|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5681 |
20.9.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITAJIET ĊIPRIJOTTI LI JESTENDU L-PERJODU TRANŻIZZJONALI GĦALL-KONFORMITÀ MAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TAD-DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA
“Χαλλούμι / Halloumi / Hellim” (DOP)
(C/2024/5681)
Din id-Deċiżjoni hija ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 20(7) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
ATT AMMINISTRATTIV REGOLATORJU 252/2024
IL-GAZZETTA TAL-GVERN
TAR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU
APPENDIĊI III
PARTI I
ATTI AMMINISTRATTIVI REGOLATORJI
|
Numru 5883 |
It-Tnejn, 8 ta’ Lulju 2024 |
1789 |
Numru 252
DEĊIŻJONI SKONT L-ARTIKOLU 20(7) TAR-REGOLAMENT (UE) 2024/1143 DWAR INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI GĦALL-INBID, IX-XORB SPIRITUŻ U L-PRODOTTI AGRIKOLI, KIF UKOLL L-ISPEĊJALITAJIET TRADIZZJONALI GARANTITI U T-TERMINI TAL-KWALITÀ MHUX OBBLIGATORJI GĦALL-PRODOTTI AGRIKOLI, LI JEMENDA R-REGOLAMENTI (UE) NRU 1308/2013, (UE) 2019/787 U (UE) 2019/1753 U LI JĦASSAR IR-REGOLAMENT (UE) NRU 1151/2012
BILLI wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/591 tat-12 ta’ April 2021, l-isem “Χαλλούμι / Halloumi / Hellim” ġie rreġistrat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti,
BILLI l-Ministru għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, bid-deċiżjoni tiegħu fl-Att Amministrattiv Regolatorju 326/2014 tad-9 ta’ Lulju 2014, approva, abbażi tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, perjodu tranżizzjonali ta’ 10 snin li matulu l-proporzjon tat-tipi ta’ ħalib fil-prodott li għandu jiġi ddeżinjat bħala “Χαλλούμι / Halloumi / Hellim” ikun dak stabbilit fid-Digriet maħruġ mill-Ministru għall-Enerġija, il-Kummerċ u l-Industrija skont il-Liġi dwar l-Istandardizzazzjoni, l-Akkreditazzjoni u l-Informazzjoni Teknika,
BILLI l-Ministeru għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent qed jagħmel sforz biex iżid gradwalment il-produzzjoni tal-ħalib tal-mogħoż u tan-nagħaġ ħalli l-produtturi kollha jkunu jistgħu jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Χαλλούμι / Halloumi / Hellim” (DOP) sa tmiem il-perjodu tranżizzjonali,
BILLI l-kwantitajiet tal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż li huma disponibbli bħalissa u l-kwantitajiet tas-sena l-oħra huma l-istess, mhuwiex possibbli għall-produtturi kollha tal-halloumi li jikkonformaw mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjoni rreġistrata Χαλλούμι / Halloumi / Hellim (DOP), li tipprevedi li l-kwantità tal-ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, jew taħlita tat-tnejn, trid tkun dejjem taqbeż l-ammont tal-ħalib tal-baqar,
BILLI ż-żmien bejn l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem fl-istadju tal-Unjoni u r-reġistrazzjoni tal-isem Χαλλούμι / Halloumi / Hellim bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta qabeż il-5 snin.
Abbażi tal-Artikolu 20(7) tar-Regolament (UE) 2024/1143, ġie deċiż, min-naħa tal-Ministru għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, li l-perjodu tranżizzjonali jiġi estiż b’5 snin. Il-5 snin addizzjonali tal-perjodu tranżizzjonali għandhom jibdew mid-data li fiha jintemm il-perjodu tranżizzjonali ta’ 10 snin, skont l-Att Amministrattiv Regolatorju 326/2014, jiġifieri mid-9 ta’ Lulju 2024. Matul dan il-perjodu tranżizzjonali estiż, il-proporzjon minimu ta’ ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż fil-materja prima użata biex jitħejja l-prodott bid-denominazzjoni Χαλλούμι / Halloumi / Hellim għandu jkun kif stabbilit fid-Digriet maħruġ mill-Ministru għall-Enerġija, il-Kummerċ u l-Industrija skont il-Liġi dwar l-Istandardizzazzjoni, l-Akkreditazzjoni u l-Informazzjoni Teknika.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-10 ta’ Lulju 2024.
Maħruġa fit-8 ta’ Lulju 2024
Maria PANAYIOTOU,
Il-Ministru għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
(1) ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europ.eu/eli/reg/2024/1143/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5681/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)