanal u l-preżenza ta’ ventijiet laterali. |
|
112. |
L-EUIPO indika li kien biss fl-istadju tar-rikors promotur quddiem il-Qorti Ġenerali, u għalhekk b’mod tardiv, li Group Nivelles kienet ġabet l‑integralità tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kellha debitament tikkunsidra li, b’hekk, ir-rikorrenti emendat is-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal‑Appell tal-EUIPO, fis-sens tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal‑Proċedura tagħha. |
|
113. |
Fir-risposta tagħha, ESS tingħaqad mal-argumenti tal-EUIPO. |
|
114. |
Group Nivelles tikkunsidra, mill-banda l-oħra, li l-EUIPO għamel eżami ineżatt tal-fatti rilevanti u tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-aggravju bħala infondat. |
b) Fuq it-tieni aggravju
|
115. |
L’EUIPO iqajjem żewġ ilmenti insostenn ta’ dan it-tieni aggravju. |
|
116. |
Permezz tal-ewwel ilment tiegħu, l-EUIPO isostni li r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata jmur kontra l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn dan joħloq fir-rigward tiegħu l-obbligu li jgħaqqad flimkien il-komponenti differenti ta’ disinn, żvelati b’mod separat, bħal fil-każ ta’ għatu jew ta’ kanal ppubblikati f’paġni differenti tal-istess katalogu. |
|
117. |
L’EUIPO jagħmel riferiment mill-ġdid għas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions ( 24 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, marbut mal-eżami tal-karattri individwali ta’ disinn, li disinn ma jistax jiġi pparagunat ma’ “numru ta’ elementi speċifiċi jew minn partijiet ta’ disinni preċedenti, imma [ma’] disinni preċedenti individwalizzati u ddeterminati”. Tali interpretazzjoni għandha tiġi applikata b’analoġija għall-eżami tan-novità ta’ disinn, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. |
|
118. |
Iċ-ċirkustanza li l-komponenti differenti ta’ disinn, żvelati b’mod separat, ikunu intiżi li jintużaw flimkien ma tbiddilx din il-konklużjoni. Fil-fatt, l-assjem ta’ dawn il-komponenti differenti kien jippermetti l-ħruġ tal-apparenza ta’ disinn, iżda dan huwa ipotetiku jew, fi kwalunkwe każ, suġġett għal approssimazzjonijiet importanti. Issa, kemm iċ-ċertezza legali li l-proprjetarju ta’ disinn ikkontestat huwa fid-dritt li jistenna, kif ukoll il-kunċett “identità” bejn żewġ disinni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, jostakolaw eżami kumparattiv ibbażat fuq ipoteżi jew approssimazzjonijiet. |
|
119. |
Permezz tat-tieni ilment, l-EUIPO isostni li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali huwa, barra minn hekk, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti. |
|
120. |
Fil-fatt, il-paragun tal-illustrazzjonijiet li tirreferi għalihom il-Qorti Ġenerali, jiġifieri dawk tal-għatu u tal-kanal żvelati fil-katalogi Blücher prodotti minn Group Nivelles u dik tas-sistema ta’ evakwazzjoni rrappreżentata f’dawk il-katalogi prodotti minn ESS, ma kienx jippermetti li tiġi identifikata l-forma u l-karatteristiċi tad-disinn preċedenti. |
|
121. |
ESS tqis li dan it-tieni aggravju għandu jiġi ddikjarat fondat. |
|
122. |
Group Nivelles tikkunsidra, min-naħa tagħha, li dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-EUIPO qara u interpreta b’mod żbaljat is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions ( 25 ), u evalwa b’mod ineżatt l-elementi fattwali. |
2. Eżami
|
123. |
Għal raġunijiet li sejjer issa nesponi, inqis li l-Qorti Ġenerali effettivament wettqet żball ta’ liġi fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata. |
|
124. |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, teżiġi mill-istanzi tal-EUIPO li dawn jirrikostruwixxu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom, id-disinn preċedenti abbażi ta’ estratti differenti mill-katalogi annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għaliex tali obbligu huwa, fil-fehma tiegħi, kuntrarju għat-termini u l-portata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 u għalhekk, bħala tali, ma jistax la jaqa’ fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru ġdid ta’ disinn fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u lanqas jaqa’, bħala tali, taħt il-kompetenzi mogħtija lill-istanzi tal-EUIPO mill-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament. |
|
125. |
Skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-eżami li għandhom jagħmlu l-istanzi tal-EUIPO fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, huwa limitat għal motivi invokati u għat‑talbiet ippreżentati mill-partijiet. |
|
126. |
B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-EUIPO ma jieħux inkunsiderazzjoni d-disinni preċedenti ħlief dawk espressament imsemmija mill-attur ( 26 ). B’hekk l-EUIPO jikkunsidra li huwa ma għandux jiddetermina permezz ta’ suppożizzjonijiet u deduzzjonijiet, liema mid-disinni preċedenti, fost dawk riprodotti fil-provi dokumentarji tal-attur, jistgħu jkunu rilevanti meta l-attur ma jipprovdix iktar preċiżjonijiet f’dawn ir-rigward ( 27 ). |
|
127. |
Għandu jitfakkar li fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u skont it-termini tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ( 28 ) u tal-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, fl-ewwel lok hija l-parti li topponi r-reġistrazzjoni ta’ disinn li għandha turi l-eżistenza u l-iżvelar ta’ disinn preċedenti identiku jew li jipproduċi impressjoni ġenerali simili. |
|
128. |
Fil-kuntest ta’ rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-proprjetarju ta’ disinn preċedenti għandu għalhekk juri, l-ewwel nett, li dan id-disinn huwa identiku jew jipproduċi impressjoni ġenerali simili għad-disinn ikkontestat, u t-tieni nett, li dan kien żvelat lill-pubbliku. |
|
129. |
Il-prova hija libera u tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-attur ( 29 ). |
|
130. |
L-Artikolu 28(1)(b)(v) u (vi) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jeħtieġ biss li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, meta tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta’ novità tad-disinn ikkontestat, tinkludi l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti, tad‑dokumenti li juru l-iżvelar preċedenti ta’ dan tal-aħħar u fl-aħħar nett tal-fatti, provi u osservazzjonijiet ippreżentati insostenn tat-talba. |
|
131. |
Il-formola għal preżentazzjoni ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tipprovdi sezzjoni partikolari għal dan l-għan ( 30 ). |
|
132. |
Skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dawn l-elementi huma meħtieġa taħt piena ta’ inammissibbiltà, bl-istanzi tal-EUIPO ikollhom madankollu l-possibbiltà li jistiednu, preliminarjament, lill-attur jirrimedja l-irregolaritajiet ikkontestati. |
|
133. |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u d-direttivi tal-EUIPO ( 31 ) ma jagħtu ebda spjegazzjoni oħra dwar il-provi li għandhom jiġu pprodotti minn dak li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità sabiex jiġġustifika l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, li huwa identiku għad-disinn ikkontestat jew li jipproduċi impressjoni ġenerali simili ( 32 ). |
|
134. |
F’din il-kawża, huwa stabbilit li dak li talab dikjarazzjoni ta’ invalidità ma identifikax debitament u lanqas irriproduċa fl-integrità tiegħu d-disinn preċedenti, kemm fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu jew matul il-proċedura quddiem l-istanzi tal-EUIPO. Fil-fatt, dan irriproduċa biss parti mid-disinn li huwa kkunsidra viżibbli waqt l-użu normali, jiġifieri l-għatu. |
|
135. |
F’tali każ, il-Qorti Ġenerali tista’ teħtieġ mill-Bord tal-Appell tal‑EUIPO li jirrettifika din l-irregolarità billi jirrikostruwixxi, għall‑finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, id-disinn preċedenti abbażi ta’ estratti differenti mill-katalogi Blücher annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, “u dan anki meta ebda immaġini ta’ tali kumbinazzjoni ma [tidher] fid-[dokumenti pprovduti]” ( 33 )? |
|
136. |
Jien nirrispondi fin-negattiv. |
|
137. |
L-ewwel nett, tali obbligu jmur kontra t-termini u l-portata tal‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal‑Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
138. |
Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 id-disinn huwa ddefinit bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’arti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il‑konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal‑prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu” ( 34 ). |
|
139. |
Din id-dispożizzjoni tittraduċi għalhekk il-prinċipju li d-dritt ta’ disinn huwa dritt ta’ proprjetà fuq “id-dehra” ta’ prodott li għandu jkun distint mid-dritt ta’ privattiva li huwa dritt ta’ proprjetà fuq invenzjoni. |
|
140. |
Għandu jitfakkar li d-disinn għandu funzjoni estetika, li għandu l‑għan li jżejjen l-oġġett li għalih japplika, li jagħtih aspett distint u rikonoxxibbli, fiżjonomija li hija partikolari għalih minħabba l-linji, konfigurazzjonijiet, forom u anki graffiżmu partikolari tiegħu ( 35 ). |
|
141. |
Il-preċiżjonijiet previsti fil-kuntest tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 jirreferu għalhekk għal elementi viżibbli għal għajn ( 36 ). |
|
142. |
Billi jeżiġi fl-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni “l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinnji preċedenti”, il-leġiżlatur jeħtieġ min dak li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità li jirriproduċi disinn speċifiku, individwalizzat, iddeterminat u identifikat, u sabiex tintuża l-espressjoni użata fil-punt 25 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions ( 37 ). F’din is-sentenza, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, il-Qorti tal‑Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat li l-paragun li timplika l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn ma tistax tkun ibbażata fuq “numru ta’ elementi speċifiċi jew minn partijiet ta’ disinni preċedenti, imma [fuq] disinni preċedenti individwalizzati u ddeterminati” ( 38 ). |
|
143. |
Dawn ir-rekwiżiti huma essenzjali għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
144. |
Fil-fatt, ir-riproduzzjoni tal-arti preċedenti għandu jippermetti d‑determinazzjoni tal-portata tad-dritt preċedenti indikat u, bl-istess mod, il-portata tad-drittijiet li l-pussessur tad-disinn ikkontestat jista’ jippretendi b’mod leġittimu. |
|
145. |
Il-portata ta’ dawn id-drittijiet tiġi ddeterminata b’riferiment għad‑disinn riprodott fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u mhux mid-deskrizzjoni jew leġġenda li takkumpanjaha, fakultattiva u nieqsa minn kull valur ġuridiku, bid-differenza ta’ invokazzjoni ta’ privattiva. Il-protezzjoni mogħtija lil disinn tirrigwarda d-disinn kif riprodott u dak li jingħad fil-leġġenda huwa għalhekk kumpliment indikattiv biss ( 39 ). Ir‑riproduzzjoni ta’ disinn preċedenti għandha għalhekk tkun suffiċjenti. |
|
146. |
Barra minn hekk, din ir-riproduzzjoni għandha tippermetti lill‑konvenut jiddetermina bi preċiżjoni liema huma l-karatteristiċi ornamentali jew estetiċi tad-disinn preċedenti li ġew imitati u konsegwentement li jiġġieled il-mertu tal-oriġinalità tad-disinn tiegħu. |
|
147. |
Fl-aħħar nett, din ir-riproduzzjoni għandha tippermetti lill-istanzi tal-EUIPO jidentifikaw b’mod preċiż u ċert id-disinn preċedenti sabiex jipproċedu, skont l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, għal evalwazzjoni tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat u għal paragun li din timplika bejn id-disinni inkwistjoni. Għalhekk, l-eżami dwar jekk id‑disinn ikkontestat huwiex effettivament nieqes min-novità jew minn karattru individwali jeħtieġ manifestament li jkun hemm disinn preċedenti preċiż u ddeterminat. |
|
148. |
Sabiex jiġu ssodisfatti dawn l-għanijiet, huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm immaġini ta’ disinn preċedenti għaliex dan jirriżulta min‑natura stess tal-oġġett li r-Regolament Nru 6/2002 irid jipproteġi u mir-raġuni li għaliha jingħata protezzjoni. |
|
149. |
Din l-immaġini għandha tippermetti li tkun magħrufa d-dehra tal‑prodott li fih huwa nkluż id-disinn, kollu kemm hu b’mod definittiv u rikonoxxibbli mil-linji, konfigurazzjonijiet, kuluri, forma, nisġa u anki l‑ornamentazzjoni u l-materjali tiegħu, kif previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir‑regolament. |
|
150. |
Għalhekk id-dritt ta’ disinn ma huwiex intiż sabiex jipproteġi idea, jew disinn li huwa qrib it-twettiq jew li ser jkun xogħol ta’ rikostruzzjoni, għaliex f’dawn il-każijiet, xejn ma jwassal li tkun magħrufa d-dehra tal‑prodott kollu kemm hu b’mod definittiv u rikonoxxibbli. Għalhekk hija din ir-raġuni għaliex, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, huma biss il-karatteristiċi viżibbli ta’ disinni li jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni. |
|
151. |
Konsegwentement, dan jeskludi, kull tentattiv ta’ rikostruzzjoni ta’ disinn preċedenti, iktar u iktar meta ebda immaġini ta’ tali kumbinazzjoni ma’ tinsab fid-dokumenti pprovduti. |
|
152. |
Fil-fatt, tali rikostruzzjoni tkun tinkludi imperfezzjonijiet peress li timplika neċessarjament approssimazzjonijiet, li jmorru kontra mhux biss l‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002, iżda wkoll kontra ir-rekwiżiti marbuta mal-evalwazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, tal-karattru ġdid ta’ disinn. |
|
153. |
F’dawn il-kawżi, pereżempju, mill-punti 64 u 65 tas-sentenza appellat, mhux ikkontestati mill-partijiet, jirriżulta li l-illustrazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, jirrappreżentaw tipi differenti ta’ għotien, ta’ forom u dimensjonijiet differenti, li jistgħu jiġu kkumbinati flimkien ma’ kanali jew katusi sabiex jikkostitwixxu dispożittiv komplut ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi. |
|
154. |
Madankollu, kif għandu jsir il-paragun tad-disinni li jimplika l‑eżami tal-fondatezza ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk id‑dehra ta’ prodott u, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tal-linji, konfigurazzjonijiet, kuluri u forma tiegħu ma humiex rikonoxxibbli u identifikabbli b’mod ċar? |
|
155. |
Ir-rikostruzzjoni li skont il-Qorti Ġenerali għandu jagħmel l‑EUIPO, twassal fil-fehma tiegħi għal disinni li jippreżentaw differenzi li ma humiex neċessarjament minuri. |
|
156. |
Għalhekk tali rikostruzzjoni ma tippermettix li tiżgura eżami adegwat tal-fondatezza tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità peress li ma tippermettix li tkun magħrufa d-dehra tal-prodott fis-sens tal‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 u b’hekk li jsir debitament il‑paragun tad-disinni inkwistjoni kif rikjest mill-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. |
|
157. |
Jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2012, Coverpla vs UASI-Heinz Glas (Flacon) ( 40 ), li l-iżvelar ta’ disinn preċedenti ma jistax jintwera bi probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li juru żvelar effettiv ta’ disinn preċedenti fis-suq ( 41 ), allura dan il‑prinċipju għandu a fortiori japplika għar-riproduzzjoni ta’ dan id‑disinn. |
|
158. |
F’dan ir-rigward, id-direttivi tal-EUIPO jippreċiżaw li, meta r‑riproduzzjoni annessa mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma tirrappreżentax id-disinn preċedenti b’mod adegwat, u tirrendi b’hekk impossibbli kull paragun mad-disinn ikkontestat, dan ma jikkostitwixxix żvelar fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ( 42 ). |
|
159. |
Il-prinċipju li tistabilixxi l-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata huwa iktar ispirat fil-verità mid-dritt ta’ privattivi ta’ invenzjoni milli mid-dritt ta’ disinni ( 43 ), għaliex l-approċċ tagħha donnu jagħti esklużività lil tip ta’ sistema ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi li fiha jistgħu jaqgħu dehriet diversi. |
|
160. |
Madankollu, dan huwa ksur tat-termini u l-portata tal-Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 6/2002. |
|
161. |
Konsegwentement, l-obbligu impost mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata u li huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fil-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza, ma jistax jaqa’ fil-kuntest tal-eżami li għandhom jagħmlu l-istanzi tal-EUIPO skont l-Artikolu 5 u l-Artikolu 63(1) tal‑imsemmi regolament. |
|
162. |
Mill-banda l-oħra, dan ma jfissirx li l-istanzi tal-EUIPO ma humiex marbuta mal-passività f’każ bħal dak inkwistjoni fejn dak li jitlob dikjarazzjoni għal invalidità jirriproduċi biss parti mid-disinn li huwa jikkunsidra viżibbli waqt użu normali. |
|
163. |
Fil-fatt, l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li jirrigwarda t-teħid tax-xhieda “[f]’kull proċedura quddiem l‑[EUIPO]” ( 44 ) jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri ta’ teħid tax‑xhieda ( 45 ). |
|
164. |
Minkejja l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 63(1) ta’ dan ir‑regolament, l-istanzi tal-EUIPO jistgħu għalhekk, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jinvestigaw il-kawża u b’hekk jisimgħu l-partijiet u x-xhieda, jitolbu informazzjoni jew il-produzzjoni ta’ dokumenti u mezzi ta’ prova jew anki jeżiġu espert. |
|
165. |
Għalhekk, f’dawn il-kawżi, jirriżulta mill-punt 68 tas-sentenza appellata, li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, li riproduzzjoni ta’ disinn li jirrappreżenta l-integralità tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi propost mill-impriża Blücher kien ikkomunikat minn ESS bħala anness mal-osservazzjoni tagħha quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Dan id-dokument huwa intiż sabiex juri l-applikazzjoni industrijali ta’ dan id-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi. |
|
166. |
L-istanzi tal-EUIPO kellhom għalhekk riproduzzjoni tad‑dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi kollu propost mill-imsemmija impriża. |
|
167. |
Fil-kuntest tat-teħid tax-xhieda fil-kawża, u kkunsidrat il-fatt li t‑Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO:
|
|
168. |
Għalhekk, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO seta’:
|
|
169. |
Jiena ma naħsibx li dawn l-inizjattivi jaqbżu l-kompetenzi mogħtija lilu fil-kuntest tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
170. |
Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ma ħasibhiex sabiex juża s-setgħa ta’ deċiżjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 63(2) ta’ dan ir-regolament billi eżamina l-fatti, provi u argumenti addizzjonali kollha pprovduti miż‑żewġ partijiet, anki dawk ippreżentati tard, u dan sabiex jikkompleta l-fatti u l-provi diġà pprovduti minnhom waqt il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ( 47 ). |
|
171. |
Barra minn hekk, dawn il-miżuri jaqgħu perfettament fil-kuntest ta’ miżuri ta’ teħid tax-xhieda previsti fl-Artikolu 65(1) tal-imsemmi regolament. |
|
172. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-ġurisprudenza tinterpreta r-regoli ta’ kompetenza tal-EUIPO b’mod dinamiku ħafna. B’mod partikolari nirreferi għall-interpretazzjoni użata mill-Qorti Ġenerali fl‑Artikoli 74 u 76 tar-Regolament Nru 40/94. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li jirregolaw il-kompetenzi tal-EUIPO fil-kuntest ta’ talba ta’ oppożizzjoni fir-rigward ta’ trade mark tal-Unjoni huma redatti f’termini identiċi għal dawk li jirregolaw il-kompetenzi tal-EUIPO fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju. |
|
173. |
B’hekk, fis-sentenza tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI– Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ) ( 48 ), dwar proċedura ta’ oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-EUIPO ma jistax joqgħod lura milli jwettaq evalwazzjoni kompluta tal-fatti u tad-dokumenti ppreżentati lilu billi jargumenta li huwa minn jopponi li jrid jipprovdi fuq l-inizjattiva tiegħu, provi fil-forma ta’ informazzjoni dettaljata, insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu ( 49 ). Il-limitazzjoni ta’ bażi fattwali tal-eżami magħmul mill-EUIPO u l-prinċipju dispożittiv, li skontu l-partijiet għandhom l-inizjattiva tal-proċess u sabuiex jiddeterminaw il-kontenut, ma kinux jeskludu għalhekk li huwa jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa b’mod espliċitu minn Group Nivelles, l-indikazzjonijiet kollha pprovduti mill-partijiet. |
|
174. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, minkejja li huwa ta’ dispjaċir li t‑Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ma adottax il-miżuri ta’ teħid tax‑xhieda imposti sabiex jkollu riproduzzjoni tad-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi kollu propost mill-impriża Blücher, xorta jibqa’ l-fatt li, għall-kuntrarju ta’ dak deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas‑sentenza appellata, huwa ma jistax jirrimedja din l-irregolarità billi jirrikostruwixxi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, id-disinn preċedenti abbażi ta’ estratti differenti mill-katalogi Blücher annessi mat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
175. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata billi rrikjediet lill-EUIPO jirrikostruwixxi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, id-disinn preċedenti abbażi ta’ estratti differenti mill-katalogi Blücher annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità u billi rrendiet relattiv fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, l-importanza tal-pussess ta’ immaġni ta’ disinn preċedenti mitlub. |
|
176. |
Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-fatti mqajjem mill-EUIPO insostenn tat-tieni aggravju tiegħu. |
|
177. |
Madankollu, jekk ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, jiena ma naħsibx li din il-konstatazzjoni hija ta’ natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellate fit-totalità tagħha. |
|
178. |
Fil-fatt, il-konklużjoni li tislet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata hija validament ibbażata fuq raġunijiet oħra, żviluppati prinċipalment u b’mod awtonomu fil-punti 60 sa 70 tas-sentenza appellata. ( 50 ) |
|
179. |
Huwa dawn ir-raġunijiet, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mill-partijiet, li jikkostitwixxu l-bażi tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. |
|
180. |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kien effettivament wettaq żball fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tan-novità tad-disinn ikkontestat billi pparaguna il-karatteristiċi viżibbli ta’ dan tal-aħħar ma’ element wieħed tad-disinn preċedenti, biex b’hekk ma silitx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konsegwenzi korretti tal-iżball li huwa kien ikkonstata fir-rigward tad-diviżjoni ta’ kanċellazzjoni. |
|
181. |
F’dan ir-rigward, huwa perfettament minnu, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 62 tal-imsemmija sentenza, li “l-evalwazzjoni tan-novità tad-disinn ikkontestat kienet teħtieġ paragun bejn il-karatteristiċi viżibbli, wara l-installazzjoni, ta’ dan tal-aħħar u l-karatteristiċi viżibbli, wara l-installazzjoni, tad-disinn preċedenti, li tifforma parti minnu l-pjanċa li tkopri msemmija iktar ’il fuq”. |
|
182. |
Kien ukoll b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 62 tas-sentenza appellata li “l-eżami tal-elementi prodotti mill-partijiet quddiem l-[EUIPO] ma setax iwassal għall-konklużjoni li l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni [mehmuża mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità] kienet biss parti mill-istrument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi” ( 51 ). L-analiżi li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 69 ta’ din is-sentenza tal-atti kkomunikati mill-partijiet fl-istanzi tal-EUIPO huwa konvinċenti u jiena nikkondividi b’mod sħiħ il-perspettiva tagħha li, fid-dawl ta’ dawn l-atti, l-EUIPO ma seta’ biss jikkonstata li persuna li ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet irriproduċiet fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ nullità parti biss mid-dispożittiv ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi ineżami. |
|
183. |
Dawn ir-raġunijiet waħedhom jippermettu, li tinżamm ferma l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li t-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO effettivament wettaq żball fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tan-novità tad-disinn ikkontestat, fatt li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
184. |
Kif jirriżulta b’mod ċar mill-punti 71 u 86 tal-imsemmija sentenza, dawn ir-raġunijiet huma indipendenti mill-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali adottat fil-punti 72 sa 85 tas-sentenza appellata b’risposta għall-argumenti tal-EUIPO u ta’ ESS u, b’mod partikolari, mir-raġunament ta’ din tal-aħħar fil-punti 77 sa 79 tal-imsemmija sentenza ( 52 ). |
|
185. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-eżami taż-żewġ motivi mqajma mill-EUIPO rrileva l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali, din il-konstatazzjoni, fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex ta’ natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. |
B – Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 6/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-Regolament
|
186. |
Kif diġà semmejt fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet, safejn it-tielet motiv huwa dirett kontra motivi li jien nipproponi li jiġu annullati minħabba l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat dan il-motiv. |
|
187. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirrilevaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher fondat fuq motivi legali oħra, l-appell għandu jiġi miċħud. ( 53 ) |
|
188. |
Konsegwentement nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell ippreżentat mill-EUIPO u li tikkundannah għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
IX – Fuq l-appell ta’ ESS fil-Kawża C-361/15 P
|
189. |
Insostenn tal-appell tagħha, ESS tqajjem żewġ aggravji. |
|
190. |
Permezz tal-ewwel aggravju, ESS tikkritika l-analiżi li għamlet il‑Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rilevanza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, tal-użu li għalih huwa intiż il-prodott li jinkludi d-disinn preċedenti. Dan l-ewwel aggravju jinkludi tliet partijiet, li permezz tagħhom ESS tikkontesta l‑kunsiderazzjonijiet adottati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 115 sa 123 u 133 tas-sentenza appellata, mill-perspettiva tal-Artikoli 5 u 6 kif ukoll tal-Artikolu 7(1) u tal‑Artikoli 10 u 19 kif ukoll tal- Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
191. |
Fit-tieni aggravju, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, ESS issostni li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-punt 137 tas-sentenza appellata. |
A – Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal‑Artikoli 5 sa 7(1) u tal-Artikoli 10, 19 u 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002
|
192. |
Dan l-ewwel aggravju huwa intiż sabiex jikkontesta l‑evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li jiena nikkunsidra li tmur lil hinn mil‑limiti ta’ stħarriġ tagħha tal-legalità. |
|
193. |
Għalhekk għar-raġunijiet li jiena esponejt fil-punti 64 sa 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemmx lok li dan l-aggravju jiġi eżaminat. |
B – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal‑limiti tal-istħarriġ tagħha tal-legalità
1. L-argumenti tal-partijiet
|
194. |
Permezz tat-tieni aggravju, ESS tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità li hija tista’ teżerċita skont l‑Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 billi ddikjarat fl-aħħar parti tal‑punt 137 tas-sentenza appellata, li “għall-kuntrarju ta’ dak li donnu jippreżumi l-intervenjent, [il-fatt li l-għatjin għandu użu industrijali] ma jfissirx li [dawn] ma jistgħux jintużaw ukoll f’postijiet oħra, b’mod partikolari f’doċċa, fejn [dawn] normalment ikollhom funzjonijiet inqas importanti”. |
|
195. |
Fil-fatt, skont ESS, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ma ddeċidiex la fuq il-klassi tal-funzjoni li tinsab fil-katalogi Blücher (jew is‑sinjifikat tagħhom), u lanqas fuq ir-rilevanza ta’ dawn tal-aħħar għall‑evalwazzjoni tan-novità jew tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. ESS iżżid li l-aħħar parti tal-punt 137 tas-sentenza appellata kienet inutli sabiex tasal għall-konklużjoni tagħha. |
|
196. |
Group Nivelles u l-EUIPO jikkunsidraw li t-tieni aggravju għandu jiġi ddikjarat infondat minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxietx l-evalwazzjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO. |
2. Eżami
|
197. |
Jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad mill-ewwel dan l‑aggravju bħala ineffettiv. |
|
198. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li fil-punt 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-Tielet Bord tal-Appell tal‑EUIPO kklassifika b’mod żbaljat l-għatu li jinsab fiċ-ċentru tal‑illustrazzjoni annessa mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħala “drejn tal-ilma tad-doċċa” peress li “xejn fil-fajl” ma jindika li dan l‑għatu huwa intiż, esklużivament jew prinċiparjament, għal użu bħala parti minn drejn tal-ilma tad-doċċa. |
|
199. |
Kif jirriżulta b’mod ċar mit-termini użati fil-punt 138 tas-sentenza appellata, din il-konklużjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni ta’ dokumenti ppreżentati lill-istanzi tal-EUIPO, li jinsabu fil-punti 135 sa 137 tas‑sentenza appellata. L-aħħar parti tal-punt 137 ta’ din is-sentenza hija distinta, kif madankollu juri l-użu tal-avverb “madankollu”, peress li l‑Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma teżamina l-kontenut tal-katalogi Blücher, iżda twettaq evalwazzjoni superfluwa. |
|
200. |
Din l-evalwazzjoni bl-ebda mod ma sservi bħala bażi għall-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 138 tas-sentenza appellata, kif wara kollox jirriżulta espressament mill-espressjoni “xorta jibqa’ l-fatt li […]” użata f’dan il-punt u dak li barra minn hekk tammetti espressament ESS meta tenfasizza li din l-evalwazzjoni hija “inutili” ( 54 ). |
|
201. |
Dan it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal‑limiti ta’ stħarriġ tal-legalità, għandu għalhekk jiġi miċħud. |
|
202. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell ta’ ESS u tikkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura. |
X – Konklużjonijiet
|
203. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malta, Kapitolu 13, Vol. 27 p. 142. Dan ir-regolament ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 386, p. 14).
( 3 ) Imbagħad Drain ġiet assorbita mill-Group Nivelles.
( 4 ) Iktar ’il quddiem “ESS”.
( 5 ) T-15/13, EU:T:2015:281, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.
( 6 ) Kawża R 2004/2010-3, dwar proċediment għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn I-Drain u ESS.
( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31 p. 14, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament ta’ Implimentazzjoni”.
( 8 ) Iktar ’il quddiem il-“katalogi Blücher”.
( 9 ) Punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 10 ) Punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 11 ) ESS sostniet l-argument li d-disinn preċedenti invokat minn Group Nivelles, inkluż dak li jidher fil-katalogi Blücher, ma jistax jikkontesta n-novità u l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, peress li dan jipprevedi prodotti differenti, jiġifieri drejns għall-evakwazzjoni ta’ likwidi, intiżi għal użu industrijali.
( 12 ) L-inkompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat għandha, skont il-ġurisprudenza, tkun irrilevata ex officio mill-qorti Komunitarja. Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1960, Il-Ġermanja vs Awtorità Għolja (19/58, EU:C:1960:19, p. 488), tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill (108/81, EU:C:1982:322, punt 28), tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, EU:C:2000:397, punti 56 u 57), tas-27 ta’ Frar 1992, BASF et vs Il-Kummissjoni (T-79/89, T-84/89 sa T-86/89, T-89/89, T-91/89, T-92/89, T-94/89, T-96/89, T-98/89, T-102/89 u T‑104/89, EU:T:1992:26, punt 31); tal-24 ta’ Settembru 1996, Marx Esser u del Amo Martinez vs Il-Parlament (T-182/94, EU:T:1996:130, punt 44), tat-28 ta’ Jannar 2003, Laboratoires Servier vs Il-Kummissjoni (T-147/00, EU:T:2003:17, punt 45), u tal-21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑315/01, EU:T:2005:332, punt 61).
( 13 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, EU:C:2000:397, punti 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ April 2011, Planet vs Il-Kummissjoni (T-320/09, EU:T:2011:172, punt 41 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C-263/09 P, EU:C:2011:452, punt 71).
( 15 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C-263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).
( 16 ) Ara l-punti 104 sa 111 tas-sentenza appellata.
( 17 ) Ara l-punti 93 sa 96 u 101 tas-sentenza appellata.
( 18 ) Ara l-punti 93 u 96 tas-sentenza appellata.
( 19 ) Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali adottat din l-atitudni waqt l-eżami tat-talbiet għall-emenda ta’ Group Nivelles (punt 91 tas-sentenza appellata).
( 20 ) Id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Annullament kienet l-oġġett tal-ewwel appell quddiem it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, id-deċiżjoni mogħtija minn dan kienet kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali li s-sentenza tagħha illum hija l-oġġett ta’ appell.
( 21 ) Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja illimitat l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO, għal eżami tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, meta din tintalab tagħmel evalwazzjonijiet tekniċi ħafna, li jiġġustifikaw li din ikollha marġni ta’ diskrezzjoni [sentenza tat-18ta’ Ottubru 2012, Neuman u Galdeano del Sel vs Baena Grup (C‑101/11 P u C-102/11 P, EU:C:2012:641, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)].
( 22 ) Kif jirriżulta mill-punti 68 u 76 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestat minn EUIPO, li immaġini kompluta ta’ dan id-dispożittiv kienet ipprovduta minn ESS fil‑kuntest tal-osservazzjonijiet magħmula quddiem id-Diviżjoni tal-Annullament. Kien biss bħala anness mar-rikors promotur li Group Nivelles ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali din l-immaġini, u din ġustament ikkunsidrat dan id-dokument inammissibbli (ara l-punti 21 sa 24 tas-sentenza appellata).
( 23 ) C-345/13, EU:C:2014:2013.
( 24 ) C-345/13, EU:C:2014:2013, punt 26.
( 25 ) C‑345/13, EU:C:2014:2013. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara d-Direttivi relattivi għall-eżami tad-disinni Komunitarji rreġistrati – Eżami tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinni, tal-EUIPO, tat-23 ta’ Marzu 2016, punt 5.5.1.6, p. 34, ħames paragrafu, disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-EUIPO fl-indirizz segwenti: https://euipo.europa.eu/tunnel-web/secure/webdav/guest/document_library/contentPdfs/law_and_practice/designs_practice_manual/WP_2_2016/examination_of_design_invalidity_applications_fr.pdf. Iktar ’il quddiem id-“direttivi tal-EUIPO”.
( 27 ) B’hekk, fid-deċiżjoni tiegħu tal-4 ta’ Ottubru 2006, dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat bin-numru 000320809-0001 u li jirrapreżenta radjejter, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni irrifjutat li tikkkunsidra diversi disinni ta’ radjejters murija fil-katalogu, peress li l-attur ma ppreċiżax, liema fost id‑diversi disinni murija, għandu jiġu kkkunsidrat bħala d-disinn preċedenti (punt 10).
( 28 ) Skont din id-dispożizzjoni, it-talba għandu tkun immotivata.
( 29 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2012, Coverpla vs UASI– Heinz-Glas (Flacon) (T-450/08, li għadha mhix ippubblikata, EU:T:2012:117, punti 21 sa 25). Il-Qorti Ġenerali kkonfermat dan l-approċċ f’sentenzi reċenti, jiġifieri, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Felin jaqbeż) (T‑666/11, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 24), tal-15 ta’ Ottubru 2015, Promarc Technics vs UASI – PIS (Pièce de porte) (T-251/14, għadha mhix ippubblikata, EU:T:2015:780, punt 31), u tal-14 ta’ Lulju 2016, Thun 1794 vs EUIPO – Adekor (Simboli grafiċi dekorattivi) (T‑420/15, għadha mhix ippubblikata, EU:T:2016:410, punti 26 u 27). Id-direttivi tal-EUIPO jirriproduċu din il‑ġurisprudenza fil-punt 5.5.1.6, p. 34, it-tieni paragrafu.
( 30 ) Ara l-formola intitolata “Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat”, disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-EUIPO fl-indirizz segwenti: https://euipo.europa.eu/tunnel-web/secure/webdav/guest/document_library/contentPdfs/forms_filings/all_downloadable_forms/invalidity_rcd_fr.pdf kif ukoll in-noti ta’ spjega dwar din il-formola, b’mod partikolari, il-punti 2.6 u 3, p. 4 u 5.
( 31 ) Ara d-direttivi tal-EUIPO, punt 3.9.2, p. 12, l-ewwel u t-tieni paragrafi.
( 32 ) Il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni identika fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks fis-sentenza tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ) (T-318/03, EU:T:2005:136, punt 39), fir‑rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1 p. 146) u tar-Regola 16(2) tar‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) li l-kontenut dispożittiv tiegħu jikkorrispondi essenzjalment għal dak tal-Artikolu 63(1) tar‑Regolament Nru 6/2002 u tal-Artikolu 28(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.
( 33 ) Punt 79 tas-sentenza appellata.
( 34 ) Enfasi miżjud minni.
( 35 ) Ara F. Greffe, u P. Greffe, Traité des dessins et modèles, 9 Edizzjoni, LexisNexis, Paris, 2014, punti 87 u 88, p. 40.
( 36 ) Ara J. Raynard, E. Py, u P. Tréfigny, Droit de la propriété industrielle, 5 Edizzjoni, LexisNexis, Paris, 2016, punt 525, p. 304.
( 37 ) C-345/13, EU:C:2014:2013. Fl-imsemmi punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l‑evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn [fis-sens tal-Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 6/2002] għandha titwettaq fil-konfront ta’ wieħed jew diversi disinni speċifiċi, individwalizzati, iddeterminati u identifikati minn fost id-disinni kollha magħmula disponibbli preċedentement lill-pubbliku”.
( 38 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C-345/13, EU:C:2014:2013, punt 26).
( 39 ) Ara J. Passa, Droit de la propriété industrielle, Tome 1: Trade marks u sinjali distintivi oħra, disinni, Librairie Générale de Droit et de Jurisprudence, Paris, 2006, punt 752, p. 710.
( 40 ) T-450/08, għadha mhix ippubblikata, EU:T:2012:117, ara b’mod partikolari, il‑punti 21 sa 25.
( 41 ) Ara l-punt 24 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-punt 5.5.1.6, p. 34, it-tielet paragrafu, tad-direttivi tal-EUIPO. Ara b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita) (T-303/03, EU:T:2005:200, punt 38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Ara d-direttivi tal-EUIPO, punt 5.5.6.1, p. 34, is-sitt paragrafu. F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jsir riferiment għad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal EUIPO tal-10 ta’ Marzu 2008, fil-Kawża R 586/2007-3, “Barbecues”, u b’mod partikolari, għal punti segwenti:
|
“23. |
It-tieni oġġezzjoni tirrigwarda l-kwalità tal-immaġni ta’ barbecue Cinders li jinsab (‘mod identiku) fiż-żewġ rivisti u fil-brochures promozzjonali ta’ Cinders Barbecues […].. |
|
24. |
Dik l-immaġni tirrappreżenta barbecue li l-pjanċa tat-tisjir tiegħu hija mgħottija kompletament bil-laħam. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għaldaqstant kienet f’pożizzjoni li tiddistingwi “erba’ grilji separati”. L-immaġni saret imżellġa minħabba tkabbir eċċessiv, b’tali mod li l-konfigurazzjoni eżatta tal-barbecue ma hijiex viżibbli faċilment, iżda d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni osservat: “pjanċi tal-ġenb li huma ta’ forma karatteristika” (mingħajr ma pprovdiet speċifikazzjonijiet addizzjonali). Il-Bord tal-Appell ma huwiex konvint li l-immaġni – li hija l-unika prova rilevanti tal-iżvelar – issostni dawn il-konstatazzjonijiet, u inqas u inqas ma tippermetti paragun affidabbli mad-disinn kkontestat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impressjoni globali li hija toħloq fl-utent informat. |
[…]
|
26. |
Isegwi li din l-immaġni, li ma tirrappreżentax b’mod korrett id-disinn preċedenti, li b’hekk tirrendi impossibbli kull paragun mad-disinn ikkontestat, ma tikkostitwixxix żvelar għall-finijiet tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002” (Enfasi miżjud minni). |
( 43 ) Id-deskrizzjoni annessa mat-talba għal privattiva tinkludi b’mod partikolari espożizzjoni tal-invenzjoni kif ikkaratterizzati fl-invokazzjonijiet, deskrizzjoni tad‑disinni eventwali, espożizzjoni ddettaljata tal-inqas tal-mod ta’ twettiq tal‑invenzjoni flimkien ma’ eżempji, l-indikazzjoni tal-mod li bih l-invenzjoni jista’ jkollha applikazzjoni industrijali.
( 44 ) Enfasi miżjud minni.
( 45 ) Riflessjoni, fid-dritt ta’ trade marks, tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 40/94.
( 46 ) Punti 18 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 47 ) Ara l-punti 20 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata.
( 48 ) T-318/03, EU:T:2005:136.
( 49 ) Ara l-punt 38 ta’ din is-sentenza.
( 50 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri (C-220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 38).
( 51 ) Il-korsiv żiddtu jiena.
( 52 ) Dwar dan il-punt ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 54 ) Ara l-punt 57 tal-appell.