Brussell, 2.9.2022

JOIN(2022) 38 final/2 DOWNGRADED ON 25.07.2024

2022/0267(NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1)Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

(2)Fid-29 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2648 (2022). Din ir-riżoluzzjoni testendi l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi.

(3)Il-Kunsill se jadotta deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK sabiex tirrifletti d-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 2648(2022).

(4)Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex dawn il-miżuri jiġu implimentati.

(5)Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu li r-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan.

2022/0267 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana 1 ,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana 2 , sabiex ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK isiru effettivi.

(2)Fid-29 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2648 (2022). Din ir-riżoluzzjoni testendi l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi.

(3)Fil-[…] ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) [2022/…] 3 , li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2648 (2022).

(4)Xi wħud minn dawn l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex dawn jiġu implimentati flimkien mal-aġġustamenti tekniċi fid-dawl tar-riżoluzzjonijiet preċedenti, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (UE) Nru 224/2014, l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-Artikolu 2, il-projbizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ assistenza teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja jew servizzi ta’ senserija:

(a) maħsuba esklussivament għall-appoġġ ta’ jew l-użu mill-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MINUSCA), il-missjonijiet tal-Unjoni u l-forzi Franċiżi skjerati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll forzi ta’ Stati Membri oħra tan-Nazzjonijiet Uniti li jipprovdu taħriġ u assistenza kif notifikati f’konformità mal-punt (b);

(b) relatati mal-provvista ta’ tagħmir mhux letali u l-għoti ta’ assistenza, inkluż taħriġ operattiv u mhux operattiv lill-forzi tas-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi ċivili tal-Istat maħsuba biss bħala sostenn jew għall-użu fil-proċess ta’ Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, f’koordinazzjoni mal-MINUSCA, sakemm il-provvediment ta’ assistenza u servizzi ma jkunx ġie nnotifikat bil-quddiem lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(c) relatati mal-provvista ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew ta’ protezzjoni, dment li l-għoti ta’ tali assistenza jew servizzi jkun ġie nnotifikat minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(d) relatati mal-ilbies protettiv inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;

(e) relatati mal-provvista ta’ armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inklużi istituzzjonijiet statali tal-infurzar tal-liġi ċivili, meta tali armi, munizzjon, vetturi jew tagħmir ikunu maħsuba biss għall-appoġġ tal-proċess tar-RĊA tar-RSS jew għal użu fih, dment li l-provvediment ta’ tali assistenza jew servizzi jkun ġie nnotifikat minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.
(2)    ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1.
(3)    ĠU L …