Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rikors għal annullament – Regolament (UE) 2023/857 – Tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill‑2021 sal‑2030 – Emenda tar-Regolament (UE) 2018/842 – Bażi legali tar-Regolament 2023/857 – Determinazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ta’ dan ir-regolament – Artikolu 192(1) TFUE – Titjib tal-kwalità tal-ambjent – Punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE – Miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu – Prinċipji ta’ solidarjetà enerġetika, ta’ proporzjonalità u ta’ kooperazzjoni leali – Kontenut u motivazzjoni ta’ analiżi tal-impatt”

Fil-Kawża C‑451/23,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit‑18 ta’ Lulju 2023,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

rikorrenti,

vs

Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Denkov u W. D. Kuzmienko, bħala aġenti,

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn R. Boucquey, A. Maceroni, M. Moore u A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti, sussegwentement minn R. Boucquey, A. Maceroni u M. Moore, bħala aġenti, u fl-aħħar nett minn A. Maceroni, M. Moore u K. Pleśniak, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Milanowska, M. Owsiany-Hornung, K. Talabér-Ritz u G. Wils, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, Z. Csehi, M. Gavalec (Relatur) u F. Schalin , Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill‑2021 sal‑2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (ĠU 2023, L 111, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Trattat UE

2        L-Artikolu 4 TUE jipprevedi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jitwettqu.

L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tqiegħed f' periklu l-kisba ta' l-objettivi ta' l-Unjoni.”.

3        L-Artikolu 5 TUE jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma ta’ l-azzjoni ta’ l-Unjoni m’għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati.

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.”

 It-Trattat FUE

4        L-Artikolu 192(1) u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE huma fformulati kif ġej:

“1.      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [Ewropew] u lill-Kumitat [Ewropew] tar-Reġjuni, għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.

2.      B’deroga għall-proċedura ta’ deċizjoni prevista fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament [...], il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [Ewropew] u l-Kumitat [Ewropew] tar-Reġjuni għandu jadotta:

[...]

c)      miżuri li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ l-enerġija.

[...]”

5        Skont l-Artikolu 194(1)(b) TFUE:

“1.      Fil-kuntest ta’ l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b’ kont meħud tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib ta’ l-ambjent, il-politika ta’ l-Unjoni fil-qasam ta’ l-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri:

[...]

b)      tassigura s-sigurtà tal-provvista ta’ l-energija fl-Unjoni”.

 Ir-Regolament (UE) 2018/1999

6        Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 328, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ April 2023 (ĠU 2023, L 107, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2024/90103) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2018/1999”), jinkludi l-Artikoli 4 u 5, rispettivament intitolati “Objettivi, miri u kontributi nazzjonali għall-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija”, u “Il-proċess tal-istabbiliment tal-kontributi tal-Istati Membri fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli”.

 Ir-Regolament (UE) 2018/842

7        Il-premessi 1 sa 6, 17, 18, 26 u 28 tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2019 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU 2018, L 156, p. 26), jipprovdu:

“(1)      Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23-24 ta’ Ottubru 2014 dwar il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, approva mira vinkolanti ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-inqas 40 % ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra [iktar ’il quddiem il-‘GES’] fis-settur ekonomiku kollu sal-2030 meta mqabbel mal-1990, u dak ġie affermat mill-ġdid fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17-18 ta’ Marzu 2016.

(2)      Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta’ Ottubru 2014 iddikjaraw li jenħtieġ li l-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ mill-inqas 40 % titwettaq b’mod kollettiv mill-Unjoni bl-aktar mod kosteffikaċi possibbli, bit-tnaqqis fl-iskema għan-negozjar ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (‘EU ETS’) stipulata fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [, tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU 2003, L 275, p. 32),] u fis-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS li jammontaw għal 43 % u 30 % rispettivament, sal‑2030 meta mqabbel mal‑2005. Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra [GES], u jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw f’dan l-isforz, filwaqt li jsibu bilanċ bejn kunsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja u ta’ solidarjetà. Jenħtieġ li l-metodoloġija biex jiġu stabbiliti l-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għas-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS, flimkien mal-elementi kollha applikati fid-Deċiżjoni 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [, tat‑23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU 2009, L 140, p. 136)] ikomplu sal-2030 bit-tqassim tal-isforzi abbażi tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita. Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għat-tnaqqis globali tal-Unjoni fl-2030 b’miri li jvarjaw bejn 0 % u – 40 % meta mqabbla mal-2005. Jenħtieġ li l-miri nazzjonali fi ħdan il-grupp tal-Istati Membri bi PDG per capita ogħla mill-medja tal-Unjoni jiġu aġġustati relattivament biex jirriflettu l-kosteffikaċja b’mod ġust u bbilanċjat. Jenħtieġ li l-kisba ta’ dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] tagħti spinta lill-effiċjenza u l-innovazzjoni fl-ekonomija tal-Unjoni, u jenħtieġ, b’mod partikolari, li tippromwovi t-titjib, b’mod partikolari fil-bini, fl-agrikoltura, fil-ġestjoni tal-iskart u fit-trasport, dment li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(3)      Dan ir-Regolament jifforma parti mill-implimentazzjoni tal-kontributi tal-Unjoni skont il-Ftehim ta’ Pariġi [, adottat fit‑12 ta’ Diċembru 2015 skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU 2016, L 282, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Pariġi”)]. Il-Ftehim ta’ Pariġi ġie [adottat] f’isem l-Unjoni [...] bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 [, tal‑5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU 2016, L 282, p. 1)]. L-impenn tal-Unjoni favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] fis-settur ekonomiku kollu ġie stabbilit fil-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali li ġie ppreżentat fid-dawl tal-Ftehim ta’ Pariġi mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha lis-Segretarjat tal-[Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC)], fis-6 ta’ Marzu 2015. Il-Ftehim ta’ Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016 u jissostitwixxi l-approċċ meħud skont il-Protokoll ta’ Kjoto tal-1997 li mhuwiex ser jitkompla wara l-2020.

(4)      Il-Ftehim ta' Pariġi jistabbilixxi, fost l-oħrajn, mira fit-tul li hija konformi mal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ferm aktar baxxa minn 2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali. Jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-adattament għall-impatti dannużi tat-tibdil fil-klima u li l-flussi tal-finanzi jsiru konsistenti mal-perkors li jwassal għal emissjonijiet baxxi ta’ [GES] u ma’ żvilupp reżiljenti għall-klima. Il-Ftehim ta’ Pariġi jappella wkoll għal bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi minn sorsi u l-assorbimenti permezz tal-bjar tal-[GES] fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu, u jistieden lill-Partijiet biex jieħdu azzjoni biex jikkonservaw u jsaħħu, kif xieraq, il-bjar u l-ħażniet tal-[GES], fosthom il-foresti.

(5)      Fil-komklużjonijiet tiegħu tad-29-30 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill Ewropew appoġġa mira tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ tnaqqis meħtieġ skont il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) mill-pajjiżi żviluppati bħala grupp, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ [GES] bi 80-95 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

(6)      Il-kontributi determinati fil-livell nazzjonali) tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi jridu jirriflettu l-ogħla ambizzjoni tagħhom possibbli u jirrappreżentaw progress maż-żmien. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi jistinkaw biex jifformulaw u jikkomunikaw strateġiji ta’ żvilupp ta’ emissjonijiet baxxi ta’ [GES] fuq żmien twil, u joqogħdu attenti għall-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2017 jirrikonoxxu l-importanza tal-għanijiet fuq żmien twil u taċ-ċikli ta’ rieżami kull ħames snin fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u jenfasizzaw l-importanza ta’ strateġiji ta’ żvilupp ta’ emissjonijiet baxxi ta’ [GES] fuq żmien twil bħala għodda politika biex jiġu żviluppati perkorsi affidabbli u l-bidliet politiċi fuq żmien twil meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi.

[...]

(17)      Jenħtieġ li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] ta’ kull Stat Membru għall-2030 jiġi ddeterminat b’rabta mal-livell rivedut tiegħu tal-emissjonijiet ta’ [GES] fl-2005 kopert b’dan ir-Regolament, minbarra l-emissjonijiet ta’ [GES] vverifikati minn installazzjonijiet li kienu qegħdin jaħdmu fl-2005 u li ma ġewx inklużi fl-EU ETS wara l-2005. Jenħtieġ li l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet mill-2021 sal-2030 jiġu ddeterminati abbażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri u analizzata mill-Kummissjoni [Ewropea].

(18)      Jenħtieġ li l-approċċ ta’ limiti nazzjonali vinkolanti kull sena meħud fid-Deċiżjoni [406/2009] jitkompla mill-2021 sal-2030. [...]

[...]

(26)      B’rikonoxximent tal-isforzi preċedenti li saru mill-2013 minn dawk l-Istati Membri li kellhom PDG per capita taħt il-medja tal-Unjoni fl-2013, jixraq li tiġi stabbilita riżerva ta’ sikurezza limitata għal użu speċjali li tikkorrispondi għal mhux iktar minn 105 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti [għad-diossidu tal-karbonju (CO2)], filwaqt li tinżamm l-integrità ambjentali ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-inċentivi għal azzjonijiet tal-Istati Membri lil hinn mill-kontributi minimi skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-riżerva ta’ sikurezza tkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri bi PDG per capita taħt il-medja tal-Unjoni fl-2013, li l-emissjonijiet ta’ [GES] tagħhom jibqgħu taħt l-allokazzjonijiet annwali tagħhom tal-emissjonijiet mill-2013 sal-2020 u li, minkejja li jużaw flessibbiltajiet oħrajn previsti f’dan ir-Regolament, isibu diffikultà biex jilħqu l-mira tagħhom għall-2030 b’rabta mal-emissjonijiet ta’ [GES]. Riżerva ta’ sikurezza ta’ dak id-daqs tkopri parti sinifikanti mid-defiċit kollettiv previst tal-Istati Membri eliġibbli fil-perijodu mill-2021 sal-2030, mingħajr politiki addizzjonali, filwaqt li jinżammu l-inċentivi għal azzjoni addizzjonali. Jenħtieġ li r-riżerva ta’ sikurezza tkun disponibbli għal dawk l-Istati Membri fl-2032, b’ċerti kondizzjonijiet u dment li l-użu tagħha ma jimminax l-ilħuq tal-mira tal-Unjoni ta’ tnaqqis ta’ 30 % ta’ emissjonijiet ta’ [GES] għas-sena 2030, fis-setturi koperti minn dan ir-Regolament.

[...]

(28)      Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi rivedut fl-2024 u kull ħames snin minn dik is-sena sabiex jiġi vvalutat il-funzjonament globali tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta’ politiki u miżuri tal-Unjoni aktar stretti,. Jenħtieġ li r-rieżami jqis, fost l-oħrajn, iċ-ċirkostanzi nazzjonali li jkunu qegħdin jevolvu u r-riżultati tad-Djalogu ta’ Faċilitazzjoni tal-2018 skont l-UNFCCC (‘id-djalogu ta’ Talanoa’) u tar-rendikont globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Bħala parti mir-rieżami, jenħtieġ li l-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet jitqies ukoll sabiex jiġi żgurat li l-obbligi stabbiliti minn dan ir-Regolament huma adegwati. Barra minn hekk, bħala parti mir-rappurtar regolari tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU 2013, L 165, p. 13)], jenħtieġ li l-Kummissjoni, sal‑31 ta’ Ottubru 2019, tivvaluta r-riżultat tad-djalogu ta’ Talanoa. Ir-rieżami għall-perijodu wara l-2030 jenħtieġ li jkun konformi mal-objettivi fit-tul u mal-impenji meħuda skont il-Ftehim ta’ Pariġi u, għal dak il-għan, jenħtieġ li jirrifletti progressjoni maż-żmien”.

8        L-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/842, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-kontributi minimi tagħhom għall-perijodu mill-2021 sal-2030 biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni li fl-2030 l-emissjonijiet tagħha ta’ [GES] jitnaqqsu bi 30 % taħt il-livelli fl-2005 fis-setturi koperti mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar id-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u għall-evalwazzjoni tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri biex jonoraw il-kontributi minimi tagħhom.”.

9        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għall-emissjonijiet ta’ [GES] minn kategoriji ta’ sorsi tal-IPCC tal-enerġija, il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodott, l-agrikoltura u l-iskart kif iddeterminati skont ir-Regolament [Nru 525/2013], minbarra l-emissjonijiet ta’ [GES] mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva [2003/87].

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 u l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament ma japplikax għall-emissjonijiet ta’ [GES] u għall-assorbimenti koperti mir-Regolament (EU) 2018/841 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU 2018, L 156, p. 1)].

3.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-kategorija tas-sorsi tal-IPCC ‘1.A.3.A l-avjazzjoni ċivili’ għandhom jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal żero.”.

10      Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 2018/842, intitolat “Il-livelli annwali tal-emissjonijiet għall-perijodu mill-2021 sal-2030”:

“1.      Fl-2030, kull Stat Membru għandu jillimita l-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu tal-inqas bil-perċentwal stabbilit għal dak l-Istat Membru fl-Anness I fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu fl-2005, iddeterminati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Soġġett għall-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, għall-aġġustament skont l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament u filwaqt li jitqies kwalunkwe tnaqqis li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni [Nru 406/2009], kull Stat Membru għandu jiżgura li l-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu f’kull sena bejn l-2021 u l-2029 ma jaqbżux il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari, li tibda fuq il-medja tal-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu matul l-2016, l-2017 u l-2018 iddeterminati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u li tispiċċa fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fl-Anness I għal dan ir-Regolament. It-trajettorja lineari ta’ Stat Membru għandha tibda jew mill-ħames parti minn kull tnax tad-distanza mill-2019 sal-2020 jew fl-2020, skont liema tkun l-anqas allokazzjoni għal dak l-Istat Membru.

3.      Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għas-snin mill-2021 sal-2030 f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2 kif speċifikat fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Għall-finijiet ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali l-aktar reċenti għas-snin 2005 u 2016 sa 2018 ippreżentat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 525/2013].

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jindikaw il-valur għall-emissjonijiet ta’ [GES] tal-2005 ta’ kull Stat Membru użati biex jiġu ddeterminati l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 2.

4.      Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw ukoll, abbażi tal-perċentwali nnotifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(3), il-kwantitajiet totali li jistgħu jitqiesu għall-konformità ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 9 bejn l-2021 u l-2030. Jekk is-somma tal-kwantitajiet totali tal-Istati Membri kollha taqbeż it-total kollettiv ta’ 100 miljun, il-kwantitajiet totali għal kull Stat Membru għandhom jitnaqqsu fuq bażi pro rata sabiex ma jinqabiżx it-total kollettiv.

5.      Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14.”

11      L-Artikolu 5 tar-Regolament 2018/842, intitolat “Flessibiltajiet permezz ta’ self, tfaddil u trasferiment ”, jipprovdi:

“1.      Fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, Stat Membru jista’ jissellef kwantità li ma taqbiżx l-10 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena sussegwenti.

2.      Fir-rigward tas-snin mill-2026 sal-2029, Stat Membru jista’ jissellef kwantità li ma taqbiżx il-5 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena sussegwenti.

3.      Stat Membru li l-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, b’kont meħud tal-użu ta’ flessibbiltajiet skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, jista’:

a)      fir-rigward tas-sena 2021, ifaddal dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-snin sussegwenti sal-2030; u

(b)      fir-rigward tas-snin mill-2022 sal-2029, ifaddal dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa mhux aktar mil-livell ta’ 30 % tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa dik is-sena għas-snin sussegwenti sal-2030.

4.      Stat Membru jista’ jittrasferixxi sa mhux aktar minn 5 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu ta’ sena partikolari lil Stati Membri oħra fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, u sa mhux aktar minn 10 % fir-rigward tas-snin mill-2026 sal-2030. L-Istat Membru riċeventi jista’ juża dik il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għas-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.

5.      Stat Membru li l-emissjonijiet ta’ [GES] rieżaminati tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, filwaqt li jitqies l-użu ta’ flessibbiltajiet skont il-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, jista’ jittrasferixxi dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu lil Stati Membri oħrajn. L-Istat Membru riċeventi jista’ juża dik il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għal dik is-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.

6.      L-Istati Membri jistgħu jużaw id-dħul iġġenerat permezz ta’ trasferimenti ta’ allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5 biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni meħuda skont dan il-paragrafu.

[...]”

12      L-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament jipprevedi għal “[f]lessibbiltà għal ċerti Stati Membri wara tnaqqis fil-kwoti tal-EU ETS ”.

13      L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Użu addizzjonali ta’ mhux aktar minn 280 miljun assorbiment nett [mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF)]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Sal-punt li emissjonijiet ta’ Stat Membru jaqbżu l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu għal sena partikolari, inkluż kwalunkwe allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet mfaddla skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament, kwantità ta’ mhux aktar mis-somma ta’ assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali mill-kategoriji kombinati tal-kontabbiltà tal-art ta’ art forestali, art deforestata, raba’ ġestita, bwar ġestiti, u, soġġetta għall-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, art forestali ġestita u art mistagħdra ġestita, kif imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament [2018/841], tista’ titqies għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għal dik is-sena, sakemm:

a)      il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin kollha tal-perijodu mill-2021 sal-2030 ma taqbiżx l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament għal dak l-Istat Membru”.

14      L-Artikolu 8 tar-Regolament 2018/842, intitolat “Azzjoni korrettiva”, jipprovdi:

“1.      Jekk il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni annwali tagħha ssib skont l-Artikolu 21 tar-Regolament [Nru 525/2013] u waqt li tqis l-użu maħsub tal-flessibbiltajiet imsemmi fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, li Stat Membru ma jkunx qed jagħmel progress suffiċjenti biex jonora l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru għandu, fi żmien tliet xhur, jippreżenta pjan ta’ azzjoni korrettiva lill-Kummissjoni li jinkludi:

(a)      azzjonijiet addizzjonali li l-Istat Membru għandu jimplimenta sabiex iwettaq l-obbligi speċifiċi tiegħu skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, permezz ta’ politiki u miżuri domestiċi u l-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-Unjoni;

(b)      skeda stretta ta’ implimentazzjoni ta’ tali azzjonijiet, li tippermetti l-valutazzjoni tal-progress annwali fl-implimentazzjoni.

[...]

3.      Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni dwar kemm huma robusti l-pjanijiet ta' azzjoni korrettiva ppreżentati f'konformità mal-paragrafu 1 u f'dak il-każ għandha tagħmel dan fi żmien erba' xhur mill-wasla ta' dawk il-pjanijiet. L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni bir-reqqa u jista’ jirrevedi l-pjan tiegħu skont dan.”.

15      L-Anness I tar-Regolament 2018/842, intitolat “Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(1)”, jinkludi tabella li tistabbilixxi għar-Repubblika tal-Polonja mira ta’ tnaqqis ta’ 7 % tal-emissjonijiet ta’ GES fl‑2030 meta pparagunat mal-livelli tagħhom fl‑2005.

 Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima

16      Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU 2021, L 243, p. 1), jipprovdi fl-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Objettiv tan-newtralità klimatika”:

“1.      L-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ [GES] madwar l-Unjoni rregolati mil-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu bbilanċjati fi ħdan l-Unjoni sa mhux iktar tard mill‑2050, biex b’hekk l-emissjonijiet netti jitnaqqsu għal żero sa dik id-data, u l-Unjoni għandu jkollha l-għan li sussegwentement tikseb emissjonijiet negattivi.

2.      L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali, rispettivament, biex ikun jista’ jinkiseb b’mod kollettiv l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fil-paragrafu 1, filwaqt li jqisu l-importanza tal-fatt li jippromwovu kemm l-ekwità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri kif ukoll il-kosteffettività fl-ilħuq ta’ dan l-objettiv.”

17      L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, intitolat “Miri klimatiċi tal-Unjoni intermedji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1, 2, 5 u 7 tiegħu:

“1.      Sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-mira klimatika vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 għandha tkun tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti tal-[GES] (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Meta jkunu qegħdin jimplimentaw il-mira msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lit-tnaqqis tal-emissjonijiet rapidu u prevedibbli u, fl-istess ħin, isaħħu l-assorbimenti minn bjar naturali.

[...]

2.      Sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni biex tippermetti l-kisba tal-mira stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u tikkunsidra li tieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi, f’konformità mat-Trattati.

Fil-qafas tar-rieżami msemmi fl-ewwel subparagrafu u dawk futuri, il-Kummissjoni għandha tivvaluta b’mod partikolari d-disponibbiltà skont il-liġi tal-Unjoni ta’ strumenti u inċentivi adegwati sabiex timmobilizza l-investimenti meħtieġa, u tipproponi miżuri kif meħtieġ.

[...]

5.      Meta tipproponi l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040 skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan li ġej:

(a)      l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli u dik l-aktar reċenti, inklużi l-aħħar rapporti tal-IPCC u tal-Bord Konsultattiv [Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima];

(b)      l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali, inklużi l-kostijiet ta’ nuqqas ta’ azzjoni;

(c)      il-ħtieġa li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun waħda ġusta u soċjalment ekwa għal kulħadd;

(d)      il-kosteffettività u l-effiċjenza ekonomika;

(e)      il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji u s-setturi l-aktar esposti għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

[...]

(h)      l-ekwità u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom;

(i)      il-ħtieġa li jiġu żgurati l-effettività ambjentali u l-fatt li jsir progress maż-żmien;

[...]

(l)      l-iżviluppi u l-isforzi li jkunu saru fil-livell internazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettiv aħħari tal-UNFCCC;

[...]

7.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jinżammu taħt rieżami fid-dawl tal-iżviluppi u l-isforzi li jkunu saru fil-livell internazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż fir-rigward tal-eżiti tad-diskussjonijiet internazzjonali dwar skedi ta’ żmien komuni għal kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali.”.

18      L-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi, intitolat “Adattament għat-tibdil fil-klima”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw progress kontinwu fit-titjib tal-kapaċità ta’ adattament, fit-tisħiħ tar-reżiljenza u fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Pariġi.

2.      Il-Kummissjoni għandha tadotta strateġija tal-Unjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u għandha tirrieżaminaha regolarment fil-kuntest tar-rieżami previst fil-punt (b) tal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.      L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-politiki dwar l-adattament fl-Unjoni u fl-Istati Membri jkunu koerenti, jappoġġaw lil xulxin, jipprovdu kobenefiċċji għall-politiki settorjali, u jaħdmu favur integrazzjoni aħjar tal-adattament għat-tibdil fil-klima b’mod konsistenti fl-oqsma kollha tal-politika, inklużi l-politiki u l-azzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali rilevanti, meta jkun xieraq, kif ukoll fl-azzjoni esterna tal-Unjoni. Għandhom jiffukaw, b’mod partikolari, fuq il-popolazzjonijiet u s-setturi l-aktar vulnerabbli u milquta, u jidentifikaw nuqqasijiet f’dan ir-rigward f’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili.”.

 Ir-Regolament ikkontestat

19      Il-premessi 1 sa 8 u 11 sa 19 tar-Regolament ikkontestat jipprovdu:

“(1)      Il-Ftehim ta’ Pariġi [...] daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Novembru 2016. Il-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt iż-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, u li jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Dak l-impenn ssaħħaħ bl-adozzjoni fil-kuntest tal-UNFCCC tal-Patt Klimatiku ta’ Glasgow fit‑13 ta’ Novembru 2021, li fih il-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC, li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi, tirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima ser ikunu ħafna aktar baxxi b’żieda fit-temperatura ta’ 1,5 °C meta mqabbla ma’ 2 °C, u tiddeċiedi li tkompli bl-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C.

(2)      Il-ħtieġa ta’ azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra qed issir dejjem aktar urġenti, kif iddikjarat mill-[IPCC] fir-rapporti tiegħu tas-7 ta’ Awwissu 2021 bit-titolu ‘Climate Change 2021: The Physical Science Basis’ [...] tat‑28 ta’ Frar 2022 bit-titolu ‘Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability’ [...] u tal‑4 ta’ April 2022 bit-titolu ‘Climate Change 2022: Mitigation of Climate Change’. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Unjoni tindirizza dik l-urġenza billi żżid l-isforzi tagħha.

(3)      L-Unjoni stabbiliet qafas regolatorju għall-kisba tal-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030 ta’ mill-inqas 40 % li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew fl-2014, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dak il-qafas regolatorju jikkonsisti, fost l-oħrajn, mid-Direttiva [2003/87] li tistabbilixxi [l-EU ETS], mir-Regolament [2018/841] li jirrikjedi li l-Istati Membri jibbilanċjaw l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra mill-użu tal-art, mit-tibdil fl-użu tal-art u mill-forestrija (LULUCF), u mir-Regolament [2018/842] li jistabbilixxi miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] sal-2030 fis-setturi li la huma koperti mid-Direttiva [2003/87] u lanqas mir-Regolament [2018/841].

(4)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar ‘Il-Patt Ekoloġiku Ewropew’ tipprevedi punt tat-tluq biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) [tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima]. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta’ tisħiħ reċiproku mmirati lejn il-kisba tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050 u jistabbilixxi strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Din l-istrateġija għandha wkoll l-għan li tipproteġi, tikkonserva u ssaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u tipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent. Fl-istess ħin, dik it-tranżizzjoni għandha aspetti fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll impatt partikolari fuq xi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, bħall-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju. Għalhekk, irid jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva u ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.

(5)      Fis-16 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika [...], li fiha enfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu appoġġati dawk ir-reġjuni, l-industriji, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema, l-unitajiet domestiċi u l-konsumaturi li ser jiffaċċjaw l-akbar sfidi. Dik ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw sett ta’ miżuri fl-oqsma tat-tranżizzjonijiet tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol, il-ħolqien tal-impjiegi u l-intraprenditorija, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-akkwist pubbliku, is-sistemi ta’ tassazzjoni u ta’ protezzjoni soċjali, is-servizzi essenzjali u l-akkomodazzjoni, kif ukoll, fost l-oħrajn, bil-ħsieb li jissaħħu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

(6)      Permezz tal-adozzjoni [tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima], l-Unjoni naqqxet fil-leġiżlazzjoni objettiv vinkolanti ta’ newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050, biex b’hekk, sa dik id-data jitnaqqsu l-emissjonijiet għal żero netti, u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti ta’ [GES] (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030. Barra minn hekk, jistabbilixxi li l-kontribut tal-assorbimenti netti għall-mira klimatika tal-Unjoni 2030 irid ikun limitat għal 225 miljun tunnelata ta’ CO2 ekwivalenti.

(7)      Sabiex jiġu implimentati l-impenji stabbiliti [fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima] kif ukoll il-kontributi tal-Unjoni skont il-Ftehim ta’ Pariġi, jenħtieġ li jiġi adattat il-qafas regolatorju tal-Unjoni biex tintlaħaq il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030.

(8)      Ir-Regolament [2018/842] jistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-kontributi minimi tagħhom għall-perjodu mill-2021 sal-2030 biex tintlaħaq il-mira attwali tal-Unjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-[GES] bi 30 % taħt il-livelli tal-2005 fl-2030 fis-setturi koperti mill-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament. Huwa jistabbilixxi wkoll regoli dwar id-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u għall-evalwazzjoni tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri biex jonoraw il-kontributi minimi tagħhom.

[...]

(11)      F’xi setturi, l-emissjonijiet ta’ [GES] jew żdiedu jew baqgħu stabbli. Fil-komunikazzjoni tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2020 dwar ‘It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna’, il-Kummissjoni indikat li l-mira globali miżjuda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030 tista’ tinkiseb biss bil-kontribut tas-setturi kollha.

(12)      Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill Ewropew ddikjara li l-mira l-ġdida għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030 ser titwettaq b’mod kollettiv mill-Unjoni bl-aktar mod kosteffettiv possibbli, li l-Istati Membri kollha ser jipparteċipaw f’dak l-isforz, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja u solidarjetà u ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, u li l-mira l-ġdida għall-2030 jeħtieġ li tinkiseb b’mod li tiġi ppreservata l-kompetittività tal-Unjoni u li jitqiesu l-punti tat-tluq differenti tal-Istati Membri u ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi u l-potenzjal speċifiku għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES], inkluż dawk tal-Istati Membri gżejjer u tal-gżejjer, kif ukoll l-isforzi li saru.

(13)      Sabiex tintlaħaq il-mira l-ġdida tal-Unjoni għall-2030 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-[GES] b’mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, is-setturi koperti mir-Regolament [2018/842] ser ikollhom inaqqsu l-emissjonijiet ta’ [GES] tagħhom b’mod progressiv sakemm jilħqu – 40 % fl-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Ir-Regolament [2018/842] jikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll l-objettiv tal-Unjoni tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 skont [Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima], li l-kisba tagħha tirrikjedi konverġenza tal-isforzi tal-Istati Membri kollha tul iż-żmien, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi.

(14)      Il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030 stabbilita fir-Regolament [2018/842] jeħtieġ li tiġi riveduta għal kull Stat Membru. Jenħtieġ li l-metodoloġija wżata għar-reviżjoni tal-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030 tkun l-istess bħal dik li ntużat meta ġie adottat ir-Regolament [2018/842], fejn il-kontributi nazzjonali ġew iddeterminati b’kunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet u l-opportunitajiet ta’ kosteffiċjenza differenti fl-Istati Membri sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta u bbilanċjata tal-isforz. Għalhekk, jenħtieġ li l-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għal kull Stat Membru fl-2030 tiġi ddeterminata b’rabta mal-livell tal-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu fl-2005 kopert b’dak ir-Regolament, kif rivedut skont l-Artikolu 4(3) tiegħu, bl-esklużjoni tal-emissjonijiet ta’ [GES] vverifikati minn installazzjonijiet li kienu qegħdin jaħdmu fl-2005 u li ġew inklużi biss fl-EU ETS wara l-2005.

(15)      B’konsegwenza ta’ dan, mis-sena tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, huma meħtieġa limiti nazzjonali vinkolanti ġodda, espressi f’allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet. Dawk il-limiti ser iwasslu progressivament għall-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030 ta’ kull Stat Membru. Il-limiti annwali għas-snin ta’ qabel is-sena tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2126 [, tas‑16 ta’ Diċembru 2020, dwar l-istabbiliment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2021 sal-2030 skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2020, L 426, p. 58),] jinżammu.

(16)      Il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni [tal-Federazzjoni Russa] kontra l-Ukrajna qed ikollhom impatt fuq l-ekonomija tal-Unjoni u l-livell tal-emissjonijiet ta’ [GES] tagħha sal-punt li għadu ma jistax jiġi kkwantifikat bis-sħiħ. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni qed tiskjera l-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt kellha u qed tħaffef it-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili, li wkoll għandu impatt potenzjali fuq il-livell tal-emissjonijiet ta’ [GES]. Minħabba dawk l-inċertezzi u avvenimenti oħra mhux previsti li għandhom impatt fuq l-emissjonijiet ta’ [GES], huwa xieraq li tiġi rieżaminata d-data dwar l-emissjonijiet fl-2025 u, jekk ikun meħtieġ, li jiġu aġġornati l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet fl-2025 għas-snin 2026 sa 2030. Dak l-aġġornament jenħtieġ li jkun ibbażat fuq rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali mwettqa mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet medji tal-[GES] ta’ kull Stat Membru matul is-snin 2021, 2022 u 2023.

(17)      F’konformità [mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima], jenħtieġ li tingħata prijorità lit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] diretti, li ser ikollu jiġi kkomplementat minn żieda fl-assorbimenti tal-karbonju sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika. [...]

(18)      Sabiex tiġi inċentivata azzjoni aktar bikrija u tiġi żgurata aktar l-integrità ambjentali, huwa meħtieġ u xieraq li jitnaqqsu l-limiti massimi għas-self u l-ikkreditar tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-perjodu kollu mill-2021 sal-2030. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jnaqqsu b’mod progressiv l-emissjonijiet ta’ [GES] tagħhom, u jilħqu l-miri nazzjonali miżjuda tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030 b’mod kosteffettiv. Fid-dawl tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ġodda u aktar stretti meħtieġa minn dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiżdiedu l-limiti massimi eżistenti fuq it-trasferimenti tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet bejn l-Istati Membri. Il-possibbiltà tat-trasferiment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tippermettilhom jiksbu l-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] b’mod kosteffettiv, filwaqt li tippreserva l-integrità ambjentali. It-trasparenza ta’ tali trasferimenti jenħtieġ li tiġi żgurata, sabiex dawn jitwettqu b’mod li jkun konvenjenti għal kull parti, inkluż permezz ta’ rkantar, bl-użu ta’ intermedjarji tas-suq li jaġixxu fuq bażi ta’ aġenzija, permezz ta’ arranġamenti bilaterali jew bl-użu ta’ interfaċċa elettronika li għandha l-għan li tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar trasferimenti maħsuba u li tnaqqas il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet.

[...]

(19)      Għal ċerti Stati Membri, huwa possibbli li titqies il-kanċellazzjoni ta’ kwantità limitata ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-EU ETS għall-finijiet ta’ konformità mar-Regolament [2018/842] (il-“flessibbiltà tal-EU ETS”). Minn dawk l-Istati Membri li huma eliġibbli, tnejn ma għamlux użu mill-flessibbiltà tal-EU ETS u wieħed ma għamilx użu sħiħ minnha. Fid-dawl taż-żieda fil-livell ta’ ambizzjoni stabbilit b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jingħataw opportunità ġdida biex jagħmlu użu jew użu ulterjuri ta’ dik il-flessibbiltà. [...]”

20      L-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 7 u 9 tiegħu:

“Ir-Regolament [2018/842] huwa emendat kif ġej:

(1)      l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-kontributi minimi tagħhom għall-perjodu mill-2021 sal-2030 biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni li fl-2030 l-emissjonijiet tagħha ta’ [GES] jitnaqqsu b’ 40 % taħt il-livelli fl-2005 fis-setturi koperti mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. Jikkontribwixxi għall-mira fit-tul tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, bil-għan li jintlaħqu emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem. B’hekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi [tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima] u l-Ftehim ta’ Pariġi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar id-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet u għall-evalwazzjoni tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri biex jonoraw il-kontributi minimi tagħhom.’

(2)      fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.      Dan ir-Regolament japplika għall-emissjonijiet ta’ [GES] minn kategoriji ta’ sorsi tal-IPCC tal-enerġija, il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodott, l-agrikoltura u l-iskart kif iddeterminati skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, minbarra l-emissjonijiet tal-[GES] mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva [2003/87], għajr l-attività “trasport marittimu” u attivitajiet elenkati biss fih għall-finijiet tal-Artikoli 14 u 15 ta’ dik id-Direttiva.’

(3)      l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

a)      il-paragrafi 1 sa 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

‘1.      Fl-2030, kull Stat Membru għandu jillimita l-emissjonijiet ta’ [GES], tiegħu tal-inqas bil-perċentwal stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ [GES], tiegħu fl-2005, iddeterminati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Soġġett għall-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament u għall-aġġustament skont l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament, u filwaqt li jitqies kwalunkwe tnaqqis li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni [Nru 406/2009], kull Stat Membru għandu jiżgura li l-emissjonijiet tal-[GES], tiegħu:

a)      ma jaqbżux, fis-snin 2021 u 2022, il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari, li tibda fuq il-medja tal-emissjonijiet ta’ [GES] ta’ dak l-Istat Membru fl-2016, l-2017 u l-2018, kif stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u li tispiċċa fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 1 tal-Anness I għal dan ir-Regolament; it-trajettorja lineari ta’ Stat Membru għandha tibda jew mill-ħames parti minn kull tnax tad-distanza mill-2019 sal-2020 jew fl-2020, skont liema tkun l-anqas allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet għal dak l-Istat Membru;

b)      ma jaqbżux, fis-snin 2023, 2024 u 2025, il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari li tibda fl-2022 fl-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet għal dak l-Istat Membru, kif stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għal dik is-sena, u li tintemm fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

c)      ma jaqbżux, fis-snin 2026 sal-2030, il-limitu ddefinit minn trajettorja lineari li tibda fuq il-medja tal-emissjonijiet tal-[GES] ta’ dak l-Istat Membru fl-2021, 2022 u 2023, kif ippreżentat minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 26 tar-[Regolament 2018/1999] u f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u li tintemm fl-2030 fuq il-limitu stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament; it-trajettorja lineari ta’ Stat Membru għandha tibda mid- disa’ parti minn kull tnax tad-distanza mill-2023 sal-2024.

3.      Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru għas-snin mill-2021 sal-2030 f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2 f’konformità mat-trajettorji lineari stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Għas-snin 2021 u 2022, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet abbażi ta’ rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali l-aktar reċenti għas-snin 2005, 2016, 2017 u 2018 ippreżentata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament[Nru 525/2013] u għandha tindika l-valur għall-emissjonijiet tal-[GES] għall-2005 ta’ kull Stat Membru użati biex jiġu ddeterminati dawk l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet.

Għas-snin 2023, 2024 u 2025, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet abbażi tal-valur għall-emissjonijiet tal-[GES] tal-2005 ta’ kull Stat Membru indikat skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tal-valuri rieżaminati tad-data tal-inventarju nazzjonali għas-snin 2016, 2017 u 2018 imsemmija f’dak it-tieni subparagrafu.

Għas-snin 2026 sa 2030, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet abbażi tal-valur għall-emissjonijiet tal-[GES] tal-2005 ta’ kull Stat Membru indikat skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u abbażi ta’ rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali l-aktar reċenti għas-snin 2021, 2022 u 2023 ippreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 26 tar-[Regolament 2018/1999].

4.      L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jispeċifikaw ukoll, abbażi tal-perċentwali nnotifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(3), (3a) u (3b), il-kwantitajiet totali li jistgħu jitqiesu għall-konformità ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 9 bejn l-2021 u l-2030. Jekk is-somma tal-kwantitajiet totali tal-Istati Membri kollha taqbeż it-total kollettiv ta’ 100 miljun, il-kwantitajiet totali għal kull Stat Membru għandhom jitnaqqsu fuq bażi pro rata sabiex ma jinqabiżx it-total kollettiv.’ ;

(b)      jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘6.      Meta jwettqu l-azzjonijiet biex jillimitaw l-emissjonijiet ta’ [GES] skont il-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa li jiżguraw tranżizzjoni ġusta u soċjalment ġusta għal kulħadd. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida biex tappoġġa lill-Istati Membri f’dak ir-rigward’.

(4)      l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

a)      il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.      Fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, Stat Membru jista’ jissellef kwantità li ma taqbiżx is-7,5 % mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għas-sena sussegwenti. ;

(b)      il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

‘3.      Stat Membru li l-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu għal sena partikolari jkunu taħt l-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena, b’kont meħud tal-użu ta’ flessibbiltajiet skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 6, jista’:

(a)      fir-rigward tas-sena 2021, ifaddal il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa livell ta’ 75 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għall-2021 u għas-snin sussegwenti sal-2030;

(b)      fir-rigward tas-snin mill-2022 sal-2029, ifaddal dik il-parti żejda tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa mhux aktar mil-livell ta’ 25 % tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tiegħu sa dik is-sena għas-snin sussegwenti sal-2030.

4.      Stat Membru jista’ jittrasferixxi sa mhux aktar minn 10 % tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu ta’ sena partikolari lil Stati Membri oħra fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, u sa mhux aktar minn 15 % fir-rigward tas-snin mill-2026 sal-2030. L-Istat Membru riċeventi jista’ juża dik il-kwantità għall-konformità skont l-Artikolu 9 għas-sena partikolari jew għal snin sussegwenti sal-2030.’ ;

c)      jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘5a      Qabel kwalunkwe trasferiment tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5, Stat Membru għandu jinforma, f’format elettroniku, lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima li ġie stabbilit bir-[Regolament 2018/1999] bl-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi parti mill-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tiegħu għal sena partikolari.’ ;

d)      il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘6.      L-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul, jew l-ekwivalenti tiegħu f’valur finanzjarju, iġġenerat permezz ta’ trasferimenti ta’ allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet skont il-paragrafi 4 u 5 biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni meħuda skont dan il-paragrafu u għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni pubblika f’forma faċilment aċċessibbli.’.

(5)      l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

a)      fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘L-Istati Membri elenkati fl-Anness II jistgħu jiddeċiedu li jirrevedu l-perċentwal notifikat darba fl-2024 u darba fl-2027. F’tali każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan sal-31 ta’ Diċembru 2024 jew sal-31 ta’ Diċembru 2027, rispettivament.’ ;

[...]

(6)      l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

a)      it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Użu addizzjonali tal-assorbimenti netti mil-LULUCF’;

(b)      il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)      is-sentenza ta’ introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:

‘1.      Sal-punt li emissjonijiet ta’ [GES] ta’ Stat Membru jaqbżu l-allokazzjonijiet annwali ta’ emissjonijiet tiegħu għal sena partikolari, inkluż kwalunkwe allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet mfaddla skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament, kwantità ta’ mhux aktar mis-somma ta’ assorbimenti netti totali u l-emissjonijiet netti totali mill-kategoriji kombinati tal-kontabbiltà tal-art inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [2018/841], tista’ titqies għall-konformità tiegħu skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għal dik is-sena, sakemm:’ ;

(ii)      il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(a)      il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin mill-2021 sal-2025 ma taqbiżx nofs l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament għal dak l-Istat Membru;

(aa)      il-kwantità kumulattiva li titqies għal dak l-Istat Membru għas-snin mill-2026 sal-2030 ma taqbiżx nofs l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament għal dak l-Istat Membru;’;

(c)      il-paragrafu 2 jitħassar;

(7)      l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 8

Azzjoni korrettiva

1.      Jekk il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni annwali tagħha ssib skont l-Artikolu 29 tar-[Regolament 2018/1999] u waqt li tqis l-użu maħsub tal-flessibbiltajiet imsemmi fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, li Stat Membru ma jkunx qed jagħmel progress suffiċjenti biex jonora l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru għandu, fi żmien tliet xhur, jippreżenta pjan ta’ azzjoni korrettiva lill-Kummissjoni li jinkludi:

(a)      spjegazzjoni dettaljata dwar għaliex dak l-Istat Membru mhuwiex qed jagħmel progress suffiċjenti biex jonora dawk l-obbligi;

(b)      valutazzjoni ta’ kif il-finanzjament tal-Unjoni appoġġa l-isforzi ta’ dak l-Istat Membru biex jonora dawk l-obbligi u ta’ kif biħsiebu juża tali finanzjament biex jagħmel progress biex jonorahahom;

(c)      azzjonijiet addizzjonali, li jikkomplementaw il-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima ta’ dak l-Istat Membru skont ir-[Regolament 2018/1999] jew li jsaħħu l-implimentazzjoni tiegħu, li jrid jimplimenta sabiex jwettaq dawk l-obbligi, permezz ta’ politiki u miżuri domestiċi u l-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-Unjoni, akkumpanjati minn valutazzjoni dettaljata, li tkun mirfuda minn data kwantitattiva, fejn disponibbli, tat-tnaqqis previst tal-emissjonijiet ta’ [GES] li jirriżulta minn dawk l-azzjonijiet;

(d)      skeda stretta ta’ implimentazzjoni ta’ tali azzjonijiet, li tippermetti l-valutazzjoni tal-progress annwali fl-implimentazzjoni.

[...]

3.      Il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni dwar kemm huma b’saħħithom il-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva ppreżentati f’konformità mal-paragrafu 1 u f’dak il-każ għandha tagħmel dan fi żmien erba’ xhur mill-wasla ta’ dawk il-pjanijiet. L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni bir-reqqa u jista’ jirrevedi l-pjan tiegħu skont dan. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jindirizzax l-opinjoni tal-Kummissjoni jew parti sostanzjali minnha, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi ġustifikazzjoni lill-Kummissjoni.

[...]’

[...]

(9)      l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 15

Rieżami

1.      Dan ir-Regolament għandu jinżamm taħt rieżami filwaqt li jqis fost l-oħrajn l-evoluzzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali, tal-modi li bihom is-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-[GES], tal-iżviluppi internazzjonali, u tal-isforzi mwettqa għall-kisba tal-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi u tar-[Regolament 2021/1119].

2.      Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament [...] u lill-Kunsill, fi żmien sitt xhur minn kull analiżi globali maqbula skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, dwar l-operat ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet, kif ukoll dwar l-adegwatezza tal-miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] li jinsabu fl-Anness I għal dan ir-Regolament fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-objettivi klimatiċi tal-Unjoni skont [il-Liġi Ewropea dwar il-Klima] u għall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dak ir-rapport għandu jinkludi b’mod partikolari valutazzjoni tal-ħtieġa għal politiki u miżuri addizzjonali tal-Unjoni minħabba t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] meħtieġ mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f’qafas ta’ wara l-2030. Għandu jinkludi wkoll valutazzjoni ta’ perkors ta’ tnaqqis għall-emissjonijiet ta’ [GES] koperti minn dan ir-Regolament li jkun kompatibbli mal-objettiv tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li jitqies il-baġit indikattiv projettat tal-Unjoni għall-[GES] msemmi fl-Artikolu 4(4) [tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima] kif ukoll l-importanza li jiġu promossi kemm il-ġustizzja kif ukoll is-solidarjetà fost l-Istati Membri u l-kosteffettività fil-kisba ta’ dak l-objettiv. Dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

Ir-rapport msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu iqis l-istrateġiji fit-tul tal-Istati Membri mħejjija u ppreżentati skont l-Artikolu 15(1) tar-[Regolament 2018/1999] u l-valutazzjoni tagħhom magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(9) ta’ dak ir-Regolament.’”

21      Il-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ikkontestat jemenda t-tabella tal-Anness I tar-Regolament 2018/842 b’tali mod li:

“Anness I

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-[GES] tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(1)


It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-[GES] tal-Istati Membri fl-2030 fir-rigward tal-livelli tagħhom fl-2005 iddeterminati skont l-Artikolu 4(3)


Kolonna 1

Kolonna 2

[...]

[...]

[...]

Polonja

– 7 %

– 17,7 %

[...]

[...]

[...] ”

 Il-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet

22      Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”), jinkludi l-Kapitolu III, intitolat “Għodod għat-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”, li jinkludi l-punti 12 sa 16 ta’ dan il-ftehim, li jipprovdu:

“12.      It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-kontribut pożittiv tal-valutazzjonijiet tal-impatt fit-titjib tal-kwalità tal-leġislazzjoni tal-Unjoni.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda biex tgħin lit-tliet Istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta' informazzjoni tajba u mhumiex sostitut għal deċiżjonijiet politiċi fil-proċess demokratiku tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Il-valutazzjonijiet tal-impatt ma għandhomx iwasslu għal dewmien żejjed fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet jew jippreġudikaw il-kapaċità tal-koleġislatur li jipproponi emendi.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkopru l-eżistenza, l-iskala u l-konsegwenzi ta’ problema u l-kwistjoni dwar jekk hix meħtieġa azzjoni mill-Unjoni jew le. Huma jeħtieġ li jidentifikaw soluzzjonijiet alternattivi u, fejn possibbli, l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali fuq perijodu qasir u fit-tul, filwaqt li jivvalutaw l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali b'mod integrat u bbilanċjat u jużaw kemm l-analiżi kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità għandhom jiġu rrispettati b'mod sħiħ, hekk kif għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali. Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jindirizzaw ukoll, kull meta possibbli, ‘kemm tqum in-non-Ewropa’ u l-impatt fuq il-kompetittività u l-piżijiet amministrattivi tal-għażliet differenti, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)] (‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’), l-aspetti diġitali u l-impatt territorjali. Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkunu bbażati fuq informazzjoni preċiża, oġġettiva u kompluta u li jkunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-enfasi tagħhom.

13.      Il-Kummissjoni ser tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt tal-inizjattivi leġislattivi u mhux leġislattivi, l-atti delegati u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha li jkunu mistennija jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti. Bħala regola ġenerali, l-inizjattivi inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jew fid-dikjarazzjoni konġunta ser ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt.

Fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha stess, il-Kummissjoni ser twettaq konsultazzjoni li tkun wiesgħa kemm jista’ jkun. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni ser iwettaq kontroll tal-kwalità oġġettiv tal-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha. Ir-riżultati finali tal-valutazzjonijiet tal-impatt ser ikunu disponibbli għall-Parlament [...], il-Kunsill u l-Parlamenti nazzjonali, u ser ikunu ppubblikati flimkien mal-opinjoni(jiet) tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju meta tiġi adottata l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

14.      Il-Parlament [...] u l-Kunsill, meta jikkunsidraw il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni, ser jieħdu kont sħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan, il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jiġu ppreżentati b’tali mod li jiffaċilitaw il-kunsiderazzjoni mill-[Parlament] u l-Kunsill tal-għażliet li tkun għamlet il-Kummissjoni.

15.      Meta jqisu li dan ikun xieraq u meħtieġ għall-proċess leġislattiv, il-Parlament [...] u l-Kunsill ser iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-emendi sostanzjali tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni. Bħala regola ġenerali, il-Parlament [...] u l-Kunsill ser jieħdu l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni bħala l-punt tat-tluq għall-ħidma ulterjuri tagħhom. Id-definizzjoni ta’ emenda ‘sostanzjali’ għandha tiġi ddeterminata mill-Istituzzjoni rispettiva.

16.      Il-Kummissjoni tista’, b’inizjattiva tagħha stess jew fuq stedina mill-Parlament [...] jew il-Kunsill, tikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tagħha stess jew twettaq ħidma analitika oħra li tqis meħtieġa. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni ser tieħu kont tal-informazzjoni kollha disponibbli, l-istadju li ntlaħaq fil-proċess leġislattiv u l-ħtieġa li jiġi evitat dewmien żejjed f’dak il-proċess. Il-koleġislaturi ser jieħdu kont sħiħ ta' kwalunkwe element addizzjonali provdut mill-Kummissjoni f'dak il-kuntest. ”.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat fl-intier tiegħu, u

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

24      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

25      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat, u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

27      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka erba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel wieħed, tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, it-tieni wieħed, tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika stabbilit fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE, it-tielet wieħed, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE u, ir-raba’ wieħed, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

28      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi adotta r-Regolament ikkontestat abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, li jipprovdi li, b’deroga mill-proċedura ta’ deċiżjoni prevista f’dan l-Artikolu 192(1), il-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, jadotta l-miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura tal-provvista tal-enerġija tiegħu.

29      Hija ssostni, essenzjalment, li dan ir-regolament jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-libertà tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-istruttura tal-provvista tal-enerġija tagħhom, b’tali mod li kellu jkun ibbażat fuq il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, konformement mal-prinċipju tal-lex specialis, taħt piena li din id-dispożizzjoni tibqa’ mingħajr effett. Għalhekk, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jfassal abbozz ta’ att leġiżlattiv abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, huwa obbligat, preliminarjament, jeżamina jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE jkunux issodisfatti. Dan l-eżami għandu jiġi inkluż b’mod espliċitu fix-xogħlijiet preparatorji ta’ dan l-abbozz sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

30      Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha ċertament tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, fosthom l-għan u l-kontenut tal-att. Madankollu, dawn ma humiex l-uniċi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, u lanqas ma huma dawk l-iktar importanti. F’dan il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-miżuri ambjentali previsti mir-Regolament ikkontestat, u mhux biss l-għanijiet segwiti waqt l-adozzjoni tiegħu. Hija din l-interpretazzjoni biss li tista’ tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward ta’ żball manifest, użu ħażin ta’ poter jew qbiż manifest tal-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

31      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 42), il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE għandu japplika malli miżura taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, u mhux biss meta l-“għan prinċipali” ta’ dik il-miżura jkun li taffettwa b’mod sinjifikattiv tali għażla. Peress li din id-dispożizzjoni tinkludi espressament il-kriterju tal-effett tal-att sabiex id-deroga prevista minnha tkun tista’ tapplika, is-sostituzzjoni ta’ dan il-kriterju b’dak tal-għan u tal-kontenut tal-att tkun tikkostitwixxi applikazzjoni contra legem. Ir-Repubblika tal-Polonja żżid li l-kriterju tal-effett tal-att huwa barra minn hekk adottat għall-applikazzjoni ta’ ċerti proċeduri leġiżlattivi f’ċerti oqsma tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni jew tal-libertajiet ta’ moviment.

32      Fil-każ kuntrarju, ikun biżżejjed li l-istituzzjoni, awtriċi ta’ att tal-Unjoni, tallega, fl-att stess, li ma jkollhiex l-għan prinċipali li tinfluwenza l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija sabiex tiġġustifika l-fatt li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE ma jikkostitwixxix il-bażi legali tiegħu. Issa, din l-interpretazzjoni tikser il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-għażla tal-bażi legali ta’ att ġuridiku tal-Unjoni ma tistax tkun ibbażata fuq ir-rieda suġġettiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

33      Fi kwalunkwe każ, mill-punt 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-evalwazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-effetti kkawżati minn att hija rilevanti biss fir-rigward tal-għan u tal-kontenut ta’ dan l-att għall-finijiet tal-eżami tal-ksur tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Issa, peress li r-Regolament ikkontestat għandu bħala għan prinċipali jew bħala effett prinċipali li jaffettwa l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, dan kellu jiġi adottat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

34      Fil-fatt, iż-żieda fil-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES tal-Unjoni sal‑2030 minn 30 għal 40 % fis-setturi li jaqgħu taħt ir-Regolament 2018/842 kif ukoll iż-żieda tal-mira ta’ tnaqqis stabbilita għar-Repubblika tal-Polonja f’dawn is-setturi, previsti rispettivament fil-punt 1 tal-Artikolu 1 u fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, għandhom effett fuq l-istruttura tal-provvista tal-enerġija tagħha. Dawn iż-żidiet jobbligaw lill-Istati Membri jirrinunzjaw, fid-dawl tal-effetti ta’ dan ir-regolament f’termini ta’ kosteffettività, milli jagħmlu użi mill-enerġiji fossili, u b’mod partikolari mill-faħam, fil-provvista tal-enerġija nazzjonali tagħhom. Għalhekk, mill-premessa 16 tal-imsemmi regolament jirriżulta li ż-żieda fil-livell ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES tikkundizzjona l-profittabbiltà tal-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana mill-faħam, u hija intiża li tiddiswadi l-użu ta’ dan is-sors ta’ enerġija.

35      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-għan tar-Regolament ikkontestat għandu wkoll jiġi analizzat fid-dawl tal-mira tal-pakkett leġiżlattiv kollu “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li huwa sett komplet ta’ miżuri u ta’ inizjattivi li jsaħħu lil xulxin li l-għan tagħhom huwa li tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Unjoni sas-sena 2050. Issa, dan il-pakkett jimponi livell tant għoli ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet GES li l-implimentazzjoni tiegħu jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrinunzjaw għall-użu ta’ fjuwils fossili, u b’mod partikolari għall-faħam.

36      B’mod partikolari, ir-Regolament ikkontestat jaffettwa b’mod sinjifikattiv id-deċiżjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja fil-qasam tal-għażla bejn is-sorsi differenti ta’ enerġija, il-funzjonament tal-impriżi tas-settur tal-enerġija u l-għażla ta’ dawn is-sorsi miċ-ċittadini, li jillimita d-dritt għal dan l-Istat Membru li jiddetermina liberament il-kundizzjonijiet għall-użu tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, li jagħżel bejn sorsi differenti ta’ enerġija u li jiddetermina l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu. Dan ir-regolament għandu wkoll effett sinjifikattiv fuq is-setturi ekonomiċi tal-immaniġġar tal-iskart, tat-trasport bit-triq, tal-kostruzzjoni kif ukoll tal-agrikoltura u jeżiġi bidliet radikali f’dawn is-setturi li jiġġeneraw konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji.

37      Il-fatt li r-Regolament ikkontestat huwa intiż li jemenda r-Regolament 2018/842, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, huwa irrilevanti. Minbarra l-fatt li att emendatorju ma għandux neċessarjament jiġi adottat fuq l-istess bażi legali bħall-att li huwa jemenda, il-kuntesti rispettivi li fihom ġew adottati r-Regolament 2018/842 u r-Regolament ikkontestat ivarjaw fid-dawl tal-fatt li l-ewwel wieħed ġie adottat qabel il-pandemija tal-COVID-19 u qabel il-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, u li l-konsegwenzi ekonomiċi tal-iffissar tal-livell ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES għal 30 % introdott minn dan l-ewwel regolament ma kinux magħrufa.

38      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-affermazzjoni, li tinsab fis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 41), li tgħid li l-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-impatt probabbli ta’ miżura li fuqha l-leġiżlatur tal-Unjoni jibbaża l-għażliet tiegħu huma spekulattivi min-natura tagħhom, b’tali mod li fl-ebda każ ma jikkostitwixxu elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Din l-interpretazzjoni tirrendi superfluwu t-tfassil ta’ analiżi tal-impatt u tikser il-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

39      Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat kellu jiġi adottat fuq il-bażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għażla tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE bħala bażi legali ta’ att hija bbażata fuq l-istess elementi bħal dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti fil-ġurisprudenza tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 37 sa 39).

42      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, l-ewwel nett, li l-għażla tal-bażi legali ta’ att ma tistax tiddependi biss mill-konvinzjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-għan imfittex, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, bħall-għan u l-kontenut stess tal-att (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 11; tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 54 kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 121).

43      Li kieku l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura leġiżlattiva kellha tiddependi mill-evalwazzjoni tal-impatt probabbli tagħha, li, min-natura tagħha, hija ta’ natura spekulattiva, tkun biss analiżi a posteriori li tippermetti li jkunu magħrufa l-effetti reali u konkreti ta’ tali miżura. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni bl-ebda mod ma tista’ tikkostitwixxi element oġġettiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 41).

44      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-validità ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effikaċja tiegħu (sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Schroeder, 40/72, EU:C:1973:14, punt 14; tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, EU:C:1994:364, punt 43, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84).

45      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-effett mistenni ta’ att tal-Unjoni fuq il-politika tal-enerġija ta’ Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-għan jew tal-kontenut ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 42).

46      It-tieni nett, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tista’ tkun ibbażata wkoll fuq il-kuntest li jaqa’ fih, peress li dan il-kuntest jista’ jipprovdi kjarifika dwar l-għan imfittex minn dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 50; tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 32; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 39, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 122).

47      Fuq dan il-punt, għandha ssir distinzjoni bejn att analogu għal att preeżistenti u att li jemenda att diġà eżistenti. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-bażi legali ta’ att għandha tiġi ddeterminata b’mod awtonomu, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu stess, u mhux fid-dawl tal-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jkollhom, skont il-każ, karatteristiċi simili (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2006:4, punt 55, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 49). Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ att li jemenda leġiżlazzjoni eżistenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-bażi legali ta’ dan l-att emendatorju, il-leġiżlazzjoni li huwa jemenda u, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tiegħu (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 42, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 40).

48      It-tielet nett, jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan ikollu diversi skopijiet jew li jkollu diversi komponenti u jekk wieħed minn dawn l-iskopijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-oħrajn ikunu biss anċillari jew ikollhom biss portata estremament limitata, il-bażi legali sabiex jiġi adottat dan l-att jkollha tiġi ddeterminata skont dan l-iskop jew komponent prinċipali (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑42/97, EU:C:1999:81, punti 39 u 40; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 38, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2024, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2024:251, punt 47).

49      Ir-raba’ nett, interpretazzjoni wiesgħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE tirriskja li tistabbilixxi bħala regola l-użu ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali li għandha n-natura ta’ eċċezzjoni prevista mit-Trattat FUE. Konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet, il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat tal-ewwel imfittex minn dan l-att ikun jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 44 sa 46).

50      F’dan il-każ, ir-Regolament ikkontestat jemenda r-Regolament 2018/842, b’mod partikolari billi jdaħħal fih dispożizzjonijiet ġodda, b’tali mod li dan tal-aħħar jikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku li fih jaqa’ ir-Regolament ikkontestat. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-bażi legali li fuqha kellu jiġi adottat ir-Regolament ikkontestat u dan b’teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-kuntest ikkostitwit mid-Regolament 2018/842 kif ukoll tar-regoli li jirriżultaw mill-emendi li sarulu permezz tar-Regolament ikkontestat.

51      Il-premessi 1 sa 4, 6 sa 8, u 11 sa 18 tar-Regolament ikkontestat jikkonfermaw li dan għandu l-istess għan bħar-regolament li huwa jemenda, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ GES fl‑2030 meta pparagunati mal-livelli li ntlaħqu fl‑1990 fis-setturi koperti minn dawn ir-regolamenti, u dan sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

52      Fil-fatt, b’konformità mal-premessi 1 sa 6 tar-Regolament 2018/842, il-premessi 1 sa 4 tar-Regolament ikkontestat jipprovdu li, sabiex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura medja tal-pjaneta għal ferm inqas minn 2°C meta pparagunata mal-livelli preindustrijali u sabiex titkompla l-azzjoni meħuda sabiex din iż-żieda tiġi limitata għal 1.5°C meta pparagunata mal-livelli preindustrijali, l-Unjoni implimentat qafas regolatorju, li fih jaqa’ r-Regolament 2018/842, li jistabbilixxi l-miri nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES sas-sena 2030 fis-setturi li ma huma koperti la mid-Direttiva 2003/87 u lanqas mir-Regolament 2018/841.

53      Ċertament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fil-premessa 2 tar-Regolament 2018/842, li jiffissa “tnaqqis [...] [fis-setturi mhux koperti mill-EU ETS, ta’] 30 % [...] sal‑2030” u li “[j]enħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu [għal dan]”, billi “l-approċċ ta’ limiti nazzjonali vinkolanti kull sena [...] jitkompla”, kif indikat fil-premessa 18 ta’ dan ir-regolament, u billi, kif tfakkar fil-premessa 17 tal-imsemmi regolament, “it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] ta’ kull Stat Membru għall-2030 jiġi ddeterminat b’rabta mal-livell rivedut tiegħu tal-emissjonijiet ta’ [GES] fl-2005”. Madankollu, il-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat tfakkar, essenzjalment, li, bl-adozzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, l-Unjoni “naqqxet fil-leġiżlazzjoni objettiv vinkolanti ta’ newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050” u li stabbilixxiet ukoll, fl-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi, “mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti ta’ [GES] (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030”.

54      L-osservanza ta’ dawn l-impenji teżiġi, konformement mal-premessi 7 u 13 ta’ dan ir-regolament, “li jiġi adattat il-qafas regolatorju tal-Unjoni biex tintlaħaq il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030” billi progressivament jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-“setturi koperti mir-Regolament [2018/842] [...] sakemm jilħqu – 40 % fl-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005”.

55      Fil-fatt, skont din il-premessa 13, “biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll l-objettiv tal-Unjoni tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 [...] li l-kisba tagħha tirrikjedi konverġenza tal-isforzi tal-Istati Membri kollha tul iż-żmien, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi.” F’dan ir-rigward, il-premessi 11 u 14 tar-Regolament ikkontestat jippreċiżaw rispettivament li l-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES sal‑2030 “miżjuda [...] tista’ tinkiseb biss bil-kontribut tas-setturi kollha” u li din il-mira inizjalment “stabbilita fir-[Regolament 2018/842] jeħtieġ li tiġi riveduta għal kull Stat Membru”. Il-premessa 18 tar-Regolament ikkontestat iżżid li “l-Istati Membri jkunu jistgħu jnaqqsu b’mod progressiv l-emissjonijiet ta’ [GES] tagħhom, u jilħqu l-miri nazzjonali miżjuda tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] għall-2030 b’mod kosteffettiv” u li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, dan ir-regolament jeżiġi “allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ġodda u aktar stretti” u jżid il-“limiti massimi eżistenti fuq it-trasferimenti tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet bejn l-Istati Membri”.

56      Barra minn hekk, il-premessa 28 tar-Regolament 2018/842 kienet tipprovdi li dan ir-regolament “jenħtieġ li jiġi rivedut fl-2024 u kull ħames snin minn dik is-sena sabiex jiġi vvalutat il-funzjonament globali tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta’ politiki u miżuri tal-Unjoni aktar stretti”. Għalhekk, sa mill-adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippreveda l-possibbiltà li jemendah sabiex itejjeb il-funzjonament globali tiegħu, u li jadotta, f’każ ta’ bżonn, miżuri iktar rigorużi.

57      Issa, din hija l-ambizzjoni tar-Regolament ikkontestat. Dan jaqa’ f’kuntest ġdid ikkaratterizzat, minn naħa, mill-urġenza u n-neċessità li jiġu intensifikati l-isforzi tal-Unjoni biex tadotta miżuri intiżi biex jitħaffef it-tnaqqis tal-emissjonijiet GES u, min-naħa l-oħra, mill-adozzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li l-Artikolu 4(1) tiegħu jistabbilixxi mira vinkolanti ta’ tnaqqis, fl-Unjoni, tal-emissjonijiet netti ta’ GES b’mill-inqas 55 % sas-sena 2030 meta pparagunat mal-livelli tal-emissjonijiet ta’ GES tas-sena 1990 u li l-Artikolu 2(1) tiegħu jipprevedi li dawn l-emissjonijiet jitnaqqsu għal żero fl-Unjoni sa mhux iktar tard mis-sena 2050.

58      Minn dan isegwi li r-Regolament ikkontestat huwa intiż li jfittex li jilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u jinsab f’konformità mar-Regolament 2018/842 billi huwa intiż li jindirizza l-isfidi klimatiċi u ambjentali li l-Unjoni qiegħda taffaċċja.

59      Fir-rigward tal-kontenut tar-Regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ma għandhomx, bħala tali u prinċipalment, l-għan li jadottaw miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu iżda għandhom, l-iktar l-iktar, effetti indiretti u aċċessorji fuq l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑63 ta’ Diċembru 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑595/97, EU:C:2015:81, punt 63).

60      Issa, kif tfakkar mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistax jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat ewlieni mfittex minn dan l-att jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija ta’ dan tal-aħħar.

61      Fil-fatt, f’dan il-każ, mill-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/842, kif emendat bir-Regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2018/842, kif emendat”) jirriżulta, fl-ewwel lok, li r-Regolament 2018/842, kif emendat, jistabbilixxi, minn naħa, għall-Istati Membri, obbligi dwar il-kontributi minimi tagħhom għall-perijodu mis-sena 2021 sas-sena 2030, sabiex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni li tnaqqas, sas-sena 2030, l-emissjonijiet ta’ GES tagħha b’40 % meta pparagunat mal-livelli tas-sena 2005 fis-setturi koperti mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, regoli dwar id-determinazzjoni tal-kwoti annwali tal-emissjonijiet ta’ GES kif ukoll regoli dwar l-evalwazzjoni tal-progress tal-Istati Membri sabiex dawn josservaw il-kontributi minimi tagħhom. Konsegwentement, l-għan tar-Regolament 2018/842, kif emendat, indikat fl-Artikolu 1 tiegħu, huwa sempliċement differenti minn dak tar-Regolament 2018/842 f’dak li jirrigwarda l-ambizzjoni ikbar tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li tikkonsisti fl-iffissar tal-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES għal – 40 % sas-sena 2030 meta pparagunat mal-livell tas-sena 2005, filwaqt li kien stabbilit qabel għal – 30 % mir-Regolament 2018/842.

62      Fit-tieni lok, l-Artikolu 2 tar-Regolament 2018/842, kif emendat, jippreċiża li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jinkludi l-emissjonijiet ta’ GES tal-kategoriji ta’ sorsi tal-enerġija, tal-proċessi industrijali u tal-użu tal-prodotti, tal-agrikoltura u tal-iskart iddefiniti mill-IPCC, bl-esklużjoni tal-emissjonijiet ta’GES li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, b’tali mod li ma humiex differenti f’dan ir-rigward minn dak li kien jipprevedi essenzjalment l-Artikolu 2 tar-Regolament 2018/842. L-unika differenza bejn dawn iż-żewġ regolamenti, fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, tinsab fil-fatt li r-Regolament ikkontestat ikopri parti mill-attività ta’ trasport marittimu.

63      Fit-tielet lok, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2018/842, kif emendat, kif tirriżulta mill-emendi magħmula mill-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, hija simili ħafna għal dik tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2018/842. Fil-fatt, minbarra li jirreferi għall-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES stabbilita għal kull Stat Membru għall-perijodu mis-sena 2021 sas-sena 2030, jipprevedi wkoll metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-emissjonijiet li huwa simili ħafna għal dak stabbilit mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2018/842, fis-sens li jieħu inkunsiderazzjoni l-flessibbiltajiet previsti fl-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament 2018/842, kif emendat, kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ aġġustament previst fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament, li jieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis li jirriżulta mill-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament u li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li josservaw trajettorja lineari ta’ tnaqqis tal-imsemmija emissjonijiet. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2018/842, kif emendat, huwa differenti mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2018/842, sa fejn jaqsam il-perijodu mis-sena 2021 sas-sena 2030 fi tliet “sottoperijodi” li fir-rigward tagħhom it-trajettorja lineari hija ddeterminata fuq il-bażi ta’ data “aġġornata”.

64      Fir-raba’ lok, il-punti 4 u 5 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jemendaw l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament 2018/842 dwar mekkaniżmi ta’ flessibbiltà, billi jnaqqsu r-rati ta’ self u ta’ tqegħid fir-riżerva ta’ dawn il-kwoti jew billi jżidu r-rati ta’ trasferimenti tal-imsemmija kwoti.

65      Fil-ħames lok, l-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/842, kif emendat, huwa essenzjalment analogu ħafna għall-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/842 li dan jemenda. Filwaqt li dan tal-aħħar kien jissuġġetta l-possibbiltà li jintużaw l-assorbimenti netti ta’ GES iġġenerati mis-settur tal-LULUCF għall-perijodu mis-sena 2021 sas-sena 2030 għal ċerti kundizzjonijiet li kien jelenka fil-paragrafu 2(a) sa (e) tiegħu, ir-Regolament 2018/842, kif emendat, jiddetermina żewġ “sottoperijodi”, jiġifieri dak mis-sena 2021 sas-sena 2025 u dak mis-sena 2026 sas-sena 2030, għall-użu ta’ dawn l-assorbimenti netti ta’ GES. Dan it-tqassim tal-perijodu mis-sena 2021 sas-sena 2030 f’żewġ “sottoperijodi” huwa għalhekk intiż sabiex jiżgura li l-Istati Membri jadottaw strateġija ta’ żieda tal-assorbimenti netti totali tagħhom stabbilita fl-Anness III tar-Regolament 2018/842, kif emendat, matul dan il-perijodu deċennali li jsegwi trajettorja li tippermetti lill-Istati Membri jikkonċentraw l-isforzi tagħhom b’mod iktar lineari matul l-imsemmi perijodu u, konsegwentement, josservaw b’mod sostenibbli l-mira finali tagħhom fi tmiem dan l-istess perijodu.

66      Fis-sitt lok, il-punt 7 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jikkompleta l-Artikolu 8 tar-Regolament 2018/842 dwar il-miżuri korrettivi li Stat Membru għandu jieħu meta ma josservax l-obbligi previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, mingħajr madankollu ma jbiddel in-natura jew il-portata tagħhom.

67      Fis-seba’ u l-aħħar lok, il-punt 9 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jissostitwixxi l-Artikolu 15 tar-Regolament 2018/842, intitolat “Rieżami”, b’dispożizzjonijiet ġodda, billi jeżiġi li l-kontenut tar-rapport li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar il-funzjonament ta’ dan ir-regolament jirrigwarda aspetti ġodda, b’mod partikolari r-rilevanza tal-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES fil-livell nazzjonali, f’dak li jirrigwarda l-kontribut tagħhom għat-twettiq tal-miri klimatiċi tal-Unjoni, kif ukoll l-evalwazzjoni tat-trajettorja ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’GES li jaqgħu taħt dan ir-regolament.

68      Għalhekk jirriżulta kemm mill-għan tiegħu kif ukoll mill-kontenut tiegħu, li r-Regolament ikkontestat ma huwiex intiż għall-adozzjoni ta’ miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija jew l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-għażla tal-Artikolu 192(1) TFUE bħala bażi legali ta’ dan ir-regolament ma hijiex żbaljata u li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE ma setax jikkostitwixxi l-bażi legali li fuqha kellu jiġi adottat ir-Regolament ikkontestat.

69      Fir-rigward tal-argument li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma indikax ir-raġunijiet li għalihom huwa kien ċaħad il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE bħala bażi legali tar-Regolament ikkontestat, huwa biżżejjed li jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, id-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att issir fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tal-att inkwistjoni, u li huwa fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar li għandha tiġi identifikata l-bażi legali xierqa.

70      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-obbligu li jesponu l-motivi li għalihom huma ma jikkunsidrawx l-Artikolu 192(2) TFUE bħala bażi legali ta’ att tal-Unjoni sakemm l-għażla tal-Artikolu 192(1) TFUE tkun tidher debitament iġġustifikata. Fil-fatt, l-għażla ta’ bażi legali timplika, ipotetikament, li l-bażijiet legali potenzjali l-oħra, li setgħu jkunu l-bażi ta’ dan l-att, ma dehrux li kienu xierqa.

71      Bl-istess mod, konformement mal-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-effett mistenni ta’ att tal-Unjoni fuq il-politika tal-enerġija ta’ Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-għan jew tal-kontenut ta’ dan l-att Għaldaqstant, l-argument li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma eżaminax b’mod suffiċjentement preċiż u eżawrjenti l-effetti tal-miżuri proposti ma jistax jiġi evalwat b’mod awtonomu.

72      Fl-aħħar nett, lanqas ma jista’ jinsilet argument mill-formulazzjoni tal-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat sabiex jiġi sostnut li, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ipprova jiddiswadi l-użu tal-fjuwils fossili. Fil-fatt, fl-imsemmija premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni jispjega li, minbarra l-aċċellerazzjoni tal-abbandun progressiv ta’ dawn il-fjuwils ikkawżat mill-adozzjoni tal-programm ta’ rkupru, l-okkorrenza tal-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina huma kollha avvenimenti li ġġeneraw inċertezza dwar l-impatt tagħhom fuq l-emissjonijiet ta’ GES li wasslu għall-ħtieġa li tiġi prevista reviżjoni tad-data dwar dawn l-emissjonijiet fl‑2025 u, jekk neċessarju, aġġornament fl-2025 tal-kwoti annwali tal-imsemmija emissjonijiet għas-snin 2026 sa 2030. L-argument li, b’dan il-mod, dan il-leġiżlatur ipprova jiddisswadi l-użu tal-imsemmija fjuwils jirriżulta għalhekk minn interpretazzjoni parzjali u żbaljata ta’ din il-premessa.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv tar-Repubblika tal-Polonja għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, stabbilit fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

74      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika msemmi fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE. Hija tqis li l-kunċett ta’ solidarjetà enerġetika għandu jittieħed inkunsiderazzjoni flimkien mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

75      Fl-ewwel lok, hija tqis li r-Regolament ikkontestat għandu effett dissważiv fuq l-użu tal-fjuwils fossili u jista’ jwassal għall-falliment ta’ diversi impriżi tas-settur tal-enerġija li jużaw fjuwils fossili, inkluż il-faħam, għall-produzzjoni tal-elettriku. Dan ir-regolament għalhekk jipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri li s-sistema tal-enerġija tagħhom tiddependi ħafna mill-użu ta’ dawn il-kombustibbli. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ir-riskju gravi li tirrappreżenta l-interruzzjoni tal-provvista ta’ sors ta’ enerġija għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et, 72/83, EU:C:1984:256).

76      Fit-tieni lok, billi adotta r-Regolament ikkontestat, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika msemmi fl-Artikolu 194(1) TFUE, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istati Membri, bħal dawk tar-Repubblika tal-Polonja, u billi ma wettaqx ibbilanċjar tal-interessi tal-Unjoni u ta’ dawk tad-diversi Stati Membri fil-każ ta’ kunflitti (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 73). Fil-fatt, għalkemm ġie adottat formalment fil-kuntest tal-politika ambjentali tal-Unjoni, ir-Regolament ikkontestat bla dubju jikkonċerna l-politika tal-enerġija ta’ din tal-aħħar.

77      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li, billi lanqas ma jinkludi analiżi komparattiva tal-interessi tal-Unjoni u ta’ dawk tal-Istati Membri possibbilment ikkonċernati, u lanqas l-ibbilanċjar ta’ dawn l-interessi meta dawn ikunu f’kunflitt, id-dokument tal-Kummissjoni COM(2021) 555 final, tal‑14 ta’ Lulju 2021, li jirrigwarda Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, kiser ukoll tali prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

78      Barra minn hekk, is-sempliċi riferiment, fil-premessa 12 tar-Regolament ikkontestat, għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2020 li jipprovdu li l-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES għall‑2030 ser tintlaħaq b’mod kollettiv mill-Unjoni bl-iktar mod kosteffettiv possibbli fir-rigward tal-ispejjeż u li “[l]-Istati Membri kollha ser jieħdu sehem f'dan l-isforz, b'kont meħud ta' konsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja u ta' solidarjetà [...]. Il-mira l-ġdida għall-2030 jeħtieġ li tintlaħaq b'mod li jħares il-kompetittività tal-UE u li jqis il-punti ta' tluq differenti u
ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi u l-potenzjal ta' tnaqqis tal-emissjonijiet [GES] tal-Istati Membri, [...] kif ukoll l-isforzi li jkunu saru”, ma humiex biżżejjed sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u lanqas ma jirriflettu bbilanċjar tal-interessi.

79      Għaldaqstant, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u għandu jiġi annullat.

80      Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, prinċipalment, li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, stabbilit fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE, u, sussidjarjament, li dan ir-regolament jikser il-prinċipju ġenerali ta’ solidarjetà.

82      Madankollu, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 194(1) TFUE, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jitħares u jittejjeb l-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija hija intiża, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, li tiżgura s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-Unjoni, li tippromwovi l-effikaċja enerġetika u l-ekonomiji tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp tal-enerġiji ġodda u li jiġġeddu, u li tippromwovi l-interkonnessjoni tan-networks enerġetiċi.

83      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi espressjoni speċifika, fil-qasam tal-enerġija, tal-prinċipju ta’ solidarjetà. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 194(1) TFUE, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika huwa l-bażi tal-għanijiet kollha tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, billi jinġabru flimkien u tingħatalhom koerenza, b’tali mod li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont din il-politika għandhom jiġu interpretati, u l-legalità tagħhom għandha tiġi evalwata, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punti 38, 43 u 44).

84      Minn dan isegwi li dan il-prinċipju huwa rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-atti adottati mill-Unjoni taħt il-politika fil-qasam tal-enerġija, iżda mhux sabiex tiġi evalwata dik ta’ atti adottati minnha taħt politiki oħra, bħal dik li tirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat, ġustament, abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE u ma jaqax fil-qasam tal-politika tal-enerġija, iżda f’dak tal-protezzjoni tal-ambjent.

85      Għaldaqstant, l-argument li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, previst fl-Artikolu 194(1) TFUE, jista’ biss jiġi miċħud bħala ineffettiv.

86      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, sussidjarjament, li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ġenerali ta’ solidarjetà. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li dan tal-aħħar jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li fuqu hija bbażata s-sistema legali kollha tal-Unjoni u li huwa marbut mill-qrib mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punti 38 u 41, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Madankollu, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ solidarjetà sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni la ħa inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istati Membri u lanqas l-ibbilanċjar tagħhom ma’ dawk tal-Unjoni ma jistax jintlaqa’.

88      Fil-fatt, jirriżulta, l-ewwel nett, mill-premessa 12 tar-Regolament ikkontestat, li tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal‑11 ta’ Diċembru 2020, li l-mira l-ġdida ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES għall‑2030 għandha tintlaħaq b’mod kollettiv mill-Unjoni “bl-aktar mod kosteffettiv possibbli, [u] [l]-Istati Membri kollha ser jieħdu sehem f'dan l-isforz, b'kont meħud ta' konsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja u ta' solidarjetà, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa' lura”, kif ukoll ta’ “punti ta' tluq differenti u ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi u l-potenzjal ta' tnaqqis tal-emissjonijiet [GES] [...] tal-Istati Membri”.

89      It-tieni nett, mill-għan stess tal-miri nazzjonali ta’ emissjonijiet ta’ GES, kif emendati mill-punti 1 u 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, li issa jinsabu fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2018/842, kif emendat, kif ukoll mir-reviżjoni tal-livelli ta’ dawn l-miri stabbiliti, fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, f’livelli differenti, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet rispettivi tal-Istati Membri u, għaldaqstant, l-interessi tagħhom.

90      Bl-istess mod, il-punt 9 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, li jissostitwixxi l-Artikolu 15 tar-Regolament 2018/842 b’dispożizzjonijiet ġodda, jirrifletti wkoll il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istati Membri billi jdaħħal dispożizzjoni li tipprevedi r-reviżjoni ta’ dan ir-regolament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi tal-kuntest nazzjonali, il-mod kif is-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES, l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, kif ukoll l-isforzi mwettqa sabiex jintlaħqu fit-tul il-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi u tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima. F’dan ir-rigward, ir-rapport li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2018/842, kif emendat, jinkludi evalwazzjoni tat-trajettorja għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES koperti minn dan ir-regolament li għandha tkun konsistenti mal-għan tan-newtralità klimatika sa mhux iktar tard mill‑2050, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-baġit indikattiv stmat tal-Unjoni għall-GES, imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, kif ukoll l-importanza li jiġu promossi kemm l-ekwità kif ukoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

91      It-tielet nett, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja jmur ukoll kontra l-formulazzjoni tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, tal‑14 ta’ Lulju 2021, intitolat “Rapport dwar l-analiżi tal-impatt, li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill‑2021 sal‑2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika sabiex jiġu osservati l-impenji meħuda fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Pariġi” (iktar ’il quddiem l-“analiżi tal-impatt”), li jsemmi diversi drabi t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tad-diversi Stati Membri sabiex jiġu assenjati miri distinti (ara t-Taqsimiet 1.1, 1.3, 2.1, 4.2, 6.1.2 u 8 tal-analiżi tal-impatt).

92      Għalhekk, fit-Taqsima 1.1 tal-analiżi tal-impatt, iddedikata għad-deskrizzjoni tal-kuntest politiku ġenerali, il-Kummissjoni tfakkar li, wara l-adozzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2020 talab li l-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES tintlaħaq b’mod kollettiv mill-Unjoni bl-iktar mod kosteffettiv, filwaqt li tiġi ppreżervata l-kompetittività tal-Unjoni u “b'kont meħud ta’ [...] punti ta' tluq differenti u ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi u l-potenzjal ta' tnaqqis tal-emissjonijiet”.

93      Fit-Taqsima 1.3 ta’ din l-analiżi, iddedikata għad-deskrizzjoni tal-aspetti prinċipali tar-Regolament 2018/842, il-Kummissjoni tippreċiża li dan ir-regolament “jistabbilixxi ‘kontributi minimi’ fil-forma ta’ miri nazzjonali vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru għall-perjodu mill‑2021 sal‑2030” skont “kriterju ta’ tqassim [li] huwa bbażat fuq il-kapaċità ekonomika, jiġifieri l-[prodott domestiku gross (PDG)] per capita, b’xi aġġustamenti limitati biex tiġi riflessa l-kosteffettività b’mod ekwu u bbilanċjat”.

94      It-Taqsima 2.1 tal-analiżi tal-impatt, li tidentifika l-problemi u l-fatturi relatati maż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tal-Unjoni sal‑2030, tenfasizza li “l-ekwità u l-kosteffettività jibqgħu prinċipji ewlenin tar-Regolament [2018/842]”, li huwa implimentat fuq il-bażi ta’ “approċċ ta’ stabbiliment ta’ miri li jqis id-differenzi fil-kapaċità ta’ azzjoni, filwaqt li huma previsti aġġustamenti biex jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi”. Għalkemm ir-Regolament 2018/842 “iddifferixxa l-miri nazzjonali skont id-differenzi relattivi tal-PDG per capita”, il-Kummissjoni rrilevat li l-“iffissar ta’ miri bbażati biss fuq il-PDG per capita jista’ jwassal għal differenzi kbar fl-ispejjeż għal kull tunnellata ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] bejn l-Istati Membri għat-tnaqqis li għandu jsir fil-livell nazzjonali, u jista’ jwassal għal sforzi għaljin ħafna għall-Istati Membri bi dħul ogħla li l-potenzjal ta’ tnaqqis tagħhom huwa iktar limitat”. Għalhekk, f’dan ir-Regolament, “il-miri għal [dawn l-Istati Membri] ġew relattivament aġġustati biex jirriflettu l-kosteffettività b’mod ekwu u bbilanċjat”, u l-Kummissjoni ppjanat li tevalwa mill-ġdid din il-kwistjoni “fil-kuntest tal-livell ogħla ta’ ambizzjoni”.

95      Bl-istess mod, it-Taqsima 4.2 tal-analiżi tal-impatt, iddedikata għall-miri speċifiċi mfittxija mir-reviżjoni tar-Regolament 2018/842, tippreċiża li r-reviżjoni nbdiet fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan speċifiku tat-“[tqassim] tal-isforzi addizzjonali [...] b’mod koerenti, ġust u ekwu bejn l-Istati Membri” u li “[l]-ekwità hija prinċipju fundamentali tar-Regolament [2018/842]”.

96      It-Taqsima 6.1.2 tal-analiżi tal-impatt, intitolata “Miri nazzjonali u impatti distributtivi fir-Regolament [2018/842]”, tenfasizza wkoll li l-“miri nazzjonali skont ir-Regolament [2018/842] għall‑2030, [...] huma bbażati fuq id-differenzjazzjoni tal-isforzi skont il-PDG per capita relattiv għall‑2013” u li l-parti l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kienu tal-fehma “li ż-żieda fl-ambizzjoni [...] għandha tkun konformi mal-potenzjal ta’ tnaqqis kosteffettiv”. Fiha huwa indikat ukoll li din il-parti l-kbira tal-partijiet sostniet li l-ekwità u l-kosteffettività kienu jikkostitwixxu “il-parametri prinċipali li jippermettu li jiġu ffissati miri nazzjonali fir-Regolament [2018/842], fid-dawl taċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi”.

97      Fl-aħħar nett, tfakkar fit-Taqsima 8 tal-analiżi tal-impatt, dwar l-għażla ppreferuta, li “ż-żieda fil-miri nazzjonali skont ir-Regolament [2018/842] ser teħtieġ reviżjoni tal-ekwità u l-kosteffettività fi ħdan l-istrument”, li, “[f]ir-rigward tal-ekwità, l-analiżi tikkonkludi li aġġornament tal-approċċ li bih il-miri huma bbażati fuq il-PDG per capita għadu xieraq, filwaqt li jiġu applikati numru limitat ta’ korrezzjonijiet immirati biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kosteffettività”, u li, “b’mod ġenerali, dan ser jippermetti konverġenza tal-emissjonijiet per capita f’dawn is-setturi fi ħdan [l-Unjoni]”.

98      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 93 sa 98 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-interessi tal-Istati Membri ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-impatt.

99      Ir-raba’ nett, l-argument ibbażat fuq is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, EU:C:1984:256), huwa irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà, peress li din is-sentenza ma kinitx tirrigwarda l-prinċipju ta’ solidarjetà, iżda biss il-punt dwar jekk Stat Membru setax jadotta, mingħajr ma jikser il-libertà ta’ moviment tal-merkanzija, leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tirrimedja l-konsegwenzi ta’ interruzzjoni ta’ provvista ta’ prodotti petroliferi għall-eżistenza stess ta’ dan l-Istat, billi timponi fuq l-importaturi ta’ prodotti petroliferi obbligu ta’ xiri ta’ dawn il-prodotti bi prezzijiet iffissati abbażi ta’ spejjeż sostnuti minn raffinerija li tinsab fit-territorju tal-imsemmi Stat. Barra minn hekk, il-portata ta’ din is-sentenza hija iktar u iktar limitata peress li ngħatat qabel l-inklużjoni fit-Trattati ta’ kwalunkwe għan ta’ natura ambjentali kif ukoll tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

100    Il-ħames nett, għandu jitfakkar li, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà ma jfissirx, madankollu, li att tal-Unjoni fl-ebda każ ma għandu jkollu effetti negattivi fuq l-interessi partikolari ta’ Stat Membru fil-qasam li għalih jirreferi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 73).

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li r-Regolament ikkontestat għandu effett dissważiv fuq l-użu tal-fjuwils fossili u tista’ għalhekk twassal għall-falliment ta’ diversi impriżi tas-settur tal-enerġija li jużaw fjuwils fossili għall-produzzjoni tal-elettriku, kif tfakkar fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, bl-ebda mod ma hija ssostanzjata u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

102    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-interessi ta’ kull Stat Membru ttieħdu inkunsiderazzjoni u ġew ibbilanċjati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra kif ukoll tal-Unjoni kollha kemm hi, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni qassam l-isforzi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

103    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE

 L-argumenti tal-partijiet

104    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE.

105    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq analiżi tal-impatt insuffiċjenti u ineżatta, it-tieni waħda, fuq tqassim mhux ugwali u inġust tal-miri nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES, li jiġġeneraw spejjeż soċjali u ekonomiċi eċċessivi għall-Polonja, u, it-tielet waħda, fuq in-natura obsoleta tad-data li fuqha hija bbażata l-analiżi tal-impatt.

106    Permezz tal-ewwel parti, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-analiżi tal-impatt għandha diversi lakuni u għalhekk tikser il-punt 12 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, li jeżiġi li analiżi tal-impatt ta’ abbozz ta’ leġiżlazzjoni tkun tirrigwarda l-eżistenza, il-portata u l-konsegwenzi ta’ problema, teżamina n-neċessità ta’ azzjoni tal-Unjoni u tesponi soluzzjonijiet differenti, fejn ikun possibbli, bl-ispejjeż u l-vantaġġi possibbli tagħhom fuq medda ta’ żmien qasir u fit-tul, billi tevalwa l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali b’mod integrat u bbilanċjat, abbażi ta’ analiżijiet kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi. Billi l-lakuni fl-analiżi tal-impatt ma ġewx irrettifikati, il-Parlament u l-Kunsill kisru wkoll il-punt 16 ta’ dan il-ftehim. Ir-Regolament ikkontestat ġie għalhekk adottat abbażi ta’ analiżi tal-impatt insuffiċjenti u ineżatta.

107    L-ewwel nett, din l-analiżi hija insuffiċjenti sa fejn il-Kummissjoni eskludiet is-sottogħażla 1.2, jiġifieri li l-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES għas-setturi li jaqgħu taħt ir-Regolament 2018/842 tiġi stabbilita għal livell iktar baxx, jiġifieri għal – 35 %, minn dak adottat fir-Regolament ikkontestat, jiġifieri għal – 40 %. Issa, din il-mira iktar baxxa rriżultat, għar-Repubblika tal-Polonja, f’mira nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES ta’ – 11 % minflok ta’ – 17.7 %, li ġiet iffissata għaliha fir-Regolament ikkontestat, u evitat aġġustamenti ekonomiċi u soċjali diffiċli wisq imposti minnu.

108    It-tieni nett, l-analiżi tal-impatt tqassam b’mod żbaljat il-miri nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, il-kriterju ta’ tqassim adottat mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-kriterju tal-PDG per capita li, min-naħa tiegħu, jiġi aġġustat għall-Istati Membri li l-PDG per capita tagħhom ikun l-ogħla sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kosteffettività. Issa, tali aġġustament huwa diskutibbli peress li r-rabta bejn kosteffettività dgħajfa u t-tqassim ta’ dawn l-miri hija artifiċjali. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, kien ikun biżżejjed li jittejbu l-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà sabiex tittejjeb il-kosteffettività. B’mod iktar konkret, dan il-metodu ta’ aġġustament wassal għal żieda ta’ 0.7 % tal-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES li ġiet assenjata lilha.

109    It-tielet nett, il-Kummissjoni eżaminat b’mod insuffiċjenti l-għażliet li jippermettu li jiġu imposti obbligi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES ikbar fuq l-Istati Membri li għandhom PDG per capita ogħla. B’dan il-mod, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata tal-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES assenjati lid-diversi Stati Membri, li jvarjaw minn 0 % sa 60 %, u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-piż tal-aġġustament addizzjonali impost fuq l-Istati Membri li l-PDG per capita tagħhom huwa l-inqas għoli, sal-punt li l-isforzi ta’ tnaqqis meħtieġa mir-Repubblika tal-Polonja huma ogħla (– 31.7 %) mill-medja ta’ dawn l-isforzi fl-Unjoni (– 30.7 %).

110    Ir-raba’ nett, bi ksur tal-punt 12 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni la eżaminat b’mod suffiċjenti l-impatt tat-tqassim tal-mira l-ġdida ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES bejn l-Istati Membri u lanqas ma ppreżentat l-impatt preċiż tal-implimentazzjoni ta’ mira ta’ tnaqqis ta’ – 40 % meta pparagunata mal-livell ta’ emissjonijiet ta’ riferiment għas-sena 2005. Issa, din l-informazzjoni hija essenzjali għall-Istati Membri li huma l-iktar fqar. L-assenza ta’ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji li tista’ tinforma lill-Istati Membri dwar l-effikaċja potenzjali tal-miżuri li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali, kif ukoll l-assenza ta’ analiżi tal-ispejjeż antiċipati dovuti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES fil-livell nazzjonali huma partikolarment problematiċi, sa fejn iqiegħdu lir-Repubblika tal-Polonja fl-impossibbiltà li tkun taf l-ispejjeż li hija jkollha ssostni għall-implimentazzjoni tar-Regolament ikkontestat.

111    Permezz tat-tieni parti, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Regolament ikkontestat ser ikollu effett soċjali u ekonomiku negattiv fuq partijiet importanti tal-ekonomija Pollakka, jiġifieri, b’mod partikolari, fuq is-setturi tal-agrikoltura, tal-agroindustrija, tal-kostruzzjoni, tat-trasport bit-triq u li ser jaffettwa iktar iż-żoni rurali. Il-mira nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES allokata lilha ma hijiex ekwa fuq livell soċjali, peress li taffettwaha iktar minn Stati Membri oħra iktar industrijalizzati. Dan ir-regolament għandu wkoll bħala konsegwenza żieda fil-prezzijiet tat-tisħin domestiku, tal-fjuwil għall-vetturi, tal-fertilizzanti u tal-magni agrikoli kif ukoll żieda fl-ispejjeż relatati mal-immaniġġar tal-iskart, b’tali mod li jista’ jikkawża tnaqqis tal-PDG tar-Repubblika tal-Polonja. Għalhekk, fid-dawl ta’ tali konsegwenzi soċjali u ekonomiċi, ir-Repubblika tal-Polonja ma hijiex f’pożizzjoni li tilħaq il-miri stabbiliti mill-imsemmi regolament.

112    Barra minn hekk, filwaqt li r-Regolament ikkontestat iwassal għal tqassim mhux ugwali u inekwu tal-ispejjeż soċjali kkawżati mit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES, għal żieda fil-faqar enerġetiku u għal esklużjoni ta’ parti mill-popolazzjoni mill-użu tal-mezzi ta’ trasport kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, għal żieda tal-ispiża tal-produzzjoni tal-elettriku u tat-tisħin, dan ma jinkludi ebda miżura li tikkonkretizza l-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi tal-gruppi żvantaġġati, madankollu msemmi fil-premessa 4 tiegħu, u lanqas ma jipprevedi miżura ta’ appoġġ addizzjonali intiża li takkumpanja l-ambizzjoni ikbar tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-assenza ta’ inċentiv dirett għall-bdiewa, li huma madankollu atturi ekonomiċi li jieħdu miżuri favur l-assorbimenti ta’ CO2, ma tħeġġiġhomx inaqqsu l-emissjonijiet ta’ GES tagħhom jew iżidu l-assorbimenti ta’ GES.

113    Permezz tat-tielet parti, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-analiżi tal-impatt hija żbaljata u obsoleta, peress li ma ġietx aġġornata wara l-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Madankollu, dan l-avveniment għandu konsegwenzi kunsiderevoli fuq is-sitwazzjoni tagħha. Skont xenarji differenti, il-popolazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja tista’ tiżdied, b’bejn 1.75 u 6 miljun abitant, minħabba l-influss ta’ refuġjati Ukreni. Din is-sitwazzjoni twassal għal żieda sinjifikattiva fl-emissjonijiet ta’ GES ta’ dan l-Istat Membru, li fl-aħħar mill-aħħar taffettwa l-iskala tal-isforz ta’ tnaqqis li huwa għandu jwettaq sal‑2026-2030. Issa, il-Kummissjoni pprevediet fl-analiżi tal-impatt tnaqqis tal-popolazzjoni totali fil-Polonja għall-perijodu mis-sena 2020 sas-sena 2030.

114    F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jipprevedi “klawżola ta’ kriżi” li tippermetti li tiġi aġġornata d-data demografika tal-Istati Membri, simili fil-mekkaniżmu tagħha għall-“klawżola ta’ disturbi naturali” eżistenti fir-Regolament 2018/841. Issa, billi naqas milli jadotta dispożizzjoni f’dan is-sens, li kienet tippermetti r-reviżjoni tal-kriterju tal-PDG per capita u li l-inklużjoni tiegħu kienet barra minn hekk intalbet mir-Repubblika tal-Polonja matul in-negozjati li ppreċedew l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq żball.

115    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

116    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) TUE, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati.

117    Dan il-prinċipju jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13; tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 94, kif ukoll tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 76).

118    F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-imsemmi prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali u fejn huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi, a fortiori meta dawn ikunu jistgħu jevolvu. Din is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni tapplika għad-determinazzjoni tan-natura u tal-portata tal-miżuri li huwa jadotta, kif ukoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 28, 33 u 46; tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 150, 151 u 170, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 219 u 242).

119    Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura stabbilita f’wieħed minn dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jikseb, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex jekk miżura adottata f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni li lilu t-Trattati taw dan il-kompitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punti 82 u 83, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 242).

120    Madankollu, anki bis-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u għandu jeżamina jekk l-għanijiet imfittxija permezz tal-miżura magħżula jkunux tali li jiġġustifikaw konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki dawk sostanzjali, għal ċerti operaturi. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom, li jippreżumi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li l-imsemmi att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u inekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jkunu bbażati l-miżuri kkontestati tal-istess att u li fuqha jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effettività tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Schroeder, 40/72, EU:C:1973:14, punt 14; tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 152 u 153).

121    Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru meta l-att tal-Unjoni kkonċernat ikollu impatt fl-Istati Membri kollha u jippreżupponi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija minnu, jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi differenti involuti. Għaldaqstant, it-tfittxija ta’ tali bilanċ li tieħu inkunsiderazzjoni mhux is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda dik tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, L‑Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 39; tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 167, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 246).

122    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati t-tliet partijiet tat-tielet motiv.

123    F’dan il-każ, permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li l-analiżi tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni hija insuffiċjenti u żbaljata għal diversi raġunijiet, u dan bi ksur tal-punt 12 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

124    F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument ibbażat fuq in-natura superfiċjali tal-analiżi tal-impatt sa fejn il-Kummissjoni eskludiet is-sottogħażla 1.2, jiġifieri dik li l-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES għas-setturi li jaqgħu taħt ir-Regolament 2018/842 tiġi stabbilita għal livell iktar baxx minn dik adottata fir-Regolament ikkontestat, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ddeskriviet fit-tul, fit-Taqsima 5.3 ta’ din l-analiżi, it-tliet għażliet kif ukoll id-diversi sottogħażliet disponibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni u sussegwentement, fit-Taqsima 5.4 tal-imsemmija analiżi, l-għażliet esklużi fi stadju bikri tal-proċedura leġiżlattiva, qabel ma tispjega fid-dettall, fit-Taqsima 6 tal-istess analiżi, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dawn it-tliet għażliet u tas-sottogħażliet tagħhom.

125    F’dan il-kuntest, hija indikat li s-sottogħażla 1.2 “tippreżenta b’mod ċar riskji marbuta mal-integrità ambjentali”, li, “jekk wieħed jassumi li s-setturi l-ġodda li jaqgħu taħt l-[EU ETS] jilħqu l-limitu massimu tagħhom, ir-Regolament [2018/842], ikkunsidrat fl-intier tiegħu, jista’ ma jilħaqx il-potenzjal ta’ tnaqqis meħtieġ, jiġifieri – 40 %, jekk is-setturi l-oħra koperti [minn dan ir-regolament] li ma humiex inklużi fl-[EU ETS] ma jkunux suġġetti għal tnaqqis addizzjonali” u li, “[jekk] dawn is-setturi l-oħra kellhom sempliċement josservaw il-projezzjonijiet ta’ riferiment tagħhom, [l-imsemmi regolament] jilħaq globalment – 36 % tat-tnaqqis tal-emissjonijiet [ta’ GES], li jkun konformi mal-mira [tiegħu] ta’ – 35 % [...], iżda b’mod ċar mhux konformi mat-tnaqqis meħtieġ ta’ – 40 %”.

126    Bħala konklużjoni tas-sottotaqsima 6.1.1, il-Kummissjoni l-ewwel nett ikkonstatat li “[is-sottogħażla] 1.2 ma għandhiex l-istess integrità ambjentali [bħalma għandha s-sottogħażla 1.1] u tirriskja b’mod ċar li ma tilħaqx il-livell ta’ tnaqqis meħtieġ fis-setturi koperti mir-Regolament [2018/842]”. Hija osservat, sussegwentement, li “kamp ta’ applikazzjoni usa’ ta’ [EU ETS] ġdida fir-rigward tas-setturi tat-trasport bit-triq u tal-kostruzzjoni, kif ukoll mira ogħla f’din l-ETS ġdida, inaqqsu dan ir-riskju”. Fl-aħħar nett, hija qieset li “l-iffissar ta’ ambizzjonijiet ogħla fl-[EU ETS] eżistenti jew fis-settur tal-LULUCF, lil hinn minn dak li huwa neċessarju fil-kuntest tal-projezzjonijiet kosteffettivi, jista’ jkun ta’ kontrobilanċ għal dan ir-riskju, iżda jista’ joħloq problemi ġodda f’termini ta’ integrità ambjentali jew ta’ spejjeż f’dawn is-setturi”.

127    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-paragun tal-għażliet, imwettaq fit-Taqsima 7 tal-analiżi tal-impatt, il-Kummissjoni osservat li “s-sottogħażla 1.2 [tippreżenta riskji] relatati mal-integrità ambjentali fl‑2030, peress li l-portata mnaqqsa tal-mira tar-Regolament [2018/842] innifsu ma tiżgurax il-kisba tal-ambizzjoni ġenerali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES b’ – 40 % stabbilit fir-[Regolament 2018/842]”. Din l-għażla għandha wkoll l-iżvantaġġ li tiffavorixxi “akkumulazzjoni potenzjali ta’ eċċess ta’ kwoti annwali ta’ emissjonijiet [ta’ GES] fil-bidu tal-perijodu [sas-sena 2030]”, b’tali mod li twassal għal “trajettorja ġeneruża wisq f’termini ta’ kwoti annwali ta’ emissjonijiet [ta’ GES] fid-dawl tal-profili tal-emissjonijiet”.

128    Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonja ma għandhiex raġun issostni li l-analiżi tal-impatt hija superfiċjali fl-eżami tas-sottogħażla 1.2, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jqis li din is-sottogħażla ma kinitx tippermetti li tintlaħaq il-mira globali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES sal‑2030. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li ż-żieda fil-miri ta’ tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet, li tirriżulta mill-emendi magħmula għar-Regolament 2018/842, mill-punt 1 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat u mill-punt 3 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ma hijiex manifestament inadegwata fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

129    It-tieni nett, l-argument ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-analiżi tal-impatt jikkonċerna l-aġġustament tal-kriterju tal-PDG per capita, li jservi bħala kriterju ta’ tqassim tal-miri nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES bejn l-Istati Membri, sa fejn dan l-aġġustament jiffavorixxi lill-Istati Membri li l-PDG per capita tagħhom huwa l-ogħla.

130    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, qabelxejn, li, kif fakkret il-Kummissjoni fit-Taqsima 4.2 ta’ din l-analiżi, ir-reviżjoni tar-Regolament 2018/842 hija strutturata madwar tliet għanijiet speċifiċi fosthom, b’mod partikolari l-għan tat-“[tqassim] tal-isforzi addizzjonali [...] b’mod koerenti, ġust u ekwu bejn l-Istati Membri”. Huwa enfasizzat ukoll, f’dan ir-rigward, li “l-ekwità hija prinċipju fundamentali tal-leġiżlazzjoni dwar it-tqassim tal-isforzi” u li “element ewlieni huwa li l-livell ta’ ambizzjoni tal-miri nazzjonali jiġi allinjat mal-kapaċitajiet ekonomiċi nazzjonali”.

131    Barra minn hekk, fost dawn l-għanijiet speċifiċi hemm ukoll il-promozzjoni ta’ “soluzzjonijiet kosteffettivi biex jitnaqqsu iktar l-emissjonijiet fis-setturi koperti mit-tqassim tal-isforzi”. Madankollu, dan jimplika li jiġi żgurat li “l-miri ffissati jkunu jistgħu jintlaħqu bi sforzi raġonevoli, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi fil-potenzjal ta’ mitigazzjoni kosteffettiv bejn l-Istati Membri”.

132    Sussegwentement, it-Taqsima 6.1.2 tal-analiżi tal-impatt, intitolata “Miri nazzjonali u effetti distributtivi fir-Regolament [2018/842]”, tindika li l-miri “attwali” ta’ dan ir-regolament huma “bbażati fuq data tal-PDG per capita, iżda jinkludu wkoll aġġustamenti speċifiċi biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal ċerti Stati Membri bi dħul għoli, mira bbażata biss fuq il-PDG hija ferm iktar ambizzjuża mill-kontribuzzjoni kosteffettiva”. Għalhekk, “fl-assenza ta’ aġġustamenti, l-Istati Membri bi dħul għoli għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom iktar mill-potenzjal ta’ tnaqqis kosteffettiv tagħhom”. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni tiċċara f’din it-taqsima li, “[s]abiex jiġu riflessi d-differenzi bejn l-Istati Membri bi dħul għoli, f’termini tal-potenzjal tagħhom ta’ tnaqqis kosteffettiv u l-miri tagħhom ibbażati biss fuq il-PDG per capita, huwa possibbli li jsir aġġustament limitat tal-kosteffettività tal-miri bbażati fuq il-PDG”.

133    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-paragun li sar fit-Taqsima 7 tal-analiżi tal-impatt, il-Kummissjoni enfasizzat li “it-tfassil bażiku tar-Regolament [2018/842] bl-għan li jindirizza d-differenzi fil-kapaċità ekonomika tal-Istati Membri, kif ukoll aġġustament relattiv biex tiġi riflessa l-kosteffettività b’mod ġust u bbilanċjat, jinżammu taħt l-għażliet 1 u 2”. Hija ppreċiżat li dawn iż-żewġ għażliet huma “bbażati fuq il-PDG per capita b’aġġustamenti addizzjonali bbażati fuq il-potenzjal ta’ tnaqqis kosteffettiv, mhux biss fl-Istati Membri bi dħul għoli, iżda wkoll fil-grupp ta’ Stati Membri bi dħul baxx u medju”.

134    Fl-aħħar nett, skont it-Taqsima 8 dwar l-għażla ppreferuta, il-Kummissjoni enfasizzat li “ż-żieda fil-miri nazzjonali fuq il-bażi tar-[reviżjoni tar-Regolament 2018/842] ser tirrikjedi rieżami tal-ekwità u tal-kosteffettività” u li “l-analiżi tikkonkludi li aġġornament tal-approċċ li jipprovdi li l-miri huma bbażati fuq il-PDG per capita għadu xieraq, filwaqt li jiġi applikat numru limitat ta’ korrezzjonijiet immirati biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kosteffiċjenza”.

135    Konsegwentement, mill-analiżi tal-impatt jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku li, fid-dawl tal-għan imfittex, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel aġġustament tal-kriterju tal-PDG per capita għat-tqassim tal-miri nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES ma hijiex manifestament inadegwata.

136    It-tielet nett, l-argument dwar in-natura insuffiċjenti tal-eżami tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġu imposti obbligi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES ikbar fuq l-Istati Membri li għandhom PDG per capita ogħla, eżami li kellu jirrigwarda l-portata tal-miri assenjati lil dawn id-diversi Stati, għandu jiġi miċħud peress li, kif tfakkar fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, għal ċerti Stati Membri bi dħul għoli, mira bbażata biss fuq il-PDG hija nettament iktar ambizzjuża mill-kontribuzzjoni kosteffettiv.

137    Issa, kif isostnu l-Parlament u l-Kunsill, ir-Repubblika tal-Polonja ma turi la kif is-sistema ta’ ffissar tal-miri assenjati lill-Istati Membri hija manifestament żbaljata u lanqas kif ir-rabta bejn dawn il-miri u l-kosteffettività hija manifestament żbaljata. Minn dan isegwi li hija ma wrietx li l-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq dan il-punt fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament ikkontestat.

138    Ir-raba’ nett, l-argument li l-Kummissjoni la eżaminat b’mod suffiċjenti l-impatt tat-tqassim tal-mira l-ġdida ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES bejn l-Istati Membri u lanqas ma ppreżentat l-impatt preċiż tal-implimentazzjoni ta’ tnaqqis b’ – 40 % ta’ dawn l-emissjonijiet meta pparagunati mal-livell tal-emissjonijiet ta’ GES tal‑2005 għandu jiġi miċħud peress li huwa bbażat biss fuq allegazzjonijiet ta’ natura ġenerali u peress li ma jistabbilixxix li l-leġiżlatur tal-Unjoni eżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu b’mod manifestament mhux xieraq.

139    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li l-Parlament u l-Kunsill kisru l-punt 16 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, billi ma talbux lill-Kummissjoni tikkompleta l-analiżi tal-impatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-punt sempliċement jipprevedi li, fuq stedina tal-Parlament u tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ tikkompleta l-analiżi tal-impatt tagħha stess, b’tali mod li ma jinkludi ebda obbligu fuq l-istituzzjonijiet ikkonċernati li jikkompletaw tali analiżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 43). Din l-allegazzjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tielet motiv intiża sabiex jiġi stabbilit li l-analiżi tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni hija insuffiċjenti u żbaljata għandha tiġi miċħuda.

141    Fit-tieni parti tat-tielet motiv, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat għandu konsegwenzi soċjali u ekonomiċi negattivi fuq partijiet importanti tal-ekonomija Pollakka, b’mod iktar partikolari, fuq is-setturi tal-agrikoltura, tal-agroindustrija, tal-kostruzzjoni, tat-trasport bit-triq, kif ukoll fiż-żoni rurali, sal-punt li dan l-Istat Membru ma huwiex f’pożizzjoni li jilħaq il-miri stabbiliti minn dan ir-regolament. Il-mira nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES li hija assenjata lir-Repubblika tal-Polonja hija inġusta fuq il-livell soċjali, peress li taffettwaha iktar minn Stati Membri oħra li huma iktar industrijalizzati u ma hijiex akkumpanjata minn miżuri konkreti intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi tal-gruppi żvantaġġati, madankollu msemmija fil-premessa 4 tal-imsemmi regolament, jew li jinċentivaw lill-bdiewa jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ GES jew iżidu l-assorbimenti tagħhom ta’ GES.

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-Repubblika tal-Polonja sempliċement tallega b’mod ġenerali li r-Regolament ikkontestat ser ikollu effett negattiv sproporzjonat fuq is-setturi tal-agrikoltura, tal-agroindustrija, tal-kostruzzjoni, tat-trasport bit-triq, kif ukoll fiż-żoni rurali, sal-punt li hija ma tkunx f’pożizzjoni li tilħaq l-miri stabbiliti minn dan ir-regolament, mingħajr ma tipproduċi ebda prova fattwali intiża sabiex tissostanzja dawn l-affermazzjonijiet.

143    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjoni li r-Regolament ikkontestat ma jinkludi ebda miżura li tikkonkretizza l-għan intiż li jipproteġi l-interessi tal-gruppi żvantaġġati, madankollu msemmi fil-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi regolament ġie adottat, mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li huwa intiż li jikkonkretizza l-isforzi tal-Unjoni fl-oqsma kollha sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi li hija stabbilixxiet.

144    F’dan il-kuntest, kif jesponu l-Parlament u l-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi tal-gruppi żvantaġġati għandu jiġi eżaminat mhux biss fid-dawl tar-Regolament ikkontestat biss, iżda fid-dawl tal-miżuri u tal-istrumenti kollha implimentati fil-kuntest ta’ dan il-pakkett leġiżlattiv. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fl-ispejjeż fis-setturi tal-kostruzzjoni u tat-trasport bit-triq, ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU 2023, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90562), stabbilixxa Fond Soċjali għall-Klima sabiex jipprovdi lill-Istati Membri finanzjament speċifiku sabiex isostni l-gruppi ta’ persuni vulnerabbli l-iktar affettwati, b’mod partikolari l-unitajiet domestiċi f’sitwazzjoni ta’ faqar enerġetiku jew tat-trasport. Min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-bdiewa, mit-Taqsimiet 1.2 u 6.5 tal-analiżi tal-impatt jirriżulta li l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima hija fost l-għanijiet speċifiċi tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-politika agrikola komuni li jmiss u li l-pjanijiet strateġiċi li jaqgħu taħt din il-politika jippermettu lill-Istati Membri jikkonċentraw il-finanzjament tal-agrikoltura fuq it-titjib tal-effettività tagħha fil-qasam tal-GES.

145    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

146    Fir-rigward tat-tielet parti tat-tielet motiv, din tirrigwarda n-natura obsoleta tad-data li fuqha hija bbażata l-analiżi tal-impatt sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ekonomiċi, demografiċi u ambjentali marbuta mal-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina u l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni t-talba tar-Repubblika tal-Polonja intiża sabiex tiddaħħal “klawżola ta’ kriżi” fir-Regolament ikkontestat. Issa, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, il-leġiżlatur tal-Unjoni effettivament ħa inkunsiderazzjoni l-okkorrenza ta’ din il-gwerra fil-premessa 16 ta’ dan ir-regolament li tipprovdi li “l-gwerra ta’ aggressjoni [tal-Federazzjoni tar-] Russja kontra l-Ukrajna [għandha] impatt fuq l-ekonomija tal-Unjoni u l-livell tal-emissjonijiet ta’ [GES] sal-punt li għadu ma jistax jiġi kkwantifikat bis-sħiħ [...]”, li “[m]inħabba dawk l-inċertezzi u avvenimenti oħra mhux previsti li għandhom impatt fuq l-emissjonijiet ta’ [GES], huwa xieraq li tiġi rieżaminata d-data dwar l-emissjonijiet fl-2025 u, jekk ikun meħtieġ, li jiġu aġġornati l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet fl-2025 għas-snin 2026 sa 2030” u li “[dan] l-aġġornament jenħtieġ li jkun ibbażat fuq rieżami komprensiv tad-data tal-inventarju nazzjonali mwettqa mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet medji tal-[GES] ta’ kull Stat Membru matul is-snin 2021, 2022 u 2023”.

147    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2018/842, kif emendat, jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tiddetermina l-kwota annwali ta’ emissjonijiet ta’ GES għal kull Stat Membru abbażi ta’ eżami mill-ġdid tad-data tal-inventarji nazzjonali tas-snin preċedenti kkomunikata mill-Istati Membri konformement mar-Regolament 2018/1999, b’tali mod li din tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri, u, għaldaqstant, temenda l-kwoti annwali ta’ emissjonijiet ta’ GES bħala konsegwenza ta’ dan.

148    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-punti 12 sa 15 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat iwettaq analiżi tal-impatt fi kwalunkwe ċirkustanza. In-nuqqas li titwettaq tali analiżi jew l-aġġornament tagħha ma jistax jiġi kklassifikat bħala ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punti 82 sa 85).

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tielet motiv tar-Repubblika tal-Polonja għandu jiġi miċħud bħala infondat.

150    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE

 L-argumenti tal-partijiet

151    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES assenjati lill-Istati Membri mir-Regolament ikkontestat huma stabbiliti b’mod inġust u bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

152    L-ewwel nett, il-mira ta’ tnaqqis ta’ 17.7 % tal-emissjonijiet ta’ GES li ġiet stabbilita għaliha, fuq il-bażi ta’ kriterju ta’ tqassim ibbażat fuq il-kriterju tal-PDG per capita aġġustat, ikkalkolat abbażi tad-data medja tal-PDG għall-perijodu bejn is-sena 2017 u s-sena 2019, hija ambizzjuża wisq u twassal għal spejjeż kbar wisq għar-Repubblika tal-Polonja.

153    It-tieni nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex għajnuna finanzjarja solida bħala appoġġ għall-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri.

154    It-tielet nett, il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’GES stabbilita mir-Regolament ikkontestat għar-Repubblika tal-Polonja qatt ma ġiet diskussa jew spjegata. Iż-żieda fil-miri nazzjonali ta’ tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi fis-superfiċi bejn l-Istati Membri jew id-differenzi fil-potenzjal sabiex “jinġabar” iċ-CO2 fis-setturi koperti mir-Regolament ikkontestat iwassal għal riżultati inġusti.

155    Ir-raba’ nett, il-kriterju ta’ tqassim tal-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES bejn l-Istati Membri u l-mekkaniżmu ta’ aġġustament applikat għaliha huma intiżi, b’kontradizzjoni mal-premessi 12 u 13 tar-Regolament ikkontestat, li jiżguraw li l-ikbar isforzi ta’ tnaqqis ma jinġabrux mill-Istati Membri “l-iktar sinjuri”, iżda mill-Istati Membri “l-iktar fqar”.

156    Il-ħames nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina jaffettwaw speċifikament lir-Repubblika tal-Polonja. Fid-dawl ta’ dawn l-inċertezzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jillimita ruħu li jeżamina mill-ġdid id-data dwar l-emissjonijiet ta’ GES għas-sena 2025 u, jekk neċessarju, jipprevedi aġġornament tal-limiti ta’ emissjonijiet annwali għall-perijodu mis-sena 2026 sas-sena 2030, minflok jiffissa dawn il-limiti diġà fir-Regolament ikkontestat.

157    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li dan il-motiv, jekk mhux inammissibbli, tal-inqas għandu jiġi miċħud bħala infondat. Dawn l-istituzzjonijiet iqisu li dan il-motiv ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni previst fl-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja sempliċement tirrepeti l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motivi, mingħajr ma tispjega r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Ir-rikors, għalhekk sempliċement jesponi li r-Regolament ikkontestat huwa inġust fir-rigward tal-Istati Membri li l-PDG per capita tagħhom huwa l-iktar baxx u jimponi spejjeż eċċessivi fuq ir-Repubblika tal-Polonja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

158    Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE u tqis, essenzjalment, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, l-ewwel nett, stabbilixxa fir-rigward tagħha mira nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES ambizzjuż wisq u għoli wisq, it-tieni nett, naqas milli jipprevedi appoġġ finanzjarju solidu favur l-Istati Membri, it-tielet nett, naqas milli jispjegalha l-metodu ta’ ffissar tal-miri nazzjonali użat fir-Regolament ikkontestat, ir-raba’ nett, qassam b’mod inġust l-isforzi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES billi impona piż ikbar fuq l-Istati Membri “l-iktar fqar”, għall-benefiċċju tal-Istati Membri “l-iktar sinjuri”, u, il-ħames nett, ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina kienu jaffettwawha speċifikament.

159    Qabelxejn, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, għandu jitfakkar, kif ġie rrilevat fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati.

160    Fl-oqsma fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika biss, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 118 sa 120 ta’ din is-sentenza, jekk dan huwiex f’pożizzjoni li jistabbilixxi li adotta l-att inkwistjoni billi eżerċita b’mod effettiv is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu u li jesponi, għal dan l-għan, b’mod ċar u inekwivoku, id-data bażika li abbażi tagħha dan l-att ġie adottat u li minnha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, (Pakkett dwar il-mobbiltà, C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 664).

161    L-obbligu ta’ kooperazzjoni leali ma jistax ikollu portata usa’, fis-sens li jkollu l-effett li jobbliga lil-leġiżlatur tal-Unjoni jipproduċi, fiċ-ċirkustanzi kollha u fuq talba ta’ Stat Membru, dokumenti u informazzjoni allegatament neqsin jew jikkoreġi l-informazzjoni li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu qabel ma jkun jista’ jadotta att. Fil-fatt, hemm ir-riskju li tali interpretazzjoni twaqqaf lill-istituzzjonijiet milli jeżerċitaw is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom u tostakola l-proċess leġiżlattiv. Għalkemm huwa minnu li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali jinkludi l-obbligu ta’ assistenza reċiproka li jimplika, b’mod partikolari, l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv, dan l-obbligu ma jistax jippermetti lil wieħed minn dawn l-Istati Membri, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar in-natura suffiċjenti, rilevanti jew eżatta tad-data disponibbli, li jikkontesta għal din ir-raġuni biss il-legalità tal-proċess deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, (Pakkett dwar il-mobbiltà, C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 665 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE, minkejja l-oppożizzjoni ta’ diversi Stati Membri, ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li għandhom il-Parlament u l-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, (Pakkett dwar il-mobbiltà, C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 665 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, permezz tal-argument imfakkar fil-punti 152, 153, 155 u 156 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax li hija kellha aċċess, matul il-proċess leġiżlattiv, għad-dokumenti li fuqhom ibbaża ruħu l-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jadotta r-Regolament ikkontestat u li hija setgħet tippreżenta osservazzjonijiet dwar id-data li tinsab f’dawn id-dokumenti kif ukoll dwar l-ipoteżijiet adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Minbarra l-fatt li dan l-argument jikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dak żviluppat fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motiv, l-osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali ma timplikax li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat li jaqbel mal-imsemmija argument.

164    Fit-tieni lok, l-argument imfakkar fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, li jipprovdi li l-mira nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES stabbilita għar-Repubblika tal-Polonja la ġiet diskussa u lanqas spjegata huwa partikolarment ġenerali u ma huwiex issostanzjat. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-tqassim tal-miri nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES, li jinkludu dawk assenjati lir-Repubblika tal-Polonja, kien is-suġġett ta’ spjegazzjonijiet iddettaljati fit-Taqsima 6.1.2 tal-analiżi tal-impatt b’tali mod li, sa mill-bidu tal-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, din kienet f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-livell tal-mira nazzjonali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES li kienet assenjata lilha. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

165    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv tar-Repubblika tal-Polonja għandu jiġi miċħud bħala infondat.

166    Peress li ebda wieħed mill-motivi invokati mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tar-rikors tagħha ma huwa fondat, dan għandu konsegwentement jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

167    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament u l-Kunsill talbu l-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament u mill-Kunsill.

168    Konformement mal-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.