|
5.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 181/89 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1146
tal-4 ta' Lulju 2019
li ttemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta' planki tal-azzar illaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fl-24 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' planki tal-azzar illaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina billi ppubblikat notifika ta' bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
L-investigazzjoni nfetħet wara lment imressaq minn EUROFER (“l-ilmentatur”) f'isem iż-żewġ produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni totali tal-planki tal-azzar illaminati bis-sħana fl-Unjoni. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali riżultanti, u dan tqies biżżejjed biex il-bidu tal-investigazzjoni jkun iġġustifikat. |
|
(3) |
Fin-notifika ta' bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lill-produttur esportatur magħruf u lill-awtoritajiet Ċiniżi, lil importaturi, fornituri u utenti magħrufin, negozjanti, kif ukoll assoċjazzjonijiet li kien magħruf li kienu kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem. |
|
(4) |
Fit-22 ta' Frar 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha li kienet iddeċidiet li ma timponix miżuri provviżorji fil-każ preżenti, u li tkompli l-investigazzjoni. |
2. IRTIRAR TAL-ILMENT U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT
|
(5) |
Permezz tal-ittra tal-11 ta' April 2019, l-ilmentatur informa lill-Kummissjoni li huwa rtira l-ilment tiegħu. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-proċedimenti jistgħu jintemmu meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-tmiem ma jkunx imur kontra l-interess tal-Unjoni. |
|
(7) |
L-investigazzjoni ma kienet żvelat ebda kunsiderazzjoni li turi li terminazzjoni tal-proċediment ma kinitx tkun fl-interess tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni nnutat li ma wasal l-ebda kumment mingħand il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, bħal utenti, importaturi jew konsumaturi, li jindika li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' planki tal-azzar illaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jenħtieġ li tintemm mingħajr determinazzjonijiet formali li jikkonċernaw l-eżistenza jew in-nuqqas ta' dumping u ta' dannu jew dwar kwalunkwe aspett ieħor tal-investigazzjoni. |
|
(8) |
Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' planki tal-azzar illaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jenħtieġ li tintemm mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri. |
|
(9) |
Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Madankollu, ma wasal l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati. |
|
(10) |
Din id-Deċiżjoni hija konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' planki tal-azzar illaminati bis-sħana li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7301 10 00 (kodiċi TARIC 7301100010), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa tterminat.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' planki tal-azzar illaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 177, 24.5.2018, p. 6).