European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1025

6.5.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1025

tal-20 ta’ Jannar 2026

dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Finlandja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet li għamlet il-Finlandja,

Billi:

(1)

L-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi għaqlin u sostenibbli bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u inklużiv mirfud minn stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi sostenibbli.

(3)

Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) skont l-Artikolu 126 TFUE, kif iċċarata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (1), li tagħmel parti mill-PST, tipprevedi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula regoli u definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264, li emenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97. Ir-riforma żammet ir-regoli tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit ġeneralment l-istess, filwaqt li għall-Istati Membri bi proporzjon tad-dejn tal-gvern ogħla minn 60 % tal-PDG, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-dejn ser tiffoka fuq devjazzjonijiet mir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta (3) stabbiliti mill-Kunsill fl-Artikoli 17 jew 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263 (4). Skont l-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet jiġu kkalkulati abbażi tad-data tal-eżitu. Is-sena inizjali tar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta annwali u kumulattiva rrakkomandati mill-Kunsill għall-Finlandja hija l-2025. Il-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterju tad-dejn tista’ ssir biss ladarba tkun disponibbli d-data tal-eżitu għall-2025, li ser ikun fir-rebbiegħa tal-2026.

Għalhekk, din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna l-eċċess tal-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-PDG fir-rigward tal-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG.

(4)

Skont l-Artikolu 126(5) TFUE, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jeżisti jew jista’ jinħoloq defiċit eċċessiv fi Stat Membru, din għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tinforma b’dan lill-Kunsill. Wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha adottat skont l-Artikolu 126(3) TFUE u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-4 ta’ Diċembru 2025 adottata skont l-Artikolu 126(4) TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Finlandja. Fit-12 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għaldaqstant indirizzat tali opinjoni lill-Finlandja u infurmat lill-Kunsill kif xieraq (5).

(5)

L-Artikolu 126(6) TFUE jipprovdi li l-Kunsill għandu jikkunsidra kwalunkwe osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jesprimi qabel ma jieħu deċiżjoni wara stima kumplessiva dwar jekk ikunx jeżisti defiċit eċċessiv. Fil-każ tal-Finlandja, l-istima kumplessiva twassal għall-konklużjonijiet stabbiliti hawn taħt.

(6)

Skont id-data pprovduta mill-Eurostat fil-21 ta’ Ottubru 2025 (6), id-defiċit tal-gvern estiż fil-Finlandja laħaq l-4,4 % tal-PDG fl-2024, u d-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 82,5 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Fl-2025, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Finlandja huwa ppjanat li jilħaq l-4,3 % tal-PDG (7). Id-defiċit attwali tal-gvern fl-2024 u d-defiċit ippjanat għall-2025 huma ogħla mil-valur referenzjarju tat-Trattat u mhux qribu ta’ 3 % tal-PDG, u d-defiċits li jaqbżu l-valur referenzjarju mhumiex meqjusa temporanji. Abbażi tat-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni (8), id-defiċit tal-gvern estiż huwa mbassar li jibqa’ ogħla minn 3 % tal-PDG fl-2025, fl-2026 u fl-2027. Ir-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(3) TFUE qies li d-defiċits li jaqbżu l-valur referenzjarju fl-2024 u fl-2025 huma eċċezzjonali, minħabba l-impatt tal-iżviluppi makroekonomiċi negattivi u l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(7)

F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, meta tiġi vvalutata l-konformità abbażi tal-kriterju tad-defiċit, jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti fil-passi ta’ wara r-rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE u li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv biss jekk – qabel ma jitqiesu dawn il-fatturi rilevanti – id-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ qrib il-valur referenzjarju u l-eċċess tiegħu ’l fuq mill-valur referenzjarju jkun temporanju. Fil-każ tal-Finlandja, il-kundizzjoni doppja ma ġietx issodisfata. Għalhekk, il-fatturi rilevanti ma jitqisux.

(8)

Għaldaqstant, il-kriterju tad-defiċit kif definit mit-Trattat u mir-Regolament (KE) Nru 1467/97 mhuwiex issodisfatt.

(9)

Fit-8 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill attiva klawżola liberatorja nazzjonali biex jiffaċilita żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Finlandja (9), matul il-perjodu 2025-2028. L-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1467/97 jistabbilixxi li, jekk tiġi attivata klawżola liberatorja nazzjonali, il-Kummissjoni u l-Kunsill jistgħu jiddeċiedu li ma jaslux għal konklużjoni rigward l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Madankollu, abbażi tat-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni, id-defiċit fl-2025 għall-Finlandja huwa mbassar għal 3,4 % tal-PDG mingħajr iż-żieda fin-nefqa fid-difiża mill-2021 ’l hawn. Għalhekk, id-defiċit li jaqbeż il-valur referenzjarju fil-Finlandja fl-2025 ma jistax jiġi spjegat bis-sħiħ minn żieda fin-nefqa fid-difiża mis-sena ta’ referenza tal-2021. B’riżultat ta’ dan, l-Artikolu 2(5) ma japplikax.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali, jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Finlandja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KERAVNOS


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj) kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/479/oj) kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014 tas-7 ta’ Marzu 2014 fir-rigward tar-referenzi għas-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 101).

(3)  Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(5)  Id-dokumenti kollha marbuta mal-PDE għall-Finlandja jinsabu hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-governance-framework/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/excessive-deficit-procedures-overview/finland_en.

(6)  L-Indikaturi tal-Euro tal-Eurostat ippubblikati fil-21 ta’ Ottubru 2025 (https://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-euro-indicators/w/2-21102025-AP), f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009.

(7)  Id-defiċit ippjanat kif irrappurtat lill-Eurostat fil-kuntest tan-notifika fiskali tal-Ħarifa 2025. Ara: https://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables.

(8)  It-Tbassir Ekonomiku Ewropew – il-Ħarifa 2025, European Economy-Institutional Paper, Nru 327, is-17 ta’ Novembru 2025.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2025 li tippermetti lill-Finlandja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), (ĠU C, C/2025/3966, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3966/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1025/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)