KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fid‑19 ta’ Settembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑253/23
ASG 2 Ausgleichsgesellschaft für die Sägeindustrie Nordrhein-Westfalen GmbH
vs
Land Nordrhein-Westfalen,
fil-preżenza ta’
Otto Fuchs Beteiligungen KG,
Bundeskartellamt
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Dortmund (il-Qorti Reġjonali ta’ Dortmund, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Azzjonijiet għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104/UE – Irkupru kollettiv ta’ talbiet għad-danni – Validità ta’ trasferimenti lil fornitur ta’ servizzi legali – Inapplikabbiltà tad-dritt nazzjonali li jipprekludi l-validità ta’ tali trasferimenti”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Il-ħolqien ta’ atturi ġudizzjarji li għandhom l-għan li jiġbru flimkien l-assi bbażati fuq drittijiet ta’ kumpens li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma jikkostitwixxix fenomenu kompletament ġdid ( 2 ). Madankollu, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni ġdida sabiex tiddeċiedi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni tal-irkupru minn tali atturi ġudizzjarji tal-krediti relatati mad-danni kkawżati minn akkordju permezz tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu. B’mod iktar preċiż, l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ tali projbizzjoni mal-Artikolu 101 TFUE, mad-Direttiva 2014/104/UE ( 3 ) u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
|
2. |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi: “Din id-Direttiva tistipula ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni minn impriża jew minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, tista’ b’mod effettiv teżerċita d-dritt li titlob għal kumpens sħiħ għal dik il-ħsara minn dik l-impriża jew assoċjazzjoni. Tistabbilixxi regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni ekwivalenti fl-Unjoni kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali ħsara.” |
|
3. |
L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
4. |
L‑Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt għal kumpens sħiħ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara.” |
|
5. |
Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza” “F’konformità mal-prinċipju ta’ effettività, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha rigward l-eżerċizzju ta’ talbiet għal kumpens għad-danni jkunu mfassla u applikati b’mod li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni għal kumpens sħiħ għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. F’konformità mal-prinċipju tal-ekwivalenza, ir-regoli jew il-proċeduri nazzjonali rigward azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ma għandhomx ikunu inqas favorevoli għall-partijiet li allegatament ikunu ġarrbu l-ħsara minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili għal danni li jirriżultaw minn ksur ta’ liġi nazzjonali.” |
|
6. |
L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.” |
B. Id-dritt Ġermaniż
|
7. |
Skont l-Artikolu 1(1) tal-Gesetz über außergerichtliche Rechtsdienstleistungen (il-Liġi dwar is-Servizzi Legali Extraġudizzjarji) tat‑12 ta’ Diċembru 2007 ( 4 ), kif emendat bil-Liġi tal‑10 ta’ Marzu 2023 ( 5 ) (iktar ’il quddiem ir-“RDG”): “Din il-liġi tirregola l-awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ servizzi legali extraġudizzjarji fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-għan tagħha huwa li tipproteġi lill-partijiet f’kawża, ir-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-ordinament ġuridiku minn servizzi legali li ma jiġux ipprovduti minn persuni kkwalifikati. […]” |
|
8. |
L-Artikolu 2 tar-RDG, intitolat “Kunċett ta’ servizz legali”, jipprovdi: “1) Jikkostitwixxi servizz legali kull attività fi kwistjonijiet konkreti ta’ ħaddieħor, hekk kif din teħtieġ eżami legali tal-każ partikolari. 2) Indipendentement mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, jikkostitwixxi servizz legali l-irkupru ta’ krediti ta’ ħaddieħor jew ta’ krediti ittrasferiti għall-finijiet ta’ rkupru f’isem ħaddieħor, meta l-attività ta’ rkupru ta’ krediti tkun tikkostitwixxi attività distinta, inkluż fir-rigward tal-eżami u l-konsulenza legali relatati mal-irkupru (servizz ta’ rkupru). Il-krediti ttrasferiti ma humiex ikkunsidrati, fir-rigward tal-ewwel kreditur, bħala krediti ta’ ħaddieħor. […]” |
|
9. |
Skont l-Artikolu 3 tar-RDG, intitolat “Awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ servizzi legali extraġudizzjarji”: “Il-provvista, b’mod indipendenti, ta’ servizzi legali extraġudizzjarji hija permessa biss sa fejn awtorizzat minn din il-liġi, minn liġijiet oħra jew fuq il-bażi ta’ liġijiet oħra.” |
|
10. |
L-Artikolu 10 tar-RDG jipprovdi b’mod partikolari: “1) Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kif ukoll il-kumpanniji li ma għandhomx personalità ġuridika, irreġistrati mal-awtorità kompetenti (persuni rreġistrati), jistgħu jipprovdu, fuq il-bażi ta’ għarfien espert partikolari, servizzi legali fl-oqsma li ġejjin: 1. servizzi ta’ rkupru […]”. |
|
11. |
L-Artikolu 11 tar-RDG, intitolat “Għarfien espert, denominazzjonijiet professjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Is-servizzi ta’ rkupru jeħtieġu għarfien espert fl-oqsma ta’ dritt rilevanti għall-attività mitluba, b’mod partikolari dawk tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt dwar it-titoli u tad-dritt tal-kumpanniji, tad-dritt tal-proċedura ċivili, inkluż tad-dritt tal-eżekuzzjoni forzata u tad-dritt tal-insolvenza kif ukoll tad-dritt dwar il-kosti u l-ispejjeż.” |
|
12. |
L-Artikolu 12 tar-RDG jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni u għall-awtorizzazzjoni regolatorja. Fih jissemma l-għarfien espert teoretiku u prattiku fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi. |
|
13. |
Skont l-Artikoli 2 u 4 tar-Rechtsdienstleistungsverordnung (ir-Regolament dwar is-Servizzi Legali) ( 6 ), il-prova tal-għarfien espert teoretiku meħtieġ skont l-Artikolu 12 tar-RDG tista’ tirriżulta, inter alia, minn ċertifikat tat-tlestija ta’ taħriġ ta’ mill-inqas 120 siegħa li jista’ jippermetti l-kisba tal-konoxxenzi kollha neċessarji għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tar-RDG. |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari
|
14. |
Fil‑31 ta’ Marzu 2020, ASG 2 Ausgleichsgesellschaft für die Sägeindustrie Nordrhein-Westfalen GmbH (iktar ’il quddiem “ASG 2”) ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Dortmund (il-Qorti Reġjonali ta’ Dortmund, il-Ġermanja), abbażi tad-drittijiet li kienu ttrasferewlha 32 segerija stabbiliti fil-Ġermanja, fil-Belġju u fil-Lussemburgu. ASG 2 titlob danni minħabba d-dannu kkawżat minn akkordju. F’din il-proċedura, qiegħed jiġi lmentat li l-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja), bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-inqas matul il-perijodu mit‑28 ta’ Ġunju 2005 sat‑30 ta’ Ġunju 2019, armonizza l-prezzijiet tal-virguni koniferi (iktar ’il quddiem l-“injam tond”) għalih innifsu kif ukoll għal proprjetarji tal-foresti oħra stabbiliti f’dan il-Land. |
|
15. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) kienet investigat din il-prattika qabel il-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali. Fl‑2009, abbażi tal-Artikolu 32b tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra r-Restrizzjonijiet għall-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“GWB”), din l-awtorità kienet adottat deċiżjoni ta’ impenji bbażata fuq id-dritt Ġermaniż u l-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen kif ukoll tal-Länder l-oħra involuti b’mod simili fil-kummerċjalizzazzjoni tal-injam tond (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ impenji tal‑2009”). |
|
16. |
Fl‑2012, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni fetħet investigazzjoni ġdida dwar il-kundizzjonijiet tas-suq ikkonċernat, fir-rigward tal-Land ta’ Baden-Württemberg (il-Ġermanja). Abbażi tal-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni, din l-awtorità annullat id-deċiżjoni ta’ impenji tal-2009 u ħarġet, skont l-Artikolu 32 tal-GWB, ordni ta’ waqfien, li madankollu ġiet sussegwentement annullata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). Fir-rigward tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, ma teżistix deċiżjoni oħra minbarra d-deċiżjoni ta’ impenji tal-2009. |
|
17. |
Is-segeriji kkonċernati issa qegħdin jitolbu lil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen kumpens għad-dannu mġarrab mit‑28 ta’ Ġunju 2005 relatat mal-prezzijiet allegatament eċċessivi li bihom huma xtraw injam tond li joriġina mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, minħabba l-akkordju inkwistjoni. |
|
18. |
Kull waħda mis-segeriji kkonċernati inkarigat lil ASG 2 sabiex tinvoka d-dritt tagħha għal kumpens, dritt li huma ttrasferewlha għal dan l-għan. ASG 2 għandha, bħala “fornitur ta’ servizzi legali”, fis-sens tar-RDG, awtorizzazzjoni bis-saħħa ta’ din il-liġi. |
|
19. |
ASG 2 invokat id-drittijiet taċ-ċedenti f’isimha u bi spejjeż tagħha stess, iżda għan-nom taċ-ċedenti, b’mod kollettiv, l-ewwel permezz ta’ mezzi extraġudizzjarji u, sussegwentement, permezz ta’ rimedju ġudizzjarju quddiem il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ avukat. |
|
20. |
Il-kreditu għal kumpens għad-dannu kkawżat mill-akkordju joriġina minn diversi mijiet ta’ eluf ta’ euro ta’ xiri ta’ injam tond mis-segeriji kkonċernati. Għal kull ċedent, l-ammont ta’ dan ix-xiri jammonta għal diversi eluf, jew saħansitra għexieren ta’ eluf ta’ tranżazzjonijiet. Bħala korrispettiv, iċ-ċedenti wegħdu lil ASG 2 il-ħlas ta’ onorarji f’każ ta’ suċċess. |
|
21. |
Il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen jikkontesta r-rikors f’dak li jirrigwarda kemm il-mertu kif ukoll il-locus standi ta’ ASG 2. Fil-fatt, it-trasferimenti favur ASG 2 qiegħed jingħad li saru bi ksur tar-RDG u, konsegwentement, huma nulli bis-saħħa tad-dritt Ġermaniż. |
|
22. |
Il-qorti tar-rinviju donnha taqbel mal-pożizzjoni tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen u tqis li, fid-dawl tad-dritt Ġermaniż, it-trasferimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma vvizzjati b’nullità. |
|
23. |
Fil-fatt, din il-qorti tispjega li, fid-dritt Ġermaniż, id-drittijiet tal-partijiet fil-kawża jistgħu jinġabru flimkien sabiex sussegwentement jiġu invokati quddiem qorti permezz tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu (“Abtretungsmodelle”), ikklassifikat ukoll bħala “azzjoni kollettiva ta’ rkupru” (“Sammelklage-Inkasso”). Fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu, persuni allegatament leżi jittrasferixxu l-krediti preżunti tagħhom lil fornitur ta’ servizzi legali li jkun irċieva l-awtorizzazzjoni prevista mir-RDG u li jinvoka dawn il-krediti kollettivi f’ismu u bi spejjeż tiegħu stess għan-nom taċ-ċedenti, inkambju għal kummissjoni f’każ ta’ suċċess. |
|
24. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-azzjoni kollettiva għal irkupru hija aċċettata mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) f’diversi oqsma legali, jiġifieri fid-dritt tal-kiri, għat-talbiet ibbażati fuq id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru kif ukoll għall-azzjonijiet għad-danni magħmula fil-kuntest tal-iskandlu magħruf bħala “dieselgate”. |
|
25. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għad ma kellhiex l-opportunità li tesprimi ruħha dwar il-problema tal-konformità ta’ azzjoni kollettiva għall-irkupru fil-kuntest speċifiku tal-kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju. Min-naħa l-oħra, tali azzjoni ma hijiex ammessa mill-qrati inferjuri f’dan il-kuntest speċifiku, u b’mod iktar partikolari fil-każ ta’ azzjonijiet indipendenti mill-konstatazzjonijiet eventwali tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (azzjonijiet imsejħa “stand-alone”). |
|
26. |
Fil-fatt, skont dawn il-qrati, il-kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju huwa partikolarment kumpless u jeżisti riskju ta’ kunflitt ta’ interessi. Barra minn hekk, minkejja l-obbligu legali li jiċċertifikaw l-għarfien espert tagħhom, il-fornituri tas-servizzi ta’ rkupru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-RDG rarament ikunu esperti f’dan il-qasam. |
|
27. |
Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-karatteristiċi tal-kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju huma partikolarment importanti fil-kuntest ta’ azzjoni indipendenti (“stand-alone”). Fil-fatt, fl-assenza ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, tali azzjoni timplika l-eżami ta’ diversi elementi li ma jaqgħux prinċipalment taħt id-dritt ċivili u li huwa “impossibbli li jiġi kkontrollat minn qabel u mingħajr diffikultajiet”. |
|
28. |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li, fl-assenza ta’ tali konstatazzjoni ta’ ksur, ir-rikors għal azzjoni kollettiva għall-irkupru bl-għan li jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju b’hekk imur nettament lil hinn mill-kuntest tal-attivitajiet extraġudizzjarji li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ rkupru”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-RDG, jiġifieri s-servizzi limitati għal eżami ġuridiku tal-krediti u għal konsulenza minn espert, li l-għan tiegħu huwa l-irkupru tal-krediti, fis-sens tal-Artikoli 2 u 11 tar-RDG, moqrija flimkien mal-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament dwar is-servizzi legali. |
|
29. |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma nulli u li, għaldaqstant, l-azzjoni kollettiva għall-irkupru li hija bbażata fuqhom għandha tiġi miċħuda mingħajr eżami tal-mertu, minħabba n-nuqqas ta’ locus standi. Barra minn hekk, din l-azzjoni lanqas ma għandha effett sospensiv tal-preskrizzjoni fir-rigward taċ-ċedenti, li għalhekk ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jinvokaw it-talbiet tagħhom fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi ta’ dritt proprju. |
|
30. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dritt Ġermaniż ma jipprevedix rimedji ekwivalenti oħra sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens ta’ “ħsara tal-massa” jew ta’ “ħsara mifruxa” fil-kawżi dwar akkordji. |
|
31. |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tosserva li parti importanti mill-mekkaniżmi previsti fid-dritt Ġermaniż ma hijiex applikabbli għall-azzjonijiet għal kumpens magħmulin mill-impriżi. |
|
32. |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tindika li, ċertament, fid-dritt Ġermaniż jeżisti trasferiment ta’ kreditu fil-forma ta’ fatturazzjoni “vera”, jiġifieri mhux trasferiment sempliċement fiduċjarju iżda trasferiment sħiħ tal-kreditu ta’ terz. Madankollu, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-kumpens għal dannu fil-qasam tal-akkordji, dan il-mekkaniżmu ma jikkostitwixxix għażla valida. Id-determinazzjoni tal-prezz tax-xiri u l-valutazzjoni kontabbli jqajmu diffikultajiet kbar, sa fejn l-ammont tal-kumpens ma jkunx magħruf. Għaldaqstant, il-krediti jistgħu jinbiegħu għal frazzjoni tal-valur nominali tagħhom, b’mod li l-partijiet leżi jkollhom it-tendenza li jirrinunzjaw kompletament għal kull prospett ta’ tpaċija. Tali trasferiment ta’ kreditu għalhekk ma jippermettix realment li jiġu rkuprati l-krediti għal kumpens. |
|
33. |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-ġabra flimkien ta’ krediti fil-kuntest ta’ skema ta’ litisconsortium, jiġifieri fil-forma ta’ rikors komuni ta’ diversi ċedenti, lanqas ma jikkostitwixxi għażla valida. Fil-fatt, minn naħa, tali rikors ikun diffiċilment konċepibbli fl-assenza ta’ fornitur li jiżgura l-organizzazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, azzjoni ppreżentata skont skema ta’ litisconsortium twassal biss għal għaqda formali tar-rikorsi, peress li dawn jistgħu jkunu sseparati. |
|
34. |
Il-qorti tar-rinviju tindika madankollu li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 26 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u minkejja l-assenza ta’ għażla valida oħra, hija għandha tikkunsidra li t-trasferimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma nulli u tiċħad ir-rikors ippreżentat quddiemha. |
|
35. |
Huwa f’dan il-kuntest li tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-interpretazzjoni tar-RDG mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li għandha l-effett li tipprojbixxi l-irkupru tad-danni kkawżati minn akkordju permezz tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Fil-fatt, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludi interpretazzjoni tar-RDG li għandha tali effett, il-qorti tar-rinviju jkollha tħalli din il-liġi mhux applikata, b’tali mod li t-trasferimenti jkollhom jitqiesu li huma validi. Din il-qorti tqis li interpretazzjoni tar-RDG konformi mad-dritt tal-Unjoni ma hijiex possibbli, sa fejn din l-interpretazzjoni tkun contra legem. |
|
36. |
Għall-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tar-RDG li għandha l-effett il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun f’kunflitt mad-Direttiva 2014/104 kif ukoll mal-prinċipji ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
37. |
B’mod iktar konkret, fl-ewwel lok u fir-rigward tad-Direttiva 2014/104, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-Artikolu 3(1) u t-tielet xenarju tal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Skont din il-qorti, dawn id-dispożizzjonijiet jikkonfermaw id-dritt tal-persuni leżi li jiksbu l-kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat minn akkordju u jestendu dan id-dritt għall-persuni “li [jkunu] is-suċċessur[i] tad-dritt tal-parti li allegatament ġarrbet il-ħsara, inkluża l-persuna li akkwistat il-pretensjoni”. Barra minn hekk, fir-rigward tat-tielet xenarju imsemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, dan jirrigwarda preċiżament il-mekkaniżmu ta’ trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-istess direttiva ma tħalli ebda marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri. Il-qorti tar-rinviju ssostni li, filwaqt li t-tieni xenarju msemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 2 jirreferi għad-dritt intern ta’ Stat Membru (“xi ħadd li jaġixxi f’isem wieħed jew aktar partijiet li allegatament ġarrbu ħsara meta l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali tipprevedi għal dik il-possibbiltà” ( 7 )), it-tielet xenarju ma jinkludix riferiment komparabbli għal dak li jirrigwarda t-trasferiment. |
|
38. |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tindika li għandha dubji fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 101 TFUE u mal-Artikolu 4(3) TUE tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalkemm, kif tipprovdi l-ġurisprudenza ( 8 )“kull persuna” tista’ titlob kumpens sħiħ għad-dannu li tkun ġarrbet minħabba ksur tal-liġi dwar l-akkordji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effettività ta’ dan id-dritt u, b’mod partikolari, ma jagħmlux l-eżerċizzju tiegħu impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, li l-persuni leżi ma għandhomx jiġu mċaħħda mill-possibbiltà, “mifruxa f’diversi oqsma tad-dritt”, li jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom għal kumpens lil impriżi speċjalizzati, b’mod partikolari minħabba diffikultajiet li dawn il-persuni jista’ jkollhom sabiex jirkupraw huma stess dawn il-krediti ( 9 ). |
|
39. |
Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Dan il-prinċipju jagħti lil kull persuna d-dritt għal rimedju effettiv li jkun realment ta’ natura li jiżgura r-rispett tas-sitwazzjoni legali protetta mid-dritt tal-Unjoni. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata. |
|
40. |
Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li, skont is-sentenza Alassini et ( 10 ) ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jista’ eċċezzjonalment jiġi kkunsidrat, “bil-kundizzjoni li [l-interferenza tirrispondi] effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti”. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, wieħed jista’ jimmaġina miżuri inqas restrittivi mill-projbizzjoni totali tal-irkupru tad-danni. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sustanza tagħha, peress li kull protezzjoni effettiva hija rrifjutata lil persuni li jistgħu jkunu leżi minn akkordju. |
|
41. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Dortmund (il-Qorti Reġjonali ta’ Dortmund) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
42. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni ta’ Otto Fuchs Beteiligungen KG (iktar ’il quddiem “Otto Fuchs”), dawn il-partijiet kollha pparteċipaw fis-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2024. |
IV. Analiżi
|
43. |
F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ressqet tliet domandi preliminari. |
|
44. |
L-ewwel żewġ domandi jirrigwardaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha l-effett li tipprojbixxi l-irkupru tad-danni kkawżati minn akkordju permezz tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu. Fir-rigward tat-tielet domanda, din tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju tistax tħalli mhux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Din l-aħħar domanda tressqet biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal mill-inqas waħda mill-ewwel żewġ domandi. |
|
45. |
Qabel ma nindirizza l-mertu ta’ dawn iż-żewġ domandi, jidher neċessarju li nagħmel xi rimarki preliminari qosra dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
A. L-ewwel u t-tieni domanda preliminari – il-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu
1. Fuq l‑ammissibbiltà
a) Fuq l‑ewwel domanda preliminari
|
46. |
Otto Fuchs, il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen u l-Kummissjoni jsostnu li, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma hijiex adita b’azzjoni “follow-on”, iżda b’azzjoni indipendenti, l-ewwel domanda ma hijiex ammissibbli, peress li manifestament ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
47. |
Jiena naqbel ma’ dan l-argument. |
|
48. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li d-domandi preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ dritt sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 11 ). |
|
49. |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita sew li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti dwar l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari. |
|
50. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tagħmel distinzjoni bejn l-ewwel domanda u t-tieni domanda billi tagħmel riferiment għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel domanda tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn azzjoni għad-danni titressaq wara l-konstatazzjoni “b’mod vinkolanti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni permezz ta’ deċiżjoni definittiva ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell (azzjoni “follow-on”), it-tieni domanda tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn azzjoni għad-danni titressaq fl-assenza ta’ tali deċiżjoni (azzjoni “stand-alone”). |
|
51. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li ASG 2 ippreżentat rikors uniku quddiem il-qorti tar-rinviju li jikkonċerna l-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, waħda mill-ewwel żewġ domandi ma tikkorrispondi la mar-realtà u lanqas mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
|
52. |
F’dan ir-rigward, bis-saħħa tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkonstatat minn deċiżjoni definittiva ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell titqies li hija stabbilita b’mod inkonfutabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 101 jew 102 TFUE jew skont id-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, skont il-punt 11 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “deċiżjoni dwar ksur” tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jew ta’ qorti tal-appell li tikkonkludi l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-punt 12 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jispjega li tali deċiżjoni hija definittiva meta ma tkunx tista’ tiġi appellata iktar permezz tar-rimedji ordinarji. |
|
53. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, fir-rigward tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, ma teżisti ebda deċiżjoni oħra ħlief id-deċiżjoni ta’ impenji tal‑2009 ( 12 ). Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk din id-deċiżjoni tikkonkludix li jeżisti ksur u, minħabba f’hekk, tipproduċix l-effetti legali deskritti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104. |
|
54. |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni stabbilixxiet, fid-deċiżjoni ta’ impenji tal‑2009, għal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, limiti konkreti fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-injam kif ukoll miżuri intiżi sabiex jirrestrinġu l-pożizzjoni tiegħu fis-suq. Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li l-imsemmija deċiżjoni ttieħdet abbażi tal-Artikolu 32b tal-GWB. |
|
55. |
Għalkemm l-Artikolu 32b tal-GWB ma huwiex riprodott fit-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi, kif tammetti l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, għal dik tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 13 ). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż tipprevedi, bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, li meta impriża toffri, fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija minn din l-awtorità, impenji ta’ natura li jindirizzaw it-tħassib li l-imsemmija awtorità tkun informatha dwarhom fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, l-istess awtorità tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tirrendi dawn l-impenji obbligatorji għall-impriżi ( 14 ). Barra minn hekk, kif tipprevedi t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, l-effetti ta’ tali deċiżjoni jistgħu jiġu limitati ratione temporis ( 15 ) iżda hija tikkonkludi, fi kwalunkwe każ, li ma għadx hemm lok li l-awtorità kkonċernata taġixxi ( 16 ). Fl-aħħar nett, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni tista’ tirrevoka d-deċiżjoni tagħha fi kważi l-istess sitwazzjonijiet bħal dawk elenkati fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tiftaħ mill-ġdid tal-proċedura ( 17 ). |
|
56. |
Deċiżjoni ta’ impenji adottata abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 ma tinkludix konstatazzjoni definittiva dwar ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fil-fatt, l-għeluq tal-proċedura ta’ ksur mibdija kontra impriżi wara deċiżjoni ta’ impenji jippermettilhom jevitaw il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-eventwali impożizzjoni ta’ multa ( 18 ). F’din il-linja ta’ ħsieb, kif tiċċara l-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003, tali deċiżjonijiet għandhom jikkonstataw li ma hemmx iktar lok li l-Kummissjoni taġixxi, “mingħajr ma tikkonkludi jekk kienx hemm jew għadx hemm xi ksur”. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni hija meħlusa mill-obbligu li tikklassifika u li tikkonstata l-ksur, peress li r-rwol tagħha huwa limitat għall-eżami u għall-aċċettazzjoni eventwali tal-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, fid-dawl tal-problemi li hija identifikat fl-evalwazzjoni preliminari tagħha u fid-dawl tal-għanijiet tagħha ( 19 ). |
|
57. |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jinjoraw id-deċiżjonijiet ta’ impenji adottati mill-Kummissjoni u li “l-għan ta’ applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikjed[i] li l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u li tikkunsidraha bħala indizju, jew saħansitra bħala provi prima facie, tan-natura antikompetittiva tal-ftehim inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE” ( 20 ). Madankollu, din is-silta ma tistax tinftiehem fis-sens li deċiżjoni ta’ impenji tinkludi kwalunkwe konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
|
58. |
Fil-fatt, l-imsemmija silta ma tirrigwardax xi deċiżjoni ta’ impenji, iżda “l-evalwazzjoni preliminari” tal-Kummissjoni li, jekk ikun il-każ, tista’ tesponi fatti ta’ ċertu valur probatorju għal azzjoni għad-danni mressqa quddiem qorti nazzjonali. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja stess, dan il-valur probatorju huwa paragunabbli ma’ dak ta’ indizju jew ta’ prova prima facie, mingħajr madankollu ma hija prova li, meħuda waħedha, tippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
|
59. |
Xejn ma jissuġġerixxi li, fid-dritt Ġermaniż, deċiżjoni ta’ impenji adottata abbażi tal-Artikolu 32b tal-GWB tipproduċi effetti li jmorru lil hinn minn dawk ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, sa fejn id-deċiżjoni ta’ impenji tal‑2009 ma tikkonkludix li jeżisti ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, din id-deċiżjoni ma tistax tipproduċi l-effetti msemmija fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ewwel domanda ma tikkorrispondix mar-realtà u lanqas mas-suġġett tal-kawża prinċipali u li għalhekk hija inammissibbli. |
|
60. |
Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni li, minħabba l-eżistenza tad-deċiżjoni ta’ impenji tal‑2009 kif ukoll minħabba l-proċeduri mibdija quddiem il-qrati Ġermaniżi b’rabta ma’ din id-deċiżjoni, il-kawża prinċipali tikkostitwixxi azzjoni ta’ segwitu ibrida. Skont din l-awtorità, tali azzjoni tinsab bejn azzjoni ta’ segwitu (azzjoni “follow-on”) u azzjoni indipendenti (azzjoni “stand-alone”). Issa, l-imsemmija awtorità tammetti li, fil-kuntest ta’ tali azzjoni ta’ segwitu ibrida, il-prova tad-dannu hija ffaċilitata mill-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ awtorità nazzjonali għal fatti paragunabbli, totalment jew parzjalment, ma’ dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104. |
|
61. |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli. Bla ħsara għall-argument dwar in-natura indipendenti tal-azzjoni għad-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għadni kif analizzajt, l-argumenti l-oħra ta’ Otto Fuchs u tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen ma humiex ta’ natura li jwasslu għall-konstatazzjoni tal-inammissibbiltà tal-ewwel domanda. Madankollu, ser nanalizza dawn l-argumenti sa fejn, minn naħa, l-eżami tagħhom jista’ jkun utli għall-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-pożizzjoni tiegħi dwar l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda u, min-naħa l-oħra, tressqu insostenn tal-argument li t-tieni domanda lanqas ma hija ammissibbli. |
b) Fuq it‑tieni domanda preliminari
|
62. |
Otto Fuchs u l-Land Nordrhein-Westfalen ressqu sensiela ta’ argumenti insostenn tal-argument li t-tieni domanda preliminari ma hijiex ammissibbli. |
|
63. |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, dawn il-partijiet jaffermaw li, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tifformulax domanda miftuħa, flimkien mad-diversi risposti previsti, hija ma għandha ebda dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, din il-qorti tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex konformi magħha. |
|
64. |
Dan l-argument għandu jiġi miċħud. It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u hija marbuta mal-kawża prinċipali. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk għandhiex bżonn tikseb kjarifiki mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni. Il-formulazzjoni kategorika ta’ ċerti kunsiderazzjonijiet ta’ din il-qorti lanqas ma tikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari tagħha. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, qorti nazzjonali tista’ wkoll tindika b’mod konċiż l-opinjoni tagħha dwar ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari magħmula ( 21 ), mingħajr ir-riskju li d-deċiżjoni tagħha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. F’dan il-każ, dan huwa eżattament dak li għamlet il-qorti tar-rinviju. |
|
65. |
Fit-tieni lok, lanqas ma hemm lok li jintlaqa’ l-argument li t-tieni domanda hija ipotetika sa fejn din tirreferi għal danni msejħa “mifruxa” u hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-“prosekuzzjoni ta’ danni minuri tkun prattikament impossibbli jew għall-inqas eċċessivament diffiċli” jekk it-talbiet għal kumpens ibbażati fuq id-dritt tal-akkordji ma jkunux jistgħu jitressqu b’mod kollettiv permezz ta’ azzjoni kollettiva ta’ rkupru, filwaqt li l-kawża prinċipali la għandha bħala suġġett danni mifruxa u lanqas danni ta’ ammont żgħir. |
|
66. |
F’dan ir-rigward, għandi nirrileva li l-kunċetti ta’ dannu “mifrux” jew “ta’ ammont żgħir” ma jikkostitwixxux kunċetti tad-dritt tal-Unjoni. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn il-kunċetti huma ta’ natura deskrittiva u l-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “danni mifruxa” (“Streuschäden”) huwa ddefinit, mill-qorti tar-rinviju, bħala li jirreferi għad-danni li l-karatteristika tagħhom hija li jirrappreżentaw, għall-persuna leża, dannu minimu, iżda li l-ammont tagħhom ikun għoli meta jingħaddu flimkien il-persuni leżi kollha. Il-kunċett ta’ “danni tal-massa” (“Massenschäden”), użat ukoll fid-domandi preliminari, ma huwiex iddefinit minn din il-qorti, iżda jidher li jirreferi għas-sitwazzjoni li fiha diversi persuni jallegaw li sofrew dannu fil-forma ta’ telf ikkawżat mill-istess fatt kawżali. Id-duttrina ssostni li d-danni tal-massa huma distinti mid-danni mifruxa wkoll minħabba l-portata tad-danni mġarrba minn kull persuna individwalment. Id-danni tal-massa huma sinjifikattivi biżżejjed sabiex kull individwu jkollu interess li jitlob kumpens għad-dannu mġarrab. Madankollu, il-proċedura għall-kisba tagħhom hija kumplessa u għalja għal kull persuna leża ( 22 ). |
|
67. |
Fit-tielet lok, Otto Fuchs u l-Land ta’ Nordrhein-Westfalen jikkritikaw lill-qorti tar-rinviju talli bbażat id-deċiżjoni tar-rinviju tagħha fuq l-ipoteżi li, minn naħa, ma teżistix għażla oħra ħlief l-azzjoni kollettiva għall-irkupru u li, min-naħa l-oħra, li kieku t-talbiet għal kumpens ibbażati fuq id-dritt tal-akkordji ma setgħux jiġu eżerċitati b’mod kollettiv permezz ta’ tali azzjoni kollettiva għall-irkupru, ikun prattikament impossibbli jew, fi kwalunkwe każ, eċċessivament diffiċli li tiġi eżerċitata azzjoni għad-danni ta’ ammont żgħir u l-ebda azzjoni bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma tkun ippreżentata, la fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-isfera pubblika, u lanqas fil-kuntest tal-implimentazzjoni tagħhom mill-isfera privata. |
|
68. |
F’dan ir-rigward, ċertament, il-konstatazzjonijiet dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv huma premessi li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari. Huwa minnu wkoll li wħud mill-partijiet għamlu rimarki intiżi sabiex jikkompletaw jew jikkontestaw il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali. Essenzjalment, dawn il-partijiet jikkritikaw il-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li, fid-dritt Ġermaniż, ma teżisti ebda għażla, bħala rimedju effettiv, minbarra l-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ krediti li jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni leżi. |
|
69. |
Issa, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ mekkaniżmi oħra li jippermettu lill-persuni leżi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kontra l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni taqa’ taħt l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, meta l-qorti tar-rinviju tkun iddefinixxiet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom ( 23 ). Bl-istess mod, fir-rigward tal-kritika dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-deċiżjoni tar-rinviju inkwistjoni f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tista’ tissostitwixxi lilha nnifisha għal qorti nazzjonali u tirrispondi għaliha. |
|
70. |
Madankollu, sa fejn il-konstatazzjonijiet dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jikkostitwixxu premessi li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġbed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju fuq din il-kritika, sabiex tippermettilha tiddetermina kif tapplika d-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tiddeċiedi dwar id-deċiżjoni tar-rinviju huwa bla ħsara għall-possibbiltà, għall-qorti tar-rinviju, li tipproċedi, jekk ikun il-każ, għall-verifika tal-premessi li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari tagħha ( 24 ). |
|
71. |
Bla ħsara għal dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni domanda hija ammissibbli. |
2. Fuq il‑mertu
|
72. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE, il-punt 4 tal-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/104 tagħha kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha l-effett li teskludi, fl-assenza ta’ deċiżjoni definittiva li tikkonkludi li jeżisti ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, it-trasferiment fuq bażi fiduċjarja tad-drittijiet għal kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju minn persuni allegatament leżi lil fornitur awtorizzat ta’ servizzi legali, sabiex dan jinvoka dawn id-drittijiet b’mod kollettiv, meta ma jeżistux possibbiltajiet legali jew kuntrattwali oħra ta’ ġabra flimkien ta’ djun kumpensatorji li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti, bil-konsegwenza, minn naħa, li jkun prattikament impossibbli jew, tal-inqas, eċċessivament diffiċli li tiġi eżerċitata azzjoni għal danni ta’ ammont żgħir u, min-naħa l-oħra, ebda azzjoni bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma tkun ippreżentata, la fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-isfera pubblika, u lanqas fil-kuntest tal-implimentazzjoni tagħhom mill-isfera privata. |
a) Fuq id‑dispożizzjonijiet rilevanti
|
73. |
It-tieni domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104. Sa fejn din id-domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, hemm lok li jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha. Sussegwentement, ser nanalizza fil-qosor ir-rilevanza tal-Artikolu 4(3) TUE. |
|
74. |
Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-punt 4 tal-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/104, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba, huma applikabbli f’dan il-każ, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex regoli proċedurali jew sostantivi. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha huma applikabbli għall-azzjonijiet għad-danni mressqa wara s‑26 ta’ Diċembru 2014. Barra minn hekk, din il-qorti tfakkar li r-rikors fil-kawża prinċipali jirrigwarda aġir allegatament ipprattikat sat‑30 ta’ Ġunju 2019, ħafna wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, b’applikazzjoni tas-sentenza Volvo u DAF Trucks ( 25 ) ir-regoli sostantivi tal-istess direttiva għandhom jiġu applikati mhux biss għall-parti tal-perijodu ta’ akkordju wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, iżda wkoll għall-perijodu kollu tal-akkordju. |
|
75. |
Għalkemm inqis li d-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni domanda preliminari huma applikabbli fil-kawża prinċipali, ma iniex konvint mill-analiżi tal-qorti tar-rinviju. |
|
76. |
Infakkar li r-rikors ġie ppreżentat fil‑31 ta’ Marzu 2020 u jirrigwarda l-kumpens għad‑danni kkawżati minn prattiki allegati li seħħew bejn it‑28 ta’ Ġunju 2005 u t‑30 ta’ Ġunju 2019. |
|
77. |
It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 ġie stabbilit għas‑27 ta’ Diċembru 2016 (Artikolu 21(1)). Barra minn hekk, il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-direttiva ma jistgħux japplikaw retroattivament (Artikolu 22(1)), filwaqt li r-regoli nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva, jiġifieri d-dispożizzjonijiet proċedurali, ma jistgħux japplikaw għal azzjonijiet għad-danni li tressqu quddiem qorti nazzjonali qabel is‑26 ta’ Diċembru 2014 (Artikolu 22(2)) ( 26 ). |
|
78. |
Għalhekk, a priori, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjoni kkonċernata hijiex jew le dispożizzjoni sostantiva. Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, għandha ssir distinzjoni skont jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultawx, fid-dawl tal-ġurisprudenza, mill-Artikolu 101 TFUE stess jew jekk jirriżultawx biss mill-imsemmija direttiva, li joħloq l-obbligu li tiġi eżaminata l-applikabbiltà ratione temporis tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 22 tal-istess direttiva ( 27 ). |
|
79. |
Id-dritt għal kumpens sħiħ għal dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma ġiex stabbilit mid-Direttiva 2014/104, iżda jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha preċedenti għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva. Diversi premessi tal-imsemmija direttiva jikkonfermaw din il-kunsiderazzjoni ( 28 ). Konsegwentement, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva “għandhom neċessarjament japplikaw b’effett immedjat għall-azzjonijiet kollha għal danni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva, kif ikkonfermat mill-Artikolu 22(2) ta’ din” ( 29 ). F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-data tal-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2020, sew wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħol mingħajr dubju fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha. Konsegwentement, l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva japplika fil-kawża prinċipali. |
|
80. |
Il-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104 fil-kawża prinċipali hija iktar problematika. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 2 jinkludi, kif jindika t-titolu tiegħu, id-definizzjonijiet tal-kunċetti użati f’din id-direttiva. Mad-daqqa ta’ għajn, definizzjoni ta’ kunċett legali użat f’att tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex ta’ natura sostanzjali jew proċedurali. In-natura tiegħu hija pjuttost iddeterminata mid-dispożizzjoni speċifika li magħha huwa marbut dan il-kunċett. |
|
81. |
Madankollu, it-tieni domanda hija bbażata fuq qari tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104 li jgħid li din id-direttiva tiddetermina min jista’ jinvoka dritt għal kumpens sħiħ għal dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew eventwalment b’liema mod jista’ jiġi invokat tali dritt. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li l-effett iggarantit minn din id-dispożizzjoni jirriżulta mill-Artikolu 101 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. Għalhekk nipproponi li jiġi kkunsidrat li l-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104 huwa applikabbli fil-kawża prinċipali, konformement mas-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva li jikkonfermaw is-soluzzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt primarju ( 30 ). Fi kliem ieħor, l-interpretazzjoni li ser nippreżenta iktar ’il quddiem tikkonċerna kemm l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104. |
|
82. |
Fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 4(3) TUE. Il-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju jissuġġerixxi li din il-qorti tassimila din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ effettività jew mal-effett utli tal-Artikolu 101 TFUE. Madankollu, huwa biżżejjed li din l-aħħar dispożizzjoni tiġi interpretata sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni kemm dwar il-prinċipju ta’ effettività kif ukoll dwar l-effettività tagħha ( 31 ). Barra minn hekk, taħt id-Direttiva 2014/104, huwa l-Artikolu 4 tagħha li jinkludi l-prinċipju ta’ effettività u għalhekk hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata wkoll. Konsegwentement, nipproponi li jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 47 tal-Karta u l-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104 kif ukoll l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tagħha. |
b) Fuq il‑projbizzjoni tal‑mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu
1) Osservazzjonijiet ġenerali
|
83. |
Sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, għandu jiġi ddeterminat minn qabel jekk l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha l-effett li teskludi, fl-assenza ta’ deċiżjoni definittiva li tikkonkludi li jeżisti ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, it-trasferiment fuq bażi fiduċjarja tad-drittijiet għal kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju minn persuni allegatament leżi lil fornitur awtorizzat ta’ servizzi legali, tirrigwardax aspett irregolat direttament mid-dritt tal-Unjoni jew kwistjoni li taqa’ taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru. |
|
84. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ċċaħħadx lill-persuna li ġarrbet dannu kkawżat minn akkordju mill-kwalità tagħha ta’ vittma ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-projbizzjoni tirriżulta min-nullità tat-trasferiment tad-dritt ta’ din il-persuna lil fornitur awtorizzat ta’ servizzi legali li, f’ismu stess u bi spejjeż tiegħu stess, iżda għan-nom taċ-ċedenti, jinvoka d-drittijiet taċ-ċedenti b’mod kollettiv. Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, għandu jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet tal-validità tat-trasferiment tad-dritt għal kumpens għad-dannu humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali applikabbli. |
2) Id‑distinzjoni bejn il‑kundizzjonijiet li jikkostitwixxu d‑dritt għal kumpens għad‑dannu u l‑modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt
|
85. |
Jidhirli li huwa opportun li titfakkar id-distinzjoni magħmula mill-Avukati Ġenerali Kokott u Wahl bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu d-dritt li jintalbu danni u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Essenzjalment, skont dawn l-Avukati Ġenerali, filwaqt li tal-ewwel jaqgħu direttament taħt id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li miżura nazzjonali li tmur kontra l-effett dirett tiegħu għandha tiġi eskluża, tat-tieni jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali u huma suġġetti għal-limitazzjonijiet klassiċi tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ( 32 ). |
|
86. |
Jiena naqbel ma’ din l-interpretazzjoni għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
87. |
Fl-ewwel lok, din id-dikotomija tirriżulta mit-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Minn naħa, skont l-Artikolu 3(1)(b) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern. Min-naħa l-oħra, regoli oħra applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni li ma jaqgħux fil-kamp ta’ din il-kompetenza esklużiva jaqgħu, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. |
|
88. |
L-Artikolu 101 TFUE jaqa’ taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni li, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1)(c) TFUE, huma neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern ( 33 ). |
|
89. |
Issa, id-dritt għal kumpens għal dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE jmur lil hinn mis-sempliċi kumpens għad-dannu mġarrab mill-persuni leżi, peress li jsaħħaħ, b’mod iktar ġenerali, in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-ftehimiet jew il-prattiki, spiss moħbija, li jistgħu jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni ( 34 ). L-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-isfera privata hija wkoll neċessarja għall-funzjonament tas-suq intern. Għaldaqstant, l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-eżistenza u l-kontenut essenzjali tad-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE għandu jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, huwa kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mill-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni ( 35 ). |
|
90. |
Fit-tieni lok, minkejja li ma rrikonoxxietx espressament id-distinzjoni magħmula mill-Avukati Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għaliha fil-ġurisprudenza tagħha. B’mod partikolari, hija indikat li, b’differenza mir-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ, li jaqgħu, fl-assenza tar-regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, l-elementi kostituttivi tal-ksur kellhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi kkonstatat li impriża hija responsabbli għal prattika miftiehma ( 36 ). F’din il-linja ta’ ħsieb, il-Qorti tal-Ġustizzja regolarment eżaminat il-kwistjoni dwar min jista’ jinvoka d-dritt għal kumpens għal dannu kkawżat minn tali ksur mill-perspettiva tal-effett utli tal-Artikolu 101 TFUE ( 37 ). |
|
91. |
Fit-tielet lok, id-Direttiva 2014/104 tikkorrobora dan il-qari. Fil-fatt, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza”, jippreċiża li, konformement mal-prinċipju ta’ effettività, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha dwar l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-danni jkunu mfassla u applikati b’tali mod li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt, mogħti mill-Unjoni, għal kumpens sħiħ għad-dannu ikkawżat minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. |
|
92. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-dritt tal-Unjoni jiddetermina l-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu d-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn tali ksur. |
|
93. |
Ġeneralment, fid-dritt privat, bla ħsara għas-sitwazzjoni fejn dispożizzjoni speċifika tillimita ċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jitqiesu li huma l-vittmi ta’ ksur ta’ dispożizzjoni legali, il-kwistjoni dwar min għandu dritt għal kumpens tirriżulta mill-applikazzjoni magħquda tal-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu r-responsabbiltà, jiġifieri r-realtà tad-dannu, rabta kawżali bejn id-dannu u l-aġir allegat kif ukoll l-illegalità tal-aġir allegat. Huwa abbażi ta’ dawn il-kundizzjonijiet li tista’ tiġi stabbilita l-identità tal-persuna leża li għandha dritt għall-kumpens għad-dannu. F’din il-linja ta’ ħsieb, id-dritt tal-Unjoni jiddetermina min jista’ jinvoka d-dritt għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE permezz tal-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu r-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
|
94. |
Għalkemm id-dritt tal-Unjoni jiddetermina min jista’ jinvoka d-dritt għal kumpens sħiħ tad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, wieħed għandu jistaqsi wkoll jekk jiddeterminax ukoll in-natura trasferibbli ta’ tali dritt għal kumpens u l-kundizzjonijiet tal-validità ta’ trasferiment tiegħu. |
3) Il‑kundizzjonijiet għall‑validità tat‑trasferiment
|
95. |
It-trasferibbiltà ta’ kreditu ( 38 ), jew anki ta’ dritt, hija waħda mill-karatteristiċi li tiddetermina jekk dan id-dritt jistax ikun is-suġġett ta’ trasferiment. Essenzjalment, fil-qasam tad-dritt privat, il-maġġoranza tad-drittijiet pekunjarji ta’ natura ġenerali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ trasferiment ( 39 ). |
|
96. |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment ta’ kreditu għad-danni kontra l-Unjoni huwiex validu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali kreditu seta’ jkun is-suġġett ta’ trasferiment, iżda li, skont il-prinċipju ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, trasferiment abbużiv ma jistax jiġi invokat kontra l-awtoritajiet ikkonċernati ( 40 ). Madankollu, minn din il-kunsiderazzjoni ma jistax jiġi dedott li d-dritt tal-Unjoni jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ validità ta’ kull dritt għal kumpens ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija rregolata mill-prinċipji ġenerali komuni fid-drittijiet tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri ma tqumx bl-istess mod fil-kuntest ta’ din ir-responsabbiltà u fil-każ fejn id-dritt tal-Unjoni jiddetermina biss, bħal f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-kreditu kkonċernat. |
|
97. |
Reċentement, fil-kuntest tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri tal-ajru ggarantit mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 41 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet it-trasferiment ta’ dan id-dritt lil terz, li jsir sabiex jiġu evitati diffikultajiet u spejjeż li jistgħu jiddiswadu lill-passiġġier milli jieħu passi personali, bħala modalità tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt għal kumpens ( 42 ). Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-passiġġier seta’ jittrasferixxi l-kreditu tiegħu lil terz “meta dan ikun previst mid-dritt nazzjonali rilevanti” ( 43 ). Din il-kunsiderazzjoni tista’ tiġi trasposta għal din il-kawża, sa fejn minnha jirriżulta li t-trasferiment ta’ dritt għal kumpens jista’ jikkostitwixxi modalità tal-eżerċizzju tiegħu u li l-limitazzjonijiet ta’ tali trasferiment huma ddeterminati mid-dritt nazzjonali. |
|
98. |
Fil-fatt, jista’ ċertament jitqies li t-trasferibbiltà tad-dritt għal kumpens, bħala tali, tirriżulta min-natura stess ta’ dan id-dritt u għalhekk direttament mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, din il-kawża tikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-validità tat-trasferiment tad-dritt għal kumpens li l-persuni allegatament leżi jisiltu, bħall-passiġġieri tal-ajru, direttament mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, it-trasferiment ta’ dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi, huwa wkoll, modalità ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt mill-individwu li jibbenefika minnu. Il-kundizzjonijiet li taħthom tali trasferiment jista’ jseħħ huma għalhekk iddeterminati mid-dritt nazzjonali. |
|
99. |
Kuntrarjament għall-osservazzjonijiet li saru mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari ( 44 ) din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-insenjament li wieħed jista’ jislet mill-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104. |
4) Il‑punt 4 tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2014/104
|
100. |
Il-fatt li l-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104 jirreferi, fit-tielet każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għat-talbiet imressqa minn “persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur tad-dritt tal-parti li allegatament ġarrbet il-ħsara, inkluża l-persuna li akkwistat il-pretensjoni” ma jimplikax li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri forma ta’ mekkaniżmu ta’ trasferiment jew il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ validità ta’ tali trasferiment. |
|
101. |
Fil-fatt, dan ir-riferiment jinsab f’dispożizzjoni li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “azzjoni għad-danni” għall-finijiet tad-Direttiva 2014/104. Għaldaqstant, hija tneħħi d-dubji marbuta mal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva japplikawx ukoll għall-proċeduri mibdija minn persuni li jkunu s-suċċessuri fid-drittijiet tal-persuni leżi ( 45 ). Min-naħa l-oħra, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din id-definizzjoni legali ta’ kunċett ma tinkludi ebda obbligu għall-Istati Membri li jintroduċu l-mekkaniżmu ta’ trasferiment fil-livell tad-dritt sostantiv. Għaldaqstant, din id-definizzjoni lanqas ma tiddetermina jekk, u lanqas taħt liema kundizzjonijiet, id-dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkunx jista’ jiġi ttrasferit minn persuna li tkun ġarrbet tali dannu. |
|
102. |
Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi dedott l-obbligu li jiġi rrikonoxxut il-mekkaniżmu ta’ trasferiment tar-riferiment għad-dritt nazzjonali li jinsab fit-tieni xenarju imsemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104. Ċertament, huwa minnu li dan ix-xenarju jinkludi riferiment għad-dritt nazzjonali (“minn xi ħadd li jaġixxi f’isem wieħed jew aktar partijiet li allegatament ġarrbu ħsara meta l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali tipprevedi għal dik il-possibbiltà” ( 46 )), filwaqt li tali riferiment ma jidhirx fit-tielet xenarju dwar is-suċċessjoni fid-drittijiet tal-parti allegatament leża. |
|
103. |
Madankollu, minn naħa, waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat l-assenza ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali fit-tielet xenarju imsemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104 bil-fatt li, waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kollha kienu jirrikonoxxu l-possibbiltà li jittrasferixxu l-kreditu għal kumpens. Fil-fatt, kif diġà indikajt ( 47 ), it-trasferiment ta’ kreditu li joriġina minn fatt illegali huwa aċċettat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni peress li jirrifletti prinċipju ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri. |
|
104. |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li, b’differenza mit-tielet xenarju, it-tieni xenarju previst fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104 jirreferi għad-dritt tal-Unjoni u għad-dritt nazzjonali, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 13 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, din il-premessa tistabbilixxi li d-dritt għal kumpens huwa rrikonoxxut lil kull persuna fiżika jew ġuridika, billi ssemmi f’dan il-kuntest l-“konsumaturi, [l]-impriżi u [l]-awtoritajiet pubbliċi”, iżda li l-imsemmija direttiva ma għandhiex teżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
|
105. |
Issa, attwalment, ir-rikorsi kollettivi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/1828 ( 48 ). Din id-Direttiva tiddeskrivi r-rikors kollettiv bħala azzjoni mressqa minn entità kwalifikata f’isem il-konsumaturi ( 49 ). Il-kwistjoni tal-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kienet is-suġġett ta’ dibattiti waqt ix-xogħol preparatorju tagħha. Minħabba dubji dwar it-triq ’il quddiem, din l-inklużjoni ġiet finalment skartata ( 50 ). |
|
106. |
Il-fatt li, matul ix-xogħol preparatorju, dehru kunċetti opposti dwar ir-regolamentazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni ta’ rikorsi kollettivi dwar il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni juri li, b’differenza mit-trasferiment ta’ kreditu li joriġina minn fatt illegali, ġeneralment aċċettat fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri ( 51 ), forma speċifika ta’ tali rikors ma kinitx aċċettata b’mod unanimu fi ħdan l-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, din iċ-ċirkustanza tispjega għaliex il-leġiżlatur għamel riferiment, fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104, għad-dritt nazzjonali u għad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ rimedji kollettivi. |
|
107. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li t-trasferiment tad-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil fornitur awtorizzat ta’ servizzi legali li, f’ismu stess u bi spejjeż tiegħu, iżda għan-nom taċ-ċedenti, jinvoka d-drittijiet tagħhom b’mod kollettiv, jikkostitwixxi modalità ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt. |
c) Fuq il‑konformità mad‑dritt tal‑Unjoni tal‑projbizzjoni tal‑mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu
|
108. |
Il-kundizzjonijiet għall-validità ta’ trasferiment tad-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil fornitur awtorizzat ta’ servizzi legali ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mid-dritt nazzjonali applikabbli. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma jistgħu jiġu applikati b’mod li jirrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) ( 52 ). Sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju tirrigwarda biss il-prinċipju ta’ effettività, ser niffoka fuq dan il-prinċipju. Qabel ma jsir l-eżami ta’ dan il-prinċipju, għandu jiġi rrilevat li t-tieni domanda tirrigwarda kemm il-prinċipju ta’ effettività kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, il-kwistjoni hija dwar jekk il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi analizzata mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività jew minn dik tal-Karta. |
1) Il‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva
|
109. |
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrestrinġi waħda mill-modalitajiet ta’ aċċess għall-ġustizzja billi timponi limiti għat-trasferiment ta’ drittijiet għad-danni bbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni. Hija teżamina din il-projbizzjoni mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività u tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
110. |
F’dan ir-rigward, filwaqt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ċertament jistabbilixxi dritt ta’ natura proċedurali ( 53 ) mill-perspettiva tal-persuna leża minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta min-nullità tat-trasferiment fuq il-livell tad-dritt sostantiv u għalhekk tikkonċerna l-mekkaniżmu ta’ trasferiment li jseħħ qabel proċedura ġudizzjarja. A priori, wieħed jista’ jargumenta li din ma hijiex limitazzjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna leża minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’din il-linja ta’ ħsieb, l-implikazzjonijiet proċedurali ta’ din in-nullità, jiġifieri n-nuqqas ta’ locus standi, huma biss, fir-rigward ta’ ċessjonarju, il-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratti ta’ trasferiment. |
|
111. |
Madankollu, l-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi l-idea tal-eżistenza ta’ rabta bejn id-dritt proċedurali għal rimedju effettiv u d-dritt ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv jikkonċerna s-sitwazzjoni fejn id-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru. Ma hemm l-ebda dubju li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu ta’ natura materjali. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-vittmi allegati ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jistgħu jinvokaw id-dritt għal smigħ xieraq, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta ( 54 ). |
|
112. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ħaddiem għal żmien determinat li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jiġi xolt b’avviż tat-temm ta’ impjieg ma jkunx immedjatament informat bil-miktub dwar ir-raġunijiet għal din it-tkeċċija, tillimita l-aċċess għal tali ħaddiem għal żmien determinat għal azzjoni ġudizzjarja, li l-garanzija tagħha hija stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-ħaddiem huwa, b’dan il-mod, imċaħħad minn informazzjoni importanti sabiex tiġi evalwata l-eventwali natura inġustifikata tat-tkeċċija tiegħu u, jekk ikun il-każ, sabiex jipprepara rikors ġudizzjarju intiż li jikkontestaha ( 55 ). Għalhekk din kienet leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ natura sostantiva li kienet tipproduċi l-effetti tagħha fuq il-livell proċedurali, peress li dawn l-effetti setgħu jitqiesu bħala limitazzjoni għad-dritt iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
113. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata, hija wkoll, bħala limitazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
114. |
Meta inkwistjoni jkun hemm il-prinċipju ta’ effettività u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha t-tendenza li tiddetermina jekk il-modalitajiet proċedurali joħolqux riskju mhux negliġibbli li d-detenturi ta’ dritt iggarantit mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma jeżerċitawx id-drittijiet tagħhom ( 56 ). Fi kliem ieħor, ir-rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta’ effettività li jikkonsisti f’li ma jsirx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt huwa interpretat, f’tali każ, fis-sens li jeżisti riskju ta’ inerzja tal-partijiet fil-kawża. |
|
115. |
Barra minn hekk, kif tosserva l-qorti tar-rinviju ( 57 ), il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ċertament ma huwiex assolut. Limitazzjoni għal dan il-prinċipju għandha madankollu tkun konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jipprovdi li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi” u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dan id-dritt, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tista’ ssir biss jekk tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. |
|
116. |
Issa, kif ser nuri iktar ’il quddiem, ir-rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta’ effettività jista’, huwa wkoll, ikun is-suġġett ta’ konċessjonijiet. |
|
117. |
Għalhekk nipproponi li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi analizzata mill-perspettiva tal-konformità tagħha mal-prinċipju ta’ effettività u mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’mod konġunt. |
2) L‑applikazzjoni konġunta tal‑prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva
|
118. |
Fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mill-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li l-protezzjoni tad-drittijiet li jisiltu l-individwi mid-dritt tal-Unjoni ma tkunx suġġetta għal modalitajiet ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ( 58 ). |
|
119. |
Għandi nispeċifika li l-miżuri nazzjonali li jirregolaw, fuq il-livell tad-dritt sostantiv, il-validità tat-trasferiment ta’ kreditu jikkostitwixxu “modalitajiet proċedurali” fis-sens tal-kunċett tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ( 59 ). Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi l-projbizzjoni tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss sa fejn dan ma jagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat minn akkordju. Barra minn hekk, kif indikajt ( 60 ), l-Artikolu 47 tal-Karta jimplika li tali modalitajiet ma jistgħux joħolqu riskju mhux negliġibbli li d-detenturi ta’ dritt iggarantit mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma jeżerċitawx id-drittijiet tagħhom. |
|
120. |
It-tieni domanda preliminari hija bbażata fuq il-premessa li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipproduċi tali effett u tirrendi prattikament impossibbli jew fi kwalunkwe każ eċċessivament diffiċli li tiġi eżerċitata azzjoni għal danni ta’ ammonti żgħar. Għalkemm jista’ jiġi kkontestat li r-rikors fil-kawża prinċipali jirrigwarda tali ammonti, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li dan huwa l-każ. |
|
121. |
Fi kwalunkwe każ, waqt l-istħarriġ ta’ miżura nazzjonali mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività, ma huwiex biżżejjed li tiġi indirizzata din il-miżura meħuda b’mod iżolat. Għall-kuntrarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tas-sistema nazzjonali inkwistjoni. |
|
122. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li fid-dritt Ġermaniż ma teżisti ebda għażla valida minbarra l-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprekludi tali mekkaniżmu u tissanzjona trasferiment bin-nullità. Dawn iż-żewġ premessi huma kkontestati ħafna mill-partijiet. Jidhirli li huwa inutli li nirrepeti l-kritika magħmula f’dan ir-rigward ( 61 ). Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkontesta l-kuntest ġuridiku u fattwali ddefinit mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-fondatezza ta’ dawn il-premessi. Dawn jistgħu jiġu kkontrollati wkoll mill-istanzi superjuri. |
|
123. |
Barra minn hekk, huwa stabbilit li persuni allegatament leżi minn akkordju jistgħu jinvokaw, individwalment, id-drittijiet tagħhom quddiem awtoritajiet Ġermaniżi. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-invokazzjoni tad-drittijiet tagħhom għall-kumpens għal dannu kkawżat minn akkordju huwa eżerċizzju kumpless, kemm fuq il-livell fattwali, kif ukoll fuq il-livell ekonomiku u ġuridiku, u għaldaqstant jirriżulta proċess twil, għali u riskjuż. Dan l-investiment kbir fir-rigward tal-ħin u tal-mezzi finanzjarji li għandhom jiġu ddedikati għalih, kif ukoll ir-riskju tal-proċess, għandhom effett projbittiv għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jispjega li huma jirrinunzjaw b’mod ġenerali, permezz ta’ forma ta’ inerzja razzjonali, milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom fil-qorti. |
|
124. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ jistaqsi jekk il-modalitajiet proċedurali applikabbli għar-rikorsi individwali jmorrux huma stess kontra l-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, modalitajiet li huma ta’ natura li jiddisswadu l-eżerċizzju tad-dritt iggarantit mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali ma josservawx dawn il-prinċipji ( 62 ). Ċertament, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tikkonċernax azzjonijiet għad-danni mressqa individwalment minn vittmi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li rikors individwali ma huwiex mezz effettiv ta’ protezzjoni tal-individwi qabel ma tkun tista’ tikkunsidra li l-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu jikkostitwixxi l-uniku mezz validu sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għal kumpens sħiħ. |
|
125. |
Dejjem f’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tidher li tindika li, minħabba l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fid-dawl tat-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli, iċ-ċedenti ma jkunux iktar f’pożizzjoni, fi kwalunkwe każ, li jinvokaw t-talbiet tagħhom individwalment ( 63 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li miżura nazzjonali li tobbliga lill-parti fil-kawża tippreżenta azzjoni ġdida, jekk ikun il-każ quddiem qorti differenti, sabiex tiġi ddeterminata s-sanzjoni xierqa għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, tirriżulta li ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn minn dan jirriżultaw neċessarjament inkonvenjenzi proċedurali għal din il-parti fil-kawża, f’termini, b’mod partikolari, tal-ispiża, tat-tul u tar-regoli ta’ rappreżentanza ( 64 ). |
|
126. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u jekk jitqies li l-premessi li fuqhom tibbaża ruħha l-qorti tar-rinviju huma stabbiliti, għandu jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat minn akkordju u għalhekk toħloq riskju mhux negliġibbli li d-detenturi ma jeżerċitawx id-drittijiet tagħhom. Għaldaqstant, din il-projbizzjoni ma tosservax il-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
127. |
Għadu jrid jiġi ddeterminat jekk din il-projbizzjoni tistax madankollu tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju ta’ effettività, fid-dawl tal-għanijiet li fuqhom hija bbażata. |
3) Il‑prinċipju li fuqu hija bbażata s‑sistema ġudizzjarja
|
128. |
Fil-kuntest tal-eżami tal-miżuri nazzjonali mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali kkonċernata, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ( 65 ). Madankollu, is-salvagwardja ta’ prinċipju li huwa l-bażi tas-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru ma tippermettix lil dan tal-aħħar jinjora kompletament il-prinċipju ta’ effettività. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk miżura nazzjonali li tmur kontra dan il-prinċipju tistax tiġi ġġustifikata bl-għan li jiġi protett tali prinċipju fundamentali tas-sistema ġudizzjarja ( 66 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, f’ċerti ċirkustanzi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, waqt tali eżami, il-karatteristiċi partikolari tas-sitwazzjonijiet u tal-interessi inkwistjoni sabiex jinstab bilanċ bejn ir-rekwiżit tal-prinċipju li huwa l-bażi tas-sistema ġudizzjarja kkonċernata u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-osservanza ta’ dan il-prinċipju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 67 ). |
|
129. |
Il-konċessjonijiet magħmula mill-prinċipju ta’ effettività favur prinċipju li huwa l-bażi tas-sistema ġudizzjarja kkonċernata għandhom għalhekk jirrispettaw kundizzjonijiet simili għal dawk li jirregolaw il-limitazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, kif indikajt ( 68 ), limitazzjoni ta’ dritt fundamentali għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tiegħu u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tista’ ssir biss jekk din tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
|
130. |
F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi ġġustifikata għall-protezzjoni tad-destinatarji ta’ tali servizzi, fid-dawl tal-konsegwenzi li jirriżultaw għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għall-vittmi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 69 ). |
|
131. |
Il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-persuni potenzjalment leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, minn naħa, din il-projbizzjoni tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit dwar l-għarfien espert neċessarju tal-fornitur ta’ servizzi legali li ġie introdott sabiex jipproteġi lid-destinatarju tas-servizzi minn provvista ta’ servizz legali mhux ikkwalifikata. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija projbizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi li jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni tad-destinatarji ta’ tali servizzi ( 70 ). |
|
132. |
Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tiddeċidix fuq dan il-punt, ma jistax jiġi eskluż li l-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi legali hija prinċipju li huwa l-bażi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali kkonċernata. Fil-fatt, bħar-rappreżentanza obbligatorja minn persuna awtorizzata li tipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru ( 71 ) tali protezzjoni tidher li hija intiża sabiex tiżgura r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u għall-protezzjoni ġuridika effettiva tal-partijiet fil-kawża. |
|
133. |
Il-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju jagħti x’jifhem li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija imposta b’mod awtomatiku fuq kull użu mill-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu sabiex titressaq azzjoni kollettiva għall-irkupru fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għalkemm uħud mill-partijiet jindikaw li dan l-approċċ ma jikkorrispondix mal-ġurisprudenza nazzjonali f’dan il-qasam, hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-projbizzjoni hijiex tabilħaqq imposta b’mod awtomatiku jew, jekk, għall-kuntrarju, hijiex ibbażata fuq eżami tal-eżistenza ta’ eventwali kunflitt ta’ interessi jew tal-insuffiċjenza tal-kompetenzi fi ħdan iċ-ċessjonarju, fid-dawl tal-għan u tal-karatteristiċi tal-azzjoni inkwistjoni. Ser inkompli l-analiżi tiegħi billi nieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi li din il-projbizzjoni hija imposta b’mod awtomatiku. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju sempliċement tippreżenta affermazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma ssemmi l-plawżibbiltà tal-eżistenza ta’ tali kunflitt jew ta’ tali insuffiċjenza tal-kompetenzi taċ-ċessjonarju kkonċernat. Xejn ma jissuġġerixxi lanqas li ċ-ċessjonarju jista’ jipprovdi provi addizzjonali u jikkontesta n-nullità tat-trasferiment. |
|
134. |
Għalhekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tagħti x’tifhem li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali trendi illużorja, fil-każijiet kollha, il-possibbiltà għal persuni leżi minn akkordju li jeżerċitaw, permezz tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu, id-drittijiet tagħhom iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. |
|
135. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għall-vittmi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-isfera privata fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 72 ), il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata mir-rekwiżit tar-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u għall-protezzjoni ġuridika effettiva tal-partijiet fil-kawża. |
|
136. |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 101 TFUE, il-punt 4 tal-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/104 kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha l-effett li teskludi b’mod awtomatiku, fl-assenza ta’ deċiżjoni definittiva li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, it-trasferiment fuq bażi fiduċjarja tad-drittijiet għal kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju minn persuni allegatament leżi lil fornitur awtorizzat ta’ servizzi legali, sabiex dan tal-aħħar jinvoka dawn id-drittijiet b’mod kollettiv, meta ma tkunx teżisti possibbiltà legali jew kuntrattwali oħra ta’ ġabra flimkien ta’ krediti għal kumpens li jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti, bil-konsegwenza li jkun prattikament impossibbli jew, fi kwalunkwe każ, eċċessivament diffiċli li tiġi eżerċitata azzjoni għad-danni ta’ ammont żgħir. Din il-projbizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mir-rekwiżit tar-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u għall-protezzjoni ġuridika effettiva tal-partijiet fil-kawża. |
B. It‑tielet domanda preliminari
|
137. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE, id-Direttiva 2014/104 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tar-rinviju għandha tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkostitwixxu l-bażi tal-projbizzjoni tal-mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu li ma josservawx il-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
1. Fuq l‑ammissibbiltà
|
138. |
Otto Fuchs u l-Land Nordrhein-Westfalen jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tielet domanda preliminari. Essenzjalment, dawn il-partijiet isostnu li din id-domanda ma tirrigwardax, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 267 TFUE, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fuq livell nazzjonali f’każ partikolari u l-konklużjonijiet li għandha tislet il-qorti tar-rinviju fir-rigward tad-deċiżjoni li għandha tingħata. |
|
139. |
Il-formulazzjoni ta’ din id-domanda tista’, fil-fatt, tagħti x’tifhem li din tikkonċerna l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ supremazija, l-Artikolu 101 TFUE, id-Direttiva 2014/104 u l-Artikolu 47 tal-Karta jippermettux li titwarrab dispożizzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Din id-domanda ma hijiex nieqsa minn interess, fid-dawl tal-fatt li l-ewwel żewġ domandi preliminari jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju u li l-kawża prinċipali hija bejn individwi. Iktar importanti minn hekk, l-imsemmija domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
2. Fuq il‑mertu
|
140. |
Skont ir-risposta tiegħi għat-tieni domanda preliminari, fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku deskritt mill-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tosservax il-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
141. |
Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm it-tielet domanda preliminari hija bbażata fuq il-premessa li l-interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali hija eskluża, il-qorti tar-rinviju madankollu ma tispjegax għaliex interpretazzjoni sfumata tar-RDG ma hijiex possibbli f’dan il-każ. Għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali huma obbligati, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha ( 73 ). |
|
142. |
Barra minn hekk, ċertament, it-tieni domanda tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104 u l-kawża prinċipali hija bejn individwi. Madankollu, din id-direttiva tikkonferma biss id-dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, iggarantit mill-Artikolu 101 TFUE. Il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi għalhekk modalità ta’ eżerċizzju ta’ dritt li jirriżulta minn dispożizzjoni li ma hijiex nieqsa minn effett dirett ( 74 ). |
|
143. |
Għalhekk, jekk il-qorti tar-rinviju ma tqisx li tkun f’pożizzjoni li tadotta interpretazzjoni konformi mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija jkollha twarrab dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u tikkunsidra li t-trasferimenti ta’ kreditu huma validi ( 75 ). |
|
144. |
Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE, id-Direttiva 2014/104 u l-Artikolu 52 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tar-rinviju għandha tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkostitwixxu l-bażi tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li ma josservawx il-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
V. Konklużjoni
|
145. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Dortmund (il-Qorti Reġjonali ta’ Dortmund, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ara, dwar dan il-fenomenu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2014:2443, punt 29).
( 3 ) Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).
( 4 ) BGBl. 2007 I, p. 2840.
( 5 ) BGBl. 2023 I, p. 1.
( 6 ) BGBl. I S. 1069.
( 7 ) Enfasi miżjuda minni.
( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26); tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punti 90 u 95); tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Otis Gesellschaft et (C‑435/18, EU:C:2019:1069, punt 22), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 33).
( 9 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 77), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑597/19, EU:C:2020:1063, punt 88).
( 10 ) Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010 (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 63).
( 11 ) Ara, reċentement, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Peigli (C‑41/23, EU:C:2024:554, punt 32).
( 12 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
( 14 ) Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 32b(1) tal-GWB.
( 15 ) Ara t-tielet sentenza tal-Artikolu 32b(1) tal-GWB.
( 16 ) Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 32b(1) tal-GWB.
( 17 ) Ara l-Artikolu 32b(2) tal-GWB.
( 18 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 48).
( 19 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 40).
( 20 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et (C‑547/16, EU:C:2017:891, punt 29)
( 21 ) Ara r-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), punt 17).
( 22 ) Ara Wrbka, S., “European consumer protection law: Quo Vadis? Thoughts on the Compensatory Collective Redress Debate”, fi Wrbka, S., van Uytsel, S., u Siems, M. (editur), Collective Actions. Enhancing Access to Justice and Reconciling Multilayer Interests? Cambridge, Cambridge University Press, Cambridge 2012, p. 43.
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, International Protection Appeals Tribunal et (Attentat fil-Pakistan) (C‑756/21, EU:C:2023:523, punti 37 u 38).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Altiner u Ravn (C‑230/17, EU:C:2018:497, punt 23).
( 25 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022 (C‑267/20, EU:C:2022:494).
( 26 ) Għalhekk, il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali tad-Direttiva 2014/104 japplikaw għall-azzjonijiet magħmula wara d-data tat-traspożizzjoni tagħha. L-Istati Membri għalhekk kellhom setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedu, waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jekk il-miżuri nazzjonali intiżi li jittrasponu d-dispożizzjonijiet proċedurali tal-imsemmija direttiva kinux japplikaw ukoll għal azzjonijiet għad-danni mibdija wara s‑26 ta’ Diċembru 2014, iżda qabel id-data ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva. Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, RegioJet (C‑57/21, EU:C:2023:6, punt 45).
( 27 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Tráficos Manuel Ferrer (C‑312/21, EU:C:2023:99, punt 33).
( 28 ) Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva 2014/104, id-dritt għal kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa imniżżel fid-dritt tal-Unjoni. F’din il-linja ta’ ħsieb, il-premessi 11 u 12 ta’ din id-direttiva jindikaw, rispettivament, li dan id-dritt huwa iggarantit permezz tat-Trattat FUE u li l-imsemmija direttiva tafferma mill-ġdid l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, mogħti permezz tad-dritt tal-Unjoni.
( 29 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Tráficos Manuel Ferrer (C‑312/21, EU:C:2023:99, punt 35).
( 30 ) Ara l-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) Bħala eżempju, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji ta’ avukat) (C‑335/21, EU:C:2022:720, punti 54 u 75).
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 23) u Otis Gesellschaft et (C‑435/18, EU:C:2019:651, punt 44), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:100, punti 40 u 41).
( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 21).
( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 27), u tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 42).
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 29).
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et (C‑542/14, EU:C:2016:578, punt 21), kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punti 26 sa 28).
( 37 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
( 38 ) Fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 33 tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttorja tal-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli sad-dħul fis-seħħ, fis‑17 ta’ Diċembru 2009, tal-Artikolu 1 tal-Gesetz zur Anpassung der Vorschriften des Internationalen Privatrechts an die Verordnung (EG) Nr. 593/2008 (il-Liġi li Tadatta d-Dritt Internazzjonali Privat għar-Regolament [Ruma I]), tal‑25 ta’ Ġunju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 1574), kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, “[i]l-liġi li tirregola d-dejn ittrasferit għandha tiddetermina t-trasferibbiltà tiegħu, ir-relazzjoni bejn il-kreditur il-ġdid u d-debitur, il-kundizzjonijiet li fihom it-trasferiment jista’ jiġi invokat kontra d-debitur u l-effett liberatorju tal-prestazzjoni tiegħu”. Enfasi miżjud minni.
( 39 ) Ara l-Artikolu 11:302 tal-Prinċipji tad-Dritt Ewropew tal-Kuntratti (“Principles of European Contract Law”) u l-Artikolu III:5:109 tal-Abbozz tal-Qafas Komuni ta’ Riferiment (“Draft Common Frame of Reference”. Ara wkoll von Bar, Ch., Clive, E., Schulte-Nölke, H., et (edituri), Principles, Defintions and Model Rules of European Private Law. Draft Common Frame of Reference (DCFR), Outline Edition, Sellier European Law Publishers, Munich, 2009, p. 260. Essenzjalment, dawn id-dispożizzjonijiet tar-regolament standard tad-dritt privat Ewropew jirreferu għad-djun u għad-drittijiet li, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu ttrasferiti.
( 40 ) Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1979, Ireks-Arkady vs KEE (238/78, EU:C:1979:226, punt 5), u tal‑1 ta’ Marzu 1983, Deka Getreideprodukte vs KEE (250/78, EU:C:1983:49, punt 15). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini fil-kawża Deka Getreideprodukte vs KEE (250/78, EU:C:1983:5, punt 6).
( 41 ) Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).
( 42 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eventmedia Soluciones (C‑11/23, EU:C:2024:194, punt 43).
( 43 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eventmedia Soluciones (C‑11/23, EU:C:2024:194, punt 44).
( 44 ) Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 45 ) Ir-riferiment inkwistjoni għalhekk jirrispondi għad-domanda analoga li analizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 77), dwar direttiva oħra. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċessjonarju seta’ jinvoka l-benefiċċju tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti mid-direttiva kkonċernata.
( 46 ) Enfasi miżjuda minni.
( 47 ) Ara l-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2020, L 409, p. 1).
( 49 ) Ara l-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2020/1828.
( 50 ) Ara, f’dan is-sens, Rodger, B.J., Sousa Ferro, M., Marcos, F., “A Panacea for Competition Law Damages Actions in the EU? A Comparative View of the Implementation of the EU Antitrust Damages Directive in Sixteen Member States”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, 2019, Vol. 26, nru 4, p. 502 u 503. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2020/1828 tikkonċerna biss l-azzjonijiet rappreżentattivi magħmula għal ksur li jagħmel ħsara jew li jista’ jagħmel ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi. Barra minn hekk, din id-direttiva tikkonċerna biss il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Anness I tagħha u l-Artikolu 101 TFUE ma huwiex inkluż fih.
( 51 ) Ara l-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il-Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur) (C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 33).
( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 40), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jinsab taħt it-Kapitolu VI tagħha, dwar il-ġustizzja, li fih huma sanċiti prinċipji proċedurali oħra.
( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Volvo (Notifika fis-sede ta’ kumpannija sussidjarja tal-konvenuta) (C‑632/22, EU:C:2024:601, punt 54).
( 55 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 78).
( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 57 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 58 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 29).
( 59 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Delfly (C‑356/19, EU:C:2020:633, punt 33), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-modalitajiet tal-operazzjoni ta’ konverżjoni tal-euro lejn munita nazzjonali jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
( 60 ) Ara l-punt 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 61 ) Ara l-punti 68 għal 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 68).
( 63 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 64 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López (C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 63).
( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 48).
( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 28).
( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, X (Vetturi bit-tank LPG) (C‑120/19, EU:C:2021:398, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 68 ) Ara l-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 69 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov (C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 78).
( 70 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 71 ) Ara, fir-rigward tar-rappreżentanza obbligatorja u l-għanijiet tagħha, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Lancôme vs UASI (C‑408/08 P, EU:C:2009:634, punt 48).
( 72 ) Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 73 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Plamaro (C‑196/23, EU:C:2024:596, punt 42).
( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, EM akaunt BG (C‑438/22, EU:C:2024:71, punt 37).
( 75 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 70 sa 72).