15.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/86


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1159

tat-13 ta' Lulju 2015

dwar miżura meħuda minn Spanja f'konformità mad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' mola angolari mmanifatturata minn Varo Belgium

(notifikata bid-dokument C(2015) 4664)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tagħha,

Billi:

(1)

Spanja għarrfet lill-Kummissjoni dwar miżura li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' mola angolari, tal-mudell Powerplus POWX060 immanifatturata minn Varo Belgium.

(2)

Il-mola angolari kellha l-marka CE, skont id-Direttiva 2006/42/KE.

(3)

Ir-raġuni għalfejn ittieħdet din il-miżura kienet li l-mola angolari ma tikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, fil-punt 1.3.2 — Ir-riskju ta' ksur waqt it-tħaddim, fil-punt 1.7.3 — L-immarkar tal-makkinarju u fil-punt 1.7.4.2 — Il-kontenut tal-istruzzjonijiet, peress li l-makkinarju ma jgħaddix mit-test tar-reżistenza u jkisser il-protezzjoni tal-mola, u b'hekk hemm ir-riskju li tispiċċa b'veloċità għolja fuq il-ħaddiem.

(4)

Flimkien man-notifika tressaq rapport ta' spezzjoni mfassal mil-Laboratorio de Maquinas y Mecanismos, f'Madrid.

(5)

Il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur u lid-distributur sabiex tistedinhom jikkummentaw dwar il-miżura meħuda minn Spanja. Bħala tweġiba, il-manifattur stqarr li l-prodott ġie rtirat volontarjament mis-suq u li ttieħdu miżuri korrettivi għall-prodotti suċċessivi.

(6)

Id-dokumentazzjoni disponibbli, il-kummenti espressi u l-azzjoni meħuda mill-partijiet ikkonċernati juru li l-mola angolari, tal-mudell Powerplus POWX060, ma tissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stipulati fid-Direttiva 2006/42/KE. Għalhekk jixraq li l-miżura li ħadet Spanja titqies li hija ġustifikata

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura meħuda minn Spanja sabiex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' mola angolari, tal-mudell Powerplus POWX060, immanifatturata minn Varo Belgium, hija ġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.