20.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/7


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/676

tat-18 ta’ Mejju 2020

dwar eżenzjonijiet mid-dazju antidumping estiż fuq ċerti partijiet tar-roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97

(notifikata bid-dokument C(2020) 3137)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 tal-10 ta’ Jannar 1997 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 fuq roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti partijiet ta’ roti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jimponi d-dazju estiż fuq dawn l-importazzjonijiet reġistrati taħt ir-Regolament (KE) Nru 703/96 (2) u b’ mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 tal-20 ta’ Jannar 1997 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ wħud mill-partijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97, tad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 (3) u b’mod partikolari l-Artikoli 4 sa 7 tiegħu,

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka, mit-Tuneżija, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (4),

Wara li informat l-Istati Membri,

Billi:

(1)

Dazju antidumping japplika fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti partijiet essenzjali tar-roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) bħala riżultat tal-estensjoni tad-dazju antidumping impost fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-RPĊ mir-Regolament (KE) Nru 71/97.

(2)

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 71/97, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-miżuri neċessarji biex tawtorizza l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti li ma jevitawx id-dazju antidumping.

(3)

Dawk il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 88/97 li jistabbilixxi s-sistema ta’ eżenzjoni speċifika.

(4)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni eżentat għadd ta’ persuni li jarmaw ir-roti mid-dazju estiż.

(5)

Kif previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea listi sussegwenti tal-partijiet eżentati (5).

(6)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/588 (6) li tikkonċerna l-eżenzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 ġiet adottata fl-22 ta’ April 2020.

(7)

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

(8)

Fit-19 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand il-kumpanija Olandiża VanMoof B.V. (“VanMoof”) talba għal eżenzjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk din it-talba kinitx ammissibbli skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

(9)

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 88/97 sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tat-talba, il-pagament tad-dazju estiż fir-rigward ta’ kull importazzjoni ta’ partijiet essenzjali tar-roti ddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera minn VanMoof ġie sospiż mid-data li fiha l-Kummissjoni rċeviet it-talba għall-eżenzjoni.

(10)

Il-kodiċi addizzjonali TARIC C202 ġie assenjat lil VanMoof sabiex jidentifika l-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti ddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera u soġġett għas-sospensjoni tal-pagament tad-dazju estiż.

(11)

Sussegwentement, VanMoof infurmaw lill-Kummissjoni li sabiex juru l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 88/97, is-sistema ta’ reġistrazzjoni tagħha ġiet adattata u mtejba u għalhekk talbet li d-data tat-talba għal eżenzjoni mill-19 ta’ Diċembru 2016 sal-1 ta’ Jannar 2018 tinbidel.

(12)

Għalhekk, is-sospensjoni tal-ħlas tad-dazju estiż għandha titneħħa għall-perjodu ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2018. Id-dazju estiż għandu jinġabar mid-data tal-wasla tat-talba għal eżenzjoni sottomessa minn VanMoof, jiġifieri d-data li fiha daħlet fis-seħħ is-sospensjoni li hija l-19 ta’ Diċembru 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2017. Għalhekk, sakemm tittieħed deċiżjoni fuq il-merti tat-talba għal eżenzjoni, id-data l-ġdida li fiha daħlet fis-seħħ is-sospensjoni tad-dazju estiż inbidlet fl-1 ta’ Jannar 2018.

(13)

Il-Kummissjoni kkonkludiet l-eżami tagħha tal-fondatezza tat-talba għal eżenzjoni ta’ VanMoof.

(14)

Matul l-eżami tagħha l-Kummissjoni stabbiliet li l-valur tal-partijiet li joriġinaw fir-RPĊ kienu jikkostitwixxu inqas minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tar-roti kollha assemblati minn VanMoof. Dan kien ukoll il-każ għall-biċċa l-kbira tar-roti assemblati minn VanMoof.

(15)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ VanMoof jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Għal dik ir-raġuni u f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, VanMoof tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż.

(16)

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, l-eżenzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data li fiha daħlet fis-seħħ is-sospensjoni tad-dazju estiż, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2018. Id-dejn doganali fir-rigward tad-dazju estiż mingħand il-partijiet li jitolbu eżenzjoni għandu għalhekk jitqies null mill-istess data.

(17)

Il-Kummissjoni informat lil VanMoof il-konklużjonijiet tagħha fuq il-fondatezza tat-talba tagħha għal eżenzjoni u tat lil VanMoof l-opportunità li tikkummenta. Ma ġie riċevut l-ebda kumment.

(18)

Billi l-eżenzjoni tapplika biss għall-parti speċifikament imsemmija fit-abella hawn taħt, il-parti eżentata għandha tinnotifika lill-Kummissjoni (7) mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla fiha (pereżempju, bidla fl-isem, forma legali jew indirizz jew it-twaqqif ta’ entità ġdida għall-immuntar jew tal-proċessi tal-produzzjoni). F’każijiet bħal dawn, VanMoof jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari dwar kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tagħha marbuta ma’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ. Fejn xieraq, il-Kummissjoni se taġġorna r-referenzi kif xieraq.

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

C202

VanMoof B.V.

Il-Mawritanja 55,

NL-1092 AD Amsterdam, in-Netherlands

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parti elenkata fit-Tabella f’dan l-Artikolu hija b’dan eżentata mill-estensjoni bir-Regolament (KE) Nru 71/97 tad-dazju anti-dumping definittiv fuq roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina impost mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 (8) fuq importazzjonijiet ta’ ċerti partijiet tar-roti mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 88/97, l-eżenzjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data prevista fil-kolonna tat-tabella intitolata “Data tad-dħul fis-seħħ”.

L-eżenzjoni għandha tapplika biss għall-parti speċifikament imsemmija fit-Tabella f’dan l-Artikolu.

Il-parti eżentata għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fl-isem u l-indirizz tagħha, filwaqt li tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari dwar kwalunkwe modifika għall-attivitajiet tagħha marbuta mal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni.

Il-parti eżentata

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

Data ta’ dħul fis-seħħ

C202

VanMoof B.V.

Il-Mawritanja 55,

NL-1092 AD Amsterdam, In-Netherlands

1.1.2018

Artikolu 2

Is-sospensjoni tal-pagament tad-dazju anti-dumping estiż skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 88/97 hija b’dan imneħħija għall-parti elenkata fit-Tabella tal-Artikolu 1.

Id-dazju estiż għandu jinġabar mill-19 ta’ Diċembru 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-parti elenkata fl-Artikolu 1 u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55.

(3)   ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17.

(4)   ĠU L 225, 29.8.2019, p. 1.

(5)   ĠU C 45, 13.2.1997, p. 3, ĠU C 112, 10.4.1997, p. 9, ĠU C 220, 19.7.1997, p. 6, ĠU L 193, 22.7.1997, p. 32, ĠU L 334, 5.12.1997, p. 37, ĠU C 378, 13.12.1997, p. 2, ĠU C 217, 11.7.1998, p. 9, ĠU C 37, 11.2.1999, p. 3, ĠU C 186, 2.7.1999, p. 6, ĠU C 216, 28.7.2000, p. 8, ĠU C 170, 14.6.2001, p. 5, ĠU C 103, 30.4.2002, p. 2, ĠU C 35, 14.2.2003, p. 3, ĠU C 43, 22.2.2003, p. 5, ĠU C 54, 2.3.2004, p. 2, ĠU L 343, 19.11.2004, p. 23, ĠU C 299, 4.12.2004, p. 4, ĠU L 17, 21.1.2006, p. 16, ĠU L 313, 14.11.2006, p. 5, ĠU L 81, 20.3.2008, p. 73, ĠU C 310, 5.12.2008, p. 19, ĠU L 19, 23.1.2009, p. 62, ĠU L 314, 1.12.2009, p. 106, ĠU L 136, 24.5.2011, p. 99, ĠU L 343, 23.12.2011, p. 86, ĠU L 119, 23.4.2014, p. 67, ĠU L 132, 29.5.2015, p. 32, ĠU L 331, 17.12.2015, p. 30, ĠU L 47, 24.2.2017, p. 13, ĠU L 79, 22.3.2018, p. 31, ĠU L 171, 26.6.2019, p. 117, ĠU L 138, 30.4.2020, p. 8.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/588 tal-22 ta’ April 2020 dwar eżenzjonijiet mid-dazju antidumping estiż fuq ċerti partijiet tar-roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 (ĠU L 138, 30.4.2020, p. 8).

(7)  Il-Parti hija mogħtija l-parir tuża l-indirizz tal-email li ġej: TRADE-BICYCLE-PARTS@ec.europa.eu.

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 tat-8 ta’ Settembru 1993 li jimponi dazju definittiv anti-dumping lejn il-Komunità ta' biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju anti-dumping (ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1).