|
9.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 179/5 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/757
tat-8 ta’ Ġunju 2020
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tat-traċċabbiltà ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 21(6)(d) u 31(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, inklużi rekwiżiti dwar it-traċċabbiltà ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, il-prodotti derivati jibqgħu kklassifikati fl-istess kategorija bħall-prodotti sekondarji tal-annimali li minnhom jidderivaw. Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, iż-żjut tal-ħut u l-ħut mitħun jista’ jkun fihom ċerti residwi f’livelli ogħla minn dawk tal-ħut jew tal-prodotti tas-sajd li jkunu tajbin għall-konsum mill-bniedem li minnhom ikunu ġew estratti, u b’hekk ikunu jirrikjedu proċess ta’ detossifikazzjoni qabel l-użu fl-għalf għall-annimali. |
|
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/786 (3) jiddefinixxi l-kriterji ta’ aċċettabilità għall-proċessi ta’ detossifikazzjoni applikati għal prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali. Ir-rekwiżiti u l-kriterji ta’ aċċettabilità għall-proċessi ta’ detossifikazzjoni taż-żjut tal-ħut u tal-ħut mitħun tal-materjali tal-Kategorija 3 previsti fir-Regolament (UE) 2015/786 jenħtieġ li jiżguraw li ż-żejt tal-ħuta u l-ħut mitħun detossifikati tal-materjali tal-Kategorija 3 fl-għalf ma jipperikolawx is-saħħa pubblika u tal-annimali u l-ambjent u li l-karatteristiċi tal-għalf ma jkunux mibdula b’mod negattiv mill-proċess ta’ detossifikazzjoni. Għalhekk, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza d-detossifikazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru tagħha filwaqt li ma hemmx regoli armonizzati għad-dispaċċ ta’ dawn il-materjali għal detossifikazzjoni fi Stat Membru ieħor. |
|
(4) |
Sabiex tiġi awtorizzata d-detossifikazzjoni ta’ ċerti żjut tal-ħut u ħut mitħun maħsuba għat-tagħlif ta’ annimali tar-razzett, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti għad-dispaċċ ta’ żjut tal-ħut u ħut mitħun b’livelli eċċessivi ta’ residwi lejn Stat Membru ieħor għad-detossifikazzjoni f’impjanti approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li, fejn meħtieġ, wara valutazzjoni tar-riskju, jawtorizzaw it-trasport ta’ żjut tal-ħut u ħut mitħun maħsub għall-produzzjoni ta’ materjali tal-għalf u li jkun fihom livell(i) eċċessiv(i) ta’ diossini u/jew poliklorobifenili (PCBs) skont it-tifsira tad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) minn Stati Membri oħra lejn impjanti rreġistrati jew approvati għad-detossifikazzjoni fit-territorju tagħhom. |
|
(5) |
Madankollu, iż-żjut tal-ħut u l-ħut mitħun tal-materjal tal-Kategorija 3 li diġà tqiegħdu fis-suq u rriżultaw pożittivi fit-test għal livell(i) eċċessiv(i) ta’ diossini u/jew poliklorobifenili (PCBs) waqt il-kontrolli uffiċjali, jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għad-detossifikazzjoni prevista f’dan ir-Regolament. |
|
(6) |
L-Artikolu 21 u l-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan, b’rekwiżiti għad-dispaċċ ta’ prodotti derivati maħsuba għad-detossifikazzjoni fi Stat Membru ieħor. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 21, jiżdied il-paragrafu li ġej: “3. It-trasport ta’ żjut tal-ħut u ta’ ħut mitħun ta’ materjali tal-Kategorija 3 għall-produzzjoni ta’ materjal tal-għalf, minbarra dawk importati minn pajjiż terz, minn impjant tal-ipproċessar approvat għall-produzzjoni ta’ ħut mitħun u ta’ żejt tal-ħuta lejn impjant tal-għalf li jkun irreġistrat jew approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u approvat skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 fi Stat Membru ieħor għad-detossifikazzjoni skont il-proċessi msemmija fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/786 (*1), għandu jitwettaq skont ir-regoli stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-Anness VIII.”; (*1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/786 tad-19 ta’ Mejju 2015 li jiddefinixxi l-kriterji ta’ aċċettabilità għall-proċessi ta’ detossifikazzjoni applikati għal prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali stipulati fid-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 125, 21.5.2015, p. 10).”" |
|
(2) |
L-Anness VIII huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/786 tad-19 ta’ Mejju 2015 li jiddefinixxi l-kriterji ta’ aċċettabilità għall-proċessi ta’ detossifikazzjoni applikati għal prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali stipulati fid-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 125, 21.5.2015, p. 10).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1).
(5) Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali - Dikjarazzjoni tal-Kunsill (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10).
ANNESS
Dan li ġej jiżdied mal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011:
“Kapitolu VII
TRASPORT LEJN IMPJANT TA’ DETOSSIFIKAZZJONI TA’ ŻJUT TAL-ĦUT U TA’ ĦUT MITĦUN MAĦSUBA GĦALL-PRODUZZJONI TA’ MATERJAL TAL-GĦALF
|
1. |
L-operaturi li beħsiebhom jittrasportaw iż-żjut tal-ħut u l-ħut mitħun ta’ materjali tal-Kategorija 3 maħsuba għall-produzzjoni tal-għalf minn impjant tal-ipproċessar approvat għall-produzzjoni taż-żjut tal-ħut u tal-ħut mitħun lejn impjant tal-għalf li jkun irreġistrat jew approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u approvat skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 fi Stat Membru ieħor għad-detossifikazzjoni skont il-proċessi msemmija fir-Regolament (UE) 2015/786, għandhom japplikaw mal-awtorità kompetenti fil-post tad-destinazzjoni għall-aċċettazzjoni tal-konsenja. L-applikazzjoni għandha tkun fil-format standard għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 10 tal-Kapitolu III tal-Anness XVI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011. |
|
2. |
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni msemmi fil-punt 1 għandha tinforma lill-operatur bid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja billi tirritorna l-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 mimlija kif dovut. |
|
3. |
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, permezz tas-sistema TRACES skont id-Deċiżjoni 2004/292/KE, bid-dispaċċ ta’ kull konsenja. |
|
4. |
Il-punti 1 sa 3 ta’ dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għaż-żjut tal-ħut u għall-ħut mitħun tal-materjali tal-Kategorija 3 li tqiegħdu fis-suq għall-produzzjoni tal-għalf li fihom ġew individwati livell(i) eċċessiv(i) ta’ diossini u/jew poliklorobifenili (PCBs) matul il-kontrolli uffiċjali.” |