European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1703

10.7.2026

REGOLAMENT (UE) 2026/1703 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2026

li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1157 fir-rigward tal-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ skart muniċipali mħallat destinat għall-irkupru

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 44(2), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprojbixxi, mill-21 ta’ Mejju 2026 , l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ skart muniċipali mħallat li huwa destinat għall-irkupru f’pajjiżi terzi. Għalhekk, it-trasferiment ta’ tali skart minn żoni tal-fruntiera tal-Unjoni lejn faċilitajiet ta’ trattament fil-qrib fl-Iżvizzera, fejn jinżammu standards għoljin għall-immaniġġjar tal-iskart, ma jibqax jiġi awtorizzat, u b’hekk tintemm prattika li ilha stabbilita sew. Il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta' dak l-iskart lejn l-Iżvizzera konsegwentement iċċaqlaq it-trasport ta’ tali skart lejn pajjiżi oħrajn u lejn faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart li jinsabu aktar ’il bogħod, u tirriżulta fis-sostituzzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-iskart b'trasport bit-triq addizzjonali. Dan iżid il-kostijiet tal-immaniġġjar ta’ dak l-iskart u jiġġenera eċċess ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mat-trasport bit-triq addizzjonali tiegħu, filwaqt li jagħti lok għal benefiċċji limitati ħafna. Konsegwentement, huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 44(2), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2024/1157 biex jippermetti l-kontinwazzjoni tal-esportazzjoni lejn l-Iżvizzera ta’ skart muniċipali mħallat destinat għall-irkupru.

(2)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/1157 jiġi emendat kif xieraq.

(3)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(4)

Fid-dawl tad-dħul fis-seħħ imminenti tal-projbizzjoni tat-trasport ta’ skart muniċipali mħallat destinat għall-irkupru, li jfixkel il-vjeġġi ta’ skart muniċipali mħallat lejn l-Iżvizzera, u minħabba li l-kunsensi għal tali vjeġġi li ngħataw qabal id-dħul fis-seħħ ta’ dik il-projbizzjoni huma validi għal massimu ta’ sena, huwa meqjus xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) 2024/1157, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

l-esportazzjoni tal-iskart imsemmija fl-Artikolu 4(3) għandha tkun ipprojbita, ħlief lejn l-Iżvizzera;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, it-8 ta’ Lulju 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)  L-opinjoni tas-17 ta’ Ġunju 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2026.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar vjeġġi ta’ skart, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L, 2024/1157, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1157/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1703/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)