|
3.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 179/20 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1132
tat-2 ta' Lulju 2019
li jipprovdi għajnuna ta' aġġustament temporanja u eċċezzjonali lill-bdiewa fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella fl-Irlanda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 221(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-settur taċ-ċanga u tal-vitella kien tradizzjonalment l-aktar settur agroalimentari fraġli minħabba għadd ta' fatturi, b'mod partikolari l-aċċess ristrett għas-swieq ta' pajjiżi terzi u t-tnaqqis fil-konsum domestiku. Hemm sfidi ġodda addizzjonali li jirriżultaw mit-tħassib dwar il-kontribut tas-settur għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. |
|
(2) |
L-istruttura tal-industrija tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella tagħmilha vulnerabbli, prinċipalment minħabba ċ-ċiklu ta' ħajja twil tagħha u l-ispejjeż għoljin marbuta mal-produzzjoni estensiva. Dawn il-fatturi ġew aggravati mill-prospett li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni u l-inċertezzi marbuta mat-tariffi doganali futuri tar-Renju Unit ladarba joħroġ mill-Unjoni. Ir-Renju Unit huwa suq primjum għaċ-ċanga u għall-vitella li huwa ta' importanza kritika għas-sostenibbiltà tas-settur kollu taċ-ċanga u tal-vitella tal-Unjoni. B'mod parallel, is-settur qed iħabbat wiċċu mad-domandi tal-isħab kummerċjali għal aktar aċċess għas-suq tal-Unjoni. |
|
(3) |
Dawn il-problemi jinħassu aktar fil-każ tas-settur Irlandiż taċ-ċanga u tal-vitella. Dan tal-aħħar għandu konċentrazzjoni ta' azjendi agrikoli fuq skala żgħira fl-ifqar reġjuni tal-pajjiż u fejn it-tipi alternattivi ta' produzzjoni huma limitati. Wara snin ta' prezzijiet staġnati tal-laħam taċ-ċanga fl-Irlanda, is-sena li għaddiet il-marġnijiet grossi waqgħu bejn 11 u 19 %, bl-akbar telf imġarrab mill-azjendi tal-baqar li jreddgħu. |
|
(4) |
Is-settur taċ-ċanga u tal-vitella tal-Irlanda huwa kbir u jiddependi ħafna fuq l-esportazzjonijiet. Ħames tunnellati ċanga minn kull sitta li jiġu prodotti huma esportati u kważi 50 % minn dawn l-esportazzjonijiet huma lejn ir-Renju Unit. L-inċertezza dwar il-ħruġ tar-Renju Unit qed tpoġġi pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet u tkompli tiddeterjora s-sitwazzjoni tal-produtturi taċ-ċanga fl-Irlanda. Dan fil-fatt ġara fix-xhur ta' qabel id-dati li kienu mħabbra għall-ħruġ tar-Renju Unit. |
|
(5) |
L-aġġustament tas-suq huwa partikolarment bil-mod fis-sistema estensiva tal-produzzjoni taċ-ċanga tal-Irlanda fejn l-annimali tipikament jinqatlu f'età akbar, ta' bejn 18 u 30 xahar. Din is-sistema ta' produzzjoni partikolari hija adattata għall-ħtiġijiet tas-suq taċ-ċanga tar-Renju Unit. L-isforzi biex jinfetħu swieq ġodda għadhom imxekkla mir-restrizzjonijiet ta' pajjiżi terzi marbuta b'mod partikolari ma' rekwiżiti antikwati marbuta mas-saħħa tal-annimali. |
|
(6) |
Fid-dawl tal-problemi speċifiċi msemmija hawn fuq li qed jiffaċċjaw il-produtturi Irlandiżi, huwa fl-interess tal-istabbiltà tas-suq tas-settur taċ-ċanga u tal-vitella tal-Unjoni li jiġu adottati miżuri li jsaħħu r-reżiljenza tas-settur taċ-ċanga Irlandiż. Flimkien mal-ħtieġa li jiġi evitat li l-pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet ikollha riperkussjonijiet fuq Stati Membri oħra, dawn il-problemi jikkostitwixxu problemi speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dawn il-problemi speċifiċi ma jistgħux jiġu indirizzati mill-miżuri meħuda skont l-Artikolu 219 jew 220 ta' dak ir-Regolament. Minn naħa waħda, mhumiex marbuta b'mod speċifiku ma' disturb sinifikanti tas-suq jew ma' xi theddida kbira għalih. Min-naħa l-oħra, il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament mhumiex meħuda f'kuntest fejn qed jiġi miġġieled it-tixrid ta' xi marda. |
|
(7) |
Barra minn hekk, l-istrumenti disponibbli skont il-politika agrikola komuni, bħalma huma l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat, mhumiex miżuri adegwati biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-settur taċ-ċanga u tal-vitella Irlandiż. Għalhekk, huwa xieraq li l-Irlanda tingħata għotja finanzjarja biex tappoġġja lill-bdiewa ta' dak is-settur li jieħdu azzjonijiet li jsaħħu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tagħhom, inkluż billi jaġġustaw il-produzzjoni għal swieq b'rekwiżiti oħra għajr dawk tar-Renju Unit. |
|
(8) |
L-għajnuna tal-Unjoni pprovduta lill-Irlanda jenħtieġ li tqis il-karatteristiċi ewlenin tas-settur taċ-ċanga u tal-vitella tagħha, inkluż is-sehem tagħha ta' bdiewa speċjalizzati fil-produzzjoni taċ-ċanga u l-vulnerabbiltà tagħha għat-tfixkil fl-esportazzjonijiet. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-Irlanda tfassal miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tal-produzzjoni u r-ristrutturar tas-settur taċ-ċanga u tal-vitella tagħha biex tipproteġi l-vijabbiltà fit-tul tiegħu abbażi ta' waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin: it-trawwim tas-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, l-iżvilupp ta' swieq ġodda u t-titjib tal-kwalità taċ-ċanga u tal-vitella. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-Irlanda tqassam l-għajnuna permezz ta' miżuri abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, filwaqt li tiżgura li l-bdiewa fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella jkunu l-benefiċjarji aħħarin tal-għajnuna u tevita kwalunkwe distorsjoni tas-suq u tal-kompetizzjoni. |
|
(11) |
Peress li l-ammont allokat lill-Irlanda jkun jikkumpensa biss parti mill-ispiża attwali għall-bdiewa fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella, jenħtieġ li l-Irlanda titħalla tagħti appoġġ addizzjonali lil dawk il-bdiewa, bl-istess kundizzjonijiet ta' oġġettività, nondiskriminazzjoni u mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
|
(12) |
Sabiex l-Irlanda tingħata l-flessibbiltà li tqassam l-għajnuna skont kif jitolbu ċ-ċirkostanzi, għandha titħalla takkumulaha ma' appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. |
|
(13) |
Skont l-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun limitat għal perjodu massimu ta' 12-il xahar li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Jenħtieġ li l-ħlasijiet li jkunu saru mill-Irlanda lill-benefiċjarji wara dak il-perjodu ma jkunux eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. |
|
(14) |
Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-amministrazzjoni xierqa tal-ammonti disponibbli, jenħtieġ li l-Irlanda tipprovdi lill-Kummissjoni b'ċerta informazzjoni, inkluż, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-miżuri konkreti li jkunu se jittieħdu, il-kriterji użati għat-tqassim tal-għajnuna u l-miżuri meħuda biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. |
|
(15) |
Sabiex ikun żgurat li l-bdiewa jirċievu l-appoġġ malajr kemm jista' jkun, jenħtieġ li l-Irlanda tkun tista' timplimenta dan ir-Regolament mingħajr dewmien. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-għajnuna tal-Unjoni tal-ammont totali ta' EUR 50 000 000 għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Irlanda biex tipprovdi għajnuna ta' aġġustament eċċezzjonali lill-bdiewa fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella li tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5.
2. L-Irlanda għandha tuża l-ammont disponibbli għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 3. Il-miżuri għandhom jittieħdu abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, dment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni.
3. Il-miżuri meħuda mill-Irlanda għandhom ikunu mmirati lejn it-tnaqqis tal-produzzjoni u r-ristrutturar tas-settur taċ-ċanga u tal-vitella u lejn wieħed jew aktar mill-objettivi li ġejjin:
|
(a) |
l-implimentazzjoni ta' skemi ta' kwalità fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella jew proġetti mmirati lejn il-promozzjoni tal-kwalità u tal-valur miżjud; |
|
(b) |
it-tisħiħ tad-diversifikazzjoni tas-suq; |
|
(c) |
il-protezzjoni u t-titjib tas-sostenibbiltà ambjentali, klimatika u ekonomika tal-bdiewa. |
4. L-Irlanda għandha tiżgura li, jekk il-bdiewa fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella ma jkunux il-benefiċjarji diretti tal-pagamenti tal-għajnuna tal-Unjoni, il-benefiċċju ekonomiku tal-għajnuna tal-Unjoni jingħadda lilhom b'mod sħiħ.
5. L-ispiża tal-Irlanda fir-rigward tal-pagamenti għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 għandha tkun eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2020.
6. Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jistgħu jiġu akkumulati ma' appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
Artikolu 2
L-Irlanda tista' tagħti appoġġ nazzjonali addizzjonali għall-miżuri meħuda skont l-Artikolu 1 sa massimu ta' 100 % tal-ammont stabbilit fl-Artikolu 1, abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, dment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni.
L-Irlanda għandha tħallas l-appoġġ addizzjonali sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2020.
Artikolu 3
L-Irlanda għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b'dan li ġej:
|
(a) |
mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 2019:
|
|
(b) |
sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 2020, l-ammonti totali mħallsa għal kull miżura (fejn applikabbli, imqassma skont l-għajnuna tal-Unjoni u l-appoġġ addizzjonali) u n-numru u t-tip ta' benefiċjarji u l-valutazzjoni tal-effettività tal-miżura. |
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER