|
11.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 377/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1666
tal-10 ta’ Novembru 2020
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fertilizzanti bil-għan li jiġi inkluż tip ġdid ta’ fertilizzanti tal-KE fl-Anness I
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (1), b’mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Manifattur tal-kelat tal-kalċju tal-aċidu imminodisuċċiniku (“Ca-IDHA”) ressaq talba permezz tal-awtoritajiet Pollakki lill-Kummissjoni biex tinżied entrata ġdida għall-kelat tal-kalċju tal-aċidu imminodisuċċiniku (Ca-IDHA) fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. Il-kelat tal-kalċju tal-aċidu imminodisuċċiniku ġie żviluppat b’risposta għal talbiet mis-settur ortikulturali biex jiġu żviluppati alternattivi għas-sorsi eżistenti tal-kalċju, li jistgħu jwasslu, taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ użu, għal danni lill-weraq wara li jiġu applikati fuqhom. |
|
(2) |
Il-kelat tal-kalċju tal-aċidu imminodisuċċiniku jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. Għalhekk jenħtieġ li jiġi inkluż fil-lista tat-tipi ta’ fertilizzanti tal-KE fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament. |
|
(3) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jiġi emendat kif skont dan. |
|
(4) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
ANNESS
Fit-Tabella D tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, tiddaħħal ir-ringiela 2.3 li ġejja:
|
“2.3 |
kelat tal-kalċju tal-aċidu imminodisuċċiniku |
Prodott akkwistat kimikament li jkun fih il-kelat tal-kalċju tal-aċidu imminodisuċċiniku bħala ingredjent essenzjali, mingħajr iż-żieda ta’ nutrijenti organiċi ta’ oriġini mill-annimali jew veġetali |
9 % CaO Kalċju espress bħala CaO, kelat bl-aċidu imminodisuċċiniku (IDHA) li jinħall fl-ilma. |
|
Kalċju espress bħala CaO, kelat bl-aċidu imminodisuċċiniku (IDHA) li jinħall fl-ilma.” |