|
27.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/135 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2019/2225 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-23 ta’ Ottubru 2019
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II — Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0010/2019), |
|
A. |
billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jeħtiġilhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom biex iwettqu l-kompiti tagħhom; |
|
B. |
billi l-Parlament huwa l-uniku korp direttament elett fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bir-responsabbiltà li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea; |
|
C. |
billi l-proċedura tal-għoti ta’ kwittanza b’mod separat lill-istituzzjonijiet u lill-korpi individwali tal-Unjoni hija prattika stabbilita minn żmien ilu u aċċettata mill-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha għajr il-Kunsill, u billi din il-proċedura ġiet żviluppata biex tiggarantixxi t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont demokratiku fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni u tiġi segwita l-ġlieda meħtieġa kontra l-frodi; |
|
1. |
Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom awtonomija amministrattiva fi kwistjonijiet relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom; jissottolinja l-importanza li jaġixxu b’mod responsabbli u professjonali fl-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom; |
|
2. |
Jissottolinja r-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta’ kwittanza, hekk kif regolat mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju u li, b’rikonoxximent sħiħ tar-rwol tal-Kunsill bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet fil-proċedura ta’ kwittanza, trid tinżamm distinzjoni fir-rigward tar-rwoli differenti tal-Parlament u tal-Kunsill biex ikun hemm konformità mal-qafas istituzzjonali stabbilit fit-Trattati u fir-Regolament Finanzjarju; |
|
3. |
Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti u r-risposti mogħtija lill-mistoqsijiet, u wara li jisma’ s-segretarji ġenerali tal-istituzzjonijiet l-oħra; itenni li l-Kunsill jeħtieġlu jieħu sehem bis-sħiħ u b’rieda tajba fil-proċedura ta’ kwittanza annwali, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra; jiddispjaċih bid-diffikultajiet li nqalgħu s’issa fil-proċeduri ta’ kwittanza tal-Kunsill; |
|
4. |
Jiddispjaċih li l-Kunsill reġa’ naqas milli jagħti risposti lill-mistoqsijiet bil-miktub mibgħuta mill-Parlament, u li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ma attendiex is-seduta ta’ smigħ organizzata fis-27 ta’ Novembru 2018 fil-kuntest tal-proċedura annwali ta’ kwittanza; jiddispjaċih ukoll li l-Kunsill ukoll ma tax risposta għall-osservazzjonijiet li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019 u li b’hekk injora r-rwol tal-Parlament; |
|
5. |
Ifakkar fid-diffikultajiet li nqalgħu ripetutament fil-proċeduri ta’ kwittanza tal-Kunsill sal-lum minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill u li wasslet biex il-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009-2016 u biex jippostponi d-deċiżjoni tiegħu f’Marzu 2019 għas-sena finanzjarja 2017; |
|
6. |
Jinnota li l-Kunsill ta risposta għall-proposta tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar il-proċedura ta’ kwittanza tal-Kunsill fit-2 ta’ Mejju 2018 bi proposta emendata, u li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bagħat ir-reazzjoni tiegħu għall-proposta emendata tal-Kunsill fis-16 ta’ Lulju 2018; iħeġġeġ lill-Kunsill jirreaġixxi rapidament għall-aktar proposta reċenti biex b’hekk l-arranġamenti l-ġodda għall-proċedura ta’ kwittanza jkunu jistgħu jiġu applikati mill-aktar fis possibbli; |
|
7. |
Jiddispjaċih li t-talba biex il-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill jiġi sseparat f’baġit wieħed għal kull istituzzjoni, magħmula mill-Parlament f’riżoluzzjonijiet preċedenti ta’ kwittanza, ma ġietx ikkunsidrata; jinsisti fuq din is-separazzjoni li tikkontribwixxi għal aktar trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja taż-żewġ istituzzjonijiet u ttejjeb ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tan-nefqa tagħhom; |
|
8. |
Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-ammont għoli ħafna ta’ approprjazzjonijiet li ġew riportati mill-2017 għall-2018, b’mod partikolari dawk relatati mal-għamara, mat-tagħmir tekniku, mat-trasport u mas-sistemi informatiċi; ifakkar lill-Kunsill li r-riporti huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-annwalità u li għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali; jiddeplora, barra minn hekk, il-fatt li l-Kunsill naqas milli jagħti biżżejjed informazzjoni dwar il-politika tal-proprjetà immobbli; |
|
9. |
Jilqa’ pożittivament l-isforzi għat-tkomplija tat-titjib tal-ġestjoni u l-prestazzjoni finanzjarja, bħall-armonizzazzjoni tal-ippjanar baġitarju fuq livell ċentrali bl-integrazzjoni tal-Attività Pluriennali u l-Ippjanar tal-Baġit (MABP); |
|
10. |
Jirrikonoxxi titjib fil-proċess ta’ modernizzazzjoni amministrattiva tal-Kunsill, bħal pereżempju li r-regoli interni għar-rapportar ta’ irregolaritajiet serji jiġu ppubblikati fis-sit web tal-Kunsill flimkien ma’ gwida dwar l-etika u l-imġiba għall-membri tal-persunal tal-Kunsill; jappella lill-Kunsill biex jissensibilizza dwar dawn ir-regoli u jiżgura li l-membri kollha tal-persunal jiġu informati kif xieraq dwar drittijiethom; |
|
11. |
Ifakkar li l-Kunsill qabel fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal reġistru ta’ trasparenza obbligatorju fis-6 ta’ Diċembru 2017, iżda għadu ma implimentahiex; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kunsill ma pparteċipax fl-iskema tar-reġistru ta’ trasparenza; jappella bis-sħiħ lill-Kunsill ikompli bid-diskussjonijiet dwar l-aspetti tekniċi tal-pakkett ta’ strumenti dwar ir-Reġistru ta’ Trasparenza, biex jintlaħaq qbil politiku bejn it-tliet istituzzjonijiet mill-aktar fis possibbli, hekk kif aktar trasparenza fi ħdan l-istituzzjoni tal-Unjoni jżidu l-fiduċja pubblika fl-Unjoni; |
|
12. |
Jenfasizza li l-Parlament appoġġja b’votazzjoni f’seduta plenarja l-proposti tal-Ombudsman Ewropew relatati mar-rakkomandazzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman Ewropew lill-Kunsill biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni b’mod aktar faċli (trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill, OI/2/2017/TE); ifakkar li l-Kunsill għandu, fost oħrajn, jirreġistra b’mod sistematiku l-pożizzjoni ta’ kull Stat Membru fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, jiżviluppa kriterji ċari u disponibbli għall-pubbliku għall-klassifikazzjoni ta’ dokumenti bħala “LIMITE”, skont id-dritt tal-Unjoni, u jiżviluppa paġna web dedikata għal kull proposta leġiżlattiva u jtejjeb il-faċilità għall-utent li juża r-reġistru pubbliku tad-dokumenti; |
|
13. |
Itenni li l-Kunsill għandu jkun trasparenti u responsabbli għalkollox fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilu bħala istituzzjoni tal-Unjoni; |
|
14. |
Jinsisti li eżerċizzju ta’ kontroll baġitarju effikaċi jirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill b’rispett dovut għar-rwoli rispettivi tagħhom; iqis li kooperazzjoni sodisfaċenti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f’għamla ta’ proċedura ta’ djalogu miftuħ u formali tkun sinjal pożittiv għaċ-ċittadini tal-Unjoni; |
|
15. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-informazzjoni rrapportata mill-mezzi tal-informazzjoni Ewropej dwar l-isponsorizzazzjoni minn impriżi tal-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Unjoni u jirrifletti t-tħassib espress miċ-ċittadini tal-Unjoni u mill-Membri tal-Parlament; jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma mistennija jiffinanzjaw il-Presidenzi tagħhom u jiddispjaċih li f’dawn l-aħħar snin saret prassi komuni li jsir użu minn sponsorizzazzjoni minn impriżi biex jiġu koperti wħud mill-ispejjeż tagħhom f’dan ir-rigward; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara possibbli għar-reputazzjoni u r-riskju ta’ telf ta’ fiduċja li din il-prattika jista’ jkollha fuq l-Unjoni, fuq l-istituzzjonijiet tagħha u speċjalment fuq il-Kunsill f’għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni; jissuġġerixxi li l-Kunsill jadotta linji gwida biex jippromwovi t-trasparenza finanzjarja u l-indipendenza tal-Presidenzi; jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kunsill jipprevedi l-ibbaġitjar tal-Presidenzi; ser jissorvelja mill-qrib il-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Ombudsman Ewropew relatata ma’ din il-kwistjoni; jitlob lill-Kunsill jippreżenta dan it-tħassib lill-Istati Membri, b’mod partikolari lit-Triju ta’ Presidenzi attwali; |
|
16. |
Huwa inkuraġġit bil-fatt li l-Kunsill iqis li jeħtieġ li jindirizza l-proċedura ta’ kwittanza u huwa miftuħ għas-sejba ta’ soluzzjoni flimkien mal-Parlament dwar kif għandhom jikkooperaw f’din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli. |