|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2856 |
13.11.2024 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2856
tat-12 ta’ Novembru 2024
li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tneħħija mil-lista tal-Unjoni tas-sustanza aromatizzanti Benżen-1,2-diol (Nru tal-FL 04.029)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ aromatizzanti u ta’ materjali sors approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 (3) adotta l-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi aromatizzanti u introduċieha fl-Anness I, il-Parti A, tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008. |
|
(3) |
Dik il-lista tista’ tiġi aġġornata f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li Stat Membru jew parti interessata jissottomettu applikazzjoni. |
|
(4) |
Il-lista tal-Unjoni ta’ aromatizzanti u ta’ materjali sors stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 fiha l-Benżen-1,2-diol (Nru tal-FL 04.029), li ġie elenkat abbażi ta’ valutazzjoni tas-sikurezza mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel. |
|
(5) |
Fit-28 ta’ Settembru 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), adottat opinjonijiet dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet għaż-Zesti Smoke code 10 (SF-002) (4), għas-Smoke Concentrate 809045 (SF-003) (5), għas-SmokEz C-10 (SF-005) (6) u għas-SmokEz Enviro-23 (SF-006) (7) bħala prodotti primarji ta’ aromatizzant b’togħma affumikata li fihom il-Benżen-1,2-diol (Nru tal-FL 04.029). Fl-opinjonijiet tagħha, l-Awtorità kienet tal-fehma li l-Benżen-1,2-diol (Nru tal-FL 04.029) iqajjem tħassib dwar is-sikurezza peress li l-ġenotossiċità tiegħu ġiet identifikata in vivo hekk kif ġie amministrat b’mod orali. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 4, il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, jistgħu jiġu introdotti fis-suq biss aromatizzanti li, abbażi tal-evidenza xjentifika disponibbli, ma joħolqux riskju għas-sikurezza tas-saħħa tal-konsumaturi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Benżen-1,2-diol (Nru tal-FL 04.029) jitneħħa mil-lista tal-Unjoni ta’ sustanzi aromatizzanti. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jiġi emendat. |
|
(8) |
Meta jitqies il-livell baxx ta’ użu ta’ din is-sustanza aromatizzanti u sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-regoli eżistenti qabel dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-ikel li ġie miżjud bil-Benżen-1,2-diol (Nru tal-FL 04.029) u li ġie introdott fis-suq fl-Unjoni jew li kien fi tranżitu minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jitħalla jiġi kkummerċjalizzat fl-Unjoni sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data sa meta għandu jintuża. Jenħtieġ li l-miżura tranżizzjonali ma tapplikax għas-sustanza stess u għall-preparati li ġew miżjuda b’din is-sustanza u li mhumiex maħsuba biex jiġu kkunsmati kif inhuma, peress li l-manifatturi tal-prodotti tal-ikel li jużaw dawk il-preparati bħala ingredjenti jkunu jafu minn xiex ikunu komposti meta jużawhom. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Miżuri tranżizzjonali
1. L-ikel li ġie miżjud bil-Benżen-1,2-diol (Nru tal-FL 04.029) u li ġie introdott legalment fis-suq qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jista’ jkompli jiġi kkummerċjalizzat sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data sa meta għandu jintuża.
2. L-ikel importat fl-Unjoni li ġie miżjud bil-Benżen-1,2-diol (Nru tal-FL 04.029) jista’ jiġi kkumerċjalizzat sad-data tad-durabilità minima tiegħu jew sad-data sa meta għandu jintuża, jekk l-importatur ta’ dan l-ikel ikun jista’ juri li ġie dispaċċat mill-pajjiż terz ikkonċernat u li kien fi tranżitu lejn l-Unjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-Benżen-1,2-diol u għall-preparati li fihom din is-sustanza li mhumiex maħsuba biex jiġu kkunsmati kif inhuma.
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, it-terminu “preparati” ifisser taħlitiet ta’ aromatizzanti jew taħlitiet ta’ aromatizzant wieħed jew iktar minn wieħed ma’ ingredjenti oħra tal-ikel, bħal pereżempju mal-addittivi tal-ikel, mal-enzimi jew mat-trasportaturi, biex jiffaċilitaw il-ħżin, il-bejgħ, l-istandardizzazzjoni, id-dilwizzjoni jew it-taħlil tagħhom.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1334/oj.
(2) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1331/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 tal-1 ta’ Ottubru 2012 li jadotta l-lista ta’ sustanzi aromatizzanti stipulati bir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jintroduċiha fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KE (ĠU L 267, 2.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/872/oj).
(4) Scientific opinion on the renewal of the authorisation of Zesti Smoke Code 10 (SF-002) as a smoke flavouring Primary Product. EFSA Journal 2023; 21(11): 8364.
(5) Scientific opinion on the renewal of the authorisation of Smoke Concentrate 809045 (SF-003) as a smoke flavouring Primary Product. EFSA Journal 2023; 21(11): 8365.
(6) Scientific opinion on the renewal of the autorisation of SmokEz C-10 (SF-005) as a smoke flavouring Primary Product. EFSA Journal 2023; 21(11): 8367.
(7) Scientific opinion on the renewal of the autorisation of SmokEz Enviro-23 (SF-006) as a smoke flavouring Primary Product. EFSA Journal 2023; 21(11): 8368.
ANNESS
Fl-Anness I, il-Parti A, tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, titħassar l-entrata li ġejja:
|
“04.029 |
Benżen-1,2-diol |
120-80-9 |
|
680 |
|
|
|
SCF/KtE” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2856/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)