European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1485

27.5.2024

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1485

tas-27 ta’ Mejju 2024

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1484 tas-27 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484, li tistabbilixxi qafas għal miżuri restrittivi mmirati fid-dawl tas-sitwazzjoni u tar-repressjoni interna fir-Russja. Il-kuntest politiku u r-raġunijiet ta’ politika għall-istabbiliment tal-miżuri restrittivi huma ppreżentati fil-premessi ta’ dik id-Deċiżjoni.

(2)

Repressjoni interna tinkludi, fost l-oħrajn, torturi u trattamenti jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra, eżekuzzjonijiet sommarji jew arbitrarji, għejbien, detenzjonijiet arbitrarji u ksur prinċipali ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kif stabbiliti fl-istrumenti internazzjonali rilevanti għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi.

(3)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 tipprevedi l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar fuq persuni fiżiċi elenkati fl-Anness tagħha, u l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati f’dak l-Anness u l-projbizzjoni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jkunu disponibbli għalihom. Tipprevedi wkoll ċerti restrizzjonijiet settorjali fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għar-repressjoni interna, kif ukoll oġġetti maħsuba primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni u t-telekomunikazzjoni.

(4)

Ir-restrizzjonijiet imposti minn dan ir-Regolament fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Annessi I u II huma mingħajr preġudizzju għal dawk li japplikaw skont ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 (2). Meta oġġett jaqa' f'waħda mill-kategoriji stipulati fl-Annessi I jew II ta’ dan ir-Regolament kif ukoll fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, jenħtieġ li japplikaw ir-restrizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 833/2014.

(5)

L-Anness II ta’ dan ir-Regolament jispeċifika kategoriji ta' oġġetti vvalutati bħala rilevanti għall-użu għal repressjoni interna abbażi tal-kapaċitajiet tekniċi tagħhom. Meta oġġett jaqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, jenħtieġ li r-restrizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 833/2014 japplikaw irrispettivament minn jekk l-oġġett jissodisfax il-kapaċitajiet tekniċi speċifikati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

(6)

L-informazzjoni dwar l-użu maħsub ta' tagħmir, teknoloġija jew software għar-repressjoni interna fir-Russja tista' tinkiseb permezz ta' kwalunkwe mezz inkluż is-sejbiet proprji mill-operatur, informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti jew sorsi disponibbli għall-pubbliku.

(7)

Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn ikunu implimentati.

(8)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għad-difiża, u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet.

(9)

Jenħtieġ li l-proċedura għall-emendar tal-lista stabbilita fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament tkun tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-elenkar lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, lill-entitajiet jew lill-korpi indikati, sabiex ikollhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

(10)

Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tiġi ggarantita l-ogħla ċertezza ġuridika fl-Unjoni, jenħtieġ li jsiru pubbliċi l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom ikunu ffriżati f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mar-Regolament (UE) 2018/1725 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri li jieħdu skont dan ir-Regolament u dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

(12)

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-pieni jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“servizzi ta’ senserija” tfisser:

(i)

in-negozjar jew l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-forniment ta’ oġġetti u ta’ teknoloġija jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi dawk minn pajjiż terz, lil kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew

(ii)

il-bejgħ jew ix-xiri ta’ oġġetti u teknoloġija, jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi meta jinsabu f’pajjiżi terzi biex jiġu ttrasferiti lejn pajjiż terz ieħor;

(b)

“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom, u b’mod partikolari:

(i)

pretensjoni għall-prestazzjoni ta’ kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom;

(ii)

pretensjoni għall-proroga jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta’ kwalunkwe forma;

(iii)

pretensjoni għall-kumpens fir-rigward ta’ kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

pretensjoni għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż permezz tal-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, deċiżjoni arbitrali jew ekwivalenti, kull fejn issir jew tingħata;

(c)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni tkun kif tkun il-forma, u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, sew jekk tikkonsisti f’kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew differenti; għal dak l-iskop “kuntratt” jinkludi bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li tirriżulta mit-tranżazzjoni jew li tkun marbuta magħha;

(d)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III;

(e)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, li iżda jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(f)

“finanzjament jew assistenza finanzjarja” tfisser kwalunkwe azzjoni, irrispettivament mill-mezzi partikolari li jintgħażlu, li biha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, kundizzjonalment jew inkondizzjonalment, jiżborżaw jew jimpenjaw ruħhom li jiżborżaw fondi jew riżorsi ekonomiċi tagħhom stess inklużi, iżda mhux limitati għal għotjiet, self, garanziji, rahan, bonds, ittri ta’ kreditu, krediti tal-fornitur, krediti tax-xerrej, avvanzi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u t-tipi kollha ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, inkluża assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni; il-pagament kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tal-pagament tal-prezz miftiehem għal oġġett jew servizz, li jsiru skont il-prattika kummerċjali normali, ma jikkostitwux finanzjament jew assistenza finanzjarja;

(g)

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

(h)

“iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni jew użu ta’, aċċess għal, jew in-negozjar b’fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta f’xi tibdil fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura jew id-destinazzjoni tagħhom jew tibdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż il-ġestjoni ta’ portafolli;

(i)

“fondi” tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta’ kull xorta, li jinkludu, iżda li mhumiex limitati għal, dan li ġej:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

(ii)

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta’ dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, titoli obbligazzjonarji u kuntratti tad-derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, poloz ta’ bejgħ;

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta’ interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

(j)

“assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista’ tieħu forom bħal istruzzjonijiet, pariri, taħriġ, trażmissjoni ta’ għarfien jew ħiliet tax-xogħol jew servizzi ta’ konsulenza, inkluż forom verbali ta’ assistenza;

(k)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja;

(b)

li tingħata assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja;

(c)

li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal tagħmir protettiv temporanjament esportat lejn ir-Russja mill-persunal tan-NU, il-persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-media u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u l-persunal assoċjat li jkun għall-użu personali tagħhom biss.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, u l-finanzjament u l-assistenza finanzjarja u teknika assoċjati, maħsuba biss għall-użu umanitarju jew protettiv, għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-NU jew tal-Unjoni, jew għal operazzjonijiet tan-NU u tal-Unjoni ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet jew għal organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali.

4.   L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 jistgħu jingħataw biss qabel l-attività li għaliha jkunu ġew mitluba. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu, fi żmien 4 ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

5.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew l-għoti tal-assistenza jew is-servizzi msemmija fih wara li jkunu ddeterminaw li dawn huma neċessarji:

(a)

għall-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew pajjiżi sħab fir-Russja, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali;

(b)

għall-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni, għall-forniment ta' faċilitajiet u servizzi assoċjati neċessarji għat-tħaddim, il-manutenzjoni u s-sigurtà ta' tali servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, fir-Russja, fl-Ukrajna, fl-Unjoni, bejn ir-Russja u l-Unjoni, u bejn l-Ukrajna u l-Unjoni, u għal servizzi ta' ċentri tad-data fl-Unjoni.

Artikolu 3

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir, teknoloġija jew software elenkati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni u kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, dejjem jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 jekk dawn ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software inkwistjoni jkunu ser jintużaw għar-repressjoni interna mill-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tar-Russja, jew kwalunkwe persuna jew entità li topera f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.   L-Anness II għandu jinkludi tagħmir, teknoloġija jew software tas-sigurtà tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni li jistgħu jiġu użati b’mod ħażin għar-repressjoni interna.

4.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew l-għoti tas-servizzi msemmija fih, b'tali kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawn huma neċessarji:

(a)

għall-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew pajjiżi sħab fir-Russja, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali;

(b)

għall-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni neċessarji għat-tħaddim, il-manutenzjoni u s-sigurtà, inkluż iċ-ċibersigurtà, tas-servizzi ta’ kommunikazzjoni elettronika, fir-Russja, fl-Ukrajna, fl-Unjoni, bejn ir-Russja u l-Unjoni, u bejn l-Ukrajna u l-Unjoni, u għal servizzi ta' ċentri tad-data fl-Unjoni.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu, fi żmien 4 ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni miċħuda skont dan l-Artikolu, fi żmien 4 ġimgħat minn dik iċ-ċaħda.

7.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014.

Artikolu 4

1.   Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 3(1), għandu jkun ipprojbit li:

(a)

tiġi fornuta, direttament jew indirettament, għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software elenkati fl-Anness II, relatati mal-installazzjoni, il-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni, it-tiswija u l-użu tat-tagħmir u t-teknoloġija elenkati fl-Anness II, jew jew relatati mal-provvista, l-installazzjoni, l-operat jew l-aġġornament ta’ kwalunkwe software elenkat fl-Anness II lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja;

(b)

jiġu fornuti, direttament jew indirettament, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-software elenkati fl-Anness II lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja;

(c)

jiġi fornut kwalunkwe servizz ta’ monitoraġġ jew ta’ interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet lil jew għall-benefiċċju dirett jew indirett tal-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tar-Russja, jew ta’ kwalunkwe persuna jew entità li joperaw f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, il-projbizzjoni fuq il-manutenzjoni u t-tiswija tat-tagħmir rilevanti tinkludi projbizzjoni fuq il-manutenzjoni, l-aġġornament u t-tiswija ta’ kwalunkwe software integrat li jkun inkorporat fit-tagħmir.

3.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, “servizzi ta’ monitoraġġ jew ta’ interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet” tfisser dawk is-servizzi li jipprovdu, b’mod partikolari bl-użu ta’ tagħmir, teknoloġija jew software elenkati fl-Anness II, l-aċċess għad-data assoċjata mat-telekomunikazzjoni jew mat-telefonati li jidħlu jew li joħorġu u t-twassil tad-data għall-finijiet tal-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi jew il-ħżin tagħha, jew kwalunkwe attività relatata oħra.

Artikolu 5

1.   Il-projbizzjonijiet fl-Artikoli 2(1) u 3(1) għandhom japplikaw meta t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software mhux elenkati fl-Annessi I u II, ikunu maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għall-użu b'rabta mar-repressjoni interna fir-Russja. Meta l-operatur isir jaf b'dan, għandu jinnotifika minnufih lill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-projbizzjonijiet fl-Artikoli 2(1) u 3(1) ma għandhomx japplikaw meta l-operatur ma kellu l-ebda raġuni biex jissuspetta li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software mhux elenkati fl-Annessi I u II huma maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għall-użu b'rabta mar-repressjoni interna fir-Russja.

Artikolu 6

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew li huma l-proprjetà, jew fil-pussess jew fil-kontroll tagħhom għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom ikunu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IV jew għall-beneficċju tagħhom.

3.   L-Anness IV għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li:

(a)

ikunu responsabbli għal ksur serju jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom jimminaw serjament id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fir-Russja;

(b)

jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku, jew materjali għal, jew huma b'xi mod ieħor involuti fi, l-atti stabbiliti fil-punt (a), inkluż bl-ippjanar, id-direzzjoni, l-ordni, l-assistenza, il-preparazzjoni, l-iffaċilitar jew l-inkoraġġiment ta’ tali atti;

(c)

ikunu assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a) jew (b).

Artikolu 7

1.   B’deroga mill-Artikolu 6(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IV, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattamenti mediċi, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u spejjeż tas-servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlasijiet ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew ta’ imposti ta’ servizzi għall-kustodja jew il-ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni;

(e)

iridu jitħallsu f’kont jew minn kont ta’ missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali pagamenti jkunu maħsuba għall-iskopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali;

(f)

neċessarji għall-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew pajjiżi sħab fir-Russja, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali;

(g)

neċessarji għall-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni, għall-forniment ta' faċilitajiet u servizzi assoċjati neċessarji għat-tħaddim, il-manutenzjoni u s-sigurtà ta' tali servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, fir-Russja, fl-Ukrajna, fl-Unjoni, bejn ir-Russja u l-Unjoni, u bejn l-Ukrajna u l-Unjoni, u għal servizzi ta' ċentri tad-data fl-Unjoni; jew

(h)

neċessarji għall-bejgħ u t-trasferiment sat-28 ta’ Awwissu 2024, jew fi żmien 6 xhur mid-data tal-elenkar fl-Anness IV, skont liema minnhom tkun l-aktar reċenti, tad-drittijiet proprjetarji f'persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fl-Unjoni fejn dawk id-drittijiet proprjetarji jkunu direttament jew indirettament proprjetà ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV, u wara li jkun ġie ddeterminat li r-rikavat minn tali bejgħ u trasferiment jibqa' ffriżat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 8

1.   B’deroga mill-Artikolu 6(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, skont il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun neċessarju biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jsostnu l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.

2.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew ta’ notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 1, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu fi żmien 4 ġimgħat mill- awtorizzazzjoni.

Artikolu 9

1.   B’deroga mill-Artikolu 6(1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 6 jkunu ġew elenkati fl-Anness IV, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’deċiżjoni bħal din, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 10

1.   B’deroga mill-Artikolu 6(1) u dment li jkun dovut pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV skont kuntratt jew ftehim li jkun ġie konkluż minn jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta’ meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness IV, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, skont il-kundizzjonijiet li jqisu li jkunu adattati, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV; u

(b)

il-pagament ma jiksirx l-Artikolu 6(2).

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 11

1.   L-Artikolu 6(2) ma għandux iwaqqaf l-ikkreditar ta’ kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dejjem jekk kull pagament f’dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b’kull tali tranżazzjoni, mingħajr dewmien.

2.   L-Artikolu 6(2) ma għandux japplika għal pagament f’kontijiet iffriżati ta’:

(a)

l-imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 6 jkunu ġew inklużi fl-Anness IV; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali meħuda fi Stat Membru jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li kwalunkwe mgħax, qligħ u pagament ieħor bħal dan ikun iffriżat f’konformitàt mal-Artikolu 6(1).

Artikolu 12

1.   Persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi għandhom:

(a)

ifornu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal informazzjoni dwar il-kontijiet u l-ammonti ffriżati f’konformità mal-Artikolu 6(1) jew informazzjoni miżmuma dwar fondi u riżorsi ekonomiċi fit-territorju tal-Unjoni li jappartjenu, huma sjieda ta’, jinżammu jew huma kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IV u li għadhom ma ġewx trattati bħala ffriżati mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi obbligati li jagħmlu dan, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f’kull verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika soġġett għar-regoli nazzjonali jew regoli applikabbli oħra dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji, u konsistenti mar-rispett għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom iggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal dak l-għan, tali komunikazzjoni tinkludu dik relatata ma’ parir legali pprovdut minn professjonisti ċċertifikati oħra li huma awtorizzati skont il-liġi nazzjonali biex jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji, sa fejn tali parir legali jingħata b’rabta ma’ proċedimenti ġudizzjarji pendenti jew prospettivi.

3.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

4.   Kwlunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss gfħall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew ġiet riċevuta.

5.   L-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar, l-awtoritajiet doganali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), kif ukoll l-amministraturi ta’ reġistri uffiċjali fejn huma rreġistrati persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi kif ukoll proprjetà immobbli jew mobbli, għandhom jipproċessaw u jiskambjaw mingħajr dewmien informazzjoni, inkluża data personali, u, jekk neċessarju, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru tagħhom, ta’ Stati Membri oħra u l-Kummissjoni, jekk tali pproċessar u skambju jkun neċessarju biex jitwettqu l-kompiti tal-awtorità tal-ipproċessar jew tal-awtorità riċeventi skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari meta jidentifikaw każijiet ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, jew tentattivi ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 13

1.   Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun biex jiġu evitati l-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament.

2.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness IV, għandhom:

(a)

jirrapportaw fi żmien 6 ġimgħat mid-data tal-elenkar fl-Anness IV il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru li jappartjenu lilhom, li huma proprjetà tagħhom, miżmuma jew ikkontrollati minnhom, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawk il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta’ tali informazzjoni.

3.   In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jitqies bħala parteċipazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 6.

4.   L-Istat Membru kkonċernt għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn bl-informazzjoni li jkun irċieva skont il-punt (a) tal-paragrafu 2.

5.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew ġiet riċevuta.

6.   Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jitwettaq f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar--Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u biss safejn ikun neċessarju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

1.   L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fide abbażi tal-fatt li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandu joħloq l-ebda tip ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultat ta’ negliġenza.

2.   Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta’ responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 15

1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kull forma, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IV;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a), jew inkella f’isimhom.

2.   Fi kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, l-obbligu tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni ma huwiex ipprojbit bil-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju dwar il-legalità ta’ noneżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 16

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni dwar:

(a)

fondi ffriżati skont l-Artikolu 6 u awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt id-derogi stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

problemi ta’ ksur u eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 17

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, huwa għandu jemenda l-Anness IV kif meħtieġ.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika deċiżjoni skont il-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf u jekk tali komunikazzjoni tista’ ssir], jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni kkonċernata u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif meħtieġ.

4.   Il-lista fl-Anness IV għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness III abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 18

1.   L-Anness IV għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-korpi kkonċernati.

2.   L-Anness IV għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni neċessarja biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet u l-psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk ikun magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 19

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarja sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll il-miżuri xierqa ta’ konfiska tar-rikavat minn tali ksur.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 20

1.   Il-Kunsill,il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) jistgħu jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Dawk il-kompiti jinkludu:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill,it-tħejjija u l-emendar tal-Anness IV;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, il-preparazzjoni ta’ emendi għall-Anness IV;

(c)

fir-rigward tal-Kummissjoni:

(i)

l-inklużjoni tal-kontenut tal-Anness IV fil-lista elettronika, ikkonsolidata tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-gruppi u l-entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li t-tnejn li huma jinsabu disponibbli għall-pubbliku;

(ii)

l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ kundanni kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw tali persuni biss sa fejn tali pproċessar ikun neċessarju għat-tħejjija tal-Anness IV.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma huma ddeżinjati bħala “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 3, il-punt 8,tar-Regolament (UE) 2018/1725 sabiex jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

Artikolu 21

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmijin f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness III. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness III.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

3.   Meta dan ir-Regolament jistipula l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha b’xi mod ieħor, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk elenkati fl-Anness III.

Artikolu 22

Kwalunkwe informazzjoni mogħtija jew riċevuta f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

Artikolu 23

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ xi Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadin ta’ Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp ġuridiku, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ li jkun sar, interament jew parzjalment, fl-Unjoni.

Artikolu 24

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L, 2024/1484, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1484/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(8)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


ANNESS I

Lista ta’ apparat li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif imsemmija fl-Artikolu 2

1.   Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej:

1.1.

Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-ML 1 u l-ML 2 tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (ft) (“il-Lista Militari Komuni”);

1.2.

Munizzjon iddisinjat speċifikament għall-armi tan-nar elenkati fil-punt 1.1 u komponenti ddisinjati apposta għalihom;

2.   Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mil-LM 14 tal-Lista Militari Komuni, għal taħriġ fl-użu ta’ armi tan-nar, u software ddisinjat speċifikament għalihom.

3.   Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

4.   Splussivi oħra mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni u sustanzi relatati kif ġej:

a.

amatol;

b.

nitroglikol;

e.

klorur tal-pikril;

5.   Fildiferru mxewwek (barbed wire) bix-xfafar.

6.   Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b’xafra itwal minn 10 cm.

7.   Tagħmir ta’ produzzjoni ddisinjat speċifikament għall-oġġetti speċifikati f’din il-lista.


ANNESS II

It-tagħmir, it-teknoloġija u s-software msemmijin fl-Artikolu 3

Nota Ġenerali

Minkejja l-kontenut ta’ dan l-Anness, huwa ma għandux japplika għal:

(a)

tagħmir, teknoloġija jew software li huma speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jew il-Lista Militari Komuni;

(b)

software li huwa mfassal għall-installazzjoni mill-utent mingħajr appoġġ sostanzjali ulterjuri mill-fornitur u li jkun ġeneralment disponibbli għall-pubbliku billi jinbiegħ mill-ħwienet, mingħajr restrizzjoni, permezz ta':

(i)

tranżazzjonijiet f’ħanut;

(ii)

tranżazzjonijiet bil-korrispondenza;

(iii)

tranżazzjonijiet elettroniċi; jew

(iv)

transazzjonijiet ta’ ordni bit-telefon; jew

(c)

software li huwa fid-dominju pubbliku.

(d)

fejn japplika l-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 833/2014.

It-taqsimiet A, B, C, D u E jirreferu għat-taqsimiet imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 2021/821.

A.

Lista ta’ tagħmir

—

Tagħmir għall-ispezzjoni approfondita tal-pakketti

—

Tagħmir ta’ Interċettar ta’ Netwerk li jinkludi Tagħmir ta' Ġestjoni tal-Interċettar (IMS) u tagħmir ta' Data Retention Link Intelligence

—

Tagħmir ta’ monitoraġġ tal-Frekwenzi tar-Radju

—

Tagħmir ta’ disturbazzjoni ta' Netwerks u Satelliti

—

Tagħmir ta’ Infettar Telekomandat

—

Tagħmir ta’ għarfien/ipproċessar tal-kelliem

—

Tagħmir ta’ interċettar u sorveljanza tat-tip IMSI (4), MSIDN (5), IMEI (6), TMSI (7)

—

Tagħmir tattiku ta’ interċettar u sorveljanza tat-tip SMS (8)/GSM (9)/GPS (10)/GPRS (11)/UMTS (12)/CDMA (13)/PSTN (14)

—

Tagħmir ta’ interċettar u sorveljanza tal-informazzjoni tat-tip DHCP (15), SMTP (16), GTP (17)

—

Tagħmir ta’ għarfien ta’ xejriet u klassifikazzjoni ta’ xejriet

—

Tagħmir forensiku li jaħdem mill-bogħod

—

Tagħmir ta’ mutur għall-ipproċessar semantiku (semantic processing engine)

—

Tagħmir ta’ kriptanaliżi WEP u WPA

—

Tagħmir ta’ interċettar għall-protokolli proprjetarji u standard tal-VoIP

B.

Mhux użati

C.

Mhux użati

D.

“Software” għall-“iżvilupp”, il-“produzzjoni” jew l-“użu” tat-tagħmir speċifikat f’A hawn fuq.

E.

“Teknoloġija” għall-“iżvilupp”, “il-produzzjoni” jew “l-użu” tat-tagħmir speċifikat f’A hawn fuq.

Tagħmir, teknoloġija u software taħt dawn it-taqsimiet jaqgħu fl-ambitu ta’ dan l-Anness biss sal-punt li jaqgħu fid-deskrizzjoni ġenerali “sistemi ta’ interċettar u monitoraġġ tal-komunikazzjonijiet bl-Internet, bit-telefown u bis-satellita”.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, il-“monitoraġġ” tfisser l-akkwist, l-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi u l-arkivjar tal-kontenut tat-telefonati jew id-data tan-network.

Noti f’qiegħ il-paġna:

(4)

IMSI tirreferi għal International Mobile Subscriber Identity (identità internazzjonali tal-abbonat mobbli). Hija kodiċi uniku ta’ identifikazzjoni għal kull tagħmir ta’ telefonija mobbli, integrat fis-SIM card u li jippermetti l-identifikar ta’ tali SIM permezz ta’ networks tal-GSM u l-UMTS.

(5)

MSISDN tirreferi għal Mobile Subscriber Integrated Services Digital Network Number (numru tas-servizzi integrati tan-network diġitali għall-abbonat ta’ telefonija mobbli). Huwa numru uniku li jidentifika l-abbonament f’network tal-mowbajls GSM jew UMTS. Fi kliem sempliċi, huwa n-numru tat-telefon għas-SIM card fit-telefon mobbli u għalhekk jidentifika lill-abbonat tat-telefon mobbli kif ukoll l-IMSI, iżda sabiex is-sejħiet jiġu trażmessi mingħandu.

(6)

IMEI tfisser International Mobile Equipment Identity (identità internazzjonali tal-apparat tal-mowbajl). Huwa numru li normalment ikun uniku, biex jidentifika l-mowbajls GSM, WCDMA u IDEN kif ukoll xi telefowns satellitari. Normalment issibu stampat fil-kompartiment tal-batterija tal-mowbajl. L-interċettazzjoni telefonika tista’ tiġi speċifikata permezz tan-numru IMEI kif ukoll l-IMSI u l-MSISDN tiegħu.

(7)

TMSI tfisser Temporary Mobile Subscriber Identity (identità temporanja tal-abbonat tal-mowbajl). Hija l-identità li tintbagħat l-aktar komunement bejn l-apparat mobbli u n-network.

(8)

SMS tirreferi għal Short Message System (sistema ta’ messaġġi qosra).

(9)

ċGSM tirreferi għal Global System for Mobile Communications (sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli).

(10)

GPS tirreferi għal Global Positioning System (sistema ta’ pożizzjonament globali).

(11)

GPRS tirreferi għal General Package Radio Service (servizz ġenerali tar-radju f’pakketti).

(12)

UMTS tirreferi għal Universal Mobile Telecommunication System (sistema universali ta’ komunikazzjoni mobbli).

(13)

CDMA tirreferi għal Code Division Multiple Access (aċċess multiplu b’diviżjoni tal-kodiċi).

(14)

PSTN tirreferi għal Public Switch Telephone Networks (networks telefoniċi pubbliċi kommutati).

(15)

DHCP tirreferi għal Dynamic Host Configuration Protocol (protokoll ta’ konfigurazzjoni dinamika tal-host).

(16)

SMTP tirreferi għal Simple Mail Transfer Protocol (protokoll sempliċi għat-trasferiment tal-posta elettronika).

(17)

GTP tirreferi għal GPRS Tunneling Protocol.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).


ANNESS III

Siti web b’informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions

IĊ-ĊEKJA

https://fau.gov.cz/en/international-sanctions

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html

L-ESTONJA

https://vm.ee/sanktsioonid-ekspordi-ja-relvastuskontroll/rahvusvahelised-sanktsioonid

L-IRLANDA

https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955

L-ITALJA

https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/politica_europea/misure_deroghe/

ĊIPRU

https://mfa.gov.cy/themes/

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato

MALTA

https://smb.gov.mt/

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/

IL-POLONJA

https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe

https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions

IL-PORTUGALL

https://portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

https://um.fi/pakotteet

L-IŻVEZJA

https://www.regeringen.se/sanktioner

Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji

u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (DĠ FISMA)

Rue Joseph II 54

1049 Bruselles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu


ANNESS IV

Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 6.

A.   Persuni fiżiċi

[…]

B.   Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi

[…]


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1485/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)