31977D0454



Official Journal L 176 , 15/07/1977 P. 0011 - 0012
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0207
Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0261
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0207
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0012
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 2 P. 0012


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-27 ta' Ġunju 1977

li jistabbilixxi Kumitat ta' Konsulenza dwar it-Taħriġ fl-Infirmerija

(77/454/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ġunju 1974 li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, ċ-ċertifikati u evidenza oħra ta' kwalifiki formali, il-Kunsill iddikkjara lilu nnifsu favur l-istabiliment ta' kumitati ta' konsulenza;

Billi, fil-kuntest tar-rikonoxximent reċiprolu tad-diplomi, ċ-ċertifikati u evidenza oħra ta' kwalifiki formali fl-infirmerija ġenerali u wkoll fil-kuntest tal-kura ta' l-infirmiera provduta mill-persunal l-ieħor kollu, hu mportanti li jiġi assigurat livell komparattivament għoli ta' taħriġ.

Billi, sabiex ikun hemm kontribuzzjoni għall-kisba ta' dan l-għan hu mixtieq li jiġi stabbilit kumitat ta' konsulenza biex jagħti parir lill-Kummissjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kumitat ta' Konsulenza dwar it-Taħriġ fl-Infirmerija, hawn iżjed il-quddiem imsejjaħ "il-Kumitat", hu hawnhekk stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni.

Artikolu 2

1. Il-kompitu tal-Kumitat għandu jkun biex jgħin li jiġi assigurat livell komparattivament għoli ta' taħriġ fil-kategoriji varji tal-persunal ta' l-infirmjieri fil-Komunità kollha.

2. Għandu jwettaq dan il-kompitu b'mod partikolari bil-mezzi li ġejjin:

- l-iskambju ta' informazzjoni komprensiva dwar il-metodi ta' taħriġ u l-kontenut, il-livell u l-istruttura ta' korsijiet ta' struzzjoni teoretika u prattika provduti fl-Istati Membri,

- id-diskussjoni u l-konsultazzjoni bl-għan li jiġu żviluppati approċi komuni għal-livell li għandu jinkiseb fil-taħriġ tal-persunal ta' l-infirmjieri u, kif xieraq, għall-istruttura u l-kontenut ta' taħriġ bħal dan,

- biex issir reviżjoni kontiwa ta' l-adattament tat-taħriġ imsemmi hawn fuq għall-iżviluppi fil-prattika ta' l-infirmerija, ix-xjenza medika u soċjali u l-metodi ta' tagħlim.

3. Il-Kumitat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu inklużi, meta jqisu xieraq, suġġerimenti biex isiru emendi lid-disposizzjonijiet li jikkonċernaw it-taħriġ fid-Direttivi li għandhom x'jaqsmu ma' l-attivitajiet ta' l-infirmjieri bħal fid-Direttivi 77/452/KEE [1] u 77/453/KEE [2].

4. Il-Kumitat għandu wkoll jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq kull kwistjoni oħra li l-Kummissjoni tista' tirreferilu f'konnessjoni mat-taħriġ tal-persunal ta' l-infirmjieri.

Artikolu 3

1. Il-Kumitat għandu jikkonsisti fi tliet esperti minn kull Stat Membru, kif ġej:

- espert mill-professjoni prattikanti,

- espert mill-istabbilimenti li jipprovdu taħriġ fl-infirmerija,

- espert mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru.

2. Għandu jkun hemm sostitut għal kull membru. Is-sostituti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat.

3. Il-membri u s-sostituti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu nominati mill-Istati Membri. Il-membri msemmija fl-ewwel u t-tieni inċiż tal-paragrafu 1 u s-sostituti tagħhom għandhom ikunu nominati fuq proposta mill-professjoni prattikanti ta' l-infirmjieri u l-istabbilimenti li jipprovdu taħriġ fl-infirmerija. Il-membri u s-sostituti hekk nominati għandhom ikunu maħtura mill-Kunsill.

Artikolu 4

1. Iż-żmien tal-kariga ta' membri tal-Kumitat għandu jkun ta' tliet snin. Wara li jiskadi dan il-perjodu il-membri tal-Kumitat għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm ikunu sostitwiti jew iż-żmien tal-kariga tagħhom hu mġedded.

2. Iż-żmien ta' kariga ta' membru jista' jispiċċa qabel ma jiskadu tliet snin minħabba r- riżenja jew il-mewt tal-membru, jew is-sostituzzjoni tiegħu b'persuna oħra, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 3. Din il-ħatra għandha tkun għall-bqija taż-żmien tal-kariga.

Artikolu 5

Il-Kumitat għandu jaħtar President u żewġ Deputati Presidenti mill-membri tiegħu stess. Għandu jadotta ir-regoli tiegħu ta' proċedura. L-aġenda għall-laqgħat għandha titfassal mill-President tal-Kumitat f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Artikolu 6

Il-Kumitat jista' jistabbilixxi gruppi ta'ħidma, isejjaħ u jħalli osservaturi jew esperti jassistuh f'konnessjoni ma' l-aspetti speċjali kollha tal-ħidma tiegħu.

Artikolu 7

Is-Segretarjat għandu jkun provdut mill-Kummissjoni.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Ġunju 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Silkin

[1] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[2] Ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------