|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/248 |
3.2.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/248
tat-2 ta’ Frar 2026
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-formati tal-firem elettroniċi avvanzati u tas-siġilli elettroniċi avvanzati li jridu jiġu rikonoxxuti mill-korpi tas-settur pubbliku, u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1506
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(5) u l-Artikolu 37(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Istati Membri jeħtieġ idaħħlu fis-seħħ il-mezzi tekniċi meħtieġa biex ikunu jistgħu jipproċessaw id-dokumenti b’firem jew siġilli elettroniċi li jintalbu meta jintuża xi servizz online offrut minn entità tas-settur pubbliku jew f’isimha. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 27 u mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, l-Istati Membri li jitolbu firma elettronika avvanzata jew siġill elettroniku avvanzat biex ikun jista’ jintuża servizz online offrut minn entità tas-settur pubbliku jew f’isimha, iridu jirrikonoxxu firem elettroniċi avvanzati u siġilli elettroniċi avvanzati, firem elettroniċi avvanzati u siġilli elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikat kwalifikat, u firem u siġilli elettroniċi kwalifikati b’formati speċifiċi, jew b’formati alternattivi vvalidati skont metodi ta’ referenza speċifiċi. |
|
(3) |
Biex tiffaċilita l-validazzjoni transfruntiera tal-firem jew tas-siġilli elettroniċi u biex ittejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera tat-tranżazzjonijiet elettroniċi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1506 (2)stabbiliet għadd ta’ formati ta’ referenza għall-firem elettroniċi avvanzati u s-siġilli elettroniċi avvanzati li jridu jiġu appoġġati mill-Istati Membri. Peress li ġew żviluppati teknoloġiji, prattiki, standards u speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1506 jenħtieġ li titħassar. Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jipprovdi lista ta’ formati standard u dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ dawk il-formati standard. |
|
(4) |
Dawn il-formati standard elenkati jenħtieġ li jirriflettu prattiki stabbiliti u jkunu rikonoxxuti b’mod wiesa’ fis-setturi rilevanti. Meta il-firem jew is-siġilli elettroniċi jsiru b’formati oħra ta’ firem elettroniċi avvanzati jew ta’ siġilli elettroniċi avvanzati, li mhumiex dawk komunement appoġġati b’mod tekniku, jenħtieġ li jiġu pprovduti metodi għall-validazzjoni transfruntiera tal-firem elettroniċi avvanzati jew is-siġilli elettroniċi avvanzati. Biex l-Istati Membri riċeventi jkunu jistgħu jistrieħu fuq il-metodi tal-validazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, l-Istat Membru emittenti jeħtieġ jipprovdi informazzjoni aċċessibbli faċilment dwar dawk il-metodi tal-validazzjoni. Għalhekk, dik l-informazzjoni dwar il-metodu tal-validazzjoni applikabbli jenħtieġ li tiġi inkluża fid-dokumenti elettroniċi, fil-firem elettroniċi avvanzati jew is-siġilli elettroniċi avvanzati, jew fil-kontenituri tad-dokumenti elettroniċi. |
|
(5) |
Meta servizz pubbliku ta’ Stat Membru jkollu disponibbli metodi tal-validazzjoni alternattivi għall-firem jew is-siġilli elettroniċi avvanzati li jkunu adattati għall-ipproċessar awtomatiku, dawk il-metodi tal-validazzjoni jenħtieġ li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni u jiġu pprovduti lill-Istat Membru riċevitur. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) u (2) u tal-Artikolu 37(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jenħtieġ li jkunu japplikaw xorta meta l-ipproċessar awtomatizzat tal-metodi tal-validazzjoni alternattivi ma jkunx fattibbli teknikament. |
|
(6) |
Biex jiġu previsti rekwiżiti komparabbli għall-validazzjoni u biex tiżdied il-fiduċja fil-metodi tal-validazzjoni pprovduti mill-Istati Membri għal formati oħra ta’ firem jew siġilli elettroniċi avvanzati, li mhumiex dawk komunement appoġġati b’mod tekniku, ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament għal dawk il-metodi tal-validazzjoni, jinsiltu mir-rekwiżiti għall-validazzjoni tal-firem u s-siġilli elettroniċi kwalifikati msemmija fl-Artikolu 32 u fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u mir-rekwiżiti għall-validazzjoni tal-firem elettroniċi avvanzati u s-siġilli elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kwalifikati msemmija fl-Artikolu 32a u fl-Artikolu 40a tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni tivvaluta regolarment teknoloġiji, prattiki, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. F’konformità mal-Premessa 75 tar-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina u taġġorna dan ir-Regolament, jekk ikun meħtieġ, biex iżżommu konformi mal-iżviluppi globali, ma’ teknoloġiji, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda, u biex timxi mal-aqwa prattiki fis-suq intern. |
|
(8) |
L-Istati Membri li jitolbu firma elettronika avvanzata, firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat, siġill elettroniku avvanzat, jew siġill elettroniku avvanzat ibbażat fuq ċertifikat kwalifikat kif stabbilit fl-Artikolu 27(1) u (2) u tal-Artikolu 37(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, jenħtieġ li jirrikonoxxu rispettivament firem elettroniċi avvanzati li jużaw formati jew kontenituri tal-firem assoċjati, jew siġilli elettroniċi avvanzati li jużaw formati jew kontenituri tas-siġilli assoċjati, li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati f’dan ir-Regolament. Dak l-obbligu li jirrikonoxxu l-firem elettroniċi avvanzati jew is-siġilli elettroniċi avvanzati, meta jintuża servizz online offrut minn korp tas-settur pubbliku jew f’ismu, jenħtieġ li japplika sakemm il-validazzjoni tal-firem elettroniċi avvanzati jew tas-siġilli elettroniċi avvanzati tkun meħtieġa mil-liġijiet tal-UE jew nazzjonali, u jibda japplika mill-ħolqien tagħhom. Biex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jemendaw l-applikazzjonijiet tal-validazzjoni tagħhom, ir-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru applikabbli biss 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Biex tkun żgurata t-tranżizzjoni lejn standards mill-aktar avvanzati, l-obbligu li jirrikonoxxu firem elettroniċi avvanzati jew siġilli elettroniċi avvanzati li jkun għadhom kif inħolqu bil-formati standard elenkati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1506 jenħtieġ li jkun limitat fiż-żmien, sa 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) japplikaw għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta l-opinjoni tiegħu fil-21 ta’ Ottubru 2025 (7). |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Formati tal-firem elettroniċi avvanzati
1. L-Istati Membri li jitolbu firma elettronika avvanzata jew firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat f’konformità mal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandhom jirrikonoxxu l-firem elettroniċi avvanzati li jużaw formati jew kontenituri tal-firem assoċjati, li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-firem elettroniċi avvanzati li jużaw formati jew kontenituri tal-firem assoċjati, li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, meta dawk il-firem elettroniċi jkunu nħolqu qabel it-23 ta’ Frar 2028.
Artikolu 2
Metodi tal-validazzjoni alternattivi għall-firem elettroniċi avvanzati
1. L-Istati Membri li jitolbu firma elettronika avvanzata jew firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat f’konformità mal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandhom jirrikonoxxu formati oħra tal-firem elettroniċi avvanzati apparti dawk imsemija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, fejn:
|
(a) |
l-Istat Membru, li fih ikun stabbilit il-fornitur tas-servizzi fiduċjarji użat mill-firmatarju, joffri lil Stati Membri oħra metodi tal-validazzjoni għall-firem għal dawk il-formati; u |
|
(b) |
dawk il-metodi tal-validazzjoni għandhom jitwettqu f’konformità mal-paragrafu 2. |
2. Il-metodi tal-validazzjoni għall-formati alternattivi tal-firem għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
ikunu, meta possibbli, adattati għall-ipproċessar awtomatizzat; |
|
(b) |
jippermettu lill-Istati Membri l-oħra jivvalidaw il-firma elettronika riċevuta online, mingħajr ħlas; |
|
(c) |
jipprovdu struzzjonijiet ċari, komprensivi, li jinftiehmu faċilment u aċċessibbli biex issir il-validazzjoni; |
|
(d) |
ikunu indikati fid-dokument iffirmat, fil-firma elettronika jew fil-kontenitur tad-dokument elettroniku; |
|
(e) |
jikkonfermaw il-validità ta’ firma elettronika avvanzata, diment li:
|
3. L-indikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (d), għandha tippermetti lill-partijiet dipendenti jaċċessaw faċilment l-ispeċifikazzjonijiet sħaħ tal-metodu tal-validazzjoni tal-firem, mingħajr ħlas.
Artikolu 3
Formati tas-siġilli elettroniċi avvanzati
1. L-Istati Membri li jitolbu siġill elettroniku avvanzat jew siġill elettroniku avvanzat ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat f’konformità mal-Artikolu 37(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandhom jirrikonoxxu s-siġilli elettroniċi avvanzati li jużaw formati jew kontenituri tas-siġilli assoċjati, li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu s-siġilli elettroniċi avvanzati li jużaw formati jew kontenituri tas-siġilli assoċjati, li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, meta dawk is-siġilli elettroniċi jkunu nħolqu qabel it-23 ta’ Frar 2028.
Artikolu 4
Metodi tal-validazzjoni alternattivi għas-siġilli elettroniċi avvanzati
1. L-Istati Membri li jitolbu siġill elettroniku avvanzat jew siġill elettroniku avvanzat ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat f’konformità mal-Artikolu 37(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandhom jirrikonoxxu formati oħra tas-siġilli elettroniċi avvanzati apparti dawk imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, fejn:
|
(a) |
l-Istat Membru, li fih ikun stabbilit il-fornitur tas-servizzi fiduċjarji użat mill-kreatur tas-siġill, joffri lil Stati Membri oħra metodi tal-validazzjoni għas-siġilli għal dawk il-formati; u |
|
(b) |
dawk il-metodi tal-validazzjoni għandhom jitwettqu f’konformità mal-paragrafu 2. |
2. Il-metodi tal-validazzjoni għall-formati alternattivi tas-siġilli għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
ikunu, meta possibbli, adattati għall-ipproċessar awtomatizzat; |
|
(b) |
jippermettu lill-Istati Membri l-oħra jivvalidaw is-siġill elettroniku riċevut online, mingħajr ħlas; |
|
(c) |
jipprovdu struzzjonijiet ċari, komprensivi, li jinftiehmu faċilment u aċċessibbli biex issir il-validazzjoni; |
|
(d) |
għandhom ikunu indikati fid-dokument issiġillat, fis-siġill elettroniku jew fil-kontenitur tad-dokument elettroniku; u |
|
(e) |
għandhom jikkonfermaw il-validità ta’ siġill elettroniku avvanzat, dejjem jekk:
|
3. L-indikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (d), għandha tippermetti lill-partijiet dipendenti jaċċessaw faċilment l-ispeċifikazzjonijiet sħaħ tal-metodu tal-validazzjoni tas-siġilli, mingħajr ħlas.
Artikolu 5
Tħassir
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1506 titħassar.
Referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom ifissru referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1) għandhom japplikaw mit-23 ta’ Frar 2027.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1506 tat-8 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet marbutin mal-formati tal-firem elettroniċi avvanzati u tas-siġilli avvanzati li għandhom jiġu rrikonoxxuti mill-entitajiet tas-settur pubbliku skont l-Artikoli 27(5) u 37(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1506/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali, ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj.
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(5) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(7) Kummenti formali tal-EDPS dwar l-abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar formati ta’ firem u siġilli elettroniċi avvanzati li jridu jiġu rikonoxxuti mill-korpi tas-settur pubbliku, u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1506.
ANNESS I
Lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għall-firem elettroniċi avvanzati msemmija fl-Artikolu 1(1) u għas-siġilli elettroniċi avvanzati msemmija fl-Artikolu 3(1)
|
Profil bażiku XAdES |
ETSI EN 319 132 -1 V1.3.1 (2024-07) (1) |
||
|
Profil bażiku CAdES |
ETSI EN 319 122 -1 V1.3.1 (2023-06) (2) |
||
|
Profil bażiku PAdES |
ETSI EN 319 142 -1 V1.2.1 (2024-01) (3) |
||
|
Profil bażiku JAdES |
ETSI TS 119 182 -1 V1.2.1 (2024-07) (4), bl-adattament li ġej:
|
Lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għall-kontenituri tal-firem assoċjati msemmija fl-Artikolu 1(1) u għall-kontenituri tas-siġilli assoċjati msemmija fl-Artikolu 3(1)
|
Profil bażiku tal-Kontenituri tal-Firem/tas-Siġilli Assoċjati |
ETSI EN 319 162 -1 V1.1.1 (2016-04) (5) ETSI EN 319 162 -2 V1.1.1 (2016-04) (6) għal kontenitur addizzjonali ta’ ASiC-E CAdES kif speċifikat fil-klawżola 4.3.1. |
(1) https://www.etsi.org/deliver/etsi_en/319100_319199/31913201/01.03.01_60/en_31913201v010301p.pdf.
(2) https://www.etsi.org/deliver/etsi_en/319100_319199/31912201/01.03.01_60/en_31912201v010301p.pdf.
(3) https://www.etsi.org/deliver/etsi_en/319100_319199/31914201/01.02.01_60/en_31914201v010201p.pdf.
(4) https://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/119100_119199/11918201/01.02.01_60/ts_11918201v010201p.pdf.
(5) https://www.etsi.org/deliver/etsi_en/319100_319199/31916201/01.01.01_60/en_31916201v010101p.pdf.
(6) https://www.etsi.org/deliver/etsi_en/319100_319199/31916202/01.01.01_60/en_31916202v010101p.pdf.
ANNESS II
Lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għall-firem elettroniċi avvanzati msemmija fl-Artikolu 1(2) u għas-siġilli elettroniċi avvanzati msemmija fl-Artikolu 3(2)
|
Profil bażiku XAdES |
ETSI TS 103 171 v.2.1.1 (1) bl-eċċezzjoni tal-klawżola 9 u fil-livell ta’ konformità tal-Livell B, tal-Livell T jew tal-Livell LT |
|
Profil bażiku CAdES |
ETSI TS 103 173 v.2.2.1 (2) bl-eċċezzjoni tal-klawżola 9 u fil-livell ta’ konformità tal-Livell B, tal-Livell T jew tal-Livell LT |
|
Profil bażiku PAdES |
ETSI TS 103 172 v.2.2.2 (3) bl-eċċezzjoni tal-klawżola 9 u fil-livell ta’ konformità tal-Livell B, tal-Livell T jew tal-Livell LT |
Lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għall-kontenituri tal-firem assoċjati msemmija fl-Artikolu 1(2) u għall-kontenituri tas-siġilli assoċjati msemmija fl-Artikolu 3(2)
|
Profil bażiku tal-Kontenituri tal-Firem/tas-Siġilli Assoċjati |
ETSI TS 103 174 v.2.2.1 (4) |
(1) http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103171/02.01.01_60/ts_103171v020101p.pdf.
(2) http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103173/02.02.01_60/ts_103173v020201p.pdf.
(3) http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103172/02.02.02_60/ts_103172v020202p.pdf.
(4) http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103174/02.02.01_60/ts_103174v020201p.pdf.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/248/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)