IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.5.2026
COM(2026) 244 final
2026/0121(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
It-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku fl-Unjoni hija regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (id-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).
Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri fil-livell tat-tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.
Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1436 tas-7 ta’ Ottubru 2020 (ippreċeduta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/722/UE tal-14 ta’ Ottubru 2014 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/445/UE tat-12 ta’ Lulju 2011), il-Ġermanja diġà ġiet awtorizzata biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr id-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mix-xatt”).
L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li testendi dik l-awtorizzazzjoni, kif mitlub mill-Ġermanja, minħabba li d-deroga kurrenti tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025.
Permezz ta’ ittra datata s-26 ta’ Awwissu 2025, l-awtoritajiet Ġermaniżi informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jestendu l-miżura kurrenti sal-31 ta’ Diċembru 2029. Informazzjoni addizzjonali ġiet ipprovduta permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Jannar 2026.
Il-Ġermanja qed tfittex li ġġedded l-awtorizzazzjoni biex tapplika rata tat-taxxa mnaqqsa ta’ EUR 0,50/MWh għall-forniment tal-elettriku mix-xatt lil bastimenti li joperaw esklużivament għal skopijiet kummerċjali fil-baħar u fl-ilmijiet interni tal-Unjoni (inkluż is-sajd). Dan l-ammont huwa ugwali għar-rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-użu kummerċjali kif stipulat fid-Direttiva.
Il-perjodu ta’ validità mitlub huwa mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2029. Dan ikompli d-deroga kurrenti u huwa fil-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.
Dan it-tnaqqis huwa intiż biex ikompli jagħti inċentiv ekonomiku għall-vararu l-użu tal-elettriku mix-xatt sabiex jonqos it-tniġġis tal-arja fil-bliet portwarji, titjieb il-kwalità tal-arja lokali u jitnaqqas l-istorbju għall-benefiċċju tas-saħħa tal-abitanti.
Il-miżura li għandha tiġi applikata mill-Ġermanja għandha wkoll l-objettiv li tnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport fuq l-ilma.
Permezz tal-miżura li qed titlob, il-Ġermanja trid tkompli toffri inċentiv għall-użu tal-elettriku mix-xatt li hija meqjusa bħala alternattiva li tniġġes inqas mill-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti rmiġġati f’port. Kif indikat fit-talba, ir-rata standard tat-taxxa fuq l-elettriku fil-Ġermanja hija ta’ EUR 20,50/MWh. It-tnaqqis tat-taxxa bħalissa huwa ta’ EUR 20,00/MWh. Dan ifisser li l-benefiċjarji jintalbu jħallsu r-rata minima tat-taxxa tal-UE għall-elettriku applikabbli skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija ta’ EUR 0,50/MWh (kif speċifikat fl-Artikolu 10(1) u fit-Tabella C tal-Anness I, għall-użu kummerċjali). Il-Ġermanja tippermetti li l-benefiċċju fuq it-taxxa jiġi pprovdut bħala rata tat-taxxa mnaqqsa imposta mal-forniment (li teħtieġ permess), jew bħala rifużjoni tat-taxxa.
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, l-Istati Membri jridu jeżentaw il-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti rmiġġati fil-portijiet. Jistgħu jagħmlu dan ukoll jekk l-elettriku jiġi prodott abbord bastimenti għan-navigazzjoni fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni f’konformità mal-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva. Il-Ġermanja kkonfermat li hija ttrasponiet din l-aħħar eżenzjoni fakultattiva.
L-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li t-tnaqqis fit-taxxa japplika għall-bastimenti kollha għajr id-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, jiġifieri li l-bastimenti kollha involuti fin-navigazzjoni kummerċjali, irrispettivament mid-daqs jew mill-bandiera li jtajru, jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa. Madankollu, ma hemm l-ebda obbligu għall-bastimenti li jużaw l-elettriku mix-xatt.
Kif indikat fit-talba, fl-2024, total ta’ 28 kumpanija talbu l-ħelsien mit-taxxa. Barra minn hekk, il-Flotta Navali Federali Ġermaniża hija fornuta b’elettriku mix-xatt fi tmien siti. Fil-Ġermanja jeżistu iktar minn 400 faċilità tal-elettriku mix-xatt fissi jew mobbli f’irmiġġi fil-portijiet tal-baħar u f’dawk interni. F’50 port tal-baħar u tal-ilmijiet interni (addizzjonali), il-faċilitajiet max-xatt jew huma ppjanati jew qed jinbnew.
Bħala stima tan-nefqa tat-taxxa mill-miżura, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkalkolaw it-telf tad-dħul mit-taxxa bbażat fuq l-ammont ta’ elettriku kkonsmat għall-benefiċċju u għall-ammont tal-vantaġġ. Il-ħelsien mit-taxxa bħalissa jammonta għal EUR 20,00/MWh (ir-rata standard tat-taxxa, kif imsemmi qabel, hija ta’ EUR 20,50/MWh).
Fl-2024, madwar 74,100 MWh ta’ elettriku jew ġie fornut bir-rata preferenzjali jew ibbenefika minn ħelsien mit-taxxa. Dan irriżulta f’telf ta’ dħul mit-taxxa għall-2024 li jammonta għal madwar EUR 1,48 miljun.
Il-Ġermanja talbet li l-awtorizzazzjoni tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2029, li tibda mill-1 ta’ Jannar 2026, mingħajr interruzzjoni tad-deroga kurrenti u mingħajr ma jinqabeż il-perjodu massimu indikat fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.
Bit-tnaqqis fit-taxxa, il-Ġermanja trid tipprovdi inċentiv għall-operaturi tal-bastimenti biex jużaw l-elettriku mix-xatt sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u sabiex jitnaqqas l-istorbju fl-ajru mill-kombustjoni tal-fjuwils minn bastimenti rmiġġati, kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO2. L-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa ssaħħaħ il-kompetittività tal-elettriku mix-xatt meta mqabbla mal-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti abbord, li huwa eżentat mit-tassazzjoni tas-sisa fuq l-enerġija.
L-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu li l-iskema tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Għalhekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma nnotifikawx formalment lill-Kummissjoni dwar l-iskema iżda minflok bagħtu sommarju tal-informazzjoni dwar l-iskema permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika tal-Kummissjoni bħala parti mill-obbligu ta’ rapportar tagħhom meħtieġ skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE fl-1 ta’ Lulju 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
It-tassazzjoni tal-elettriku hija regolata mid-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 10. L-Artikolu 14(1)(c) jipprevedi eżenzjoni obbligatorja mit-taxxa fuq l-elettriku prodott abbord inġenju. L-Artikoli 5, 15 u 17 jipprevedu l-possibilità għall-Istati Membri li japplikaw divrenzjar tat-taxxi, inklużi eżenzjonijiet u tnaqqis, għal ċerti użi tal-elettriku. Madankollu, fil-verità, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux taxxa mnaqqsa għall-elettriku mix-xatt.
Dispożizzjonijiet skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jaqra kif ġej:
Flimkien ma dawn id-disposizzjonijiet msemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikolu 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.
Permezz tat-tnaqqis fit-taxxa inkwistjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi qed isegwu l-objettiv li jkomplu jippromwovu mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent għall-bastimenti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom tal-elettriku waqt li jkunu rmiġġati fil-portijiet, u b’hekk itejbu l-kwalità tal-arja lokali u jnaqqsu l-istorbju.
Il-Kummissjoni diġà rrakkomandat l-użu tal-elettriku mix-xatt bħala alternattiva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord bastimenti rmiġġati, u b’hekk irrikonoxxiet il-vantaġġi ambjentali tagħha.
Bħalissa r-rata standard għall-elettriku hija ta’ EUR 20,50/MWh, filwaqt li l-benefiċċju ta’ taxxa huwa ta’ EUR 20,00/MWh. Għalhekk, il-benefiċjarji huma mitluba jħallsu r-rata minima tat-taxxa fuq l-elettriku tal-UE ta’ EUR 0,50/MWh skont id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija. Għaldaqstant, dan jista’ jkompli jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ politika ddikjarat.
Il-possibilità li jkun permess trattament favorevoli ta’ taxxa fuq l-elettriku mix-xatt tista’ tkun prevista skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva peress li l-għan tagħha huwa li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-politika.
Il-Ġermanja talbet li l-miżura tapplika għal durata fil-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19(2), jiġifieri 4 snin. Fil-prinċipju, il-miżura trid tibqa’ fis-seħħ għal perjodu twil biżżejjed biex ikollha impatt pożittiv fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment għal investimenti f’faċilitajiet tal-elettriku mix-xatt mill-operaturi tal-port, u f’tagħmir abbord mill-operaturi tal-bastimenti.
Madankollu, jenħtieġ li d-deroga ma ddgħajjifx l-iżviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti u għandha tqis ir-reviżjoni li għadha għaddejja tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u l-adozzjoni possibbli mill-Kunsill ta’ att legali bbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.
B’mod partikolari, bħala parti mir-riformulazzjoni proposta tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku, il-Kummissjoni, fost l-oħrajn, ipprevediet li l-Istati Membri kollha japplikaw eżenzjonijiet, eżenzjonijiet parzjali jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet, sabiex tħeġġeġ l-iżvilupp u l-użu tiegħu.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, jidher xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-perjodu inkwistjoni.
Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat
Ir-rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ EUR 0,50 għal kull MWh prevista mill-awtoritajiet Ġermaniżi hija ugwali għal-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku tal-UE għall-użu kummerċjali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.
L-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom, l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96/KE, tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat.
L-awtoritajiet Ġermaniżi jindikaw li l-iskema kurrenti u l-iskemi preċedenti għaliha jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE. Għalhekk, l-iskema ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni. Madankollu, fl-1 ta’ Lulju 2024, il-Ġermanja bagħtet is-sommarju tal-informazzjoni permezz tas-sistema ta’ notifika elettronika tal-Kummissjoni kif meħtieġ skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE.
Il-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill ma tippreġudikax l-obbligu li l-Istat Membru jiżgura konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill hija wkoll mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istat Membru li jinnotifika l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel ma jimplimentaha, skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, jekk l-għajnuna l-ġdida ma tkunx koperta mir-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Politika dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima
Il-miżura mitluba tikkonċerna prinċipalment il-politika tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Peress li l-miżura se tgħin biex jitnaqqas il-ħruq abbord tal-fjuwils tal-bastimenti fil-portijiet, hija se tikkontribwixxi għall-objettiv li titjieb il-kwalità tal-arja lokali u jitnaqqas l-istorbju. Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent tirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li l-livelli ta’ bosta mis-sustanzi li jniġġsu l-arja jinżammu taħt il-valuri ta’ limitu, il-valuri fil-mira u l-istandards l-oħrajn tal-kwalità tal-arja stabbiliti f’din id-Direttiva. Dan ifisser li l-Istati Membri huma meħtieġa jsibu soluzzjonijiet għal problemi bħall-emissjonijiet ta’ bastimenti rmiġġati fil-portijiet fejn dan ikun rilevanti. Huwa konċepibbli li fil-portijiet fejn jeżistu dawn il-problemi, l-użu tal-elettriku mix-xatt se jiġi mħeġġeġ ulterjorment bħala aspett wieħed tal-istrateġija ġenerali dwar il-kwalità tal-arja. L-użu tal-elettriku mix-xatt huwa mħeġġeġ ukoll taħt id-Direttiva (UE) 2016/802 li tirregola l-kontenut tal-kubrit fi fjuwils marini.
Billi testendi l-miżura mitluba, il-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tkompli tinċentiva l-użu tal-elettriku mix-xatt bħala alternattiva iktar favur l-ambjent għall-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti waqt li jkunu rmiġġati f’port.
Kif jenfasizzaw l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-użu tal-elettriku mix-xatt minflok il-ġeneraturi abbord jista’ jirriżulta f’emissjonijiet iktar baxxi ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja, bħad-diossidi tan-nitroġenu u tal-kubrit, materja partikolata fina u metalli tqal, kif ukoll fi tnaqqis sinifikanti fit-tniġġis akustiku f’xi każijiet. Minħabba li mill-2030 ’il quddiem se japplikaw valuri ta’ limitu tal-kwalità tal-arja iktar stretti, l-elettriku mix-xatt tista’ tkun mistennija li tieħu iktar importanza bħala miżura għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
L-użu ta’ konnessjonijiet tal-elettriku mix-xatt mhux biss se jnaqqas is-sustanzi li jniġġsu, il-materja partikolata u n-nugrufun fl-ajru iżda x’aktarx li jwassal ukoll għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2. Dan għaliex it-taħlita tal-elettriku mill-grilja fuq ix-xatt fil-Ġermanja hija inqas intensiva fil-karbonju mill-elettriku prodott abbord permezz tal-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti, minħabba effiċjenza ogħla tas-sistema tal-enerġija u d-differenza fil-fjuwils tal-input użati.
Data speċifika pprovduta mill-port ta’ Hamburg għall-2024 tissuġġerixxi li l-iffrankar tal-emissjonijiet li ġej jista’ jinkiseb billi tinxtara elettriku mix-xatt esklużivament minn sorsi alternattivi tal-enerġija:
–4,327 g CO2 t/a,
–78,9 g SOx t/a,
–2,6 g NOx t/a, u
–1,2 PM t/a.
Il-politika dwar l-enerġija
Il-miżura hija konformi mar-Regolament (UE) 2023/1804 tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE. Dan ir-Regolament jindirizza l-kwistjoni tal-installazzjoni ta’ faċilitajiet għall-provvista tal-elettriku mix-xatt f’portijiet fejn hemm domanda għal tali faċilitajiet u l-kostijiet ma humiex sproporzjonati għall-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali. Miżura simili ġiet ivvalutata wkoll bħala li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandhom l-għan li jnaqqsu l-impronta ambjentali tat-trasport marittimu u li jgħinu fl-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.
Raġuni ewlenija għall-pożizzjoni kompetittiva mhux favorevoli tal-elettriku mix-xatt hija l-fatt li l-elettriku prodott abbord il-bastimenti waqt li jkunu fil-portijiet marittimi, bħalissa jgawdi minn eżenzjoni sħiħa mit-taxxa. Mhux talli l-fjuwil tal-bastimenti li jinħaraq biex jiġġenera l-elettriku huwa eżentat mit-tassazzjoni, li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni normali skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE, talli l-elettriku nnifsu prodott abbord il-bastimenti huwa eżentat ukoll. Minkejja li l-eżenzjoni tal-aħħar tidher li hija diffiċli biex tiġi rrikonċiljata mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, din hija kwistjoni ta’ prattikabbiltà. Fil-fatt, it-tassazzjoni fuq l-elettriku prodott abbord tkun teħtieġ dikjarazzjoni mingħand sid il-bastiment – ħafna drabi stabbilit f’pajjiż terz – jew mingħand l-operatur tal-ammont ta’ elettriku kkonsmat. Fid-dikjarazzjoni jkollhom jiddeterminaw ukoll il-porzjon tal-elettriku kkonsmat fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru fejn tkun dovuta t-taxxa. Dan joħloq piż amministrattiv enormi għas-sidien tal-bastimenti jekk ikollhom jagħmlu tali dikjarazzjonijiet għall-ibħra territorjali ta’ kull Stat Membru kkonċernat. Kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw għan-navigazzjoni interna u għat-trattament fakultattiv tat-taxxa f’konformità mal-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva, li hija implimentata mill-Ġermanja. Minħabba l-eżenzjoni tar-rotta fossili tal-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti, hemm ġustifikazzjoni biex ma tiġix penalizzata l-alternattiva tal-elettriku mix-xatt li tniġġes inqas billi l-Ġermanja titħalla tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni.
Politika dwar it-trasport
Il-miżura hija konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Unjoni u mal-Iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni.
Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, mill-2030 ’il quddiem, il-bastimenti kklassifikati bħala bastimenti tal-kruċiera, laneċ u bastimenti tal-kontejners ta’ iktar minn 5,000 tunnellaġġ gross huma meħtieġa jużaw sistemi ta’ Provvista tal-elettriku mix-xatt, ħlief f’każijiet fejn teknoloġija b’emissjonijiet żero tkun disponibbli għalihom.
Is-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta
Fir-rigward tas-suq intern u tal-kompetizzjoni ġusta, il-miżura tnaqqas biss id-distorsjoni eżistenti fit-taxxa bejn żewġ sorsi tal-elettriku f’kompetizzjoni bejniethom għad-dgħajjes irmiġġati, jiġifieri l-ġenerazzjoni abbord u l-elettriku mix-xatt, li hija kkawżata mill-eżenzjoni tat-taxxa għall-fjuwils tal-bastimenti.
L-awtoritajiet Ġermaniżi josservaw li l-benefiċċju ta’ taxxa għall-elettriku mix-xatt ma jagħti l-ebda vantaġġ lill-operaturi tal-bastimenti li jibbenefikaw minnha, u dan jista’ jfixkel is-suq intern. Is-sostituzzjoni tal-elettriku mix-xatt bl-elettriku prodott fuq il-bastimenti nfushom ma għandha l-ebda effett ta’ ffrankar. Il-kostijiet tal-elettriku mix-xatt fil-Ġermanja bħalissa huma ogħla mill-kostijiet tal-elettriku awtoġġenerat, anke meta jitqiesu l-vantaġġi tat-taxxa.
Barra minn hekk, l-aċċess għall-elettriku mix-xatt se jkun disponibbli għall-bastimenti kkonċernati irrispettivament mill-bandiera tagħhom. Dan mhux se jwassal biex l-operaturi ekonomiċi nazzjonali jirċievu trattament tat-taxxa iktar vantaġġuż mill-kompetituri tagħhom minn Stati Membri oħra tal-UE.
Rigward il-kompetizzjoni bejn il-portijiet, kwalunkwe impatt potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li jista’ jirriżulta jekk il-bastimenti jbiddlu r-rotot tagħhom minħabba l-possibbiltà ta’ konsum ta’ elettriku mix-xatt b’rata ta’ taxxa mnaqqsa, jista’ jkun mistenni li se jkun negliġibbli. Kif iddikjarat hawn fuq, minkejja t-tnaqqis fit-taxxa l-użu tal-elettriku mix-xatt ma huwiex probabbli li jsir iktar ekonomiku mill-ġenerazzjoni abbord, għall-inqas fuq terminu qasir. Għalhekk, dan it-tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mix-xatt lanqas ma huwa probabbli li jfixkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni bejn il-portijiet billi jwassal lill-bastimenti biex ibiddlu l-itinerarju tagħhom minħabba d-disponibbiltà ta’ din l-għażla.
L-awtoritajiet Ġermaniżi jargumentaw li fatturi oħra (bħat-tip ta’ bastiment u merkanzija, il-konnessjonijiet maż-żoni interni disponibbli u fatturi ekonomiċi oħra) għandhom rwol fl-għażla tal-portijiet. Is-sempliċi disponibbiltà tal-elettriku mix-xatt ma tidhirx li hija deċiżiva.
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi jenfasizzaw li l-użu tal-elettriku mix-xatt huwa limitat ukoll minħabba li ma hemm l-ebda standard tekniku miftiehem fuq livell internazzjonali għall-konnessjoni tal-bastimenti mal-grilja tal-elettriku u, f’xi każijiet, ma hemm l-ebda kapaċità tal-provvista tal-elettriku mix-xatt.
Sakemm ma jkunx hemm bidliet sinifikanti fil-qafas u fis-sitwazzjoni kurrenti, il-perjodu ta’ żmien għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata rata tat-taxxa mnaqqsa jagħmilha improbabbli li l-analiżi mwettqa fil-paragrafi preċedenti tinbidel qabel ma tiskadi l-miżura.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.
Madankollu, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma huwiex applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-att ma huwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, jenħtieġ li ma jintbagħatx lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal rieżami ta’ konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv inkwistjoni.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi dan it-tip ta’ miżura biss.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-miżura ma tirrikjedix l-evalwazzjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Ġermanja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru. Għalhekk, ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma tirrikjedix valutazzjoni tal-impatt.
Madankollu, kif imsemmi qabel, l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt limitat fuq id-dħul mit-taxxa, u r-rata tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt xorta se tibqa’ ogħla mil-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE. Il-Ġermanja qed tistenna li l-miżura se jkollha impatt pożittiv fl-ilħuq tal-għanijiet ambjentali tagħha u b’mod partikolari għat-titjib tal-kwalità tal-arja lokali u t-tnaqqis tal-istorbju fl-ibliet portwarji.
B’mod iktar speċifiku, l-użu tal-elettriku mix-xatt minflok il-ġeneraturi abbord jista’ jirriżulta f’emissjonijiet iktar baxxi ta’ ħafna sustanzi li jniġġsu l-arja – bħad-diossidi tan-nitroġenu u tal-kubrit, materja partikolata fina u metalli tqal – kif ukoll tnaqqis sinifikanti fit-tniġġis akustiku f’xi każijiet (kif ikkonfermat minn feedback li jindika tnaqqis fl-għadd ta’ lmenti minn postijiet ġewwa l-belt). Minħabba li mill-2030 ’il quddiem se japplikaw valuri ta’ limitu tal-kwalità tal-arja iktar stretti, l-elettriku mix-xatt tista’ tkun mistennija li ssir iktar importanti bħala miżura għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Fl-istima tagħhom tan-nefqa tat-taxxa mill-miżura, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistennew li jkun hemm telf ta’ EUR 1,3 miljun fis-sena għas-snin li ġejjin.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Dan huwa r-riżultat tat-talba magħmula mill-Ġermanja u jikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Drittijiet fundamentali
Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ma hemm bżonn ta’ ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa għal Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija pprovduta għal perjodu limitat sal-31 ta’ Diċembru 2029. Ir-rata tat-taxxa li se tkun applikabbli se tkun ugwali għal-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit mid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jkun hemm talba għal tiġdid wara li l-perjodu tal-validità jkun skada.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Il-proposta ma tirrikjedix dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jistipula li l-Ġermanja se titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr id-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati fil-portijiet Ġermaniżi (“elettriku mix-xatt”). Ir-rata ta’ taxxa ma għandhiex tkun inqas minn EUR 0,50 għal kull MWh, jiġifieri l-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-użu kummerċjali stabbilit fid-Direttiva. Mhux se jkun possibbli li l-elettriku jiġi fornut b’rata mnaqqsa għad-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment kif definit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE.
Fl-ewwel paragrafu tiegħu, l-Artikolu 2 jistipula li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026, b’kontinwità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2020/1436/UE kurrenti, sal-31 ta’ Diċembru 2029, fil-perjodu massimu permess mid-Direttiva, kif mitlub mill-Ġermanja. It-tieni paragrafu jispeċifika li f’każ ta’ adozzjoni mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, li ssir applikabbli matul il-perjodu stabbilit fl-ewwel paragrafu, id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika meta dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali jsiru applikabbli.
2026/0121 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1), l-ewwel paragrafu tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1436, il-Ġermanja ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr id-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”), sal-31 ta’ Diċembru 2025, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.
(2)Permezz ta’ ittra datata s-26 ta’ Awwissu 2025, il-Ġermanja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-elettriku mix-xatt skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. Fit-23 ta’ Jannar 2026, l-awtoritajiet Ġermaniżi bagħtu ittra li tipprovdi informazzjoni addizzjonali relatata mat-talba.
(3)Bir-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebha tapplika, il-Ġermanja għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-użu tal-elettriku mix-xatt. L-użu ta’ tali elettriku huwa meqjus bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti rmiġġati f’port milli jagħmel il-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.
(4)Sa fejn l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti minn bastimenti rmiġġati f’port, dan itejjeb il-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwarji. Barra minn hekk, skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Ġermanja, l-użu tal-elettriku mix-xatt minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti huwa mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, sustanzi oħra li jniġġsu l-arja u l-istorbju. Għalhekk, l-applikazzjoni kontinwa tar-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.
(5)Il-permess biex il-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se tibqa’ l-iktar alternattiva kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li bħalissa l-penetrazzjoni tat-teknoloġija rilevanti fis-suq hija relattivament baxxa, l-applikazzjoni ta’ dik ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni ma hijiex probabbli li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha u għalhekk ma hijiex se tħalli effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.
(6)F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 19(1) ta’ din id-Direttiva trid tkun għal żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata għal perjodu ta’ 4 snin. Madankollu, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt li tiġi adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat jekk tali dispożizzjoni ssir applikabbli matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni.
(7)Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u tal-bastimenti, u sabiex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u għar-ridistributuri tal-elettriku li tista’ tirriżulta minn bidliet fir-rata ta’ taxxa imposta fuq l-elettriku mix-xatt, jenħtieġ li l-Ġermanja tkun tista’ tkompli tapplika r-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-elettriku mix-xatt mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1436.
(8)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ġermanja hija awtorizzata tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti, għajr id-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”), sakemm jiġu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2029.
Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew fuq kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jadotta kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, li ssir applikabbli matul il-perjodu stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika meta jibdew japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President