12004V292

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU V - AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI - KAPITOLU I - DISPOSIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI ĠENERALI - Artikolu III-292

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0131 - 0132


Artikolu III-292

1. L-azzjoni ta' l-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li jispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li tfittex li tavvanza fil-bqija tad-dinja: d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta' l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali.

L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubija ma' pajjiżi terzi, u organizzazzjonijiet reġjonali jew globali internazzjonali, li jaqsmu l-prinċipji previsti fl-ewwel subparagrafu. Għandha tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali għal problemi komuni, b'mod partikolari fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti.

2. L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem għal grad għoli ta' koperazzjoni fl-oqsma kollha ta' relazzjonijiet internazzjonali, sabiex:

a) tissalvagwardja l-valuri tagħha, l-interessi fundamentali, s-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità;

b) tikkonsolida u tappoġga d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

ċ) tippreserva l-paċi, tipprevjeni kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mal-prinċipji ta' l-Att Finali ta' Helsinki u ma' l-għanijiet tal-Karta ta' Pariġi, inklużi dawk li jirrigwardaw il-fruntieri esterni;

d) tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli ekonomiku, soċjali u ambjentali ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-iskop primarju li jinqered il-faqar;

e) tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluża t-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali;

f) tgħin biex jiġu żviluppati miżuri internazzjonali sabiex tiġi ppreservata u titjieb il-kwalità ta' l-ambjent u l-amministrazzjoni sostenibbli ta' riżorsi naturali globali, sabiex jiġi assigurat żvilupp sostenibbli;

g) tassisti popolazzjonijiet, pajjiżi u reġjuni kkonfrontati b'diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem; u

h) tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq il-koperazzjoni multilaterali msaħħa u t-tmexxija globali tajba.

3. L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji u twettaq il-miri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-oqsma differenti ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni koperti b'dan it-Titolu u l-aspetti esterni ta' politika oħra ta' l-Unjoni.

L-Unjoni għandha tassigura koerenza bejn l-oqsma differenti ta' l-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, għandhom jassiguraw dik il-koerenza u għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

--------------------------------------------------