52012DC0306

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Awstrija għall-2012 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Awstrija għall-perjodu bejn l-2011 u l-2016 /* COM/2012/0306 final */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Awstrija għall-2012 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Awstrija għall-perjodu bejn l-2011 u l-2016

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli°121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,[3]

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[4], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji ta' politika nazzjonali ekonomiċi u dawk dwar l-impjiegi.

(3)       Fit-12 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Awstrija għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Awstrija għal bejn l-2011 u l-2014.

(4)       Fit-23 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante tal-politiki, li huwa msejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta' Frar 2012, abbażi tar-Regolament (UE) 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[5], fejn l-Awstrija ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li fil-konfront tagħhom kienet ser issir analiżi fil-fond.

(5)       Fit-2 ta' Marzu tal-2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li trawwem tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li ssir konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tkun favorevoli għat-tkabbir, biex jitreġġgħu lura l-kundizzjonali normali ta' self lill-ekonomija, għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività, għall-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u għall-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika.

(6)       Fit-2 ta' Marzu tal-2012, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipanti fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu inklużi fil-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

(7)       Fl-24 ta' April 2012, l-Awstrija ressqet il-programm ta' stabbiltà tagħha għall-2012 li jkopri l-perjodu bejn l-2011 u l-2016, u fil-25 ta' April 2012 ressqet il-programm nazzjonali ta' riforma tagħha għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta' stabbiltà tal-2012 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill hu tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projjezzjonijiet baġitarji fil-programm għall-2012 u l-2013 huwa wieħed kawt. Għall-perjodu bejn l-2014 u l-2016 ix-xenarju jsir wieħed aktar ottimist, bi projjezzjonijiet ta' tkabbir medju ta' 2.1 % fir-rigward tal-PDG, konsistentement aktar mill-istimi attwali dwar il-potenzjal tat-tkabbir. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-programm huwa li sal-2013 id-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut, filwaqt li sal-2016 jintlaħaq l-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM). Il-programm biddel l-OTM mill-mira ta’ baġit ibbilanċjat fi żmien iċ-ċiklu kummerċjali għal defiċit strutturali ta' 0.45 % tal-PDG. Dan jirrefletti b'mod xieraq ir-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-korrezzjoni prevista tad-defiċit eċċessiv hija konformi mal-iskadenza stabbilità mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li nħarġet fil-kuntest tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv f'Diċembru tal-2009. Madanakollu, abbażi tal-bilanċ baġitarju strutturali[6] (rikalkulat), l-isforz fiskali annwali medju, li huwa ppjanat li jkun ta' 0.5 % tal-PDG għall-perjodu bejn l-2011 u l-2013, huwa iżgħar miż-0.75 % tal-PDG li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Il-progress strutturali previst lejn l-ilħuq tal-OTM fl-2015 huwa suffiċjenti għalkemm anqas mill-punt ta' riferiment ta' 0.5 % tal-PDG kull sena tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2014 u fl-2016. Madanakollu, bejn l-2014 u l-2015 ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-Gvern li hija projjettata, b'kunsiderazzjoni tal-miżuri tad-dħul diskrezzjonarji, tirrispetta l-punt ta' riferiment tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Madanakollu, il-miri fiskali fuq in-naħa tad-dħul u l-infiq iġibu magħhom ċerti riskji. Pereżempju, l-effett baġitarju ta' xi miżuri ma tantx jistgħu jiġu kkwantifikati minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-introduzzjoni individwali tagħhom. Billi għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar il-leġiżlazzjoni, id-dettalji tat-tranżazzjoni finanzjarja għadhom mhumiex magħrufa. Il-qtugħ fin-nefqa li huwa previst li jsir fil-livell subnazzjonali għadu ma ġiex definit. Il-programm ibassar li l-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG, li fi tmiem l-2011 kien ilaħħaq it-72.2 %, fl-2013 ser jilħaq il-livell ta' 75.3 % qabel ma jonqos gradwalment għal 70.6 % fl-2016. Fit-termini tal-punt ta' riferiment tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, bejn l-2014 u l-2016 l-Awstrija ser tkun f'perjodu tranżitorju u l-pjani li tressqu fil-programm jiżguraw progress biżżejjed lejn il-konformità mal-punt ta' riferiment fir-rigward tat-tnaqqis tad-dejn. Madanakollu, hemm xi riskji b'rabta ma' din il-projjezzjoni minħabba li d-dejn ta' kumpaniji tal-istat u li huma kklassifikati 'l barra mis-settur tal-gvern ġenerali qiegħed jiżdied kif ukoll b'riżultat taż-żieda potenzjali tal-piż marbut mal-appoġġ tal-gvern lis-settur bankarju.

(9)       Wara l-adozzjoni tal-aħħar pakkett ta' konsolidazzjoni fiskali, l-Awstrija qabdet it-triq ta' finanzi pubbliċi aktar sostenibbli. Madanakollu, il-miżuri inklużi fil-pakkett ma jinkludux is-simplifikazzjoni tar-relazzjonijiet fiskali bejn il-gvernijiet federali, reġjonali u lokali, li hija meqjusa minn bosta bnadi bħala l-għajn ewlenija ta' ffrankar potenzjali. Fil-prinċipju ntlaħaq ftehim bejn il-gvernijiet federali u reġjonali dwar iċ-ċentralizzazzjoni tal-finanzjament tal-kura tas-saħħa, iżda d-dettalji għadhom ma ġewx innegozjati.

(10)     Sabiex tgħolli l-età effettiva tal-irtirar, l-Awstrija daħħlet fis-seħħ riformi li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jillimitaw l-aċċess għall-iskema tal-pensjoni tal-invalidità. It-tressiq 'il quddiem tal-armonizzazzjoni tal-età statutorja tal-irtirar bejn in-nisa u l-irġiel, li bħalissa hija mbassra għal bejn l-2024 u l-2033, għadha ma ġietx indirizzata. Il-kulturi tal-impjegabbiltà tal-ħaddiema aktar anzjani u ta' tixjiħ attiv iridu jissaħħu aktar fil-kumpaniji. Jista' jkun li l-miżuri proposti ma jkunux biżżejjed biex l-età effettiva tal-irtirar tiżdied sostanzjalment.

(11)     Il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol tal-Awstrija kienet tajba ħafna, kif tixhed l-aktar rata baxxa tal-qgħad fl-UE fl-2010 u l-2011. Madanakollu, il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-pajjiż mistenni jonqos mill-2020 'il quddiem. Għaldaqstant, l-Awstrija ser ikollha tħabrek biex tuża l-potenzjal kollu tal-popolazzjoni bl-età li taħdem billi tindirizza l-problemi tar-rata baxxa tal-impjiegi fost il-ħaddiema aktar anzjani u l-użu mifrux ta' rtirar kmieni u tal-iskemi ta' pensjoni tal-invalidità, il-piż kbir tat-taxxi u tas-sigurtà soċjali fuq l-introjtu tal-ħaddiema, u l-livell relattivament għoli ta' konċentrazzjoni tan-nisa fi mpjiegi b'pagi baxxi u part-time. Aktar minn hekk, il-potenzjal tal-persuni bi sfond migratorju mhuwiex qiegħed jintuża bis-sħiħ minħabba livelli tal-edukazzjoni baxxi jew minħabba diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba f'pajjiżi oħrajn. L-eżiti tal-edukazzjoni kif inhuma riflessi fir-riżultati tal-PISA huma aktar baxxi mill-medja tal-UE u l-influwenza tal-isfond soċjoekonomiku fuq il-kisbiet edukattivi hija partikolarment għolja. L-għadd dejjem jikber ta' studenti, minħabba mobbiltà għolja (‘mass university’) u r-rati għolja ta' ħruġ mill-edukazzjoni (madwar 40 %), għadhom l-aktar sfidi ewlenin flimkien ma' lakuna konsiderevoli fil-finanzjament.

(12)     L-Awstrija tibbenefika minn pożizzjoni favorevoli fir-rigward tal-kompetittività u l-produttività. Madanakollu, hija qiegħda tħabbat wiċċha ma' dgħufijiet strutturali f'diversi oqsma li jistgħu jolqtu t-tkabbir potenzjali fit-tul b'mod negattiv. Il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi ma kinitx ta' wisq għajnuna għad-domanda domestika. Il-kwistjonijiet tal-prezzijiet għolja b'rabta mal-aċċess għal netwerks u l-imġiba ta' distorsjoni ta' ċerti ditti li għandhom id-dmir li jagħmlu dan (it-tfixkil fuq id-dħul fis-suq, fuq il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni) għadhom ma ġewx indirizzati. Għad fadal restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fil-professjonijiet liberali: l-għadd ta' professjonijiet irregolati nnotifikati mill-Awstrija lill-Kummissjoni huwa ħafna ogħla mill-medja tal-UE. Hemm il-bżonn li ssir valutazzjoni tal-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni ta' dawn il-professjonijiet. L-Awstrija ma kisbet l-ebda progress tanġibbli fir-rigward tal-impenn tagħha li ssaħħaħ l-awtorità federali tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar, id-Direttiva dwar is-Servizzi ġiet implimentata permezz tal-adozjoni ta' liġi 'orizzontali' u permezz ta' tibdil fil-leġiżlazzjoni fil-livell ta' provinċja, kif kien ġie rrakkomandat mill-Kunsill fl-2011.

(13)     L-istabbiltà tas-settur finanzjarju Awstrijak qiegħda tħabbat wiċċha ma' sfidi partikolari relatati mal-esponiment għoli tal-banek Awstrijaki għall-pajjiżi taċ-Ċentru, tal-Lvant u tax-Xlokk tal-Ewropa, hekk kif diversi minn dawn l-ekonomiji jista' jkun li għadhom milquta mid-deterjorament tal-kwalità tal-assi. Jeħtieġ li d-deċiżjonijiet ta' politika b'impatt transfruntier jiġu ppreċeduti minn skambju ta' informazzjoni u koordinazzjoni minn kontrollutri tal-pajjiż ospitanti. L-awtoritajiet jeħtiġilhom ukoll li jissuktaw b'monitoraġġ mill-qrib u bir-ristrutturar tal-banek li bbenefikaw minn appoġġ mis-settur pubbliku, speċjalment l-istituzzjonijiet ta' kreditu li ġew nazzjonalizzati.

(14)     L-Awstrija daħlet għal għadd ta' impenji bħala parti mill-Patt Euro Plus. Dawn l-impenji, u l-implimentazzjoni tal-impenji ppreżentati fl-2011, jirrigwardaw it-trawwim tal-impjiegi, it-titjib tal-kompetittività, u t-titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Patt Euro Plus. Ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni qiesu dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

(15)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Awstrija. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma. Hija mhux biss qieset ir-relevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Awstrija, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali tal-ġejjieni. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (7) aktar 'l isfel.

(16)     Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà tal-Awstrija, u l-opinjoni tiegħu[7] hija riflessa partikolarment fir-rakkomandazzjoni (1) aktar 'l isfel,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2012-2013 biex:

1.           Timplimenta l-baġit tal-2012 kif previst filwaqt li ssaħħaħ u timplimenta l-istrateġija baġitarja għas-sena 2013 u s-snin ta’ wara b'mod rigoruż; tispeċifika biżżejjed il-miżuri (partikolarment fil-livell subnazzjonali) biex tiżgura korrezzjoni f'waqtha tad-defiċit eċċessiv u l-ksib tal-isforz għal aġġustament strutturali annwali medju li huwa speċifikat fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Wara li jsir dan, tiżgura sforz għal aġġustament strutturali xieraq biex tagħmel biżżejjed progress fl-issodisfar tal-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM), fosthom l-issodisfar tal-punt ta' riferiment b'rabta man-nefqa.

2.           Tieħu passi ulterjuri biex issaħħaħ il-qafas baġitarju nazzjonali billi tikkonverġi r-responsabbiltajiet fil-livelli federali, reġjonali u lokali tal-gvern, partikolarment permezz tal-implimentazzjoni ta' riformi konkreti bil-għan tat-titjib tal-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-effiċjenza tal-kura tas-saħħa u tal-edukazzjoni.

3.           Għandha tqarreb l-armonizzazzjoni tal-età statutorja tal-irtirar bejn in-nisa u l-irġiel; issaħħaħ l-impjegabbiltà tal-ħaddiema l-aktar anzjani u twettaq monitoraġġ mill-qrib tar-riformi reċenti li jillimitaw l-aċċess għal possibbiltajiet ta' ħruġ bikri biex tiżgura l-età statutorja u effettiva tal-irtirar tiżdied f'konformità mal-istennija tal-għomor.

4.           Tieħu passi biex tnaqqas il-piż soċjali u tat-taxxa effettiv fuq ix-xogħol speċjalment għall-ħaddiema b'pagi baxxi bil-għan li żżid ir-rati ta' nies impjegati fir-rigward tan-nisa u l-irġiel aktar avvanzati fl-età. Dan fid-dawl tal-fatt li jeħtieġ li jiġi bbilanċjat l-impatt tat-tibdil demografiku fuq il-popolazzjoni li taħdem. Iċċaqlaq il-piż tat-taxxa b'mod li ma jkollu ebda konsegwenza fuq il-baġit, lejn taxxi fuq il-proprjetà immobbli u taxxi ambjentali. Tnaqqas id-distakk kbir bejn il-pagi tan-nisa u dawk tal-irġiel u ttejjeb l-opportunitajiet ta' xogħol full-time għan-nisa, prinċipalment permezz tal-għoti ta' servizzi addizzjonali għall-indukrar ta' persuni dipendenti.

5.           Tieħu aktar miżuri biex ittejjeb l-eżiti tal-edukazzjoni, speċjalment għaż-żgħażagħ żvantaġġjati. Tieħu miżuri biex tnaqqas l-għadd ta' persuni li ma jkomplux l-edukazzjoni għolja tagħhom.

6.           Tieħu passi ulterjuri biex trawwem il-kompetizzjoni, fis-settur tas-servizzi, billi tneħħi l-ostakli fuq id-dħul fis-swieq tal-komunikazzjonijiet, tat-trasport u tal-konsum tal-enerġija. Tneħħi r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati minn fuq l-aċċess għall-professjonijiet liberali. Issaħħaħ is-setgħat tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni filwaqt li tgħaġġel l-implimentazzjoni tar-riforma tal-liġi tal-kompetizzjoni.

7.           Tistabbilixxi r-ristrutturar tal-banek li bbenefikaw minn appoġġ pubbliku, filwaqt li tevita t-tnaqqis fl-azzjonijiet ta' ingranaġġ. Tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' politika mal-kontrolluri tas-settur finanzjarju f'pajjiżi oħrajn.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1

[2]               COM(2012)306 finali

[3]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tas-26 ta' April 2012

[5]               COM(2012)68 finali

[6]               Bilanċ nett aġġustat ċiklikament għal miżuri ta' darba u miżuri temporanji, rikalkulati mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni mogħtija fil-programm, permezz ta' metodoloġija maqbula bejn kulħadd.

[7]               Fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.