Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SPIELMANN

ippreżentati fid‑9 ta’ Lulju 2026 (1)

Kawża C‑170/25 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

TP

“Appell – Kuntratti pubbliċi – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Esklużjoni tar-rikorrenti, għal perijodu ta’ sentejn, milli tipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti rregolati mir-Regolament Finanzjarju tal‑2018, milli tingħażel sabiex timplimenta l-fondi tal-Unjoni, kif ukoll milli tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ffinanzjati fil-kuntest tal‑11‑il Fond Ewropew għall-Iżvilupp – Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 – Obbligu li l-aġir tal-persuna kkonċernata jiġi evalwat b’mod konkret u individwalizzat – Klassifikazzjoni legali tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni – Rikors għal annullament u għad-danni”






 Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Diċembru 2024, TP vs Il‑Kummissjoni (T‑776/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:908), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2022 li teskludi lil TP milli jipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti rregolati mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (2) jew iffinanzjati mir-Regolament (UE) 2018/1877 (3) u milli jingħażel sabiex jimplimenta l-fondi tal-Unjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2.        Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiena ser nillimita l-analiżi tiegħi għall-ewwel aggravju. Fl-ewwel lok, ser neżamina jekk l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli (f’dan il-każ, il-Kummissjoni), meta jadotta tali deċiżjoni ta’ esklużjoni, huwiex awtomatikament marbut jew le bil-konstatazzjonijiet tal-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt li tkun ġiet adita preċedentement. Fit-tieni lok, ser nanalizza jekk, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandux, sabiex jieħu d-deċiżjoni ta’ esklużjoni, jagħmel eżami individwalizzat, inkluż fil-każ ta’ konsorzju magħmul minn impriżi responsabbli in solidum, u dan ser jagħtini l-opportunità li niddiskuti n-natura ġuridika tal-miżura ta’ esklużjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Finanzjarju tal‑2018

3.        L-Artikolu 135 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-identifikazzjoni tar-riskji, l-esklużjoni u l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji”, jipprevedi:

“1.      Sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha twaqqaf u tħaddem sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni.

L-għan ta’ din is-sistema għandu jkun li jiffaċilita:

(a)      l-identifikazzjoni bikrija ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, li jippreżentaw riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b)      l-esklużjoni ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni imsemmija fl-Artikolu 136(1);

(c)      l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja fuq riċevitur skont l-Artikolu 138.

2.      Is-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni għandha tapplika għal:

(a)      parteċipanti u riċevituri;

(b)      entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom il-kandidat jew l-offerent biħsiebu jiddependi jew sottokuntratturi ta’ kuntrattur;

[...]

4.      Id-deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew ta’ impożizzjoni ta’ penali finanzjarji fuq riċevitur, għandha tkun ibbażata fuq sentenza finali jew, fis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmijin fl-Artikolu 136(1), fuq deċiżjoni amministrattiva finali, jew fuq klassifikazzjoni preliminari fil-liġi mill-bord kif imsemmi fl-Artikolu 143 fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 136(2) sabiex tiġi żgurata valutazzjoni ċentralizzata ta’ dawk is-sitwazzjonijiet. [...]”

4.        L-Artikolu 136 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, intitolat “Kriterji ta’ esklużjoni u deċiżjonijiet dwar esklużjonijiet”, jipprevedi:

“1.      L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeskludi lil persuna jew lil entità msemmija fl-Artikolu 135(2) milli tieħu sehem fi proċeduri ta’ għoti rregolati minn dan ir-Regolament jew milli tingħażel sabiex timplimenta fondi tal-Unjoni fejn dik il-persuna jew entità tkun tinsab f’waħda jew iżjed mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni:

[...]

(e)      il-persuna jew l-entità tkun uriet nuqqasijiet sinifikanti ta’ konformità mal-obbligi ewlenin fl-implimentazzjoni ta’ impenn legali iffinanzjat mill-baġit, li jkunu:

(i)      wasslu għat-terminazzjoni bikrija ta’ impenn legali;

(ii)      wasslu għall-applikazzjoni ta’ danni likwidati jew penali kuntrattwali oħrajn; jew

(iii)      ġew skoperti minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, mill-[Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)] jew mill-Qorti tal-Awdituri wara verifiki, awditjar jew investigazzjonijiet;

[...]

2.      Fin-nuqqas ta’ sentenza finali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali fil-każijiet imsemmija fil-punti (c), (d), (f), (g) u (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew fil-każ imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeskludi lil persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 135(2) abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari fil-liġi ta’ aġir kif imsemmi f’dawk il-punti, b’kont meħud tal-fatti stabbiliti jew sejbiet oħra li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 143.

[...]

Il-fatti u s-sejbiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a)      il-fatti stabbiliti fil-kuntest ta’ awditi jew ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-UPPE fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 [(4)], il-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF jew l-awditur intern, jew kwalunkwe verifika, awditu jew kontroll ieħor li jitwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni;

(b)      deċiżjonijiet amministrattivi mhux finali li jistgħu jinkludu miżuri dixxiplinari meħuda mill-korp ta’ sorveljanza kompetenti responsabbli għall-verifika tal-applikazzjoni tal-istandards ta’ etika professjonali;

(c)      il-fatti msemmija fid-deċiżjonijiet ta’ persuni u entitajiet li jimplimentaw fondi tal-Unjoni skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1);

(d)      l-informazzjoni trażmessa skont il-punt (d) tal-Artikolu 142(2) minn entitajiet li jimplementaw il-fondi tal-Unjoni skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1);

(e)      deċiżjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew ta’ awtorità kompetenti nazzjonali relatati mal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

[...]”

 Id-Direttiva 2014/24/UE

5.        Skont l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24/UE (5):

“4.      L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[...]

(g)      fejn l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti fit-twettiq ta’ rekwiżit sostantiv taħt kuntratt pubbliku preċedenti, kuntratt preċedenti ma’ entità kontraenti jew kuntratt ta’ konċessjoni preċedenti li wassal għat-terminazzjoni antiċipata ta’ dan il-kuntratt preċedenti, penali jew sanzjonijiet komparabbli.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6.        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

7.        Fis‑26 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, TP, ikkonkludiet ftehim ta’ konsorzju ma’ kumpannija msieħba oħra sabiex tipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet imnedija mill-Kummissjoni għall-modernizzazzjoni ta’ struttura.

8.        Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti l-kuntratt lill-konsorzju fformat minn TP u l-kumpannija msieħba. Għal dan il-għan, ġie konkluż kuntratt fil‑5 ta’ Ottubru 2009. Ix-xogħlijiet bdew f’Novembru 2009 u ntemmu f’Novembru 2011.

9.        Fi Frar 2012, ġew ikkonstatati difetti fl-istruttura. Abbażi ta’ studju magħmul mill-inġinier responsabbli għax-xogħlijiet, il-kumpannija msieħba għamlet tiswijiet f’isem il-konsorzju. Fis‑17 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni, li ma kinitx issodisfatta bit-tiswijiet li saru, bagħtet lill-konsorzju komunikazzjoni ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratt. Fl‑14 ta’ Jannar 2014, il-konsorzju bagħat, min-naħa tiegħu, komunikazzjoni ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt.

10.      Il-Kummissjoni u l-konsorzju ressqu t-tilwima tagħhom quddiem kumitat għas-soluzzjoni tat-tilwim. Fit‑3 ta’ Lulju 2014, dan il-kumitat ikkonkluda li l-difetti fl-istruttura kienu ġew ikkawżati minn kombinazzjoni ta’ nuqqasijiet fid-disinn u fl-implimentazzjoni, li r-responsabbiltà għalihom kienet imputabbli kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-konsorzju. Il-Kummissjoni talbet li jsir studju ġdid tal-istruttura, liema studju wassal għall-komunikazzjoni ta’ rapport fis‑17 ta’ Lulju 2017. Abbażi, b’mod partikolari, ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni bdiet, fil‑15 ta’ Settembru 2017, proċedura ta’ arbitraġġ skont ir-regoli ta’ arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (KIK).

11.      Fil‑11 ta’ Frar 2020, tribunal ta’ arbitraġġ ikkostitwit taħt l-awspiċji tal-KIK (iktar ’il quddiem it-“Tribunal ta’ Arbitraġġ”) ta deċiżjoni parzjali li permezz tagħha kkonstata l-eżistenza ta’ 6 757 difett li rriżultaw mix-xogħlijiet eżegwiti skont il-kuntratt kontenzjuż, li r-responsabbiltà għalihom kienet maqsuma bejn il-Kummissjoni, sa limitu ta’ 60 %, u l-konsorzju, sa limitu ta’ 40 %. Permezz ta’ deċiżjoni finali tad‑19 ta’ Lulju 2022, dan it-tribunal ta’ arbitraġġ ikklassifika l-aġir tal-konsorzju bħala negliġenza gravi u ordna lil TP u lill-kumpannija msieħba, in solidum, iħallsu lill-Unjoni ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż neċessarji sabiex tissewwa l-istruttura. Iż-żewġ sentenzi tat-Tribunal tal-Arbitraġġ ġew appellati.

12.      Fi Frar 2021, il-Kummissjoni adixxiet lill-bord interistituzzjonali stabbilit skont l-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li huwa responsabbli, b’mod partikolari, għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ esklużjoni jew ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji fil-każijiet li jitressqu quddiemu mill-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet u organi oħra tal-Unjoni.

13.      Fl‑1 ta’ Ottubru 2022, wara r-rakkomandazzjoni ta’ dan il-bord, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

 Id-deċiżjoni kontenzjuża

14.      L-ewwel nett, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni fakkret, billi rreferiet għall-konsorzju, il-kuntest u l-fatti stabbiliti abbażi tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, parzjali u finali, jiġifieri li 60 % kienu r-responsabbiltà tal-iżviluppatur (f’dan il-każ, il-Kummissjoni) u 40 % tal-parti kontraenti (f’dan il-każ, il-konsorzju) u li, fid-dawl tal-portata sinjifikattiva tan-nuqqasijiet tal-konsorzju, l-aġir ta’ TP bħala parti mill-konsorzju kien jikkostitwixxi negliġenza gravi. It-tieni, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti ta’ TP u ċaħdithom wieħed wara ieħor. Fl-aħħar nett, hija evalwat is-sitwazzjoni fattwali sabiex tikkonstata n-nuqqasijiet ta’ TP, “bħala parti mill-konsorzju”, mid-diversi obbligi kuntrattwali msemmija.

15.      B’hekk, il-Kummissjoni, bħala uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, iddeċidiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, attenwanti u aggravanti, li japplikaw għal TP, li teskludiha għal perijodu ta’ sentejn milli tipparteċipa fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti rregolati mir-Regolament Finanzjarju tal-2018 u milli tingħażel sabiex timplimenta fondi tal-Unjoni, kif ukoll milli tipparteċipa fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ffinanzjati mill‑11‑il Fond Ewropew għall-Iżvilupp abbażi tar-Regolament 2018/1877, talli wriet nuqqasijiet serji fl-osservanza tal-obbligi prinċipali marbuta mal-implimentazzjoni ta’ kuntratt iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, li wassal għax-xoljiment antiċipat ta’ dan il-kuntratt.

 Is-sentenza appellata

16.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Diċembru 2022, TP fetħet kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-kumpens tad-dannu mġarrab u kif ukoll sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. TP invokat tliet motivi insostenn tat-talba tagħha. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv invokat minn TP u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża billi qieset li ma kienx meħtieġ li jiġu eżaminati ż-żewġ motivi l-oħra tar-rikors.

17.      B’mod iktar speċifiku, taħt l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti sostniet li l-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 kien jobbliga lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jagħmel eżami individwali tal-aġir tal-persuna jew tal-entità akkużata, liema eżami l-Kummissjoni ma għamlitx f’dan il-każ.

18.      Sabiex twieġeb għal dan l-argument, il-Qorti Ġenerali bdiet, qabelxejn, billi tfisser l-approċċ tagħha maqsum f’żewġ stadji (6). Imbagħad, fl-ewwel stadju, hija għamlet interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni u qieset li ma kien hemm ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, il-konstatazzjoni, mill-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt (f’dan il-każ, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ), ta’ nuqqas mill-obbligi kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli (f’dan il-każ, il-Kummissjoni) ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni (7). Fl-aħħar, fit-tieni stadju, hija eżaminat jekk kienx jeżisti obbligu li jsir eżami individwali tal-aġir tal-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni u kkonkludiet li kien jeżisti tali obbligu (8). F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni, kif kienet ammettiet waqt is-seduta, ibbażat ruħha, fid-deċiżjoni kontenzjuża, biss fuq ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti bħala membru tal-konsorzju, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-aġir individwali tagħha u mingħajr ma eżaminat ir-responsabbiltà individwali ta’ kull waħda mill-partijiet kontraenti (9).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

19.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza appellata. Hija qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tiddeċiedi hija stess il-kawża billi tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tar-risposta tagħha. Sussidjarjament, hija qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar teżamina ż-żewġ motivi l-oħra tar-rikors għal annullament. Hija qiegħda titlob li TP tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

20.      TP qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta’ din il-proċedura.

 Analiżi

21.      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji (10). Taħt l-ewwel aggravju tagħha, l-uniku wieħed analizzat f’dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali maqsum f’żewġ stadji, li jirriżulta mis-sentenza appellata, wassalha sabiex tagħmel żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018. Hija ssostni, l-ewwel nett, li dan l-artikolu ma jżommx milli d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tagħha tkun ibbażata prinċipalment, jew saħansitra esklużivament, fuq il-konstatazzjonijiet tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ (l-ewwel stadju). It-tieni, hija tikkontesta li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli huwa obbligat jagħmel eżami individwali tal-aġir tal-entità kkonċernata qabel ma jadotta deċiżjoni ta’ esklużjoni fejn ikun hemm responsabbiltà in solidum fi ħdan il-konsorzju kontraenti (it-tieni stadju).

22.      Ser nanalizza dawn iż-żewġ argumenti tal-Kummissjoni wieħed wara l-ieħor.

 L-effetti tal-konstatazzjonijiet tal-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt fuq id-deċiżjoni ta’ esklużjoni: in-nuqqas ta’ effett awtomatiku

23.      Preliminarjament, ikun utli li jitfakkar li r-regoli li japplikaw fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-organi jew mill-aġenziji tal-Unjoni mhux biss jirriżultaw mill-qafas kuntrattwali, li jirriżulta mill-kuntratt konkluż bejn l-awtorità kontraenti u l-operatur ekonomiku, iżda wkoll mill-qafas amministrattiv magħmul mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018.

24.      B’hekk, b’mod parallel mar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-istituzzjoni kontraenti (f’dan il-każ, il-Kummissjoni) u l-parti kontraenti tagħha, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli ta’ din l-istituzzjoni jista’, skont ir-Regolament Finanzjarju tal‑2018, jadotta, f’ċerti ċirkustanzi, deċiżjoni ta’ esklużjoni kontra persuna jew entità li tkun ta’ riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din tal-aħħar tiġi għalhekk inkluża fil-lista ta’ persuni jew entitajiet esklużi mill-kuntratti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni (11).

25.      L-argumenti tal-Kummissjoni jqajjmu l-kwistjoni tar-relazzjoni bejn, minn naħa, il-qafas kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, il-qafas amministrattiv li jirriżulta mir-Regolament Finanzjarju tal‑2018 li jirregola d-deċiżjoni ta’ esklużjoni.

26.      Il-Kummissjoni, anki jekk donnha tammetti li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jagħmel klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, essenzjalment issostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, din il-klassifikazzjoni tista’ tirriżulta awtomatikament mid-deċiżjoni tal-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt.

27.      Dawn l-argumenti, peress li jagħmluha possibbli għall-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli li ma jagħmilx eżami individwali tan-nuqqasijiet inkwistjoni, għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu miċħuda.

28.      Fil-fatt, huwa minnu li ż-żewġ oqfsa legali, dak kuntrattwali u dak amministrattiv, ma humiex indipendenti il-wieħed mill-ieħor, billi d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiġi adottata, b’mod partikolari, meta l-persuna jew l-entità kkonċernata tkun tinsab fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 li tikkonċerna l-fatt li hija “tkun uriet nuqqasijiet sinifikanti ta’ konformità mal-obbligi ewlenin fl-implimentazzjoni ta’ impenn legali iffinanzjat mill-baġit”. F’dan il-kuntest, il-konstatazzjonijiet fattwali dwar in-nuqqasijiet mill-obbligi kuntrattwali, magħmula mill-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt, jistgħu jwasslu sabiex l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jadotta deċiżjoni ta’ esklużjoni bbażata fuq ir-Regolament Finanzjarju tal‑2018 (12). F’dan is-sens, teżisti rabta mill-qrib bejn in-nuqqas kuntrattwali u l-miżura amministrattiva ta’ esklużjoni. Dan ma huwiex ikkontestat.

29.      Madankollu, tali rabta ma jfissirx li l-konstatazzjonijiet tal-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt iwasslu awtomatikament għad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

30.      L-ewwel nett, it-test tal-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jirreferi għal nuqqasijiet “sinifikanti” ta’ obbligi “ewlenin” tal-parti kontraenti kkonċernata. Dan ifisser li kull nuqqas minn obbligu kuntrattwali, minkejja li jkun wassal għal xoljiment antiċipat ta’ kuntratt jew għall-applikazzjoni ta’ klawżola penali jew kuntrattwali, mhux neċessarjament ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni. Il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli sabiex jadotta deċiżjoni ta’ esklużjoni ma jistax jiġi nnegat u ma japplikax biss għan-natura “ewlenija” tal-obbligu kuntrattwali kkonċernat, iżda japplika wkoll għas-“sinifikanza” tan-nuqqas kuntrattwali inkwistjoni (13).

31.      F’dan ir-rigward, nenfasizza li s-sanzjoni kuntrattwali (xoljiment antiċipat tal-kuntratt u/jew ħlas ta’ danni) u l-esklużjoni, ta’ natura amministrattiva, ma għandhomx l-istess għan, peress li l-ewwel waħda tfittex li tissanzjona nuqqas kuntrattwali tal-operatur ekonomiku mill-impenji tiegħu lejn il-parti kontraenti tiegħu, filwaqt li t-tieni waħda tfittex li tilħaq l-għan differenti li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fil-każ ta’ tilwima, il-motivi tal-kawżi u l-argumenti li jistgħu jiġu invokati, quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt, minn naħa, u quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni li tiddeċiedi fuq il-legalità tal-esklużjoni, min-naħa l-oħra, huma differenti (14). Din id-differenza fin-natura ġuridika u fil-għanijiet bejn iż-żewġ miżuri tfisser li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jeħtieġ li jwarrab il-loġika kuntrattwali sabiex jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu stess fid-dawl tal-għan li jiġi protett il-baġit tal-Unjoni.

32.      B’hekk, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 41 tas-sentenza appellata, dawn il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mir-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li huma differenti minn dawk tal-kuntratt, huma l-bażi tal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli sabiex jikklassifika l-fatti inkwistjoni b’mod differenti minn dak li bih tikklassifikahom il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt.

33.      It-tieni, in-nuqqas ta’ rabta awtomatika bejn il-konstatazzjoni ta’ nuqqas mill-obbligi kuntrattwali magħmula mill-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli tirriżulta wkoll mill-kuntest tal-Artikolu 136(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018.

34.      Fil-fatt, il-premessa 76 ta’ dan ir-regolament tipprevedi li “[i]l-possibbiltà ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar esklużjoni jew li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi ma tiddependix mill-possibbiltà li jiġu applikati penali kuntrattwali, bħal danni likwidati” (15).

35.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, fin-nuqqas ta’ sentenza definittiva, bħal f’dan il-każ, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jevalwa s-sitwazzjoni “b’kont meħud” tal-fatti stabbiliti jew ta’ konstatazzjonijiet oħra fir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-bord imsemmi fl-Artikolu 143 tal-imsemmi regolament.

36.      Barra dan, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-formulazzjoni tal-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 hija differenti minn dik tal-punti (b), (c), (d), (f), (g) u (h) ta’ din id-dispożizzjoni, inkwantu l-punt (e) jirreferi direttament għall-aġir inkwistjoni u mhux għas-sentenza jew għad-deċiżjoni amministrattiva li permezz tagħha awtorità distinta mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, pereżempju l-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt, tkun għamlet klassifikazzjoni preliminari ta’ dan l-aġir.

37.      Din id-differenza fl-approċċ tikkonferma li l-klassifikazzjoni magħmula fil-qafas kuntrattwali, għalkemm hija waħda mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, ma tistax, madankollu, torbot awtomatikament lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, li, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, jibqa’ jżomm il-marġni ta’ evalwazzjoni tiegħu.

38.      Inżid ngħid li, skont l-Artikolu 136(3) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, id-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandha tittieħed b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, marbuta, pereżempju, mal-gravità tas-sitwazzjoni, maż-żmien li jkun għadda mill-konstatazzjoni tal-aġir inkwistjoni, mat-tul tiegħu, ma’ jekk ikunx irrepeta ruħu jew le, ma’ jekk ikunx intenzjonat jew le, mal-ammonti inkwistjoni u mal-kooperazzjoni tal-persuna kkonċernata. Il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu neċessarjament jiġi eżerċitat skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u dan jeskludi r-rabta awtomatika sostnuta mill-Kummissjoni (16).

39.      Bl-istess mod, paragrafi oħra tal-Artikolu 136 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jimplikaw marġni ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli. B’hekk, il-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li, fil-każ ta’ “theddida serja u imminenti għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, l-esklużjoni provviżorja tista’ tiġi deċiża mingħajr rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 143 ta’ dan ir-regolament, u dan jimplika evalwazzjoni tal-imsemmija theddida. Bl-istess mod, il-paragrafi 6 u 7 ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedu każijiet li fihom ma tiġix adottata l-esklużjoni u, b’mod partikolari, fil-każ fejn il-persuna jew l-entità kkonċernata tkun ħadet miżuri korrettivi, u dan jimplika li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeżerċita l-marġni ta’ evalwazzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

40.      Dan ifisser li l-kuntest tal-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 isostni l-eżistenza ta’ marġni ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli u n-nuqqas ta’ rabta awtomatika bejn il-konstatazzjonijiet tal-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt u d-deċiżjoni ta’ esklużjoni.

41.      Inqis li l-argument tal-Kummissjoni, li l-eżami tal-aġir kuntrattwali tal-partijiet fil-kuntratt huwa essenzjali u li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli huwa dejjem obbligat li jimmotiva d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiegħu, kemm jekk il-motiv invokat ikun nuqqas mill-obbligi kuntrattwali jew motiv ieħor previst fl-Artikolu 136(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, ma jwaqqax dubju fuq din il-konklużjoni. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, dawn il-fatturi bl-ebda mod ma huma inkompatibbli mal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli f’dan il-qasam, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas huwiex wieħed “sinifikanti” u jekk jikkonċernax obbligi “ewlenin”. Il-fatt li għandu jimmotiva d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiegħu f’dan ir-rigward huwa preċiżament bi qbil mal-marġni ta’ evalwazzjoni tiegħu, li huwa għandu juża b’mod motivat hekk li jkun possibbli li jiġi ppreżentat rikors. B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jqis li nuqqasijiet kuntrattwali kkonstatati mill-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt ma jkunux tali li għandhom iwasslu għall-esklużjoni, jew ikunu preskritti, jew li dawn in-nuqqasijiet ikunu imputabbli lil entità oħra, jew li l-entità responsabbli tkun fil-frattemp ħadet miżuri hekk li hija tkun tista’ titqies li ma toħloqx jew li ma għadhiex toħloq riskju għall-baġit tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, invokat mill-Kummissjoni, li jimplika l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

42.      F’dan il-kuntest, għalkemm il-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt jistgħu, jew saħansitra għandhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-aġir imsemmi fl-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, huwa, madankollu, dan tal-aħħar li għandu jevalwa l-aġir inkwistjoni, fid-dawl tal-kuntest partikolari ta’ dan ir-regolament u tal-għanijiet tiegħu. Ma narax kif dan jimponi, kif issostni l-Kummissjoni, “oneru tal-prova għoli wisq” fuq l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, peress li din ma hijiex kwistjoni ta’ oneru tal-prova iżda li ssir evalwazzjoni indipendenti abbażi tal-konstatazzjonijiet jew tal-fatti stabbiliti minn qabel.

43.      It-tielet, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-interpretazzjoni teleoloġika u dik storika tal-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li l-interpretazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali, dwar in-nuqqas ta’ rabta awtomatika bejn il-konstatazzjoni ta’ nuqqas kuntrattwali u l-adozzjoni mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni, tirriżulta wkoll mill-konstatazzjoni żbaljata li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li jwaqqaf sistema awtonoma ta’ sanzjonijiet u qies, għalhekk, li s-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni kienu jistgħu jiġu assimilati għal sanzjonijiet.

44.      Infakkar li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni storika u teleoloġika tad-dispożizzjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ried, sa mill-bidu, iwaqqaf sistema awtonoma ta’ sanzjonijiet, li nżammet u ġiet żviluppata matul iż-żmien u, b’mod partikolari, fl-adozzjoni tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 (17). Issa, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, “rabta awtomatika bejn, minn naħa, il-konstatazzjoni minn awtorità distinta tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli ta’ nuqqas li l-eżistenza tiegħu hija prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni mill-uffiċċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli ta’ miżura ta’ esklużjoni li taqa’ taħt sistema awtonoma ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Finanzjarju ma tistax tiġi preżunta” (18). Hija żiedet tgħid li s-sistema awtonoma ta’ sanzjonijiet prevista f’dan ir-regolament, sa minn mindu twaqqfet, fittxet li tilħaq għanijiet speċifiċi ta’ interess ġenerali, liema għanijiet huma differenti mill-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt jew mill-protezzjoni u mill-kumpens tal-partijiet fil-kuntratt li tfittex li tiżgura sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li din id-differenza bejn l-għanijiet li tfittex li tilħaq is-sistema ta’ sanzjonijiet imwaqqfa bir-Regolament Finanzjarju tal‑2018 u dawk li tfittex li tilħaq sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali tikkonferma n-nuqqas ta’ rabta awtomatika (19).

45.      Jidhirli li anki jekk isiru riżervi fir-rigward tal-formulazzjonijiet użati mill-Qorti Ġenerali u kkontestati mill-Kummissjoni, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jistax ma jiġix approvat.

46.      Fil-fatt, jista’ jiġi diskuss jekk il-leġiżlatur Ewropew riedx, bir-Regolament Finanzjarju tal‑2018, iżomm il-klassifikazzjoni ta’ “sanzjoni” applikata għad-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (20), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 (21). F’dan ir-rigward, nirrileva li, kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1929, kien juża l-espressjoni “sanzjonijiet amministrattivi” fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni (22). Issa, dan ma huwiex iktar il-każ fir-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li jaġġorna u jissimplifika r-regoli għall-iffissar u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni (23).

47.      Madankollu, l-għan tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa li juri li s-sistema ta’ esklużjoni prevista fir-Regolament Finanzjarju tal‑2018 ilha tfittex, sa mit-twaqqif tagħha, għanijiet speċifiċi ta’ interess ġenerali, li huma differenti mill-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt jew mill-protezzjoni u mill-kumpens tal-partijiet fil-kuntratt li tfittex li tiżgura sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali, liema raġunament ma jistax ma jiġix approvat.

48.      Għalhekk, l-iżball, allegat mill-Kummissjoni, fil-klassifikazzjoni ta’ sistema awtonoma ta’ “sanzjonijiet” fejn jidħlu d-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni, ma jidhirlix li jikkostitwixxi argument effettiv sabiex jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li ma kien hemm ebda rabta awtomatika bejn il-konstatazzjonijiet tal-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt u d-deċiżjoni ta’ esklużjoni.

49.      Mill-premess jirriżulta li, anki jekk jeżistu ċerti rabtiet bejn is-sistema ta’ esklużjoni li tirriżulta mir-Regolament Finanzjarju tal‑2018 u l-qafas kuntrattwali, dawn ma jistgħux iwasslu sabiex tiġi stabbilita rabta awtomatika bejn il-konstatazzjonijiet tal-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt u d-deċiżjoni ta’ esklużjoni.

 Fuq l-obbligu li jsir eżami individwali tal-aġir tal-persuna kkonċernata

50.      Fit-tieni stadju tar-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 u kkonkludiet li l-eżami magħmul mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli kellu jkun wieħed individwali u konkret. L-ewwel nett, hija qagħdet fuq analoġija mas-sentenza HSC Baltic et (24), mogħtija fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24, sabiex tqis li l-obbligu li l-aġir tal-persuna kkonċernata jiġi evalwat b’mod konkret u individwalizzat japplika a fortiori fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 mill-istituzzjoni u l-organi tal-Unjoni (25). It-tieni, fil-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li dan l-obbligu japplika a fortiori fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ individwalità tal-pieni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikklassifikat is-sanzjoni ta’ esklużjoni bħala waħda prinċipalment punittiva fis-sentenza Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni (26). It-tielet, hija żiedet tgħid li l-istituzzjoni jew l-organu kkonċernat setgħu jidentifikaw is-servizzi eżegwiti minn kull wieħed mill-parteċipanti sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà individwali ta’ kull wieħed minnhom fid-dawl tas-sistema ta’ sanzjonijiet imwaqqfa bir-Regolament Finanzjarju tal‑2018, liema responsabbiltà hija differenti mir-responsabbiltà kuntrattwali in solidum li dawn jista’ jkollhom (27).

51.      Il-Kummissjoni tikkontesta dan it-tieni stadju tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali taħt tliet aspetti. L-ewwel nett, hija tikkontesta r-rilevanza tal-analoġija mas-sentenza HSC Baltic. It-tieni , hija ssostni li l-għan tar-responsabbiltà in solidum huwa li jiġu protetti l-interessi tal-awtorità kontraenti, li hija ma teskludix ir-responsabbiltà individwali ta’ TP u li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali żżomm lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli milli jieħu debitament inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà tal-partijiet kontraenti. It-tielet, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kklassifikat ħażin id-deċiżjoni ta’ esklużjoni bħala sanzjoni kriminali.

 Fuq ir-rilevanza tal-analoġija mas-sentenza HSC Baltic

52.      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 64 sa 71 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 b’analoġija mal-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-oqfsa ġuridiċi u fattwali bejn din il-kawża u l-kawża li wasslet għas-sentenza HSC Baltic huma differenti. Hija tenfasizza d-distinzjoni bejn il-kriterji użati mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 u dawk użati mill-awtoritajiet nazzjonali, skont ir-regoli nazzjonali rilevanti li jittrasponu l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, peress li din id-direttiva tipprevedi biss leġiżlazzjoni qafas li għandha tiġi trasposta fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

53.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

54.      Fil-fatt, huwa minnu li l-qafas ġuridiku u fattwali ta’ din il-kawża fl-istadju ta’ appell huwa differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza HSC Baltic. B’mod partikolari, ir-regoli li japplikaw fir-rigward tal-esklużjoni mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jirriżultaw mid-direttivi u, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2014/24 inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza HSC Baltic (28), li, għall-kuntrarju tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 li jirregola l-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jeħtieġu traspożizzjoni.

55.      Madankollu, fiż-żewġ każijiet hemm korpora ġuridiċi li japplikaw għall-akkwist pubbliku u għar-regoli ta’ esklużjoni mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti. Barra minn hekk, iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni huma simili u jirreferu għall-istess kunċetti (29). L-għan komuni tagħhom huwa li jagħmluha possibbli għall-awtoritajiet kontraenti li jeskludu kull operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist fejn dan ma jkunx affidabbli. Barra minn hekk, ċerti premessi tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jirreferu espliċitament għad-Direttiva 2014/14 (30).

56.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi approvata l-analoġija magħmula mill-Qorti Ġenerali, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, mal-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjonijiet analogi tal-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-osservanza tal-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jilħaq f’dan il-qasam (31).

57.      Issa, fis-sentenza HSC Baltic, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 2014/24 kellha tosserva l-fatt li operatur ekonomiku, f’każ li kuntratt ikun ġie xolt minħabba nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti fl-eżekuzzjoni tiegħu, ma setax jiġi awtomatikament ikklassifikat bħala mhux affidabbli u ma setax ikun is-suġġett ta’ esklużjoni temporanja mingħajr ma l-aġir tiegħu jkun ġie evalwat minn qabel “b’mod konkret u individwalizzat”, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk prodotti minn dan l-operatur sabiex jirribatti tali klassifikazzjoni (32).

58.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ġibdet il-konklużjoni li “dan l-obbligu li jiġi evalwat l-aġir tal-persuna akkużata b’mod konkret u individwalizzat, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, li Stat Membru għandu jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu minkejja l-marġni ta’ evalwazzjoni li huwa għandu sabiex jittrasponi d-Direttiva 2014/24 japplika a fortiori fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju [tal-]2018 mill-istituzzjonijiet u mill-organi tal-Unjoni” (33).

59.      Inżid ngħid li, indipendentement mill-analoġija magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika fir-rigward tal-esklużjoni (34) u jobbliga lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, meta jiġi biex jadotta tali deċiżjoni, jagħmel evalwazzjoni konkreta u individwalizzata tal-attitudni tal-operatur ekonomiku jew tal-entità kkonċernata, abbażi tal-provi rilevanti kollha (35).

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, inqis li l-Qorti Ġenerali ma kkommettiet ebda żball ta’ liġi meta għamlet analoġija mas-sentenza HSC Baltic u meta kkonkludiet li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jevalwa l-aġir tal-persuna kkonċernata b’mod konkret u individwalizzat qabel ma jeskludiha skont l-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, u dan jirriżulta wkoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-effett tar-responsabbiltà legali in solidum tal-membri ta’ konsorzju kontraenti

61.      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 japplika għas-sitwazzjonijiet li fihom kontraenti jkunu responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, mingħajr ma l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli ma jkollu jiddistingwi bejn l-impenji legali ta’ kull wieħed mill-imsieħba tal-konsorzju ma’ min ikun ġie konkluż il-kuntratt (36). Il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan ta’ din ir-responsabbiltà in solidum huwa li jiġu protetti l-interessi tal-awtorità kontraenti u ma teskludix ir-responsabbiltà individwali ta’ TP. Hija tgħid ukoll li d-determinazzjoni tar-responsabbiltà individwali taż-żewġ imsieħba tal-kuntratt teħtieġ li ssir distinzjoni speċifika bejn il-funzjonijiet rispettivi tagħhom, ħaġa li taqa’ fl-iskop tal-organizzazzjoni interna tal-imsemmija msieħba u ma hijiex kompetenza tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli.

62.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

63.      Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 japplika għas-sitwazzjonijiet li fihom partijiet kontraenti jkunu responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u din ir-responsabbiltà in solidum ma teskludix ir-responsabbiltà individwali ta’ membru tal-grupp.

64.      Madankollu, ir-responsabbiltà in solidum li tapplika fil-qafas kuntrattwali, li tista’ tfittex li tipproteġi l-interessi tal-awtorità kontraenti, ma tistax twassal, fil-qafas amministrattiv ta’ esklużjoni adottata minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli abbażi tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, sabiex dan l-uffiċjal jiġi eżentat milli jagħmel eżami individwalizzat tal-aġir tal-persuna kkonċernata mill-esklużjoni.

65.      Fil-fatt, ir-responsabbiltà in solidum fuq il-livell kuntrattwali hija differenti mir-responsabbiltà individwali ta’ kull wieħed mill-operaturi li jifformaw grupp, f’dan il-każ konsorzju, li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni. B’mod partikolari, il-funzjonijiet u l-obbligi rispettivi tal-operaturi li jifformaw grupp ma humiex neċessarjament identiċi. Il-ftehim ta’ konsorzju inkwistjoni jixhed dan. Bl-istess mod, ma tistax tiġi eskluża l-eżistenza ta’ nuqqas iktar gravi min-naħa ta’ operatur ekonomiku li jiġġustifika responsabbiltà individwali ikbar jew katina ta’ responsabbiltajiet individwali li jvarjaw fl-entità tagħhom. Għalhekk, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu, qabel ma jadotta deċiżjoni ta’ esklużjoni, jivverifika li l-kundizzjonijiet legali stabbiliti fl-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 ikunu ssodisfatti individwalment fir-rigward ta’ kull wieħed mill-operaturi kkonċernati.

66.      F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu, bħala prinċipju, ikun jista’ jitlob lill-entitajiet ikkonċernati jittrażmettu d-dokumenti neċessarji li jippermettulu jevalwa l-aġir individwali ta’ kull wieħed mill-membri ta’ grupp u għandu jkun jista’ wkoll jeżiġi li jkun possibbli li jiġu identifikati s-servizzi eżegwiti minn kull wieħed mill-parteċipanti sabiex tiġi ddeterminata, jekk ikun il-każ, ir-responsabbiltà individwali ta’ kull wieħed minnhom. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mill-Artikolu 136(1)(e)(iii) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 li jipprevedi li n-nuqqasijiet jistgħu jkunu nkixfu “minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni [...] wara verifiki”.

67.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri tikkonferma, mutatis mutandis, dan l-approċċ.

68.      Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 67 tas-sentenza appellata, fis-sentenza HSC Baltic, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li kien possibbli għall-Istati Membri, fil-kuntest tal-marġni ta’ manuvra li huma jgawdu sabiex jittrasponu d-Direttiva 2014/24, li jipprevedu preżunzjoni li kull operatur ekonomiku legalment responsabbli għall-eżekuzzjoni tajba ta’ kuntratt pubbliku jkun ikkontribwixxa, fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, għall-iżvilupp jew għaż-żamma tan-nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti li jkunu wasslu għax-xoljiment tal-imsemmi kuntratt. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta l-kuntratt pubbliku jkun ingħata lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi, li l-kontribuzzjonijiet individwali tagħhom għan-nuqqasijiet u għall-isforzi li setgħu saru sabiex dawn jiġu rrimedjati mhux neċessarjament kienu identiċi, kwalunkwe preżunzjoni stabbilita fid-dritt nazzjonali kellha, taħt piena li jiġu ppreġudikati l-karatteristiċi essenzjali ta’ din ir-raġuni għal esklużjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun waħda konfutabbli. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, “indipendentement mir-responsabbiltà legali in solidum tal-membri ta’ tali grupp, l-applikazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 għandha tkun ibbażata fuq in-natura żbaljata jew negliġenti ta’ dan l-aġir individwali” (37).

69.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li meta operatur ekonomiku, membru ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi, ikun instab ħati li jkun għamel dikjarazzjoni falza meta pprovda l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi vverifikat li ma jkun hemm ebda raġuni għall-esklużjoni tal-grupp jew li dan tal-aħħar ikun issodisfa l-kriterji tal-għażla, mingħajr ma sħabu kienu jafu b’din id-dikjarazzjoni falza, miżura ta’ esklużjoni minn kull proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma tistax tittieħed kontra kull membru ta’ dan il-grupp (38). Fis-sentenza Klaipėdos, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-attenzjoni li għandha tingħata lid-deċiżjoni ta’ esklużjoni għandha tkun “iktar importanti [ikbar] meta l-esklużjoni [...] tolqot lill-offerent mhux minħabba nuqqas imputabbli lilu, iżda għal nuqqas li twettaq minn entità li l-kapaċitajiet tagħha beħsiebu juża u li fir-rigward tagħha huwa ma għandu l-ebda setgħa ta’ kontroll” (39).

70.      Tali approċċ individwalizzat, anki fil-każ ta’ grupp jew ta’ responsabbiltà in solidum, huwa kkonfermat ukoll mill-Artikolu 136(6)(a) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 li jipprevedi li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri korrettivi meħuda minn persuna jew entità u li jippermettu li l-affidabbiltà tagħha tintwera b’mod suffiċjenti (40). Issa, ma huwiex eskluż li, fil-każ ta’ grupp jew ta’ konsorzju, persuna waħda tieħu miżuri korrettivi u li, b’hekk, hija waħedha tista’ turi l-affidabbiltà tagħha, filwaqt li dan ma jkunx il-każ tal-membri l-oħra tal-grupp (41).

71.      B’hekk, evalwazzjoni individwalizzata tal-miżura ta’ esklużjoni biss tista’ tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minkejja r-responsabbiltà kuntrattwali in solidum fi ħdan konsorzju bħal dak f’dan il-każ. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata għandha tiġi kkonfermata f’dan ir-rigward. 

 Fuq in-natura ġuridika tal-esklużjoni

72.      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali, sabiex issaħħaħ ir-raġunament tagħha dwar l-obbligu li l-aġir tal-persuna akkużata għandu jiġi evalwat b’mod konkret u individwalizzat, irreferiet għan-natura “punittiva” tas-“sanzjoni ta’ esklużjoni” u għall-“prinċipju ġenerali ta’ individwalità tal-pieni” (42).

73.      Il-Kummissjoni ssostni li l-miżura ta’ esklużjoni la tista’ titqies bħala miżura repressiva u lanqas bħala sanzjoni.

74.      Peress li l-kliem użat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata jirreferi għall-eżistenza ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk għandux jiġi kkonstatat żball ta’ liġi f’dan ir-rigward u, it-tieni, il-konsegwenzi ta’ tali konstatazzjoni.

–       Klassifikazzjoni legali tal-esklużjoni

75.      Minn naħa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, inqis li l-miżura ta’ esklużjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “sanzjoni”.

76.      Huwa minnu, kif tenfasizza l-Kummissjoni abbażi, b’mod partikolari, tal-istorja tal-verżjonijiet differenti tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li l-Artikolu 136(1) ta’ dan ir-regolament jidentifika d-diversi kriterji ta’ esklużjoni mingħajr ma jikklassifika l-miżura ta’ esklużjoni bħala sanzjoni. Madankollu, l-Artikolu 138 tal-imsemmi regolament juża t-terminu “sanzjonijiet finanzjarji” li jistgħu jiġu imposti bħala alternattiva għal deċiżjoni ta’ esklużjoni li, fid-dawl tal-kriterji tal-Artikolu 136(3) ta’ dan ir-regolament, tirriżulta li tkun waħda sproporzjonata. Miżura espliċitament ikklassifikata bħala “sanzjoni” tista’ għalhekk tissostitwixxi l-miżura ta’ esklużjoni. Għalhekk, jiena tal-fehma li ma jistax jiġi eskluż li din tal-aħħar tista’ hija stess tiġi kklassifikata bħala “sanzjoni”.

77.      Barra minn hekk, miżura ta’ esklużjoni, filwaqt li tfittex li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iċċaħħad lill-persuna kkonċernata mid-dritt li tieħu sehem fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku tal-Unjoni Ewropea u tista’, f’dan is-sens, tiġi kklassifikata bħala sanzjoni (43).

78.      Inżid ngħid li n-natura amministrattiva tal-esklużjoni (44) ma teskludix li din tista’ tkun sanzjoni. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, din il-miżura taqa’ fil-kategorija ta’ sanzjonijiet amministrattivi li, għad li ma humiex iddefiniti b’mod ċar (45), ġew żviluppati b’mod kunsiderevoli fid-dritt tal-Unjoni kif din tal-aħħar żviluppat ir-regoli tagħha (46). L-effikaċja tal-azzjoni amministrattiva teħtieġ, fil-fatt, firxa ta’ miżuri (multi, konfiska, esklużjoni minn skemi ta’ għajnuna, projbizzjoni fuq l-eżerċizzju, iffriżar tal-assi, irtirar tal-awtorizzazzjoni, inklużjoni f’lista sewda, eċċ.) li l-għan tagħhom ivarja (li jikkastigaw, jikkumpensaw, jipprevjenu, jiddisswadu, jirrettifikaw ...).

79.      Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk miżura ta’ esklużjoni, ikklassifikata bħala sanzjoni, għandhiex natura kriminali tista’ tidher waħda delikata. Fil-fatt, spiss ġiet enfasizzata l-permeabbiltà tal-fruntiera bejn sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali (47). Madankollu, l-analiżi fid-dawl tat-tliet kriterji identifikati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fis-sentenza tagħha Engel et vs Il‑Pajjiżi Baxxi (48), riprodotta mill-Qorti tal-Ġustizzja (49), tippermetti, fil-fehma tiegħi, li tinġibed il-konklużjoni li f’dan il-każ ma hemm ebda natura kriminali.

80.      Fil-fatt, għalkemm il-klassifikazzjoni ġuridika tal-miżura inkwistjoni ma tirriżultax per se mir-Regolament Finanzjarju tal‑2018, l-analiżi tal-kriterji l-oħra tippermetti li l-miżura ta’ esklużjoni inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala sanzjoni mhux kriminali.

81.      Fir-rigward tan-natura tal-allegat ksur, ir-regola miksura ma għandhiex portata ġenerali u hija indirizzata biss lill-operaturi ekonomiċi li għażlu, b’mod liberu, li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, li fih il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ kuntratti pubbliċi tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tipprovdi kull garanzija ta’ affidabbiltà, is-sanzjoni imposta f’każ li ma jiġix osservat tali rekwiżit tikkostitwixxi strument amministrattiv speċifiku li jagħmel parti integrali mis-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni applikabbli (50).

82.      Barra minn hekk, is-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni ġiet stabbilita sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (51). L-għan tagħha huwa li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni bikrija ta’ persuni jew entitajiet li jkunu ta’ riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li tiġi ffaċilitata l-esklużjoni tagħhom milli jipparteċipaw fil-proċeduri rregolati mir-Regolament Finanzjarju tal‑2018. Id-deċiżjoni ta’ esklużjoni tfittex għalhekk li tagħmilha possibbli li informazzjoni dwar sitwazzjoni ta’ riskju għall-baġit tal-Unjoni tiġi rreġistrata fid-database msemmija fl-Artikolu 142 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, l-għan tal-esklużjoni huwa wieħed preventiv, jew saħansitra prudenzjali, u mhux wieħed repressiv.

83.      Fl-aħħar nett, jiena tal-fehma li esklużjoni temporanja, imposta għal perijodu massimu ta’ tliet snin fuq l-operatur ekonomiku kkonċernat, li żżommu milli jagħmel offerti għal kuntratti pubbliċi Ewropej mingħajr ma tipprojbixxih milli jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu xi mkien ieħor, ma hijiex hekk severa li tista’ tiġi kklassifikata bħala kriminali (52).

84.      Għalhekk, inqis li d-deċiżjoni ta’ esklużjoni inkwistjoni tikkostitwixxi sanzjoni ta’ natura amministrattiva u mhux kriminali. Huwa minnu li, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza Vialto, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi pparagunat is-sanzjoni ta’ esklużjoni u l-miżura li din l-esklużjoni tiġi ppubblikata, iddeċidiet li l-ewwel waħda kienet “prinċipalment punittiva” filwaqt li t-tieni waħda kienet iktar tfittex li tilħaq “għan ta’ dissważjoni u ta’ prevenzjoni”, u dan filwaqt li jiġi rrilevat li dawn baqgħu, madankollu, jikkompletaw lil xulxin, billi t-tnejn kellhom l-għan li jipperswadu lill-persuni kkonċernati kollha jżommu ruħhom milli jiksru r-regoli (53). Għalkemm il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għan-natura “punittiva” tas-sanzjoni ta’ esklużjoni jista’ jfixkel lil dak li jkun, inqis, madankollu, li, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ paragun mal-miżura li din l-esklużjoni tiġi ppubblikata, ma jfissirx, waħdu, li din is-sanzjoni għandha natura kriminali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

85.      Konsegwentement, inqis, bħalma qieset il-Kummissjoni, li jista’ jiġi kkonstatat żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali, billi rreferiet għan-natura “punittiva” tal-esklużjoni u għall-prinċipju ġenerali ta’ individwalità tal-“pieni”, kellha l-ħsieb li tikklassifika d-deċiżjoni ta’ esklużjoni bħala sanzjoni kriminali.

–       Konsegwenzi fuq il-portata tal-garanziji applikabbli

86.      Anki jekk kemm‑il darba l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi u tikkonstata li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-sanzjoni ta’ esklużjoni bħala “kriminali”, jiena tal-fehma, madankollu, li tali konstatazzjoni ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

87.      Fil-fatt, nosserva li, inkwantu s-sentenza appellata tirreferi għan-natura kriminali tal-miżura ta’ esklużjoni permezz tat-terminu “punittiva” (54), dan huwa biss sabiex issaħħaħ (“a fortiori”) il-konklużjoni, li tirriżulta mill-fatturi rilevanti kollha stabbiliti preċedentement, li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu l-obbligu li jevalwa l-aġir tal-persuna kkonċernata b’mod konkret u individwalizzat, fid-dawl tal-provi rilevanti kollha. Bl-istess mod, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, l-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ individwalità tal-pieni, li jirreferi għan-natura kriminali tal-esklużjoni, tissemma wkoll sabiex jiġi ġġustifikat l-obbligu li l-aġir individwali tal-persuna kkonċernata jiġi eżaminat qabel l-adozzjoni ta’ tali esklużjoni fir-rigward tagħha.

88.      Issa, anki jekk, fejn is-sanzjoni ma tkunx ta’ natura kriminali, ma japplikawx il-garanziji marbuta mad-dritt kriminali, xorta jibqa’ japplika l-obbligu li jiġi eżaminat l-aġir individwali tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, sanzjoni amministrattiva bħall-esklużjoni inkwistjoni f’dan il-każ, minkejja li ma taqax fil-kamp kriminali, hija, madankollu, suġġetta għal garanziji u, b’mod partikolari, għal dik li tiġi adottata wara eżami tal-aġir individwali tal-persuna kkonċernata, u dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (55).

89.      Dan ifisser li r-referenza għan-natura kriminali tas-sanzjoni ta’ esklużjoni, għalkemm żbaljata fid-dritt, ma tivvizzjax bi żball ta’ liġi l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-obbligu li l-aġir tal-persuna kkonċernata jiġi evalwat b’mod konkret u individwalizzat.

90.      Konsegwentement, inqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, u mingħajr preġudizzju għall-fondatezza tat-tieni aggravju tal-appell, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju bħala infondat.


1      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2018”).


3      Regolament tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323 (ĠU 2018, L 307, p. 1).


4      Regolament tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU 2017, L 283, p. 1).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L, 2023/90063 u fil-ĠU 2025/90115).


6      Ara l-punti 29 sa 32 tas-sentenza appellata.


7      Ara l-punt 60 tas-sentenza appellata.


8      Ara l-punti 61 sa 78 tas-sentenza appellata.


9      Ara l-punti 80, 82 u 83 tas-sentenza appellata.


10      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta qieset li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli ma kienx eżamina r-responsabbiltà individwali ta’ TP fin-nuqqasijiet mill-obbligi kuntrattwali tagħha.


11      Is-sistema ta’ twissija bikrija ġiet issostitwita b’database ċentrali, u sussegwentement, fil-kuntest tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, bis-“Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni” (imsejħa “SDRE” jew “EDES”), li twaqqfet fl‑2016 (ara Bernard-Glanz, C. u Levi, L., “Du système d’alerte précoce au système de détection rapide et d’exclusion: les droits fondamentaux vont mieux mais...”, L’Observateur de Bruxelles, Vol. 4, Nru 106, 2016, p. 35 sa 41).


12      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias (C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 78).


13      Ara, b’analoġija, fir-rigward ta’ nuqqas professjonali “gravi”, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801, punti 30 u 31). Minn dan jirriżulta li “kull eżekuzzjoni inkorretta, impreċiża jew nuqqas ta’ kuntrattt jew parti minn dan tal-aħħar tista’ eventwalment turi kompetenza professjonali limitata tal-operatur ekonomiku inkwistjoni, iżda ma tammontax awtomatikament għal kondotta ħażina ta’ ċerta gravità”, li teħtieġ, bħala prinċipju, li ssir “evalwazzjoni konkreta u individwali tal-attitudni tal-operatur ekonomiku kkonċernat”. Ara wkoll, fir-rigward ta’ nuqqas professjonali gravi fis-sens tal-Artikolu 136(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2026, UH vs Il‑Kummissjoni (T‑1052/23, EU:T:2026:52, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll fuq dan il-kunċett, Hamer, C. R., “The Possibility to Exclude an Economic Operator that Cannot Be Trusted”, EPPPL, Vol. 15, Nru 1, 2020, p. 42 sa 52.


14      B’hekk, il-qorti tal-Unjoni tista’ tkun, minn naħa, qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-kuntratt fil-każ ta’ rikors taħt l-Artikolu 272 TFUE ppreżentat abbażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt u, min-naħa l-oħra, qorti b’ġuriżdizzjoni li tiddeċiedi fuq il-legalità fil-każ ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE li jkun fih motivi ta’ legalità dwar id-deċiżjoni ta’ esklużjoni, li l-effetti tagħha jkunu jestendu lil hinn mir-relazzjoni kuntrattwali.


15      Enfasi miżjuda minni.


16      Ara, f’dan ir-rigward, b’analoġija mal-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti nazzjonali, De la Rosa, S., “Chapitre 2 – La passation des marchés”, F’De la Rosa, S., Droit européen de la commande publique, Bruylant, Brussell, 2024, it‑3 edizzjoni, p. 474 sa 568., speċjalment p. 488, Nru 587.


17      Ara l-punt 56 tas-sentenza appellata.


18      Ara l-punt 57 tas-sentenza appellata.


19      Ara l-punt 59 tas-sentenza appellata.


20      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).


21       Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 286, p. 1). Fuq il-klassifikazzjoni legali tal-esklużjoni bħala sanzjoni, ara l-punti 75 sa 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Ara l-Artikoli 105a u 106 tar-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1929.


23      Ninnota, madankollu, li l-Artikolu 231(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 huwa fformulat kif ġej: “Penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi jistgħu jiġu imposti mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, f’konformità mal-Artikoli 136 u 137 ta’ dan ir-Regolament [...]”


24      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023 (C‑682/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza HSC Baltic”, EU:C:2023:48).


25      Ara l-punti 64 sa 71 tas-sentenza appellata.


26      Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024 (C‑130/23 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Vialto”, EU:C:2024:439, punt 31).


27      Ara l-punti 75 sa 77 tas-sentenza appellata.


28      Għal analiżi tal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kawżi fakultattivi ta’ esklużjoni, ara Coutron, L., “L’étendue du pouvoir d’exclusion d’une candidature dans la jurisprudence récente de la Cour de justice de l’Union européenne”, f’L’exclusion de la procédure de passation de la commande publique. L’examen des candidatures et des offres, Bouhier, V., (dir.), kollezzjoni “Colloques & Essais”, Institut francophone pour la justice et la démocratie, Vol. 166, 2023, p. 79 sa 117.


29      L-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi, fil-fatt, l-esklużjoni fil-każ li jiġu kkonstatati “nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti tal-operatur ekonomiku [...] fit-twettiq ta’ rekwiżit sostantiv taħt kuntratt pubbliku preċedenti”. L-Artikolu 136(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jirreferi għal nuqqasijiet gravi mill-obbligi essenzjali fl-eżekuzzjoni ta’ impenn ġuridiku preċedenti.


30      Il-premessa 96 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 tiddikjara li r-“regoli u l-prinċipji tal-akkwist applikabbli għall-kuntratti pubbliċi mogħtija minn istituzzjonijiet tal-Unjoni f’isimhom stess ikunu bbażati fuq regoli stabbiliti fid-Direttiva [2014/23]”. Bl-istess mod, fejn jidħlu, b’mod iktar speċifiku, l-esklużjonijiet, il-premessa 77 tiddikjara li “d-durata ta’ esklużjoni tkun limitata fiż-żmien, bħal fil-każ taħt id-Direttiva 2014/24/UE, u jenħtieġ li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità” u dan juri li r-rekwiżit ta’ konsistenza tal-leġiżlatur japplika għall-miżuri ta’ esklużjoni. Ara wkoll il-premessa 105 tal-imsemmi regolament li tiddikjara, b’mod partikolari, li “[f]’konformità mad-Direttiva 2014/24/UE, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi vverifikat jekk attur ekonomiku huwiex eskluż, li jiġu applikati kriterji tal-għażla u tal-għoti, kif ukoll li tiġi vverifikata l-konformità mad-dokumenti ta’ akkwist fi kwalunkwe ordni”.


31      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑582/08, EU:C:2010:286, punt 44). Ara wkoll, fid-dritt tal-konsumatur, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Pielatak (C‑410/23, EU:C:2025:325, punt 38).


32      Sentenza HSC Baltic (punti 46 u 47). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 31).


33      Ara l-punt 68 tas-sentenza appellata. Enfasi miżjuda minni.


34      L-Artikolu 136(3) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jipprevedi li “[k]walunkwe deċiżjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli [...] għandha tittieħed f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità [...]”. Ara wkoll il-premessa 71 ta’ dan ir-regolament li tiddikjara li, “[m]eta jkun qed jiddeċiedi dwar l-esklużjoni ta’ persuna jew entità, jew l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja fuq persuna jew entità, u dwar il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni relatata, jenħtieġ li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jiżgura konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità [...]”.


35      Ara, b’mod partikolari u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias (C‑66/22, EU:C:2023:1016, punti 77 sa 83).


36      Inkwantu l-Kummissjoni ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli ma adottax id-deċiżjoni li teskludi lil TP abbażi ta’ preżunzjoni legali ta’ responsabbiltà iżda qagħad fuq konklużjonijiet fattwali li jistgħu jinġibdu mid-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, inqis li dan l-argument jaqa’ fl-iskop tat-tieni motiv, li ma huwiex ser jiġi eżaminat f’dawn il-konklużjonijiet.


37      Sentenza HSC Baltic (punti 48 u 49). Enfasi miżjuda minni.


38      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (C‑927/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Klaipėdos”, EU:C:2021:700, punt 158).


39      Ara s-sentenza Klaipėdos (punti 156 u 157). Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Luxone u Sofein (C‑403/23 u C‑404/23, EU:C:2024:805, punti 65 u 66), dwar l-esklużjoni li tolqot “grupp sħiħ ta’ operaturi ekonomiċi mhux minħabba ksur imputabbli lill-membri kollha tiegħu, iżda minħabba ksur imwettaq minn wieħed jew iktar minnhom biss u mingħajr ma l-impriża mexxejja ta’ dan il-grupp kellha xi setgħa ta’ kontroll fil-konfront tal-operatur ekonomiku jew operaturi ekonomiċi li miegħu jew magħhom huwa kellu l-intenzjoni li jikkostitwixxi tali grupp”.


40      Fuq il-miżuri korrettivi (self-cleaning) fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24, ara, b’mod partikolari, van Garsse, S. u de Mars, S., “Exclusion and Self-Cleaning in the 2014 Public Sector Directive”, f’EU Directive 2014/24 on public procurement: a new turn for competition in public markets ?,  Marique, Y. u Wauters, K., (edituri), Larcier, Brussell, 2016, p. 121 sa 138. Ara wkoll Hjelmeng, E. u Søreide, T., “Debarment in public procurement: rationales and realization”, f’Integrity and Efficiency in Sustainable Public Contracts, Racca, G. M. u Yukins, C., (edituri), Bruylant, Brussell, 2014, p. 215 sa 232.


41      Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-miżuri korrettivi, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Vert Marine (C‑472/19, EU:C:2020:468, punti 16 u 17) u tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré‑Behaegel (C‑387/19, EU:C:2021:13, punti 26 sa 28). Ara wkoll is-sentenza Klaipėdos (punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Nirreferi għall-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata.


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, EU:C:1987:493, punt 13) u tas‑27 ta’ Ottubru 1992, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑240/90, EU:C:1992:408, punt 25), li fihom kienu inkwistjoni, rispettivament, sanzjonijiet stabbiliti f’leġiżlazzjonijiet ta’ politika agrikola komuni bħat-telf ta’ garanzija, imposta bħala somma f’daqqa u indipendentement minn kull nuqqas li jista’ jkun imputabbli lill-operatur ekonomiku kkonċernat, u l-esklużjoni temporanja ta’ operatur ekonomiku mill-benefiċċju ta’ skema ta’ għajnuna ta’ dħul agrikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali sanzjonijiet ma kinux ta’ natura kriminali.


44      L-esklużjoni toħroġ minn korp amministrattiv (l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli), wara rakkomandazzjoni minn bord li huwa wkoll amministrattiv. Ara, f’dan ir-rigward, Potteau, A., “Chronique Finances publiques de l’UE – Les bases de négociation du cadre financier pluriannuel post-Brexit (2021-2027)”, RTDEur., Nru 2, 2019, p. 527 sa 536.


45      Ara Moderne, F., “Le pouvoir de sanction administrative au confluent du droit interne et des droits européens”, RFDA, Nru 1, 1997, p. 1 sa 26 ; Degoffe, M., “L’ambiguïté de la sanction administrative”, AJDA, Nru HS, 2001 p. 27 sa 33 ; Hardy, G., “Chapitre 2. – Sanction administrative”, f’Un droit « administratif » européen, Feilhès, L., (dir.), l‑1 edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2022, p. 51 sa 65, speċjalment. p. 53, Nru 97; de Moor-van Vugt, A., “Administrative Sanctions in EU Law”, f’Administrative Sanctions in the European Union, Jansen, O., (editur), Larcier, Brussell, 2013, p. 607 sa 639 (ara, fir-rigward ta’ dan il-ktieb, Hofmann, H. C. H., “Book Review: Sanctions in the European Union”, Common Market Law Review, Vol. 52, Nru 5, 2015, p. 1420 sa 1421; Jansen, O., “Chapitre II. Pouvoirs de contrôle et de sanction de la mise en œuvre du droit de l’Union”, fi Traité de droit administratif européen, Auby, J.-B. u Dutheil de la Rochère, J., (dir.), Bruylant, Brussell, 2022, it‑3 edizzjoni, p. 753 sa 797, speċjalment p. 761.


46      Hawnhekk, wieħed jista’ jġib quddiem għajnejh, b’mod partikolari, id-dritt tal-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji, id-dritt bankarju, it-trasport jew il-politika agrikola komuni.


47      Ara Caeiro, P., “The influence of the EU on the ‘blurring’ between administrative and criminal law”, Do labels still matter? Blurring boundaries between administrative and criminal law. The influence of the EU, Galli, F. u Weyembergh, A., (edituri), Éditions de l’Université Libre de Bruxelles, Brussell, 2014, p. 171 sa 190; Weyembergh, A. u Joncheray, N., “Punitive Administrative Sanctions and Procedural Safeguards: A Blurred Picture That Needs to Be Addressed”, New Journal of European Criminal Law, Vol. 7, Nru 2, 2016; p. 190 sa 209; Hardy, G., “Chapitre 2. – Sanction administrative », op. cit., p. 51 sa 65; Kärner, M., “Procedural Rights in the Outskirts of Criminal Law: European Union Administrative Fines”, Human Rights Law Review, Nru 4, 2022, p. 1 sa 24.


48      CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, punt 82. Jiġifieri, l-ewwel nett, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern (hawnhekk id-dritt tal-Unjoni, li, f’dan il-każ, għandu jiġi assimilat mad-“dritt intern” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB); it-tieni, in-natura stess tal-ksur; u, it-tielet, il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ teħel.


49      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punti 37 et seq.), li fiha ma ġietx ikklassifikata bħala sanzjoni kriminali miżura li teskludi bidwi mill-benefiċċju tal-għajnuna għas-sena li fiha huwa kien ippreżenta dikjarazzjoni falza tas-superfiċje eliġibbli.


50      Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna fil-qasam agrikolu, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister (C‑210/00, EU:C:2002:440, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara t-titolu tal-Artikolu 135 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018.


52      Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punti 37 et seq.).


53      Sentenza Vialto (punt 31).


54      Ara l-punt 72 tas-sentenza appellata.


55      Ara l-punti 59 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.