European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1071

13.5.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1071

tal-5 ta’ Mejju 2026

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fid-59 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi fl-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni ssieħbet fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (1).

(2)

F’konformità mal-Artikolu 6 tal-COTIF, it-traffiku ferrovjarju internazzjonali u l-ammissjoni tal-materjal ferrovjarju għall-użu fit-traffiku internazzjonali, għandhom jiġu regolati mir-regoli elenkati f’dak Artikolu, b’mod partikolari r-Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID), li jifforma l-Appendiċi C tal-COTIF.

(3)

Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilmijiet interni fl-Istati Membri jew bejniethom, b’referenza għall-RID.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 18 tal-COTIF, il-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija msemmi fl-Artikolu 13(1), il-punt (d), tal-COTIF (“il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID”) jista’ jadotta emendi, inter alia, għall-Anness tal-RID.

(5)

Il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID, waqt id-59 sessjoni tiegħu tat-28 ta’ Mejju 2026, huwa mistenni jadotta emendi biex jadatta l-Anness tal-RID mal-progress xjentifiku u tekniku.

(6)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID peress li l-emendi għall-RID se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(7)

L-emendi previsti għandhom l-għan li jiżguraw it-trasport sikur u effiċjenti ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku u tekniku f’dak is-settur, kif ukoll l-iżvilupp ta’ sustanzi u oġġetti ġodda li jistgħu joħolqu periklu matul it-trasport tagħhom.

(8)

L-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport sikur tal-oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati.

(9)

Jista’ jintlaħaq qbil dwar tibdiliet minuri fid-dokumenti msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni f’livell tekniku waqt l-20 sessjoni tal-grupp ta’ ħidma permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID tas-27 ta’ Mejju 2026, inkluż abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Laqgħa Konġunta tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID u l-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt id-59 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID”) fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, għandha tkun kif stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Jistgħu jiġu miftiehma bidliet minuri għad-dokumenti msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’indikazzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KERAVNOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1, ELI: https://data.europa.eu/eli/dec/2013/103(1)/oj).

(2)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13, ELI: https://data.europa.eu/eli/dir/2008/68/oj).


ANNESS

Proposta

Dokument ta’ referenza

Kwistjoni

Kummenti

Pożizzjoni tal-UE

1.

RID-25014-CE-SWG19

Il-kontejners tankijiet kbar ħafna – suppożizzjonijiet tat-tagħbija skont l-RID 6.8.2.1.2

Id-dokument jipproponi li tiddaħħal Nota addizzjonali għal 6.8.2.1.2, li tispjega li s-suppożizzjonijiet tat-tagħbija fit-trasport ferrovjarju huma relatati mal-operazzjonijiet tat-trasport b’restrizzjonijiet fuq il-manuvrar definiti għall-ġarr tal-vaguni tal-klassi F2 fl-istandard EN 12663.

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

2.

RID-25015-CE-SWG19

Il-Marka WE

Il-proposta tintroduċi rekwiżit għall-immarkar tal-vaguni, jiġifieri l-kodiċi alfanumeriku tat-tagħmir tal-vaguni li jrid jiġi mmarkat fuq iż-żewġ naħat tal-vagun.

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

3.

RID-25018-CE-SWG19

L-adattament meħtieġ tal-emendi adottati tul is-16-il sessjoni tal-grupp ta’ ħidma permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID (Londra, mill-20 sat-23 ta’ Novembru 2023) b’rabta mat-trasferiment tad-dispożizzjonijiet dwar il-vaguni tekniċi mill-RID għall-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (UTPs)/ Speċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà (TSIs)

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

4.

RID-25021-CE-SWG19

L-użu tat-terminu “vettura” fl-RID

Id-dokument jipproponi s-sostituzzjoni tal-kelma “vettura” fl-RID, b’“vettura tat-triq” jew “vettura ferrovjarja”, kif xieraq.

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

5.

RID-25027-CE-SWG19

It-tagħmir għall-ilqugħ tax-xrar

Din il-proposta hi maħsuba biex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tas-sikurezza tal-RID dwar l-użu tat-tagħmir għall-ilqugħ tax-xrar ikunu konsistenti mal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għall-interoperabbiltà – TSI dwar il-Vaguni.

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

6.

RID-25039-CE-SWG19

It-testi konsolidati adottati mil-Laqgħa Konġunta tal-RID/ADR/ADN fl-2024 u l-2025 u mill-grupp ta’ ħidma permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID fl-2023 u l-2024

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

7.

RID-25041-CE-SWG19

L-emendi għan-Nomenklatura Armonizzata tal-Merkanzija – il-Kodiċijiet NHM fl-RID 3.2.2

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

8.

RID-25046-CE-SWG19

Proposta Alternattiva għall-RID-25018-CE-SWG19

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Taqbel

Id-dokumenti kollha ta’ hawn fuq jinsabu fuq il-paġni web tal-OTIF (https://otif.org/en/?page_id=264 u https://otif.org/en/?page_id=274) u għandhom jinftiehmu li jinkludu l-emendi diskussi fil-grupp ta’ ħidma permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID ta’ Novembru 2025 u jiġu riflessi fl-Anness I tad-Dokument RID-26004-CE-SWG19 (Ir-Rapport finali tad-19-il sessjoni tal-grupp ta’ ħidma permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID – il-Lussemburgu, mit-18 sal-21 ta’ Novembru 2025), li jinsab ukoll fuq il-paġna web tal-OTIF (https://otif.org/en/?page_id=17770)


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1071/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)