4.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/56


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta' Ġunju 2014

dwar ir-rikonoxximent tas-“Sistema KZR INiG” li turi konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2014/325/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7c(6) tagħha,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u l-Bijolikwidi,

Billi:

(1)

Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE jistabbilixxu l-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils. L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE huma simili għall-Artikoli 17 u 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(2)

Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi juru l-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(3)

Meta operatur ekonomiku jagħti evidenza jew dejta miksuba bi skema volontarja li tirrikonoxxiha l-Kummissjoni, safejn ikun kopert b'dik id-deċiżjoni ta' rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jeżiġi li l-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta' konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà.

(4)

It-talba biex ikun rikonoxxut li s-“Sistema KZR INiG” turi li l-konsenji tal-bijofjuwil jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 98/70/KE u fid-Direttiva 2009/28/KE, tressqet l-ewwel lill-Kummissjoni fis-17 ta' Lulju 2012. Il-verżjoni tal-iskema li ntlaqgħet, tressqet fis-17 ta' Diċembru 2013. L-iskema tkopri materja prima kkultivata u maħsuda fl-UE kif ukoll l-iskart u r-residwi mill-UE. L-iskema tkopri l-katina tal-provvista kollha mill-produzzjoni tal-materja prima sad-distribuzzjoni tal-bijofjuwils. Ladarba tiġi rrikonoxxuta, l-iskema għandha tkun disponibbli fil-pjattaforma ta' trasparenza stabbilita bid-Direttiva 2009/28/KE.

(5)

Valutazzjoni tas-“Sistema KZR INiG” sabet li din tkopri kif jixraq il-kriterji ta' sostenibbiltà tad-Direttiva 98/70/KE u tad-Direttiva 2009/28/KE, u tapplika metodoloġija ta' bilanċ tal-massa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(6)

L-evalwazzjoni tas-“Sistema KZR INiG” sabet li din tilħaq standards xierqa ta' affidabbiltà, trasparenza u verifika indipendenti u tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi fl-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(7)

Is-“Sistema KZR INiG” ġiet valutata skont il-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ meta ġiet adottata din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Jekk ikunu saru tibdiliet rilevanti fil-bażi legali, il-Kummissjoni tivvaluta l-iskema biex tistabbilixxi jekk l-iskema għadhiex qed tkopri kif jixraq il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom hi rikonoxxuta.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u l-Bijolikwidi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-“Sistema KZR INiG” (minn hawn 'il quddiem “l-iskema”) li fis-17 ta' Diċembru 2013 tressqet lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent, turi li l-konsenji tal-bijofjuwils jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE u fl-Artikoli 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE.

L-iskema fiha wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE.

L-iskema tista' tintuża biex turi konformità mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

Artikolu 2

Jekk wara l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, isir xi tibdil fil-kontenut tal-iskema b'tali mod li jaffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat biex tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri kif jixraq il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom ġiet irrikonoxxuta.

Jekk joħroġ fid-dieher biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusin deċiżivi għal din id-Deċiżjoni u jekk ikun sar ksur serju u strutturali ta' dawk l-elementi, il-Kummissjoni tista' tħassar din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi valida għal ħames snin.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(2)   ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.