8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 118/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ April 2007

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fi Franza fl-2006

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1821)

(It-test bil-Franċiż biss hu awtentiku)

(2007/312/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u partikolarment l-Artikoli 3(3) u 3a(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Id-Deċiżjoni 90/424/KEE, kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/53/KE (2), tipprovdi għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-Istati Membri biex tkopri ċerti spejjeż involuti fit-teħid ta’ miżuri biex tinqered l-influwenza tat-tjur.

(2)

Seħħew tifqigħat ta’ l-influwenza tat-tjur fi Franza fl-2006. Li tfaċċat din il-marda jirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità. Skond l-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, Franza ħadet miżuri biex tikkumbatti dawn it-tifqigħat.

(3)

Il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandu jsir soġġett għall-kondizzjoni li l-miżuri ppjanati fil-fatt twettqu u li l-awtoritajiet kompetenti pprovdew it-tagħrif kollu meħtieġ lill-Kummissjoni f’ċerti limiti taż-żmien.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard ta’ l-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3), wara l-emenda tad-Deċiżjoni 90/424/KEE bid-Deċiżjoni 2006/53/KE, ma jkoprix aktar l-influwenza tat-tjur. Għalhekk jeħtieġ li jiġi espressament ipprovdut fid-Deċiżjoni preżenti li l-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Franza jkun suġġett għal konformità ma’ ċerti regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(5)

L-Artikolu 3a(3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jipprovdi li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha tkun 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-Istat Membru.

(6)

Franza kienet konformi fis-sħiħ ma’ l-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stabbilit fl-Artikoli 3(3) u 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE. Franza ressqet lill-Kummissjoni tagħrif dwar l-ispejjeż imġarrba fi ħdan il-qafas ta’ din it-tifqigħa fl-24 ta’ Marzu 2006.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità

1.   Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista’ tingħata lill-Franza għall-ispejjeż imġarrba minn dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE fil-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fl-2006.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun ta’ 50 % ta’ l-ispejjeż imġarrba li huma eliġibbli għall-fondi tal-Komunità.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Artikoli 2 sa 5 u l-Artikoli 7 u 8 u l-Artikolu 9(2), (3) u (4) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 għandhom japplikaw bit-tibdil meħtieġ.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Franza.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)   ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37.

(3)   ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.