|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/343 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1780 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (EMSA) għas-sena finanzjarja 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0108/2022), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tal-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-“Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2020 kien ta’ EUR 56 246 722, li jirrappreżenta żieda ta’ 18,72 % meta mqabbel mal-2019; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 16 765 425, li tirrappreżenta 29,81 % mill-baġit totali), minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (EUR 21 603 906, jew 38,41 %) u minn tariffi li tirċievi mill-entitajiet taħt is-superviżjoni tagħha (EUR 15 561 159, jew 27,67 %); |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2020 (ir-“rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2020 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,03 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 0,92 % meta mqabbla mal-2019; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 85,51 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 3,26 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; |
|
2. |
Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li f’Marzu 2020 l-Awtorità ffirmat “ftehim prinċipali dwar is-servizzi tad-data” ma’ kumpanija Kanadiża, għal perjodu massimu ta’ seba’ snin; jinnota li l-ammont massimu tal-kuntratt ma kienx iddikjarat b’mod ċar, u dan inaqqas it-trasparenza tal-ftehim iffirmat; jinnota li, wara l-awditu, l-Awtorità ħadet azzjonijiet korrettivi biex tindirizza dik id-dgħufija serja fil-kontroll intern billi kontroffirmat il-kuntratt qafas; |
|
3. |
Jinnota li r-rapport tal-Qorti ddikjara li l-Awtorità ma applikatx ir-rata tal-imgħax stabbilita fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pagamenti tard li saru minn għadd ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u repożitorji tat-tranżazzjonijiet b’rabta mal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-2020; jinnota li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni lanqas ma stabbilixxa l-ammonti riċevibbli u ma ħax deċiżjoni formali biex jirrinunzja għall-irkupru tal-imgħax ta’ inadempjenza (penali) kif meħtieġ mill-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju; jinnota wkoll li l-ammont tal-imgħax dovut għall-2020 huwa ta’ EUR 13 601 li, skont l-Awtorità, huwa 0,1 % tat-tariffi totali fl-2020; jinnota l-miżuri korrettivi meħuda u jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp rilevanti; |
|
4. |
Jinnota li l-Awtorità titlob tariffi lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u li tali tariffi għandhom ikopru biss l-infiq tal-Awtorità relatat mat-tariffi imposti; jinnota, madankollu, li l-Qorti sabet li t-tariffi imposti qabżu l-infiq assoċjat, u b’hekk inħolqu surpluses; jinnota li l-Awtorità se ssegwi l-gwida tal-Kummissjoni dwar il-mudell tal-ibbaġitjar għat-tariffi tagħha u għandha l-għan li tillimita l-finanzjament trasversali fejn ikun possibbli; jinnota, madankollu, il-kumplessità tal-istruttura baġitarja tal-Awtorità, li tagħmilha dejjem aktar diffiċli u tillimita l-kapaċità tal-Awtorità li tadatta għall-avvenimenti tas-suq bħala superviżur, permezz ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju; |
|
5. |
Jinnota, fir-rigward tal-osservazzjonijiet mir-rapport tal-Qorti, li s-surpluses u d-defiċits mit-tariffi imposti fuq l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jistgħu jwasslu għal finanzjament trasversali annwali tal-attivitajiet; jinnota li l-Awtorità għandha ssib mezz biex tevita tali finanzjament trasversali; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dak ir-rigward; |
|
6. |
Jinnota, fir-rigward tal-osservazzjonijiet mir-rapport tal-Qorti, li l-Awtorità qatt ma aġġustat, jew għamlet pjanijiet biex taġġusta, il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni bbażati fuq l-istimi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-sena N f’ċifri attwali; jistieden lill-Awtorità tieħu azzjoni f’dak ir-rigward; |
|
7. |
Jinnota li l-Awtorità ma għandhiex il-bażi ġuridika biex titlob lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikollhom iċ-ċifri kummerċjali tagħhom iċċertifikati minn awdituri indipendenti; jinnota t-tweġiba tal-Awtorità li r-regolament delegat dwar it-tariffi għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandu jiġi emendat biex tiġi armonizzata s-sistema ta’ kalkolu, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni; jinnota wkoll li fl-2020 l-Awtorità ppreżentat proposti lill-Kummissjoni u qasmithom mal-Qorti sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; |
Prestazzjoni
|
8. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Awtorità tuża ċerti miżuri bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħall-għadd ta’ suġġetti tar-riskju analizzati, ir-rata ta’ kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament u r-rata tad-dawran tal-impjegati; |
|
9. |
Jinnota li l-Awtorità rrieżaminat l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha għall-programm ta’ ħidma annwali tagħha għall-2020, b’enfasi fuq il-kejl tal-impatt; jinnota wkoll li l-Awtorità tkompli tirrieżamina l-ħidma tagħha b’mod kwalitattiv, billi tipproduċi rieżamijiet interni ad hoc jew “tagħlimiet meħuda” tal-proġetti; |
|
10. |
Jinnota li l-Awtorità taħdem maż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) l-oħra, mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), permezz tal-Kumitat Konġunt tal-ASE; jinnota li l-Kumitat Konġunt jaħdem fl-oqsma tal-analiżijiet mikroprudenzjali tal-iżviluppi transsettorjali, ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet għall-istabbiltà finanzjarja, is-superviżjoni tal-konglomerati finanzjarji, il-kontabilità u l-awditjar, il-prodotti ta’ investiment fil-livell tal-konsumatur u kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur; jinnota li l-Kumitat Konġunt għandu wkoll rwol importanti fl-iskambju ta’ informazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u fl-iżvilupp tar-relazzjoni bejn il-BERS u l-ASE; jinnota li fl-2013 l-Awtorità u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija ffirmaw ukoll Memorandum ta’ Qbil li stabbilixxa qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni meta r-responsabbiltajiet regolatorji taż-żewġ korpi tal-Unjoni jikkoinċidu fir-rigward tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, li jinkludi n-negozjar f’kuntratti ta’ komoditajiet u derivattivi; jinnota li l-Awtorità taqsam il-funzjoni tal-uffiċjal tal-kontabbiltà mal-EBA, u l-maġġoranza tal-akkwisti tagħha huma akkwisti konġunti ma’ aġenziji oħra u mal-Kummissjoni; jinnota wkoll li l-Awtorità implimentat il-programm ta’ diġitalizzazzjoni amministrattiva tagħha bbażat fuq software tal-IT konġunt li huwa kondiviż minn sitt aġenziji tal-Unjoni, li flimkien jikkooperaw biex jikkomunikaw dwar l-aħjar prattiki tal-utenti u verżjonijiet ġodda; |
|
11. |
Jinnota li, bħala konsegwenza tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, l-Awtorità wettqet 81,5 % tal-attivitajiet inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha fl-2020, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 13,5 % meta mqabbel mal-2019; |
|
12. |
Jinnota li l-Awtorità tilqa’ l-valutazzjoni pożittiva tal-Parlament tal-involviment tal-Awtorità fil-qasam tal-finanzi sostenibbli, biex tiġi żgurata t-trasparenza dwar l-impatti u r-riskji għas-sostenibbiltà għall-prodotti u s-swieq finanzjarji; jinnota b’sodisfazzjon li l-Awtorità tkompli tikkontribwixxi b’mod attiv għall-iżvilupp tal-qafas regolatorju u prattiku tal-Unjoni għas-sostenibbiltà li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-ambizzjoni politika u l-iskeda ta’ żmien urġenti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod speċjali fir-rigward tad-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); jilqa’ f’dak ir-rigward l-Istrateġija għall-Finanzi Sostenibbli tal-Awtorità li ġiet ippubblikata fis-6 ta’ Frar 2020, li, fost affarijiet oħra, tat prijorità lill-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-ġabra unika tar-regoli; |
Politika dwar il-persunal
|
13. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2020, 76,11 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet eżegwita, b’172 aġent temporanju maħtura minn total ta’ 226 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 210 postijiet tax-xogħol awtorizzati fl-2019); jinnota li, barra minn hekk, 68 aġent kuntrattwali u 10 esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2020; |
|
14. |
Jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneru fost il-membri tal-maniġment superjuri tal-Awtorità, fejn 3 minn 5 huma nisa (60 %); jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneru fil-Bord Maniġerjali tal-Awtorità, fejn 3 minn 6 huma tal-istess ġeneru; jinnota wkoll id-distribuzzjoni tal-ġeneru fost il-persunal ġenerali tal-Awtorità, fejn 134 minn 250 huma rġiel; jirrimarka, madankollu, li fir-reklutaġġ ta’ persunal ġdid u b’rabta mal-promozzjonijiet, l-Aġenzija għandha żżomm f’moħħha li l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza tal-kandidati huma l-aktar fatturi importanti; jirrimarka li għandha titqies ukoll il-ħtieġa ta’ bilanċ ġeografiku fost il-membri tal-persunal; |
|
15. |
Jinnota li l-Awtorità esperjenzat żieda ppjanata fl-ammont ta’ xogħol tagħha fl-2020, li għaliha rċeviet 16-il post ġdid li kienu previsti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2020; jinnota li l-Awtorità rriallokat ukoll il-postijiet internament biex tkompli tipprovdi input fl-aġenda tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u timmaniġġja l-pressjoni fuq l-attivitajiet tal-Awtorità bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni; jinnota wkoll li fl-2020 l-Awtorità kienet meħtieġa tirrevedi l-programm ta’ ħidma tagħha, billi ddewwem ċerti kompiti ppjanati u twettaq riallokazzjoni interna oħra tal-persunal, sabiex tindirizza l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19; |
|
16. |
Jinnota b’sodisfazzjon li meta ġew introdotti arranġamenti ta’ telexogħol bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, l-Awtorità organizzat sessjonijiet online b’segwitu tal-politika tagħha dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; jilqa’ l-fatt li fl-2020 ma kien hemm l-ebda każ ta’ fastidju rrapportat, investigat, jew li ttieħed il-qorti; |
Akkwist
|
17. |
Jinnota l-isforzi li għamlet l-Awtorità biex toħloq sinerġiji permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist konġunt ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni; jinnota li fl-2020 l-Awtorità kienet parti minn 20 proċedura ta’ akkwist interistituzzjonali ġdida ma’ aġenziji oħra, mal-Kummissjoni, u mal-Parlament Ewropew, inkluża proċedura waħda mmexxija mill-Awtorità nnifisha; iħeġġeġ lill-Awtorità tkompli tiżviluppa sinerġiji ma’ korpi oħra tal-Unjoni; |
|
18. |
Jinnota li fl-2020 l-Awtorità bbenefikat aktar minn qatt qabel mid-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-proċessi finanzjarji u ta’ akkwist kollha tagħha, minħabba l-introduzzjoni ta’ sistema mingħajr karti; jinnota li l-Awtorità kompliet il-proċessi amministrattivi tagħha matul il-pandemija u tejbet l-effiċjenza tagħha bħala riżultat taż-żieda tal-prattiki ta’ firem diġitali; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
|
19. |
Jinnota li 27,66 % tal-baġit tal-Awtorità ġej minn tariffi imposti fuq l-entitajiet li jinsabu taħt is-superviżjoni tagħha; jinnota li ġew implimentati miżuri sabiex jiġi mmitigat kwalunkwe kunflitt ta’ interess, u li dawk l-istrutturi u l-proċessi ġew awditjati minn korpi tal-Unjoni u awdituri esterni; jistieden lill-Awtorità tkompli tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri li ħadet biex tiżgura li ma jseħħ l-ebda kunflitt ta’ interess; |
|
20. |
Jinnota li, minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u t-tfixkil qawwi fis-swieq fir-rebbiegħa tal-2020, il-Bord Maniġerjali tal-Awtorità emenda l-politika dwar l-etika għall-persunal sabiex jintroduċi l-possibbiltà ta’ projbizzjoni ġenerali temporanja fuq il-kummerċ fi strumenti finanzjarji, taħt ċerti kundizzjonijiet, biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata; jilqa’ l-fatt li l-Awtorità adottat b’diliġenza r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew lill-EBA dwar il-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ wara l-impjieg ta’ maniġers superjuri li jkunu se jitilqu, u li f’Diċembru 2020 inkorporathom fil-politika dwar l-etika tagħha għall-persunal; |
|
21. |
Jilqa’ l-passi li ttieħdu sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fl-attivitajiet tal-Awtorità permezz tar-rapportar tal-laqgħat tal-persunal tal-Awtorità ma’ partijiet ikkonċernati esterni u d-disponibbiltà tagħhom fuq is-sit web tal-Awtorità; |
|
22. |
Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-Bord Maniġerjali u tal-persunal maniġerjali tagħha; |
Kontroll intern
|
23. |
Jilqa’ l-valutazzjoni annwali tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Awtorità u l-konklużjoni li din teżisti u tiffunzjona tajjeb; jinnota li, b’kollox, l-Awtorità identifikat 22 każ ta’ nuqqas, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu żgħar u l-ebda wieħed minnhom ma qajjem dubju dwar l-eżistenza u l-funzjonament xieraq tal-prinċipji ta’ kontroll intern; jinnota li l-opportunitajiet osservati għal titjib huma prinċipalment relatati mal-komponenti “ambjent ta’ kontroll” u “attivitajiet ta’ kontroll”; jistieden lill-Awtorità tevalwa b’mod espliċitu l-osservazzjonijiet tal-Qorti, li ħafna minnhom għandhom effett fuq is-sistema ta’ kontroll intern, fil-valutazzjoni annwali tagħha; |
|
24. |
Jinnota li l-Qorti sabet kontrolli interni dgħajfa fil-monitoraġġ taż-żmien mitlub mill-Awtorità f’kuntratt ta’ “ħin u mezzi” fl-ambitu ta’ kuntratt qafas għas-servizzi ta’ konsulenza tal-IT; jinnota li l-Qorti sabet li l-kontrolli mwettqa mill-Awtorità biex tivverifika l-għadd effettiv ta’ jiem maħduma barra mis-sit għal dak il-kuntratt ma kinux adegwati; jinnota wkoll li l-Awtorità ma żammitx kont b’mod regolari tal-ħin iddebitat mill-kuntrattur, minkejja li l-kuntratt qafas kien jispeċifika li kellha tagħmel hekk; jinnota li l-Awtorità għalhekk kellha stabbiliti kontrolli dgħajfa biex tikkonferma li l-pagamenti li saru lill-kuntrattur kienu bbażati fuq skedi ta’ żmien validi sottomessi fil-ħin xieraq, li jikkostitwixxi nuqqas sinifikanti ta’ kontroll intern; jistieden lill-Awtorità tieħu miżuri f’dan ir-rigward; |
|
25. |
Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni kkonkluda li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti mill-Awtorità għall-ġestjoni bbażata fuq l-attività u l-ġbir tat-tariffi tfasslu b’mod adegwat u ġew implimentati b’mod effettiv; jinnota li mill-ħames rakkomandazzjonijiet ipprovduti fir-rapport tal-IAS, erbgħa diġà ngħalqu; jinnota wkoll li l-Awtorità se timplimenta l-aħħar waħda sal-aħħar tal-2021, flimkien mal-implimentazzjoni ta’ għodda ġdida tal-IT għall-ġestjoni bbażata fuq l-attività; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward; |
Rispons għall-COVID-19 u kontinwità tal-operat
|
26. |
Jinnota li l-Awtorità nediet il-pjan ta’ kontinwità tal-operat tagħha u fi Frar 2020 stabbiliet tim ta’ ġestjoni tal-kontinwità tal-operat; jinnota li, b’mod ġenerali, il-pandemija kellha diversi impatti ewlenin fuq l-Awtorità, inklużi laqgħat aktar frekwenti tal-Bord tas-Superviżuri u laqgħat oħra tal-grupp tal-Awtorità, żieda fid-diġitalizzazzjoni u fl-użu ta’ konferenzi bl-awdjo u bil-vidjo u għodod tal-votazzjoni, żieda fl-importanza li jkun hemm preżenza online fuq il-media soċjali u li wieħed jattendi konferenzi online, u tnaqqis fl-impronta tal-karbonju bħala riżultat ta’ inqas stampar u inqas ivvjaġġar; |
|
27. |
Jinnota li, b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, l-Awtorità saħħet ir-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha fir-rigward tas-superviżjoni tal-fondi ta’ investiment permezz tal-organizzazzjoni ta’ skambji frekwenti mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar l-iżviluppi tas-suq u r-riskji superviżorji, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ likwidità; |
Kummenti oħra
|
28. |
Jinnota li l-Awtorità kompliet tħejji għat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, f’konformità mal-missjoni tagħha li ttejjeb il-protezzjoni tal-investituri u tippromwovi swieq finanzjarji stabbli u ordnati; jinnota li l-Awtorità kompliet twettaq analiżi sistematika tal-impatt potenzjali tal-ħruġ tar-Renju Unit fis-swieq tat-titoli tal-Unjoni u għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, u ħadmet mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti, mal-Kummissjoni u mal-Awtorità dwar il-Kondotta Finanzjarja tar-Renju Unit biex timmitiga kwalunkwe kwistjoni li rriżultat; |
|
29. |
Jinnota li, matul l-2020, l-Awtorità ħadmet fuq kif tkompli tuża laqgħat remoti wara l-pandemija biex iżżomm it-tnaqqis relatat fl-ivvjaġġar u l-benefiċċji ambjentali assoċjati; iħeġġeġ lill-Awtorità tagħmel dan u jistieden lill-Awtorità tirrapporta dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward; |
|
30. |
Jitlob li l-bini jiġi mmodernizzat sabiex jissodisfa standards b’emissjonijiet żero, b’mod partikolari billi jiġu installati pannelli solari fuq il-binjiet kollha li jappartjenu lill-Awtorità; |
|
31. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 114, 31.3.2021, p. 177.
(2) Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar id-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).
(4) r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
(5) Testi adottati, P9_TA(2022)0196.