European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/5254

8.10.2026

Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni pprovduta mill-QEA lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-9, l-10 u l-11-il FEŻ — Rapport tal-awditur indipendenti

(C/2026/5254)

Opinjoni

I.

Aħna awditjajna:

(a)

il-kontijiet annwali tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ, li jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti, in-noti għar-rapporti finanzjarji, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni finanzjarja għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2025, li ġew approvati fit-22 ta’ Ġunju 2026;

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi li l-ġestjoni finanzjarja tagħhom taqa’ taħt il-Kummissjoni (1).

Affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

II.

Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet annwali tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2025 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2025, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ u r-regoli kontabilistiċi bbażati fuq standards tal-kontabbiltà li huma aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku.

Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Dħul

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul

III.

Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2025 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Nefqa

Opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa

IV.

Fl-opinjoni tagħna, minħabba s-sinifikat tal-kwistjoni deskritta taħt “Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa”, in-nefqa aċċettata fil-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2025 hija milquta minn livell materjali ta’ żball.

Bażi għal Opinjoni

V.

Aħna wettaqna l-awditu tagħna skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC, u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAIs) tal-INTOSAI. Ir-responsabbiltajiet tagħna skont dawn l-istandards u kodiċijiet huma deskritti f’aktar dettall fit-taqsima “Responsabbiltajiet tal-awditur” fir-rapport tagħna. Irrispettajna wkoll ir-rekwiżiti tal-indipendenza u wettaqna l-obbligi etiċi tagħna skont il-Kodiċi ta’ Etika għall-Kontabilisti Professjonali tal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Etika għall-Kontabilisti. Nemmnu li l-evidenza għall-awditjar li ksibna hija biżżejjed u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna.

Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa

VI.

Il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna għan-nefqa aċċettata fil-kontijiet tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ għas sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2025 huwa ta’ 10,5 %. Għalhekk, l-effetti tal-iżbalji li sibna huma kemm materjali kif ukoll pervażivi għan-nefqa aċċettata tas-sena.

Kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar

VII.

Il-kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar huma dawk li, fil-ġudizzju professjonali tagħna, kienu tal-akbar sinifikat fl-awditu li wettaqna tar-rapporti finanzjarji tal-perjodu attwali. Dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati fil-kuntest tal-awditu li wettaqna tar-rapporti finanzjarji kollha kemm huma, u waqt li konna qed niffurmaw l-opinjoni tagħna dwarhom, iżda aħna ma nipprovdux opinjoni separata dwar dawn il-kwistjonijiet.

Imposti dovuti

VIII.

Ivvalutajna l-imposti dovuti ppreżentati fil-kontijiet, li huma suġġetti għal livell għoli ta’ stima. Fi tmiem is-sena 2025, il-Kummissjoni stmat li l-ispejjeż eliġibbli mġarrba, iżda li kienu għadhom ma ġewx irrappurtati mill-benefiċjarji, ammontaw għal EUR 3 195 miljun (tmiem is-sena 2024: EUR 3 885 miljun).

IX.

Eżaminajna l-kalkolu ta’ dawn l-istimi tad-dovuti u rrieżaminajna kampjun ta’ 20 pagament ta’ prefinanzjament individwali u 19-il fattura li kienu ġew irreġistrati iżda li kienu għadhom ma ġewx ivverifikati, biex nindirizzaw ir-riskju li d-dovuti ġew iddikjarati b’mod skorrett. Ix-xogħol imwettaq ippermettielna naslu għall-konklużjoni li l-imposti dovuti rreġistrati fil-kontijiet finali kienu xierqa.

Kwistjonijiet oħra

Bidla fil-metodoloġija għall-kwantifikazzjoni tal-iżbalji fl-akkwist pubbliku

X.

Minn din is-sena ’l quddiem, immodifikajna l-metodoloġija tagħna għall-kwantifikazzjoni tal-impatt tal-iżbalji b’rabta mal-akkwist pubbliku. L-approċċ aġġornat huwa allinjat mal-metodoloġija li l-Kummissjoni tapplika fil-kuntest ta’ programmi ta’ nfiq taħt ġestjoni kondiviża fil-qafas tal-baġit ġenerali. Nippreżentaw l-impatt stmat ta’ din il-bidla fil-paragrafu 33 tar-rapport annwali tagħna.

Responsabbiltajiet tal-maniġment (il-Kummissjoni)

XI.

F’konformità mal-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u mar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tal-FEŻ abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment, u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa fl-aħħar mill-aħħar responsabbli mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-FEŻ.

XII.

Fit-tħejjija tal-kontijiet tal-FEŻ, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-FEŻ li jkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga kull kwistjoni rilevanti u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat, dment li ma jkunx biħsiebu jillikwida l-entità jew itemm l-operazzjonijiet, jew inkella ma jkollu l-ebda alternattiva realistika ħlief li jagħmel dan.

XIII.

Il-maniġment huwa responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-FEŻ.

Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet tal-FEŻ u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

XIV.

L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-FEŻ ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li l-awditu jkun neċessarjament qabad il-każijiet kollha ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità li jaf ikun hemm. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw kwalunkwe deċiżjoni ekonomika li tittieħed fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet tal-FEŻ.

XV.

Għad-dħul, aħna neżaminaw il-kontribuzzjonijiet kollha mill-Istati Membri u kampjun ta’ tipi oħra ta’ tranżazzjonijiet tad-dħul.

XVI.

Għan-nefqa, neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament ladarba n-nefqa tkun ġiet imġarrba, irreġistrata u aċċettata. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (minbarra pagamenti bil-quddiem) fil-punt meta jsiru. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati ladarba r-riċevitur tal-fondi jkun ipprovda evidenza dwar l-użu xieraq tagħhom u l-istituzzjoni jew il-korp ikunu aċċettaw dik l-evidenza billi japprovaw il-pagament bil-quddiem, u dan jista’ jseħħ fis-sena sussegwenti.

XVII.

Aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nżommu xettiċiżmu professjonali tul l-awditu. Barra minn hekk, aħna:

—

nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet tal-FEŻ u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-FEŻ, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Infasslu u nwettqu proċeduri tal-awditjar li jirrispondu għal dawk ir-riskji, u niksbu evidenza għall-awditjar li tkun biżżejjed u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna. Każijiet ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew ta’ nuqqas ta’ konformità b’riżultat ta’ frodi huma aktar diffiċli biex jinqabdu minn dawk li jkunu b’riżultat ta’ żball, billi frodi jaf tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonali, rappreżentazzjonijiet żbaljati, jew li jingħeleb il-kontroll intern. B’konsegwenza ta’ dan, hemm riskju akbar li dawn il-każijiet ma jinqabdux.

—

niksbu fehim tal-kontroll intern rilevanti għall-awditu sabiex infasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa, iżda mhux bl-iskop li nagħtu opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern.

—

nevalwaw l-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jintużaw mill-maniġment, kif ukoll ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru minn dawn tal-aħħar.

—

nilħqu konklużjoni dwar l-adegwatezza tal-użu mill-maniġment tal-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat u, abbażi tal-evidenza għall-awditjar miksuba, dwar jekk tkunx teżisti inċertezza materjali minħabba avvenimenti jew kundizzjonijiet li jaf jixħtu dubju sinifikanti fuq il-kapaċità tal-FEŻ li jkomplu bħala negozju avvjat. Jekk nikkonkludu li tkun teżisti inċertezza materjali bħal din, aħna meħtieġa niġbdu l-attenzjoni, fir-rapport tagħna, għad-divulgazzjonijiet relatati fil-kontijiet tal-FEŻ jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bbażati fuq l-evidenza għall-awditjar miksuba sad-data tar-rapport tagħna. Madankollu, avvenimenti jew kundizzjonijiet futuri jaf iwasslu biex il-FEŻ ma jkomplix bħala negozju avvjat.

—

nevalwaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tal-kontijiet annwali, inklużi d-divulgazzjonijiet kollha, u nivvalutaw jekk il-kontijiet annwali jkunux jirrappreżentaw it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti ta’ bażi b’mod ġust.

XVIII.

Nikkomunikaw mal-maniġment rigward, fost oħrajn, l-ambitu u t-twaqqit ippjanati tal-awditu u dwar sejbiet sinifikanti tal-awditjar, inklużi sejbiet dwar kwalunkwe defiċjenza sinifikanti fil-kontroll intern.

XIX.

Mill-kwistjonijiet li ddiskutejna mal-Kummissjoni, aħna niddeterminaw dawk li kienu tal-akbar sinifikat fl-awditjar tal-kontijiet tal-FEŻ, u li għalhekk huma l-kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar għall-perjodu attwali. Niddeskrivu dawn il-kwistjonijiet fir-rapport tagħna, dment li l-liġi jew ir-regolament ma jkunux jipprekludu d-divulgazzjoni pubblika jew meta, f’każijiet rari ħafna, aħna niddeterminaw li kwistjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata fir-rapport tagħna minħabba li l-konsegwenzi avversi jekk dan isir ikunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jkunu akbar mill-benefiċċji għall-interess pubbliku.

It-2 ta’ Lulju 2026

Tony MURPHY

Il-President

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

12, rue Alcide De Gasperi - L-1615 Luxembourg


(1)  Skont l-Artikoli 43, 48-50 u 58 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-11-il FEŻ, din id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni ma tapplikax għar-riżorsi tal-FEŻ li huma mmaniġġjati mill-BEI.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5254/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)