|
4.9.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 237/70 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta’ Marzu 2008
dwar l-għajnuna mill-Istat C 15/07 (ex NN 20/07) li implimentat l-Italja, dwar inċentivi fiskali favur ir-ristrutturazzjoni ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 869)
(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/711/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2),
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a),
Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skond dawn l-Artikoli (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti mibgħuta,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fl-24 ta’ Diċembru 2003 il-Parlament Taljan approva l-liġi ta’ l-24 ta’ Diċembru 2003, nru 350 (Liġi 350/2003) (2), li l-Artikolu 2(26) tagħha jistipula skema speċjali ta’ riallinjament fiskali għall-assi ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu li nħolqu minn jew kienu riorganizzati skond il-liġi preċedenti tat-30 ta’ Lulju 1990, nru 218 (Liġi 218/1990) dwar il-privatizzazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu regolati mil-liġi pubblika fl-Italja. |
|
(2) |
L-awtoritajiet Taljani m’avżawx lill-Kummissjoni bl-iskema sabiex isir l-eżami ta’ l-għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE. Il-Kummissjoni madankollu bdiet eżami preliminari ta’ din l-iskema. |
|
(3) |
B’ittra ddatata s-26 ta’ Settembru 2005 (D/57424), il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani biex jibgħatu l-informazzjoni kollha rilevanti biex tiġi stmata l-kompatibilità ta’ l-iskema mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-leġittimità tagħha skond l-obbligu, stabbilit mill-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, li tiġi infurmata minn qabel dwar kull tip ta’ progett li tingħata għajnuna mill-Istat. |
|
(4) |
B’ittra ddatata d-29 ta’ Novembru 2005 (A/39913) l-Italja bagħtet l-informazzjoni mitluba. |
|
(5) |
B’ittra ddatata l-31 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni talbet lill-Italja għal aktar spjegazzjonijiet dwar l-ekwivalenza possibbli ta’ l-iskema ma’ għajnuna mill-Istat u dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. |
|
(6) |
B’ittra ddatata l-5 ta’ Mejju 2006 (A/33466) l-Italja bagħtet l-informazzjoni mitluba. |
|
(7) |
Fit-3 ta’ Lulju 2006 il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ l-awtoritajiet Taljani biex jiddiskutu kif taħdem l-iskema fiskali eżaminata u r-raġuni għaliex tnediet din. Waqt il-laqgħa l-Kummissjoni ħadet nota ta’ l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Taljani, għalkemm kien għad għandha xi dubbji dwar l-iskema kkonċernata, rigward l-ekwivalenza possibbli tagħha ma’ għajnuna mill-Istat u l-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. |
|
(8) |
B’ittra ddatata t-28 ta’ Lulju 2006 (A/36106), l-awtoritajiet Taljani bagħtu sommarju ta’ l-informazzjoni ppreżentata mill-Italja u ta’ l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-laqgħa tat-3 ta’ Lulju 2006. |
|
(9) |
B’ittra ddatata t-30 ta’ Mejju 2007 (D/203295), il-Kummissjoni nfurmat lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċediment skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE rigward il-miżura ta’ l-għajnuna. Fid-deċiżjoni, ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (3), il-Kummissjoni stiednet lill-persuni interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-ftuħ tal-proċediment ta’ investigazzjoni formali. |
|
(10) |
B’ittra ddatata l-5 ta’ Lulju 2007 (A/35808) l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw il-kummenti tagħhom. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mill-partijiet interessati, partikolarment mill-grupp bankarju Paribas, li tagħmel parti minnu l-Banca Nazionale del Lavoro, u mill-grupp bankarju UniCredit, li jagħmlu parti minnu Capitalia, il-Banca di Roma u l-Banco di Sicilia. |
|
(12) |
B’ittri ddatati, rispettivament, it-3 ta’ Ottubru 2007 (D/53926) u t-22 ta’ Novembru 2007 (D/54681) il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Taljani bil-kummenti rċevuti mill-partijiet interessati u talbet lill-Italja tippreżenta, mill-parti tagħha, il-kummenti tagħha. B’ittri ddatati l-5 ta’ Novembru 2007 (A/39031) u l-21 ta’ Diċembru 2007 (A/40631) l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw lill-Kummissjoni li m’għandhomx iktar kummenti x’jagħmlu. |
2. ID-DESKRIZZJONI DETTALJATA TA’ L-ISKEMA
2.1. Taxxi fuq il-profitt kapitali
|
(13) |
Is-sistema tat-taxxa Taljana bħall-biċċa l-kbira mill-ġurisdizzjonijiet fiskali moderni, għandha numru ta’ prinċipji fundamentali ta’ tassazzjoni ta’ l-impriżi: it-taxxa fuq id-dħul fil-livell ta’ l-impriżi tapplika għall-maġġoranza ta’ l-impriżi li għandhom personalità legali (prinċipalment kumpaniji), għalkemm it-trasparenza fiskali obbligatorja jew volontarja hija possibbli għal ċerti impriżi li m’għandhomx personalità legali jew għal xi tipi ta’ kumpaniji. L-azzjonisti tal-kumpanija suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul huma persuni taxxabbli separatament mill-kumpanija li għandhom ishma fiha u, fil-prinċipju, għandhom iħallsu t-taxxa fuq il-profitt kapitali u fuq id-dividendi li jaqilgħu mill-ishma li għandhom, għalkemm hemm mekkaniżmi biex itaffu l-effett tat-taxxa doppja fuq l-ishma li jkollhom. Il-profitt kapitali ta’ l-impriżi huma taxxabbli wkoll meta jinħolqu u jiġu rikonoxxuti fiskalment. L-interessi fuq id-dejn ta’ l-kumpanija jistgħu, fil-prinċipju, jiġu mnaqqsa waqt li l-interess fuq il-kapital ta’ l-ekwità ma jistax, għalhekk hemm taxxa waħda għal min għandu d-dejn (bir-rata tat-taxxa fuq livell ta’ min għandu d-dejn) fuq il-qligħ imħallas bħala interess, u taxxa doppja fuq livell ta’ kumpanija u, ta’ l-inqas fil-prinċipju, fuq livell ta’ l-azzjonista fuq id-dividendi li jiġu mill-ishma fil-kapital li jkollu. |
|
(14) |
L-akkwist ta’ sehem f’kumpanija minn azzjonista ma jġib miegħu ebda tibdil fil-bażi tat-taxxa ta’ l-assi ta’ l-kumpanija. Min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ assi ta’ kumpanija normalment jikkawża qligħ jew telf kapitali li huwa taxxabbli fil-livell ta’ l-kumpanija li qiegħda tagħmel it-trasferiment. Billi t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ assi normalment tkun inħallsu dak il-ħin stess, iżda l-vantaġġi fiskali taż-żieda fil-valur ta’ l-assi trasferiti jseħħu fuq tul ta’ żmien (deprezzament perjodiku), trasferiment ta’ assi taxxabbli fuq livell ta’ kumpanija ġeneralment ifisser żieda fit-taxxa kumplessiva netta tat-trasferitur kif ukoll tax-xerrej. |
|
(15) |
It-trasferiment ta’ assi ta’ kumpanija lill-azzjonisti tagħha jġib ukoll miegħu taxxa fuq il-profitt kapitali fuq l-assi trasferiti b’żieda korrispondenti tal-bażi tat-taxxa ta’ dawn l-assi li l-azzjonisti rċevew, partikularment jekk dawn huma tal-kumpanija, billi ma jistax ikun hemm żieda fil-valur ta’ l-assi mingħajr ma jkun hemm rikonoxximent fiskali tal-profitt kapitali fil-livell tal-kumpanija stess. |
2.2. Ir-rivalutazzjoni ta’ l-assi u r-riallinjamenti in ġenerali
|
(16) |
Ir-rivalutazzjoni ta’ l-assi ta’ kumpanija hija operazzjoni ta’ kontabilità li biha l-valur fuq il-karta ta’ l-assi immobiljari mniżżla fil-bilanċ tal-kumpanija jiġi korrett għall-valur attwali (billi l-assi fissi huma normalment soġġetti għal deprezzament, jonqos il-valur tagħhom fuq perjodu ta’ żmien, waqt li l-valur tas-suq jista’ jibqa’ l-istess u b’hekk ikun ogħla mill-valur tagħhom bid-deprezzament minħabba l-għoli fl-istima tal-valur tagħhom matul iż-żmien). Minħabba li ma jistax ikun hemm żieda fil-valur fuq il-karta ta’ l-assi ta’ kumpanija mingħajr rikonoxximent fiskali tal-profitt kapitali li sar fil-livell tal-kumpanija stess, il-bilanċ favorevoli li jiġi mir-rivalutazzjoni għandu jiġi meqjus bħala żieda fil-valur ta’ l-assi fissi li tista’ tiġi ddepprezzata bl-istess kundizzjonijiet ta’ l-assi relevanti. Minbarra hekk, meta fil-futur jinbiegħu dawn l-assi (rivalutati), il-profitt kapitali jkun inqas minħabba d-differenza inqas bejn il-kumpens li ngħata għall-bejgħ u l-valur fuq il-karta ta’ l-assi. |
|
(17) |
Ir-rivalutazzjonijiet huma operazzjonijiet kontabbli straordinarji, billi l-kontabiltà għandha tendenza tradizzjonalment għal kriterji ta’ prudenza, waqt li r-rivalutazzjonijiet huma bbażati fuq is-suppożżizzjoni (eċċezzjonali) li assi speċifiċi jiswew iktar minn kemm tħallas jew mill-valur residwu tagħhom. Suppożżizzjoni bħal din tista’ tirriżulta żbaljata fid-dawl ta’ avvenimenti fis-suq fil-futur. Madanakollu, il-prinċipji ta’ kontabilità (L-Istandards Internazzjonali ta’ Rappurtaġġ Finanzjarju –) li ġew introdotti dan l-aħħar u li saru obbligatorji fl-Italja għal xi kumpaniji u partikularment għall-banek, jimponu kontabilità ta’ l-assi fissi ta’ kumpanija b’valur ġust, speċjalment għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istrumenti finanzjarji (il-qligħ jew telf kapitali relattiv huwa għalhekk irrekordjat kull ċertu żmien fil-bilanċ annwali). Minbarra hekk, fl-ambitu tar-ristrutturazzjoni tal-kumpanija, l-assi huma mibdula bil-valur attwali tagħhom (li s-soltu huwa iktar għoli mill-valur fuq il-karta li jinsab fil-bilanċ) u ż-żidiet irrelatati fil-valur jiddaħħlu fil-kontijiet bl-istess mod. |
|
(18) |
Mill-perspettiva ta’ l-impożizzjoni tat-taxxa fuq l-impriżi, ir-rivalutazzjoni tal-valur fuq il-karta ta’ l-assi hija normalment operazzjoni taxxabbli safejn jirriżulta profitt kapitali u tiġi rikonoxxuta żieda fil-valur fiskali ta’ l-assi immobiljari relattivi. Il-profitt kapitali jirriżulta f’żieda fid-dħul taxxabbli u b’hekk fid-dejn fiskali attwali tal-benefiċjarji, ukoll fil-każ fejn ma jkunx hemm qligħ effettiv. Biex ikun evitat li tiġi mħallsa t-taxxa fuq il-kumpaniji fuq qligħ li għadu ma sarx flus likwidi, is-sistema tat-taxxi ġeneralment tippermetti li l-qligħ taxabbli jiġi ffriżat billi jinżamm il-valur fiskali storiku ta’ l-assi, li jkun inqas mill-valur tagħhom tagħhom fuq il-karta. F’dan il-każ, il-qligħ kontabbli (li huwa l-profitt li jsir iżda li mhux rikonoxxut bħala dħul taxxabbli) ikun iddifferit sakemm isir effettivament il-qligħ per eżempju wara li l-assi jkunu mibjugħa bi ħlas. |
|
(19) |
Il-qligħ kontabbli li jiġi mill-iskambju magħmul huwa normalment kontabilizzat għal skopijiet ta’ taxxa f’riserva speċjali li tirrappreżenta l-qligħ fiskalment mhux rikonoxxut. Sakemm il-qligħ magħmul ikun fiskalment rikonoxxut, hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-valur fuq il-karta u l-valur tat-taxxa ta’ l-assi. Ir-riallinjament huwa għalhekk operazzjoni tat-taxxa li biha l-valur tat-taxxa jkun aġġustat għall-valur fuq il-karta ta’ l-assi kkonċernati u b’hekk il-profitt kapitali jkun rikonoxxut fiskalment u suġġett għat-taxxa. B’hekk, il-qligħ kontabbli f’dan il-waqt jitneħħa mir-riżerva speċjali u jkun inkluż fil-qligħ ordinarju tas-sena finanzjarja, filwaqt li l-valur ta’ l-assi rivalutati b’hekk jkun jista’ jkun deprezzat mil-lat fiskali. |
|
(20) |
Wieħed għandu jinnota li l-profitt kapitali huwa tip partikulari ta’ dħul, li, b’differenza mid-dħul l-ieħor tas-sena finanzjarja, jirrifletti żieda fil-valur ekonomiku ta’ l-assi immobiljari li mmatura biż-żmien, waqt li r-rikonoxximent tat-taxxa tiegħu hija bilfors operazzjoni ta’ darba. Għalhekk, minbarra li jkun iddiferit sa meta jsir ir-riallinjament tat-taxxa tal-valur ta’ l-assi relattivi, il-profitt kapitali li jsir mill-kumpaniji huwa wkoll suġġett għal taxxa preferenzjali mnaqqsa minflok it-taxxa ordinarja tal-kumpaniji. It-taxxa preferenzjali hija ta’ vantaġġ billi l-kumpanija kkonċernata tħallas inqas taxxa fuq il-qligħ minn kumpanija ordinarja u tista’ tqassam dan il-qligħ bħala dividendi lill-azzjonisti, li jagħti lok għal dritt eventwali għal krediti tat-taxxa jew eżenzjonijiet mit-taxxa korporattiva mħallsa. Mill-perspettiva tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-vantaġġ tat-taxxa li jiġi minn din it-taxxa sostituttiva jista’ madanakollu jiġi ġġustifikat bit-teknika fiskali (4) minħabba l-ispeċifiċità tal-profitt kapitali bħala dħul meta mqabbel ma’ dħul ordinarju. |
2.3. It-tassazzjoni fuq il-qligh kapitali fis-seħħ fl-Italja
|
(21) |
Biex tkun deskritta n-natura ta’ l-iskema li qiegħda tkun eżaminata, hemm bżonn sommarju tar-regoli Taljani li jirregolaw it-tassazzjoni tal-profitt kapitali li jirriżultaw mill-għoti ta’ assi wara xi ristrutturazzjonijiet ta’ l-impriżi tat-tip previsti mil-liġi 218/1990 għas-sistema bankarja Taljana. |
Għoti ta’ assi irrelatati mar-ristrutturazzjonijiet ta’ gruppi bankarji skond il-liġi 218/1990
|
(22) |
Il-liġi 218/1990 introduċiet skema speċjali biex tiffaċilita t-trasferiment ta’ l-assi immobiljari u assi bankarji oħra jew fergħat ta’ negozju bankarju miżmum mill-entitajiet pubbliċi lokali lil istituzzjonijiet tal-kreditu privvati eżistenti jew li għadhom kif fetħu (l-Artikolu 1 tal-liġi 218/1990), biex ikun razzjonalizzat l-eżerċizzju ta’ l-attività bankarja fl-Italja. Fl-1990, it-trasferiment ta’ fergħa ta’ negozju kien ipparagunat, mil-lat fiskali, ma’ bejgħ ta’ assi li kellha tistimola l-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpaniji bir-rata ordinarja fuq id-differenza bejn il-valur attwali ta’ l-assi mogħtija u l-valur fiskali ta’ dawn l-assi skond l-Artikolu 54(5) u l-Artikolu 9 tad-DPR Nru 917 tat-22 ta’ Diċembru 1986 (DPR 917/1986) fis-seħħ dak iż-żmien. |
|
(23) |
Biex it-trasferiment ta’ l-assi bankarji jsir aktar faċli, l-Artikolu 7(2) tal-liġi 218/1990 pprovdiet, fost oħrajn, skema tat-taxxi eċċezzjonali li biha l-qligħ magħmul mit-trasferiment ta’ l-assi kkontribwiti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu privati fil-qafas ta’ riorganizzazzjoni prevista mill-Artikolu 1 bi skambju għall-ishma ta’ dawn il-l-istituzzjonijiet mhux fiskalment rikonoxxut sakemm il-qligħ effettivament isir mill-bejgħ ta’ l-assi jew ikun imqassam bħala dividendi lill-azzjonisti (rikonoxximent tal-profitt kapitali sospiż). |
|
(24) |
L-obbjettivi tal-liġi 218/1990 jistgħu jkunu mqassra hekk:
|
|
(25) |
L-Artikolu 7(2) tal-liġi 218/1990 kien jipprovdi t-trasferitur (l-entità pubblika lokali) jiġi intaxxat l-15 % tal-profitt kapitali magħmul fil-ħin tat-trasferiment bir-rata tat-taxxa ta’ l-impriżi ordinarji (f’dak iż-żmien 52,2 %, inklużi 36 % bħala taxxa fuq id-dħul ta’ l-impriżi IRPEG u 16,2 % bħala taxxa lokali fuq id-dħul ILOR). Il-liġi kienet tipprovdi li l-perċentwali ta’ 15 % tal-profitt kapitali intaxxat seta’ jkun attribwit lill-assi singoli bħala bażi tat-taxxa ġdida rikonoxxuta mill-bank li qiegħed jagħmel it-trasferiment jew il-valur ta’ l-avvjament. Il-liġi kienet tipprovdi wkoll li l-valur fiskali ta’ l-assi mogħtija lill-bank benefiċjarju kellu jiġi attribwit fil-kontabilità tal-bank benefiċjarju (valur fiskali ta’ l-assi ttrasferiti) u anki imputata bħala valur ta’ l-ishma tal-bank riċevuti mit-trasferitur (valur fiskali li jissostitwixxi), minbarra għall-15 % profitt kapitali ntaxxat li kien rikonoxxut bħala żieda fil-valuri fiskali (ittrasferiti u sostituttivi). |
|
(26) |
B’hekk l-iskema kienet tipprovdi newtralità tat-taxxa parzjali li biha l-kontribuzzjoni ta’ fergħa ta’ negozju kienet tibbenefika mid-differiment tal-pagament tat-taxxa fuq il-kumpaniji, sakemm il-valuri fiskali tan-negozju kkontribwit kienu jiġu assenjati għall-ishma rċevuti mit-trasferitur u il-benefiċjarju kien jattribwixxi lill-assi akwistati l-istess valur fiskali li dawn kellhom meta kienu tat-trasferitur. Skema bħal din kienet tipprovdi għal nuqqas ta’ allinjament bejn il-valur attwali ta’ l-assi fil-ħin tal-kontribuzzjoni u l-bażi tat-taxxa tagħhom. Skond l-Artikolu 7(2) tal-liġi 218/0990 kemm it-trasferitur kif ukoll il-benefiċjarju kellhom jehmżu prospectus li jirreġistra n-nuqqas ta’ allinjament tal-valuri fiskali rispettivi mal-valur tagħhom fuq il-karta. |
Kontribuzzjoni ta’ l-assi rrelatati mar-riorganizzazzjoni tal-kumpaniji skond id-direttiva dwar l-amalgamazzjonijiet
|
(27) |
Bil-liġi Nru 544 tat-30 ta’ Diċembru 1992 (D.Lgs. 544/1992) l-Italja ttrasponiet id-Direttiva 90/434/KEE (“id-direttiva dwar l-amalgamazzjonijet”) fis-sistema legali nazzjonali tagħha (5). Fil-verżjoni oriġinali tagħha, id-Direttiva ta’ l-Amalgazzjonijiet tkopri l-amalgamazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferiment ta’ assi u l-iskambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpaniji ta’ Stati Membri differenti li jissodisfaw it-tliet kriterji li ġejjin: i) il-kumpanija kkonċernata jrid ikollha waħda mis-suriet elenkati fil-lista fl-anness għad-direttiva; ii) jrid ikollha domiċilju fiskali fi Stati Membru; u iii) għandha tkun suġġetta għall waħda mit-taxxi fuq il-kumpaniji fis-seħħ fl-Istati Membri li hija elenkata fl-Artikolu 3(c) tad-Direttiva. |
|
(28) |
Skond id-Direttiva dwar l-Amalgamazzjonijiet, it-trasferiment ta’ l-attivi huwa ddefinit bħala ħidma li biha kumpanija tittrasferixxi mingħajr ma tiġi xolta, il-friegħi kollha, jew waħda jew iktar minn waħda minnhom ta’ l-attività tagħha lil kumpanija oħra bi skambju għat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanija li tirċievi t-trasferiment (tista’ tkun sussidjarja li għadha kif ġiet stabbilita li l-kapitalizzazjoni inizjali tagħha tikkonsisti mill-ishma ttrasferiti jew kumpanija li diġà teżisti). |
|
(29) |
Id-Direttiva ta’ l-Amalgazzjonijiet tistabbilixxi li l-attivi jkunu jirrappreżentaw fergħa ta’ l-attività jiġifieri l-attiv u l-passiv kollu ta’ diviżjoni ta’ kumpanija li mil-lat organizzattiv tikkostitwixxi negozju indipendenti, jiġifieri entità kapaċi li tiffunzjona bil-mezzi tagħha nfisha (l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva). F’sentenza riċenti (6), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li biex ikun kopert mid-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet it-trasferiment ta’ l-attivi jrid jinkudi l-attivi u l-passivi kollha rrelatati ma’ fergħa ta’ attività. Id-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet teħtieġ li l-korrispettiv għat-trasferiment ta’ l-attivi jista’ jikkonsisti biss f’ishma, billi, f’kuntrast ma’ tranżazzjonijiet oħra bħall-amalgamazzjonijiet, id-diviżjonijet u l-iskambji ta’ ishma li jaqgħu taħt id-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjoijiet, mhux permess pagament fi flus kontanti f’każ ta’ trasferiment ta’ l-assi. |
|
(30) |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet, permezz ta’ referenza għall-Artikolu 4 ta’ l-istess Direttiva, jistabbilixxi li m’għandhomx jitħallsu taxxi fuq il-profitt kapitali fil-livell tal-kumpanija li qiegħda tittrasferixxi fil-każ ta’ trasferiment ta’ l-assi. Id-direttiva tiddefinixxi l-profitt kapitali bħala d-differenza bejn il-valuri reali ta’ l-attiv (il-valur tas-suq) u l-passiv ittrasferiti u tal-valuri tagħhom għall-għanijiet tat-taxxa, irrispettivament minn kull definizzjoni speċifica tal-valur skond il-liġi nazzjonali. Dan it-trattament preferenzjali tal-qligħ magħmul skond id-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet fejn din tittratta t-trasfermenti bejn kumpaniji fi Stati Membri differenti, huwa bbażat fuq il-kriterju ta’ l-“organizzazzjoni stabbli”: Jiġifieri, huma biss l-assi li jibqgħu f’kumpanija residenti għall-għanijiet tat-taxxa fl-Istat Membru tal-kumpanija li qiegħda titrasferixxi jew li huma effettivament konnessi ma’ l-organizzazzjoni stabbli tal-kumpanija benefiċjarja fl-Istat Membru tal-kumpanija li qiegħda titrasferixxi, jistgħu jibbenefikaw mid-differiment tal-pagament tat-taxxa skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva. |
|
(31) |
Id-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet b’hekk tipprovdi sistema ta’ newtralità jew differiment tat-taxxa, iktar milli eżenzjoni, billi l-Istat Membru tal-kumpanija li titrasferixxi jżomm id-dritt li jintaxxa l-profitt kapitali magħmul fuq it-trasferiment ta’ l-assi meta dawn jinbiegħu. Biex jibqgħu taxxabbli, il-profitti kapitali fuq il-beni ttrasferiti jrid ikun rifless fil-kontijiet tat-taxxa tal-kumpanija benefiċjarja. Għalhekk, l-attiv u l-passiv kollu ttrasferit għandu jidħol fil-kontijiet tat-taxxa tal-kumpanija benefiċjarja bil-valur tiegħu immmedjatament qabel it-trasferiment (valur tat-taxxa ttrasferit). B’hekk il-kumpanija benefiċjarja jkollha tieħu l-bażi tat-taxxa mill-kumpanija li qiegħda titrasferixxi mingħajr ma tibbenefika mill-opzjoni li tgħolli l-bażi tat-taxxa għall-valur ġust fuq is-suq. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-trasferimenti ta’ l-assi li jikkwalifikaw għal trattament preferenzjali skond id-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet huma essenzjalment simili għal dawk previsti mill-Artikolu 1 tal-liġi 218/1990, minbarra li d-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet ma tipprovdix regoli għall-valutazzjoni ta’ l-ishma li l-kumpanija benefiċjarja ħadet bi skambju għall-assi, filwaqt li r-rikors għall-valur fiskali sostittutiv huwa previst espressament fl-Artikolu 7(2) tal-liġi 218/1990. B’hekk tirriżulta sistema ta’ allinjament ħażin doppju. |
Trasferimenti ta’ l-assi rrelatati mar-riorganizzazzjonijiet tal-kumpaniji skond id-Digriet Leġislattiv. 358/1997
|
(32) |
Billi d-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet – trasposta fl-liġi Taljana bil-liġi 544/1992 – tirrigwarda biss riorganizzazzjonijiet ta’ kumpaniji ta’ Stati Membri differenti, l-Italja volontarjament estendiet is-sistema ta’ newtralità tat-taxxi li kienet tapplika għar-riorganizzazzjonijiet tal-kumpaniji għar-riorganizzazzjonijiet ta’ kumpaniji li jinsabu fit-territorju tagħha. Bid-Digriet Leġislattiv Nru 358 tat-8 ta’ Ottubru 1997; (Liġi 358/1997) l-Italja introduċiet dispożizzjonijiet ġenerali tat-taxxa għar-riorganizzazzjoni ta’ kumpaniji li jinsabu fit-territorju tagħha, liema dispożizzjonijiet japplikaw ukoll fil-każ li t-trasferiment ta’ l-assi jkun fil-forma tat-trasferiment ta’ fergħa ta’ negozju fi skambju għal ishma. |
|
(33) |
Is-sistema ġenerali tat-tassazzjoni tal-profitti kapitali li jirriżultaw mir-riorganizzazzjoni tal-kumpaniji fl-Italja u partikularment mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-assi skond il-liġi 358/1997 kienet ibbażata fuq żewġ sistemi alternativi. |
|
(34) |
Minn naħa, l-Artikolu 3 tal-Liġi 358/1997 jipprovdi għal skema opzjonali ta’ tassazzjoni sostituttiva tal-profitti kapitali minn trasferimenti ta’ negozji jew parteċipazzjonijiet kwalifikati bi skambju għal ishma ta’ l-imsemmija kumpanija. L-Artikolu 3, l-ewwel nett, jistabbilixxi li biex jitkejlu l-profitti kapitali rispettivi, hemm bżonn tkun ikkalkulata d-differenza bejn il-valur fiskali ta’ l-assi trasferiti – meta kienu proprjetà tal-kumpanija li tittrasferixxi – u l-valur kontabbli attribwit mill-kumpanija li tkun qiegħda tittrasferixxi lill-ishma bħala korrispettiv għat-trasferiment, jew, jekk inhu ogħla, il-valur kontabbli attribwit mill-kumpanija li tirċievi t-trasferiment lill-fergħa tan-negozju trasferit. L-Artikolu 3 jipprovdi wkoll għall-possibbiltà li l-profitti kapitali jiġu rikonoxxuti fiskalment jekk titħallas taxxa sostituttiva ta’ 19 %. Skond is-sistema l-ġdida, il-valuri kontabbli u fiskali, li jinkludu l-profitti kapitali magħmula, huma rikonoxxuti bħala valuri ġodda attibwiti lill-assi kemm mill-kumpanija li tittrasferixxi u minn dik li tirċievi t-trasferiment biex ma jkun hemm ebda allinjament ħażin bejn il-valur kontabbli u dak fiskali (kontribuzzjonijiet f’sistema ta’ kontabilità newtrali). |
|
(35) |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tal-Liġi 358/1997 jistabbilixxi li l-partijiet fit-trasferiment jistgħu jagħżlu sistema ta’ differiment tal-pagament tat-taxxa kumparabbli ma’ dak previst fid-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjoni. Skond din is-sistema, il-kontribuzzjoni ta’ l-assi ta’ fergħa ta’ negozju bejn kumpaniji fl-Italja hija fiskalment newtrali, jiġifieri li l-profitti kapitali magħmula mit-trasferiment ta’ l-assi bi skambju għal ishma ma jiġux rikonoxxuti fiskalment sakemm il-valur fiskali ta’ l-assi ttrasferiti jiġi assenjat għall-ishma rċevuti mill-kumpanija li tittrasferixxi u li jiġi ttrasferit lill-assi rċevuti l-istess valur fiskali li kellhom għand it-trasferitur (kontribuzzjoni f’sistema ta’ newtralità fiskali). |
|
(36) |
Fl-2003 kien hemm riforma qawwija tas-sistema fiskali Taljana tat-taxxa fuq il-kumpaniji, fl-istess żmien meta daħlet fis-seħħ (fl-1 ta’ Jannar 2004) l-iskema ta’ riallinjament prevista mil-liġi 350/2003. Ir-riforma daħlet fis-seħħ bid-Digriet Leġislattiv Nru 344 tat-12 ta’ Diċembru 2003 li, għal dak li jirrigwarda dan il-proċediment, jistabbilixxi dan li ġej:
|
|
(37) |
Skond ir-riforma tat-taxxa tad-Digriet Leġislattiv. 344/2003, ir-riorganizzazzjonijiet kollha bejn kumpaniji ta’ Stati Membri differenti jkomplu jaqgħu taħt l-iskema ta’ newtralità tat-taxxa tad-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet li tipprovdi għall-possibbiltà li jkun hemm kontribuzzjoni f’sistema ta’ newtralità tat-taxxa. Il-possibilità li tkun applikata t-taxxa sostituttiva ta’ 19 % skond l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġislattiv 358/1997 kienet abolita mill-1 ta’ Jannar 2004, waqt li s-sistema li tiddetermina l-profitti kapitali li jiġu mill-kontribuzzjoni ta’ fergħat ta’ negozju f’sistema ta’ newtralità kontabbli nżammet. Ġiet abolita ukoll l-iskema opzjonali ta’ differiment tal-pagament tat-taxxa previst mill-artikolu 4 tad-Digriet Leġislattiv 358/1997. B’riżultat ta’ din ir-riforma, is-sistema tat-taxxa fuq il-profitti kapitali magħmula mill-bejgħ jew mill-kontribuzzjoni ta’ fergħa ta’ negozju hija l-istess bħal dik prevista fil-każ ta’ bejgħ ta’ assi singoli. |
|
(38) |
B’konkluzjoni, kif kienet il-liġi fi żmien il-liġi 350/2003 xorta waħda kien jaqbel, mil-lat fiskali, li jkunu ttrasferiti assi permezz ta’ skambju ta’ ishma permezz tal-bejgħ tagħhom, billi t-trasferiment ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikati kien eżentat mit-taxxa, filwaqt li t-trasferiment ta’ l-assi kien taxxabbli. |
|
(39) |
Il-Kummissjoni, wara li ddeskriviet il-qafas sħiħ mfassal mid-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet u mid-Digriet Leġislattiv. 358/1997, tista’ tiddeskrivi u teżamina l-iskemi differenti disponibbli għall-kumpaniji biex jivvalutaw mill-ġdid jew jallinjaw mill-ġdid il-valur ta’ l-assi immobiljari tagħhom. |
2.4. Ir-riallinjamenti skond il-liġijiet 342/2000, 448/2001 u 350/2003
Ir-riorganizzazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu skond il-liġi 218/1990
|
(40) |
Il-liġi 218/1990 kienet dwar il-privatizzazzjoni permezz ta’ trasformazzjonijiet u riorganizzazzjonijiet ta’ l-assi ta’ xi istituzzjonijiet ta’ kreditu pubbliċi (skond l-Artikolu 29 tad-Digriet Irjali Leġislattiv Nru 375 tat-12 ta’ Marzu 1936, li ġie konvertit mil-liġi Nru 141 tas-7 ta’ Marzu 1938) f’kumpaniji li joperaw fis-settur bankarju (l-Artikolu 1 tal-liġi 218/1990). Skond l-Artikolu 7(2) tal-liġi 218/1990, il-profitti kapitali magħmula mill-kontribuzzjoni ta’ assi bankarji mhumiex rikonoxxuti fiskalment sabiex jassiguraw in-newtralità tat-taxxa tat-tranżazzjonijiet. Madanakollu, 15 % minn dawn il-profitti kapitali huwa rikonxxut u suġġett għar-rata tat-taxxa ġenerali tal-kumpaniji fis-seħħ f’dak iż-żmien. B’riżultat ta’ dan, il-valur fiskali ta’ l-assi trasferiti skond l-Artikolu 7(2) tal-liġi 218/1990 kien miżjud (allinjat mill-ġdid) bi 15 % mill-profitt kapitali biss, filwaqt li il-85 % tal-profitt li kien jibqa’ ma ġiex rikonoxxut. |
|
(41) |
Il-bilanċ li jiġi mid-differenza bejn, minn naħa l-waħda, il-valur ta’ l-ishma irċevuti u l-assi kkontribwiti u, minn naħa l-oħra, il-valur fuq il-karta ta’ assi bħal dawn (allinjati mill-ġdid biss bi 15 %) kien profitt kapitali sospiż. Ir-rikonoxximent tat-taxxa tagħhom kien differit sakemm l-assi kkonċernati li jiġu ttrasferiti jew ir-riżerva kontabbli li tikkorispondi għall-bilanċ mhux rikonoxxut tkun distribwita lill-azzjonisti tal-kumpanija bħala dividendi. |
|
(42) |
Għalhekk, skond il-prinċipji ta’ kontabilità fiskali tal-liġi 218/1990, il-85 % tal-valur ekonomiku tal-profitti kapitali irrelatati ma’ l-assi skambjati waqt ir-riorganizzazzjoni skond il-liġi ċċitata mhijiex rikonoxxuta għal skopijiet tat-taxxa. Skond l-awtoritajiet Taljani, l-operazzjoni ta’ riorganizzazzjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu saret bejn l-1990 u l-1995. Il-qligħ magħmul dak iż-żmien kien iffriżat minn dak iż-żmien, bl-obbligu għall-kumpaniji kkonċernati li jirreġistraw fi prospett mehmuż mad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa l-valuri allinjati ħazin. |
Ir-riallinjamenti skond il-Liġi 342/2000Ir
|
(43) |
Skond l-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 342 (7) tal-21 ta’ Novembru 2000 (il-Liġi 342/2000), il-kumpaniji li tnisslu minn riorganizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skond il-Liġi 218/1990 ngħataw il-permess jallinjaw mill-ġdid l-ammonti fiskali sospiżi ma’ dawk kontabbli magħmula mill-iskambju ta’ assi f’riorganizzazzjonijiet bħal dawn u li kienu għadhom fil-kotba tal-kumpaniji fil-31 ta’ Diċembru 1999, sakemm dawn il-kumpaniji jħallsu t-taxxa tal-kumpaniji sostituttiva ta’ 19 % il-profitt kapitali minflok ir-rata tat-taxxa globali ta’ 42,4 % li kienet applikabbli dak iż-żmien (li kienet magħmula minn 37 % taxxa tal-kumpaniji u 5,4 % taxxa lokali tan-negozju). Ir-riallinjament kien limitat 85 % ta’ l-ammont mhux rikonoxxut jew li kien sospiż tal-profitt kapitali oriġinali. |
|
(44) |
Bil-pagament tat-taxxa fuq il-profitti kapitali ta’ 19 %, kemm il-kumpaniji li kellhom l-assi bankarji, kif ukoll il-kumpaniji li kellhom l-ishma tal-kumpaniji fil-kwistjoni setgħu jallinjaw mill-ġdid il-valur fiskali, rispettivament, ta’ l-assi u ta’ l-ishma fil-kwistjoni. Fil-każi fejn l-ishma kienu kkontribwiti lil kumpaniji oħra jew ġew mibdula ma’ dawk ta’ kumpaniji oħra mingħajr korrispettiv fi flus likwidi, dawn ta’ l-aħħar setgħu wkoll jallinjaw mill-ġdid il-valur ta’ l-ishma mibdula. |
|
(45) |
It-taxxa fuq il-profitti kapitali kienet madanakollu mnaqqsa għal 15 % (minflok id-19 % tat-taxxa sostituttiva), f’każ li l-istituzzjoni ta’ kreditu kienet iddeċidiet li tallinja mill-ġdid biss il-valur tat-taxxa ta’ l-assi tagħha, minflok il-valur ta’ l-assi kif ukoll dak ta’ l-ishma. F’dan il-każ, l-uniċi benefiċjarji ta’ l-iskema ta’ riallinjament kienu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li kellhom l-assi mibdula ab origine. |
|
(46) |
B’riżultat tal-pagament tat-taxxa fuq il-profitti kapitali, il-benefiċjarji kienu qed jifirdu l-profitti kapitali magħmula fiż-żmien tat-tranżazzjonijiet oriġinali (u miżmuma bħala riżerva ta’ profitti li ma jistgħux ikunu distribwiti) u setgħu jiddistribwuhom bħala dividendi. |
|
(47) |
Minbarra r-riallinjament ta’ l-assi u l-ishma mibdula fir-riorganizzazzjonijiet deskritti qabel tas-settur bankarju, l-Artikolu 19 tal-Liġi 342/2000 pprovdiet li l-istess taxxa fuq il-profitt kapitali sostituttiva setgħet tkun imposta fuq il-kumpaniji lesti li jallinjaw mill-ġdid il-valuri fiskali ta’ l-assi u l-ishma tagħhom li kellhom b’riżultat ta’ riorganizzazzjonijiet ta’ kumpaniji oħrajn li bbenifikaw mill-iskema ta’ newtralità tat-taxxa skond l-imsemmi Digriet Leġislattiv 358/1997. |
|
(48) |
Din l-iskema parallela ta’ l-Artikolu 19 (li kienet tipprovdi għal taxxi sostituttivi fuq il-profitti kapitali ta’ 19 % u ta’ 15 % fuq ir-riallinjamenti ta’ l-assi u l-ishma) effettivament kienet iġġib indaqs ir-rikonoxximent tal-qligħ li kien jirriżulta mir-riallinjamenti tat-taxxa li għandhom x’jaqsmu mar-riorganizzazzjonijiet mwettqa skond id-Digriet Leġislattiv. 358/1997 ma’ dawk magħmula mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu skond il-Liġi 218/1990. |
|
(49) |
Minbarra hekk, l-Artikolu 20 tal-Liġi 342/2000 kien jipprovdi regoli dettaljati għat-taxxa sostituttiva fuq il-profitti kapitali li għandha tiġi mħallsa u għall-kreditu tat-taxxa relattiv għat-taxxa favur li l-azzjonisti li jirċievu d-dividendi li jiġu mill-profitt kapitali rikonoxxut. |
Ir-riallinjamenti skond il-Liġi 448/2001
|
(50) |
Il-Liġi Nr 448 tat-28 ta’ Diċembru 2001 (il-Liġi 448/2001) estendiet iż-żmien ta’ l-iskemi ta’ riallinjament previsti mil-Liġi 342/2000 għall-assi fil-karta tal-bilanċ ta’ kumpanija u li l-valur tagħhom ma kienx għadu ġie riallinjat. |
|
(51) |
Partikularment, l-Artikolu 3(11) tal-Liġi Nru 448/2001 ipprovda li l-iskema ta’ riallinjament skond l-Artikoli 17 sa 20 tal-Liġi 342/2000 tapplika kemm għall-qligħ mhux rikonoxxut ta’ l-assi u l-ishma li jiġu mir-riorganizzazzjonijiet tas-settur bankarju skond il-Liġi 218/1990 kif ukoll ta’ l-assi li jiġu mir-riorganizzazzjonijiet skond id-Digriet Leġislattiv Nru 358/0997, li kienu għadhom miżmuma sal-31 ta’ Diċembru 2001. Il-Liġi 448/2001 kienet tipprovdi li t-taxxi sostituttivi li għandhom jitħallsu fuq il-qligħ rikonoxxut kienu ta’ 12 % fil-każ ta’ riallinjament doppju (riallinjament kemm ta’ l-assi miżmuma mill-kumpanija li tirċievi t-trasferiment kif ukoll l-ishma rċevuti mill-kumpanija li kellha l-parteċipazzjoni jew li tagħmel it-trasferiment) u ta’ 9 % għar-riallinjament singolu (l-assi miżmuma mill-kumpanija li tirċievi t-trasferiment) minflok it-taxxa tal-kumpaniji ta’ 41 % applikabbli fiż-żmien tar-riallinjament (36 % taxxa tal-kumpaniji u 5 % taxxa lokali tan-negozju). |
Ir-riallinjamenti skond il-Liġi 350/2003
|
(52) |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 pprovda li l-iskema ta’ riallinjament prevista mill-Artikolu 17 tal-Liġi 342/2000 setgħa jkun applikat għall-qligħ magħmul iżda mhux fiskalment rikonoxxut li għandu x’jaqsam ma’ l-assi kkonċernati mir-riorganizzazzjonijiet tas-settur bankarji skond il-Liġi 218/1990 u li kienu għadhom jirriżultaw mill-karta tal-bilanċ tal-kumpanija fil-31 ta’ Diċembru 2003. Il-Liġi 350/2003 ipprovdiet biex it-taxxa sostituttiva fuq il-profitti kapitali rigward ir-riallinjamenti ta’ qligħ bħal dan kienet ta’ 12 % għar-riallinjamenti doppji (riallinjament ta’ l-assi miżmuma mill-istituzzjoni ta’ kreditu kif ukoll ta’ l-ishma rċevuti mill-bank trasferitur) u ta’ 9 % fil-każ ta’ rijallinjament waħdani (jiġifieri limitat għall assi detenuti mill-istituzzjoni ta’ kreditu). Fl-Artikolu 26 tal-Liġi 350/2003, madanakollu, mhu previst ebda riallinjament ieħor ta’ assi rrelatati mar-riorganizzazzjonijiet ġenerali tal-kumpaniji skond id-Digriet Leġislattiv 358/1997. |
|
(53) |
Partikularment, skond l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, il-profitti kapitali storiċi magħmula taħt il-Liġi 218/1990 dwar it-trasferiment ta’ assi immobiljari u assi bankarji oħrajn lil istituzzjonijiet ta’ kreditu privati eżistenti jew li għadhom kemm ġew stabbilit bi skambju għal ishma ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu bħal dawn, setgħu jkunu rikonoxxuti fiskalment bil-pagament ta’ taxxa sostutittiva ta’ 12 % jew 9 % minflok it-taxxa tal-kumpaniji ta’ 37,25 % applikabbli f’dak iż-żmien (33 % taxxa tal-kumpaniji u 4,25 % taxxa lokali tan-negozju). Il-Liġi 350/2003 kienet ukoll tipprovdi li t-taxxa sostituttiva kellha titħallas fi tliet rati (50 % fl-2004, 25 % fl-2005 u 25 % fl-2006), mingħajr interessi. |
|
(54) |
Skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, disa’ gruppi bankarji allinjaw mill-ġdid l-assi tagħhom skond l-Artikolu 26(26) tal-Liġi 350/2003, billi ħallsu t-taxxa sostituttiva fuq il-profitti kapitali ta’ 9 % (riallinjament singolu). Il-profitti kapitali rrelatati kienu jammontaw kumplessivament għal aktar minn EUR 2 059 miljun. Id-disa’ benefiċjarji ħallsu taxxa sostituttiva ta’ EUR 180 615 534. Biex ikun ikkalkulat l-ekwivalenti effettiv tat-taxxa għall-iskopijiet t’ għajnuna mill-Istat, ir-rati pagabbli fl-2005 u l-2006 għandhom ikunu miżjuda b’rata ta’ referenza ta’ 3,7 % għall-irkuprar ta’ għajnuna illeġittima previst mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 794/2004 (8) It-taxxa mħallsa effettivament tammonta għal EUR 185 505 996 (9), li jirrappreżenta l-ammont ta’ riferiment biex tkun ikkalkulata l-għajnuna eventwali espressa bħala sussidju ekwivalenti. |
Il-valutazzjoni mill-ġdid skond il-Liġi 350/2003
|
(55) |
L-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 kien jipprovdi li l-kumpaniji taxxabbli kollha jistgħu jagħmlu valutazzjoni mill-ġdid tal-valur taxxabbli ta’ l-assi tagħhom eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 2002 biex jagħtuhom il-valur fis-suq tagħhom f’dak iż-żmien, billi jħallsu taxxa sostituttiva ta’ 19 % fil-każ ta’ valutazzjoni mill-ġdid ta’ assi deprezzabbli u 15 % fil-każ ta’ assi li mhumiex deprezzabbli, pagabbli fi tliet rati (50 % fl-2004, 25 % fl-2005 u 25 % fl-2006). |
|
(56) |
Kif spjeġat hawn fuq, il-valutazzjonijiet mill-ġdid huma operazzjonijiet straordinarji li huma permessi xi kultant permezz ta’ dispożizzjonijiet tat-taxxa speċjali biex jqarrbu l-valur storiku ta’ l-assi mal-valur attwali. Il-valutazzjoni mill-ġdid tat-taxxa hija differenti mir-riallinjament, minħabba li fir-rivalutazzjoni l-valur fiskali ta’ l-assi miżmuma minn kumpanija jistgħu jkunu allinjati mal-valur attwali tas-suq fil-mument tal-valutazzjoni mill-ġdid, waqt li fir-riallinjament il-profitti kapitali fiskalment rikonoxxuti ma jistgħux ikunu aktar mill-valur li nkiseb fil-mument ta’ meta seħħ l-aħħar avveniment li kien jinvolvi korrispettiv bħal dak ta’ riorganizzazzjoni. |
3. RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA
|
(57) |
Bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2007 (10), il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa prevista fl-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 billi din l-iskema kienet tidher li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex tkun meqjusa bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE u, barra minn dan, kien hemm dubbji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni billi l-ebda eċċeżżjoni stabbilita fl-Artikoli 67(2) u (3) ma dehret applikabbli. |
|
(58) |
Partikolarment, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kien jagħti vantaġġ finanzjarju ugwali għad-differenza bejn it-taxxa mħallsa effettivament fl-2004 biex ikun allinjat mill-ġdid il-valur ta’ l-assi u t-taxxa li kienet normalment tkun dovuta jekk l-istess riallinjament kellu jsir fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet ta’ l-istess Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003. Ir-rata tat-taxxa ordinarja applikabbli fl-2004 fuq qligħ bħal dan kienet tammonta għal 37,25 % (magħmula minn 33 % taxxa tal-kumpaniji u 4,25 % taxxa lokali tan-negozju), waqt li t-taxxa sostituttiva mħallsa effettivament kienet ta’ 9 %. Il-Kummissjoni qieset ukoll li, skond il-Liġi 350/2003, it-taxxa sostituttiva kienet pagabbli fi tliet rati (50 % fl-2004, 25 % fl-2005 u 25 % fl-2006) mingħajr interessi, filwaqt li t-taxxa li kienet tkun applikabbli fin-nuqqas ta’ l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kienet dovuta kollha fl-2004. Il-Kummissjoni kkalkulat li l-valur ekwivalenti għas-sussidju, tat-taxxa effettivament mħallsa mid-disa’ benefiċjarji ta’ l-iskema eżaminata kien ta’ EUR 185 505 996, waqt li t-taxxa normali kienet tkun EUR 771 991 022 (37,25 % tal-qligħ magħmul, b’total ta’ aktar minn EUR 2 059 miljuni). Id-differenza bejn it-taxxa pagabbli normalment u t-taxxa mħallsa effettivament b’hekk tammonta għal EUR 586 485 026. |
|
(59) |
Il-Kummissjoni qieset ukoll li waqt li r-riallinjamenti tat-taxxa vantaġġużi għall-benefiċjarji skond l-imsemmija Liġijiet 342/2000 u 448/2001 kienu jikkostitwixxu miżuri ġenerali tat-taxxa biex jiżguraw l-istess tassazzjoni fuq il-profitti kapitali magħmula, ir-riallinjament stabbilit fl-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kien limitat biss għall-banek suġġetti għal riorganizzazzjonijiet regolati mil-Liġi 218/1990, u b’hekk la seta’ jkun meqjus bħala miżura ta’ natura ġenerali u lanqas ma kien jiżgura trattament ugwali tal-profitti kapitali kkonċernati u l-profitti li jsiru mir-riorganizzazzjonijiet ta’ kumpaniji komparabbli. Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-fatt li ċerti banek Taljani kienu ħallsu l-obbligi tat-taxxa tagħhom irrelatati mal-profitti kapitali mhux rikonoxxut fil-karti tal-bilanċ tagħhom permezz tal-ħlas ta’ taxxa nominali (mnaqqsa), seta’ żied l-interess fihom biex jinxtraw u b’hekk kien jirriżulta fi tfixkil fis-suq ta’ l-akkwisti tas settur tal-banek. |
|
(60) |
Il-Kummissjoni b’hekk ikkonkludiet li l-iskema eżaminata setgħat ttikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompattibbli mas-suq komuni u b’hekk fetħet il-proċediment stabbilit fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE. Il-Kummissjoni avżat li, jekk fl-għeluq ta’ dan il-proċediment, kellha tikkonkludi li l-iskema eżaminata kienet għajnuna inkompatibbli mill-Istat, kien ikun meħtieġ li jkun hemm irkupru skond l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (11). Madanakollu, fid-dawl tal-prassi rigward xi skemi ta’ għajnuna fiskali (12), l-irkupru kellu jkun biss tat-taxxi mħallsa inqas minn dak li l-benefiċjarju ta’ l-iskema kien ikollu jħallas kieku kien irrikorra għall-iskemi tat-taxxi l-oħra disponibbli dak iż-żmien u sakemm dan ma jimplikax ir-rikostruzzjoni ta’ għażliet li huma biss ipotetiċi li setgħu saru mill-benefiċjarji ta’ l-iskema kkonċernata. (13). Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani u l-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-kwistjoni jekk l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija illegalment setax ikun limitat biss għad-differenza bejn it-taxxa li kellha titħallas skond l-iskema ta’ rivalautazzjoni prevista mill-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u t-taxxa sostituttiva mħallsa effettivament mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu benefiċjarji skond l-iskema ta’ riallinjament ta’ l-Artikolu 2(26) ta’ l-istess Liġi 350/2003. |
4. OSSERVAZZJONIJIET TA’ L-ITALJA
|
(61) |
Fil-kummenti mibgħuta, l-awtoritajiet Taljani essenzjalment a) ċaħdu li l-iskema takkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, u b) osservaw, b’mod sussidjarju, li l-vantaġġ eventali li ngħata kien ħafna inqas minn dak ikkalkulat proviżorjament mill-Kummissjoni u kien kellu għalhekk jiġi kkunsidrat insinifikanti (de minimis). |
|
(62) |
L-Italja sostniet b’mod partikolari li l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 kien jippermetti impliċitament lill-kumpaniji kollha li ħadu parti f’riorganizzazzjonijiet tal-kumpaniji li jibbenefikaw mill-possibilità li jallinjaw mill-ġdid il-valur ta’ l-assi tagħhom. Skond l-awtoritajiet Taljani, l-Artikolu 2(25) tal-Liġi ċċitata ġġeneralizza l-possibbiltà li l-valuri tat-taxxa u dawk kontabbli jiġu riallinjati permezz ta’ referenza impliċita għall-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000, li kien jistabbilixxi r-rikonoxximent tal-profitti kapitali sospiżi b’riżultat ta’ riorganizzazzjonijet fiskalment newtrali u, għalhekk, jirrigwarda n-nuqqas ta’ allinjamenti kollha li jirriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet ta’ kumpaniji magħmula skond id-Digriet Leġislattiv 358/1977. |
|
(63) |
Skond l-Italja, kien possibbli li din l-iskema ta’ riallinjament ġenerali tintuża bil-ħlas ta’ taxxa sostitiuttiva ta’ 19 % fil-każ ta’ rivalutazzjoni ta’ assi deprezzabbli u ta’ 15 % fil-każ ta’ assi li mhumiex deprezzabbli fi tliet rati (50 % fl-2004, 25 % fl-2005 u 25 % fl-2006), skond l-Artikolu 12 tal-Liġi 342/2000. Għalhekk, għall-awtoritajiet Taljani, l-iskema pprovduta mill-Artiklu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kellha tkun valutata fid-dawl ta’ l-iskema ta’ riallinjament impliċitament imdaħħla bl-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 pjuttost milli fil-konfront tas-sistema ġenerali tat-taxxa tal-kumpaniji skond l-Artikolu 2(25) ta’ l-istess Liġi 350/2003 kif allegat mill-Kummissjoni. Kemm l-iskema impliċita ta’ riallinjament kif ukoll l-iskema espliċita ta’ rivalutazzjoni kienu jipprovdu, skond l-Italja, għall-istess taxxa sostitutittiva ta’ 19 % u 15 % kif diġà deskritt. B’differenza għal dak li allegat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċediment ta’ investigazzjoni formali, madankollu, għall-awtoritajiet Taljani l-vantaġġ possibbli li jirriżulta mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 jammonta biss għad-differenza bejn it-taxxa sostituttiva ta’ 9 % mħallsa mill-banek benefiċjarji fuq il-qligħ mhux rikonoxxut taghhom u t-taxxa ta’ 15 % pagabbli fuq l-istess qligħ possibbli tal-kumpaniji l-oħra kollha eliġibbli għar-riallinjament tal-valur ta’ l-assi tagħhom. Din id-differenza għandha mbagħad tkun imnaqqsa minħabba l-fatt li l-banek benefiċarji kienu ħallsu taxxa relativament iktar għolja ta’ 15 % fuq il-profitti kapitali inizjali tagħhom, b’differenza mill-kumpaniji l-oħra kollha li setgħu jagħżlu s-sistema ta’ newtralità sħiħa tat-taxxa prevista mid-Digriet Leġislattiv 358/1997. |
|
(64) |
L-Italja ssostni wkoll li r-riallinjamenti pprovduti għall-profitt kapitali li jirriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet tas-settur bankarju magħmula skond il-Liġi 218/1990 ma jistgħux ikunu mqabbla mal-miżuri l-oħra kollha għar-rikonoxximent tal-profitti kapitali għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett għaliex ir-riorganizzazzjonijiet tas-settur bankarju fil-kwistjoni kienu, minħabba n-natura stess tagħhom, speċifiċi u għalhekk ma jistgħux jitqabblu ma’ oħrajn; u t-tieni, għaliex il-miżuri ta-taxxa magħmula biex jiġi differit ir-rikonoxximent tal-profitti kapitali magħmula kienu speċifikament maħsuba għal riorganizzazzjonijiet bħal dawn billi kienu jipprevedu skema ta’ newtralità parzjali tat-taxxa kemm għat-trasferitur kif ukoll għal dak li jirċievi t-trasferiment. |
|
(65) |
Rigward l-uniċità tar-riorganizzazzjonijiet tas-settur bankarju, l-awtoritajiet Taljani jsostnu li l-miżura kellha x’taqsam biss ma’ ċerti riorganizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu magħmula bejn it-22 ta’ Awwisu 1990 u l-31 ta’ Diċembru 1995, prinċiparjament bl-iskop tal-privatizzazzjoni tas-settur ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu pubbliċi fl-Italja. Ġie meqjus li l-forma legali l-aktar adatta għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu pubbliċi Taljani kienet dik tal-kumpanija għaliex din kienet tiżgura l-ħolqien ta’ gruppi bankarji privati fl-Italja u tħeġġeġ l-ugwaljanza fil-kundizzjonijiet ma’ banek oħra fis-suq komuni. Skond il-Liġi 218/1990, wara r-riorganizzazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li kienu pubbliċi, l-ishma tagħhom kienu attribwiti direttament lil kumpaniji li kienu predominantement ta’ l-Istat jew lil fondazzjonijiet bankarji privati li diġà kienu jeżistu jew fondazzjonijiet bankarji li kienu għadhom kif twaqqfu fejn il-proprjetà pubblika kienet imqassma bejn entitajiet lokali differenti. kemm l-Istat kif ukoll il-fondazzjonijiet ngħataw l-inkarigu temporanju li jamministraw u jbiegħu progressivament l-ishma ta’ dawn il-kumpaniji li kienu għadhom kemm twaqqfu fuq is-suq biex jippermettu l-konsolidazzjoni tas-settur bankarju u l-ħolqien ta’ gruppi bankarji fl-Italja. |
|
(66) |
Rigward in-natura speċifika ta’ l-iskema ta’ newtralità fiskali għal riorganizzazzjonijiet bankarji bħal dawn, din kienet ġustifikata bil-fatt li f’dak iż-żmien ma kien hemm ebda skema ġenerali li kienet tiżgura n-newtralità tar-riorganizzazzjonijiet tal-kumpaniji u l-kontribuzzjonijiet ta’ fergħat tan-negozju. Il-leġiżlatur Taljan kellu l-intenzjoni li jħaffef il-privatizzazzjoni ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu pubbliċi permezz tar-ristrutturazzjoni tagħhom u t-trasformazzjoni legali tagħhom f’kumpaniji privati, waqt li jevita li jagħti vantaġġi mhux neċessarji lil istituzzjonijiet ta’ kreditu bħal dawn. Biex ikun evitat tagħwiġ fil-kompetizzjoni fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu privati oħra, il-leġiżlatur Taljan ipprovda għal a) newtralità tat-taxxa parzjali għat-trasferitur kif ukoll għal dak li jirċievi t-trasferiment (15 % tal-profitti kapitali magħmula kien rikonoxxut fiskalment u ntaxxat bir-rata ordinarja ta’ 52,2 % dak iż-żmien), b) l-iskrizzjoni tal-profitti kapitali mhux rikonoxxuti f’riżerva speċjali sakemm it-taxxa tkun sospiża; u c) l-estensjoni ta’ l-istess skema ta’ newtralità tat-taxxa parzjali għar-riorganizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu privati biex ikun żgurat trattament indaqs tat-taxxa għar-riorganizzazzjonijet tal-kumpaniji li fihom setgħu jipparteċipaw kemm l-istituzzjonijiet ta’ kreditu pubbliċi kif ukoll dawk privati. |
|
(67) |
L-awtoritajiet Taljani jqisu li l-konkluzjonijiet tal-Kummissjoni li l-iskemi ta’ newtralità tat-taxxa, previsti mil-Liġi 218/1990 u d-Digriet Leġislattiv mhumiex għajnuna mill-Istat għaliex huma ġustifikati mil-loġika intrinsika tas-sistema tat-taxxi (il-punt 30 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċediment ta’ investigazzjoni formali). L-Italja tqis ukoll li, jekk dawn il-konkluzjonijiet huma minnhom, anki l-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa prevista mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 m’għandhiex tkun ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat għaliex din hija l-kumplement neċessarju għall-iskema ta’ newtralità tat-taxxa parzjali prevista mill-Artikolu 7(2) tal-Liġi 218/1990 u, barra minn dan, minħabba n-natura speċjali ta’ dawn ir-riorganizzazzjonijiet tas-settur bankarju. |
|
(68) |
L-Italja tenfasizza li l-uniċi profitti kapitali li setgħu jkunu allinjati mill-ġdid kienu dawk storiċi – li kienu jirriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet oriġinali magħmula bejn it-22 ta’ Awwissu 1990 u l-31 ta’ Diċembru 1995, li kienu baqgħu wara r-rikonoxximent u mbagħad l-assuġġettar għat-taxxa ta’ 15 % fuq il-profitti kapitali. Għal profitti kapitali bħal dawn, li mhumiex ġodda iżda li saru fis-snin preċedenti, l-applikazzjoni ta’ taxxa sostituttiva mnaqqsa tkun kompletament ġustifikata min-natura speċifika ta’ dawn il-profitti kapitali u, b’mod partikolari, min-natura speċifika tar-riorganizzazzjonijiet bankarji taħt il-Liġi 218/1990 li għalihom tħallset taxxa ta’ l-52,2 % fuq il-15 % tal-profitti kapitali magħmula. Jekk tinġibed medja bejn ir-rata tat-taxxa applikata ta’ 52,2 % ma’ dik tad-9 % u t-12 % tat-taxxa sostitutittva prevista mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 fuq il-bqija tal-profitti kapitali (85 %), ir-rata kumplessiva applikata kienet tvarja bejn il-15,48 % u s-17,85 %: rati li, skond l-Italja, huma effettivament komparabbli mar-rati ta’ 15 % u 19 % applikabbli skond l-iskema ta’ riallinjament impliċitu pprovduta mil-liġi 3580/2003, rispettivament għall-assi deprezzabbli u dawk mhux deprezzabbli tal-kumpaniji kollha. |
|
(69) |
Barra min hekk, l-awtoritajiet Taljani jqisu li l-iskema ta’ riallinjament skond l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 hija inqas flessibbli għaliex tipprovdi ghar-riallinjament obbligatorju tal-profitti kapitali li jibqa’ b’riżultat tar-riorganizzazzjoni oriġinali, waqt li l-iskema ta’ riallinjament impliċitu skond l-Artikolu 2(25) ta’ l-istess liġi tipprovdi għall-possibilità li jkun allinjat mill-ġdid il-valur ta’ l-assi singoli li jirreġistraw valur effettiv akbar. Skond l-Italja, flessibbiltà bħal din tkun ta’ vantaġġ kbir għall-kumpaniji benefiċjarji billi dawn setgħu jagħżlu li jallinjaw mill-ġdid biss l-assi deprezzabbli u mhux dawk li l-bejgħ tagħhom kien iwassal għal qligħ li kien xorta jkun eżentat mit-taxxa. Per eżempju, il-bejgħ ta’ ishma kwalifikati taħt l-imsemmija skema ta’ eżenżjoni tal-parteċipazzjonijiet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004, hija 95 % eżenti u b’hekk ma jkunx jaqbel għall-kumpanija li tħallas it-taxxa għar-rikonoxximent tal-qligħ minn assi li b’din il-liġi xorta jkunu eżentati mit-taxxa. Skond l-awtoritajiet Taljani, din id-differenza żgur li mhijiex waħda bla importanza, billi ħafna mill-assi storikament ittrasferiti fis-snin ’90 lil istituzzjonijiet ta’ kreditu li kienu għadhom kemm ġew stabbiliti kienu magħmula minn parteċipazzjonijiet ta’ kumpaniji kwalifikati li għalhekk kienu totalment saru eżentati mit-taxxa wara r-riforma tat-taxxa ta’ l-2003 deskritta hawn fuq. |
|
(70) |
Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Taljani jqisu li, anke fil-każ li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li r-rata ta-taxxa mħallsa skond l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kienet iktar favorevoli minn dik applikabbli skond l-iskema ta’ riallinjament “ġenerali” taħt l-Artikolu 2(25) ta’ l-istess Liġi, id-differenza konkreta hija minima u għandha tkun ikkunsidrata bħala għajnuna de minimus. |
5. L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(71) |
Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-partijiet interessati ppreżentaw numru ta’ argumenti biex jiċħdu l-kwalifika ta’ l-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa fil-kwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. Sostnew li din kienet miżura tat-taxxa teknika bl-iskop li tindirizza sitwazzjoni speċifika, jiġifieri li ssolvi l-problema tan-nuqqas ta’ allinjament ta’ ċerti valuri tat-taxxa partikolari mhux rikonoxxuti li għandhom x’jaqsmu ma’ assi skambjata fil-mument li saru ċerti riorganizzazzjonijiet ta’ kumpaniji fis-settur bankarju, liema miżura, barra minn dan lanqas ma tipprovdi vantaġġ għall-gruppi bankarji kkonċernati billi fil-fatt tirriżulta fil-ħlas ta’ spejjeż żejda, li normalment ma jitħallsux minn kumpaniji oħra li jkunu ħadu sehem f’riorganizzazzjonijiet simili fil-qafas ta’ l-iskema ġenerali ta’ newtralità tat-taxxa applikabbli skond id-Digriet Leġislattiv 358/1997 u d-Direttiva ta’ l-Amalgamazzjonijiet. |
|
(72) |
Essenzjalment, il-partijiet interessati jaffermaw li l-iskema eżaminata mhix selettiva għaliex hija ġustifikata mill-karatteristiċi speċifiċi tas-settur bankarju u partikularment mill-karatteristiċi speċifiċi tar-ristrutturar ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati. Skond il-partijiet interessati, f’deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni diġa’ kkunsidrat l-iskema ta’ newtralità parzjali tat-taxxa prevista mil-liġi 218/1990 bħala kumpatibbli mas-suq komuni, bħal, per eżempju, id-deċiżjoni 2002/581/KE tal-11 ta’ Diċembru 2001 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat favur il-banek implimentata mill-Italja (14), liema deċiżjoni tirreferi, min-naħa tagħha, għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-Banco di Napoli (15). |
|
(73) |
Il-partijiet interessati isostnu wkoll li m’hemm ebda vantaġġ speċifiku favur l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ristrutturati kkonċernati, kif jirriżulta minn paragun bejn it-taxxa sostituttiva mħallsa mill-banek ikkonċernati għar-rikonoxximent tal-profitti kapitali tagħhom u t-taxxa pagabbli minn kumpaniji oħra li għaddew minn riorganizzazzjonijiet f’sistemi ta’ newtralità tat-taxxa simili. Ir-rati tat-taxxa differenti applikati fl-2003 lill-banek ristrutturati u lill-kumpaniji l-oħra tista’ tkun spjegata mill-iskemi differenti tat-taxxa għaż-żewġ tipi ta’ ristrutturazzjoni. Il-partijiet josservaw li, filwaqt li l-profitti kapitali mhux rikonoxxut li jirriżultaw mir-ristrutturar skond id-Digriet Leġislattiv 358/1997 kienu “profitti kapitali li jistgħu jitqassmu liberament” billi setgħu jitqassmu lill-azzjonisti mingħajr iktar taxxi fil-livell tal-kumpanija, il-profitti kapitali magħmula skond il-Liġi 218/1990 kienu “profitti kapitali sospiżi” kemm għat-trasferitur kif ukoll għal dak li jirċievi t-trasferiment sakemm dan il-qligħ jiġi mqassam lill-azzjonisti rispettivi. |
|
(74) |
Id-distinzjoni bejn l-iskemi differenti tat-taxxa tal-profitti kapitali li jirriżultaw miż-żewġ sitwazzjonijiet kienet ikkonfermata, skond il-partijiet interessati, mir-Riżoluzzjoni Nru 82/2000 tal-Ministeru tal-Finanzi Taljan (16), li biha l-amministrazzjoni tat-taxxa rrikonoxxiet li d-differenza bejn il-valur ġust fis-suq ta’ fergħa ta’ negozju kkontribwita u l-valur fiskali tagħha ma tistabilixxix il-profitti kapitali taxxabbli fil-qafas ta’ kontribuzzjoni fil-kuntest skema ta’ newtralità tat-taxxa, sakemm il-valuri fiskali la jiġu allinjati mal-valur ġust fil-livell ta’ l-enti li tikkontribwixxi u lanqas fil-livell ta’ l-enti li tirċievi t-trasferiment. Barra minn dan, ir-Riżoluzzjoni tasal għall-konkluzjoni li d-differenza li tiġi mit-trasferiment tal-fergħa tan-negozju għandha biss rilevanza kontabbli sakemm l-assi inklużi fil-fergħa kkonċernata jiġu effettivament mibjugħa u għalhekk il-“profitti kapitali sospiżi” jsiru profitti li jistgħu jiġu distribwiti lill-azzjonisti mingħajr ebda taxxa fil-livell tal-kumpanija. Min-naħa l-oħra, id-differenza fil-valur kontabbli li tirriżulta minn kontribuzzjoni fi skema ta’ newtralità tat-taxxa parzjali wara r-riorganizzazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kwistjoni, hija, skond l-Artikolu 7(2) tal-Liġi 218/1990, intaxxata mhux biss jekk l-assi kapitali kienu mibjugħa iżda wkoll jekk il-profitti kapitali jiġu mqassma lill-azzjonisti. |
|
(75) |
Skond l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, il-fatt li r-rati tat-taxxa stabbiliti mil-Liġijiet 342/2000 u 448/2001 għar-riallinjamenti fl-2000 u l-2001 kienu l-istess kemm għar-riorganizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u għal dawk tal-kumpaniji l-oħra, filwaqt li r-rati tar-riallinjamenti ta’ l-2003 apparentement kienu iktar vantaġġużi għall-banek, jista’ jkun spjegat bl-emendi introdotti mir-riforma tat-taxxa tal-kumpaniji ta’ l-2003, li ħadet il-post tas-sistema ta’ imputazzjoni tal-kreditu tat-taxxa bil-metodu ta’ eżenzjoni ta’ 95 % biex ma jkunx hemm tassazzjoni ekonomika doppja tad-dividendi. |
|
(76) |
Dejjem skond il-partijiet interessati, il-kumpaniji li huma s-suġġett tar-ristrutturazzjonijiet (b’differenza mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu ristrutturati) setgħu jqassmu l-profitti kapitali storiċi tagħhom mingħajr ma jħallsu taxxa tal-kumpaniji, iżda dividendi irrelatati – skond is-sistema ta’ imputazzjoni applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2003 - kienu jkunu taxxabbli fil-livell ta’ l-azzjonista benefiċjarju. Fil-każ li tkun imposta taxxa tal-kumpaniji sostituttiva biex tirrikonoxxi fiskalment profitti kapitali bħal dawn (kif ġara fil-każi ta’ l-iskemi ta’ riallinjament tat-taxxa ta’ l-2000 u l-2001), it-taxxa mħallsa kienet imputata bħala kreditu tat-taxxa pagabbli għall-ammont pagabbli mill-azzjonista meta jkun hemm id-distribuzzjoni tad-dividend. Għalhekk, fil-kuntest tas-sistema l-qadima ta’ imputazzjoni, it-taxxa fil-livell ta’ l-azzjonista kienet, f’kull każ, tassorbi t-taxxa tal-kumpaniji eventwalment mħallsa bħala akkont u b’hekk tpoġġi fuq l-istess livell it-trattament tat-taxxa ta’ kwalunkwe skema ta’ riallinjament: dan, min-naħa tiegħu, kien jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-istess rata tat-taxxa sostituttiva applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ristrutturati kif ukoll għal kumpaniji interessati oħra involuti f’riorganizzazzjoni f’dak iż-żmien. |
|
(77) |
Is-sitwazzjoni nbidlet sostanzjalment wara l-31 ta’ Diċembru 2003 bl-introduzzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni tal-95 % tad-dividendi applikabbli għall-profitti kapitali minn riorganizzazzjoni li jkunu sospiżi u mbagħad jkunu imqassma bħala dividendi. Mill-2004, it-taxxa fuq il-profitti kapitali magħmula mir-riorganizzazzjonijiet ta’ kumpaniji apparti mill-banek kkonċernati, u mbagħad mqassma bħala dividendi kienet applikata biss fuq il-5 % tal-profitti kapitali distribwiti bħala dividendi, b’din ta’ l-aħħar l-unika taxxa dovuta (fin-nuqqas ta’ l-applikazzjoni ta’ taxxa sostituttiva), waqt li r-rata tat-taxxa tal-kumpaniji ordinarja kienet applikabbli għall-profitti kapitali tal-banek riorganizzazati sakemm dan il-qligħ kien imqassam (dejjem fin-nuqqas ta’ taxxa sostituttiva). Biex tkun ikkoreguta din id-differenza fit-trattament, il-leġiżlatur Taljan introduċa r-rata tat-taxxa sostituttiva b’rata nominali (mnaqqsa), prevista mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 sabiex jirrikonoxxi l-profitti kapitali sospiżi biss għall-banek kkonċernati suġġetti għal riorganizzazzjoni, u li kienet teskludi l-profitti kapitali sospiżi skond id-Digriet Leġislattiv 358/1997 billi dawn ta’ l-aħħar kienu xorta suġġetti għal taxxa aktar baxxa meta kienu jiġu mqassma fil-forma ta’ dividendi (95 % mid-dividend kien jiġi eskluż mit-tassazzjoni fil-livell ta’ l-akkwirent). |
|
(78) |
Fil-qosor, skond il-partijiet interessati, l-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa ta’ l-2003 ma pprovdiet ebda vantaġġ lill-banek ristrutturati: minflok kienet miżura biex taġġusta d-differenza bejn l-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa iktar ħarxa prevista mill-Liġi 218/1990 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ristrutturati u l-iskema fiskalment anqas stretta applikata għall-profitti kapitali mqassma mill-kumpaniji riorganizzati fil-kuntest ta’ l-iskema ġenerali tad-Digriet Leġislattiv 358/1997. |
|
(79) |
Fl-aħħar nett, il-partijiet interessati osservaw, sussidjarjament, li anki jekk il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa skond l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 pprovdiet vantaġġ speċifiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ħadu sehem fir-ristrutturar skond il-Liġi 218/1990 biss, dan il-vantaġġ ma jammontax għal dak li kkalkulat preliminarjament il-Kummissjoni, izda biss għad-differenza bejn it-taxxa mħallsa minħabba r-riallinjament u t-taxxa, separata u distinta, pagabbli biex ikunu valutati mill-ġdid assi singoli deprezzabbli u mhux skond l-Artikolu 2(25) ta’ l-istess Liġi 350/2003. Din id-differenza hija frazzjoni mit-taxxa fuq il-valutazzjoni mill-ġdid li titwettaq u, mhux talli hekk, għandha titnaqqas mit-taxxa mħallsa iktar biex ikunu allinjat mill-ġdid l-assi li ma jwasslu għal ebda profitti kapitali taxxabbli jekk jiġu trasferiti (assi li t-trasferiment tagħhom iwassal għal profitti kapitali eżenti). |
6. L-EVALWAZZJONI
6.1. L-għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE
|
(80) |
Skond każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (17), biex tkun ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti mill-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, jiġifieri l-miżura trid tkun mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, trid tipprovdi vantaġġ li jiffavorixxi b’mod selettiv ċerti impriżi jew produtturi mingħajr ma jkun ġustifikat mil-loġika intrinsika ta’ l-iskema tat-taxxa u, fl-aħħarnett trid tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni jew tkun ta’ theddida li jkun hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ. |
Riżorsi statali
|
(81) |
Il-Kummissjoni tqis li l-iskema eżaminata hija b’mod ċar iffinanzjata minn riżorsi ta’ l-Istat billi l-ħlas ta’ taxxa sostituttiva nominali (mnaqqsa) minflok it-taxxa tal-kumpaniji ordinarja fuq il-profitti kapitali rikonoxxuti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 huwa l-istess bħal ħelsien mit-taxxa tal-kumpaniji li kieku kien ikollha tkun imħallsa, a spejjeż tal-finanzi pubbliċi. |
Il-preżenza ta’ vantaġġ selettiv
|
(82) |
L-awtoritajiet Taljani u l-partijiet interessati osservaw li, fid-deċiżjonijiet preċedenti 2000/600/KE (18) dwar l-approvazzjoni kundizzjonali ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-banek pubbliċi Banco di Sicilia u Sicilcassa, u 1999/288/KE (19) dwar l-approvazzjoni kundizzjonali ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-Banco di Napoli, il-Kummissjoni eżaminat u approvat l-iskema ta’ newtralità tat-taxxa parzjali prevista mil-Liġi 218/1990 minħabba li kkonkludiet li din il-miżuri ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għalhekk, l-anqas l-iskema eżaminata ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi hija biss il-konsegwenza naturali ta’ l-iskema ta’ sospensjoni tat-taxxa stabbilita mil-imsemmija Liġi 218/1990. |
|
(83) |
Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 7(2) tal-Liġi 218/1990 kien jistabbilixxi li t-trasferimenti ta’ l-assi u l-ishma magħmula fil-kuntest tar-riorganizzazzjonijet tas-settur bankarju fil-kwistjoni kienu ttrattati bħala parzjalment newtrali għat-taxxa. Dan kien jimplika in-nuqqas ta’ rikonoxximent parzjali tal-profitti kapitali magħmula mit-trasferiment ta’ fergħat ta’ attivitajiet bankarji kemm mit-trasferitur kif ukoll mill-akkwirenti, sakemm l-assi li kienu jiffurmaw il-fergħa ta’ negozju trasferita jakkwistaw l-istess valur fiskali li kellhom għand it-trasferitur (valur fiskali trasferit) u anki l-ishma rċevuti mill-benefiċjarju jakkwistaw l-istess valur fiskali ta’ l-assi trasferiti (valur fiskali sostituttiv). |
|
(84) |
Fil-kuntest ta’ din l-iskema, jekk ma ma kien ikun hemm ebda żieda fil-valur fiskali ta’ l-assi u l-ishma skambjati, ma kienx jingħata vantaġġ tat-taxxa lill-entitajiet li kienu pparteċipaw fir-riorganizzazzjoni u t-tassazzjoni fuq il-qligħ magħmul mit-trasferiment kienet diferita biss temporanjament biex tkun rikonoxxuta fil-futur (bħal f’każ taċ-ċessjoni ta’ l-assi mill-kumpanija akkwirenti jew ta’ l-ishma mill-kumpanija li tagħmel it-trasferiment). Sakemm la kien ikun hemm ebda żieda fil-valur tal-bażi tat-taxxa għat-trasferitur u lanqas għall-akkwirent, ma kien ikun hemm l-ebda miżura ta’ għajnuna li tirriżulta mid-differiment tar-rikonoxximent tal-qligħ fil-livell tal-kumpanija. |
|
(85) |
Dan id-differiment tal-ħlas tat-taxxa skond l-iskema prevista mil-Liġi 218/1990 kien, barra minn dan, jikkonforma mal-prinċipji bażiċi tat-tassazzjoni tal-kumpaniji – li skondhom it-tassazzjoni fuq id-dħul tapplika għad-dħul u l-qligħ kollha magħmula minn kwalunkwe kumpanija – iżda l-profitti kapitali magħmula ma kinux rikonoxxuti fiskalment għaliex ma kien ikun hemm l-ebda żieda korrispondenti fil-valur fiskali ta’ l-assi fil-kwistjoni, biex b’hekk it-tassazzjoni setgħet xorta ssir iktar tard. |
|
(86) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ‘il fuq, il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni inizjali tagħha fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċediment ta’ investigazzjoni formali jiġifieri (a) kemm in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ 85 % tal-profitti kapitali magħmula fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet skond il-Liġi 218/1990 u (b) in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-profitti kapitali magħmula fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet skond id-Digriet Leġislattiv 358/1997 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat billi l-valur fiskali ta’ l-assi skambjata ma nbidilx (20), u b’hekk ma kien hemm ebda profitti kapitali fiskali u għalhekk ma ngħata ebda vantaġġ fiskali. Billi l-profitti kapitali magħmula kienu ġew iffrizati, il-qligħ relattiv ma setax jiġi mqassam u lanqas ma seta’ jkun hemm deprezzament, żvalutatar jew tnaqqis b’xi mod ieħor ta’ l-ishma fil-valur miżjud ta’ l-assi mid-dħul taxxabbli tal-kumpanija li jirriżulta minn tranżazzjonijiet bħal dawn. Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li d-differiment tat-taxxa relatat man-newtralità tat-taxxa kien ġustifikata skond il-loġika intrinsika tas-sistema tat-tassazzjoni u ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
|
(87) |
Min-naħa l-oħra, l-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa prevista fl-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kienet tagħti d-dritt għal żieda fil-valur fiskali, li għaliha kellha titħallas it-taxxa ordinarja tal-kumpaniji, kieku ma kienx hemm taxxa sostituttiva speċjali bħal dik eżaminata hawn. Il-Kummissjoni tifhem li, biex jiffaċilita t-tassazzjoni tal-profitti kapitali, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ japplika taxxa sostituttiva b’rata iktar konvenjenti minn dik ordinarja. Billi t-taxxa fuq trasferiment hija ġeneralment imħallsa immedjatament iżda l-vantaġġi fiskali taż-żieda tal-bażi tat-taxxa ta’ l-assi ttrasferiti jseħħu biss biż-żmien permezz tat-tnaqqis tad-deprezzament perjodiku tagħhom jew fil-mument tat-trasferiment tagħhom, it-taxxa ordinarja fuq qligħ bħal dan ġeneralment twassal għal żieda fit-taxxa kumplessiva netta tal-kumpaniji li tagħmel it-trasferiment kif ukoll tal-kumpanija akkwirenti. B’hekk, taxxa sostituttiva, b’rata iktar baxxa minn dik ordinarja, fuq il-profitti kapitali magħmula mir-riorganizzazzjonijiet tal-kumpaniji tista’ tkun ġustifikata, fil-prinċipju, bħala miżura teknika bl-għan li tiffaċilita r-rikonoxximent tal-profitti kapitali. |
|
(88) |
Madanakollu, riallinjament tat-taxxa favorevoli bħal dan jista’ jkun ġustifikat biss jekk ikun oġġettivament applikabbli, taħt l-istess kundizzjonijiet, għar-rikonoxximenti fiskali ta’ profitti kapitali paragunabbli, bħal dawk li jiġu minn riorganizzazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-Liġi 218/1990 inklużi dawk rrelatati ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra. |
|
(89) |
Il-Kummissjoni tqis li r-riallinjamenti previsti mil-Liġijiet 342/2000 u 448/2001 jippermettu lill-impriżi kkonċernati mir-riorganizzazzjonijiet skond il-Liġi 218/1990 u d-Digriet Leġislattiv 358/1997 li jirrikonoxxu l-profitti kapitali storiċi permezz tal-ħlas ta’ taxxa sostituttiva uniformi għall-impriżi fil-kwistjoni kollha. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li dawn ir-riallinjamenti kienu jikkostitwixxu miżura tat-taxxa ġenerali u li t-taxxa sostituttiva, applikata f’forma mnaqqsa – meta mqabbli mat-taxxa ordinarja tal-kumpanija applikabbli dak iż-żmien - ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ kompetittiv lill-kumpaniji fil-kwistjoni billi din kienet applikata taħt l-istess kundizzjonijiet lill-imprizi kollha li għażlu li jirrikonoxxu l-profitti kapitali storiċi tagħhom li saru iżda li ma kienx rikonoxxut temporarjament skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Liġi 218/1990 u d-Digriet Leġislattiv 358/1997. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li riallinjamenti bħal dawn huma miżuri ġenerali ġustifikati mil-loġika tas-sistema tat-taxxi u ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. |
|
(90) |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li r-riallinjament tat-taxxa previst mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma jikkostitwixxix miżura ġenerali għaliex kien applikabbli biss għall-profitti kapitali li saru minn ċertu istituzzjonijiet ta’ kreditu b’riżultat tar-riorganizzazzjonijiet magħmula skond il-Liġi 218/1990 biss. |
|
(91) |
Partikularment, il-Kummissjoni ssostni li l-iskema tat-taxxa eżaminata hawn ipprovdiet vantaġġ ugwali għad-differenza bejn it-taxxa mħallsa effettivament biex ikun allinjat mill-ġdid il-valur ta’ l-assi u t-taxxa li kellha tkun imħallsa normalment kieku l-istess riallinjament kellu jsir fin-nuqqas ta’ l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003. Ir-rata tat-taxxa effettiva applikabbli fl-2004 fuq qligħ bħal dan kienet tkun ta’ 37,25 % (magħmula minn 33 % taxxa tal-kumpaniji u 4,25 % taxxa lokali tan-negozju), filwaqt li t-taxxa sostitutttiva mħallsa effettivament kienet ta’ 9 % (minbarra t-tnaqqis li jirriżulta mid-diferiment tal-ħlasijiet tat-taxxa). |
|
(92) |
Il-Kummissjoni qieset ukoll li, skond il-Liġi 350/2003, it-taxxa sostituttiva tħallset fi tliet rati (50 % fl-2004, 25 % fl-2005 u 25 % fl-2006) mingħajr interessi, filwaqt li t-taxxa ordinarja applikabbli fin-nuqqas ta’ l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kienet tkun kollha pagabbli fl-2004. Il-Kummissjoni tosserva għalhekk li l-valur. ittrasformat fis-sussidju ekwivalenti, tat-taxxa effettivament mħallsa mid-disa’ benefiċjarji ta’ l-iskema eżaminata kien ta’ EUR 185 505 996, filwaqt li t-taxxa ordinarja kienet tkun EUR 771 991 022 (37,25 % tal-qligħ magħmul, ekwivalenti għal aktar minn EUR 2 059 miljuni). Id-differenza bejn it-taxxa ordinarja u t-taxxa effettivament imħallsa b’hekk tammonta għal EUR 586 485 026. |
|
(93) |
Il-Kummissjoni tqis li dan il-vantaġġ kien effettivament limitat biss għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu invluti fit-tranżazzjonijiet irregolati mil-Liġi 218/1990, waqt li istituzzjonijiet ta’ kreditu u kumpaniji oħra involuti f’tranżazzjonijiet ekwivalenti skond id-Digriet Leġislattiv 358/1997 ma setgħux jibbenefikaw mill-istess skema ta’ riallinjament tat-taxxa u l-kundizzjonijiet favorevoli tagħha. |
|
(94) |
L-awtoritajiet Taljani u l-partijiet interessati osservaw li l-ebda wieħed mid-disa’ benefiċjarji ta’ l-iskema ma kienu se jaċċetta li jallinja mill-ġdid il-valur ta’ l-assi tagħhom jekk, meta jagħmel dan, kien se jkun suġġett għat-taxxa ordinarja tal-kumpaniji fuq il-profitti kapitali rikonoxxuti. Minbarra hekk, kif spjegat mill-awtoritajiet Taljani, il-kumpaniji l-oħra li ma kellhomx x’jaqsmu f’riorganizzazzjoni magħmula taħt il-Liġi 218/1990 setgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa impliċitu skond l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 skond il-kundizzjonijiet ġenerali, li huma sostanzjalment ekwivalenti stabbiliti mill-Artikolu 17 tal-Liġi 342/2000. |
|
(95) |
L-awtoritajiet Taljani u l-partijiet interessati huma tal-parir li, biex ikun jista’ jkun ikkalkulat sew il-vantaġġ fil-kwistjoni, wieħed għandu jqis it-taxxi mħallsa fil-mument tal-kuntribuzzjonijiet oriġinali, jiġifieri fiż-żmien tal-Liġi 218/1990, b’rata globali ta’ ‘il fuq minn 40 %. It-tassazzjoni effettiva kumplessiva tal-profitti kapitali fil-kwistjoni fl-1990 u mbagħad fl-2004 tirriżulta ħafna ogħla mir-rata ġenerali għar-riallinjamenti applikata fl-2000 u, b’hekk, ma wasslet għal ebda vantaġġ. |
|
(96) |
Madanakollu, il-Kummissjoni ssostni li l-iskema skond l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ma tikkostitwixxix riallinjament tat-taxxi ta’ valuri mhux allinjati li jirriżultaw minn riorganizzazzjonijiet fiskalment newtrali iżda skema ta’ valutazzjoni mill-ġdid tat-taxxa li wasslet għar-rikonoxximent ta’ profitti kapitali moħbija li jirriżultaw mill-aġġustament tal-valur tat-taxxa ta’ l-assi miżmuma mill-kumpaniji benefiċjarji għall-valur attwali tagħhom. Il-Kummissjoni ma tikkunsidrax iż-żewġ skemi komparabbli u, barra minn dan, ma tqisx l-iskema ta’ rivalutazzjoni tat-taxxa taħt l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ekwivalenti għall-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa skond l-Artikolu 2(26) ta’ l-istess Liġi, fid-dawl tad-differenza bejn ir-rati legali tat-taxxa sostituttiva previsti minn dawn iż-żewġ skemi. |
|
(97) |
Il-Kummissjoni b’hekk tikkonkludi li l-kumpaniji li allinjaw mill-ġdid il-valur fiskali ta’ l-assi tagħhom skond l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ibbenefikaw minn vantaġġ speċifiku li jikkonsisti mid-differenza bejn ir-rata tat-taxxa ordinarja fuq il-qligħ rikonoxxut u t-taxxa sostituttiva speċjali fuq l-istess qligħ. |
|
(98) |
Il-partijiet interessati oġġezzjonaw li r-rata tat-taxxa sostituttiva iktar baxxa minn dik ordinarja prevista mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma kinitx selettiva għaliex kienet ġustifikata mill-elementi speċifiċi ta’ fatt u ta’ dritt tat-tassazzjoni fuq il-profitti kapitali li jirriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet magħmula taħt il-Liġi 218/1990. Barra minn dan, huma sostnew li, billi għaddew ħafna snin, l-Italja ma setgħatx legittimament tintaxxa dawn il-profitti kapitali bl-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-profitti kapitali li rriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet ta’ kumpaniji oħra. |
|
(99) |
Il-Kummissjoni tinnota l-fatt li r-riorganizzazzjonijiet magħmula taħt il-Liġi 218/1990 kienu jipprovdu għal kundizzjonijiet u dispożizzjonijiet speċifiċi bl-għan li jiddifferixxu ir-rikonoxximent fiskali tal-profitti kapitali magħmula wara r-riorganizzazzjonijet stess, kif indikat ukoll fl-imsemmija Riżoluzzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi Taljan. Madanakollu hija tqis l-iskema ta’ newtralità tat-taxxa parzjali skond li l-Liġi 218/1990 bħala sostanzjalment ekwivalenti għall-iskema ta’ newtralità tat-taxxa sħiħa skond id-Digriet Leġislattiv 358/1997, għal dak li jirrigwarda l-profitti kapitali magħmula iżda mhux rikonoxxut fiskalment. Billi ż-żewġ sitwazzjonijiet huma effettivament komparabbli kellhom ikunu trattati bl-istess mod meta l-leġiżlatur, fl-2003, ipprovda għar-rikonoxximent fiskali tal-profitti kapitali sospiżi. |
|
(100) |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa aktar baxxa ma tistax tkun ikkunsidrata sempliċiment bħala kumpens għal taxxa ogħla fuq il-profitti kapitali, li rriżultaw mir-ristrutturazzjonijiet tas-settur bankarju skond il-Liġi 218/1990 u li ġew imqassma lill-azzjonisti bħala dividendi, meta mqabbla mat-taxxa fuq il-profitti kapitali mqassma bħala dividendi li jirriżultaw minn riorganizzazzjonijiet oħra fi skema ta’ newtralità fiskali, kif, min-naħa l-oħra, hu affermat fl-imsemmija Riżoluzzjoni. Mhux possibbli li tkun aċċettata affermazzjoni bħal din, billi l-applikazzjoni ta’ taxxi sostituttivi differenti fil-każ tal-profitti kapitali ma tistax tkun dejjem ġustifikata mill-piżijiet fiskali differenti applikabbli fil-każ li l-profitti kapitali sospiżi jiġu distribwiti bħala dividendi. Il-Kummissjoni tosserva fil-fatt, li jekk tkun aċċettata din il-ġustifikazzjoni jkun ifisser li tiġi aċċettata l-applikazzjoni ta’ rati effettivi tat-taxxa li jkunu differenti mit-taxxa tal-kumpaniji fil-konfront ta’ xi kumpaniji għas-sempliċi raġuni li dawn ħadu sehem f’ċertu tipi ta’ riorganizzazzjonijiet ippreferuti mill-Istat. |
|
(101) |
Il-Kummissjoni ssostni li l-vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa prevista mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma jistax jitqies insinifikanti, jiġifieri de minimis. Fil-fatt, biex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna, il-Kummissjoni trid tqabbel it-taxxa nominali (mnaqqsa) applikata taħt l-iskema eżaminata mat-taxxa li kienet tkun applikata kieku ma kinitx teżisti din l-iskema, u kieku l-istituzzjonijiet ta’ kreditu benefiċjarji kienu allinjaw il-bażi tat-taxxa ta’ l-assi tagħhom u qassmu l-profitti kapitali li jiġu minn riallinjamenti fiskali bħal dawn lill-azzjonisti tagħhom. |
|
(102) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-preżunzjoni li l-vantaġġ finanzjarju mogħti mill-Istat huwa insinifikanti mhijiex fiha nfisha raġuni biżżejjed biex ikun eskluż li tali vantaġġ jitqies bħala għajnuna. Il-Kummissjoni tosserva li l-eċċezzjoni de minimis prevista mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis (21), ma tistax tkun invokata billi l-miżura eżaminata ma twassalx għal għajnuna trasparenti, kif mitlub mill-imsemmi Regolament, u billi l-awtoritajiet Taljani ma kkonformawx mal-kundizzjonijiet previsti minn dan l-istess Regolament. |
Ġustifikazzjonijiet li jikkonċernaw in-natura ta’ l-iskema
|
(103) |
Skond l-awtoritajiet Taljani u l-partijiet interessati, l-iskema ta’ riallinjament prevista mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 hija ġustifikata mill-karatteristiċi partikolari tas-settur bankarju u għalhekk ma tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat. |
|
(104) |
Skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura tat-taxxa hija selettiva meta jkun hemm diskriminazzjoni inġustifikata bejn sitwazzjonijiet li huma komparabbli legalment u fattwalment fid-dawl ta’ l-għanijiet stabbiliti mis-sistema tat-taxxa (22) u “ma jistax jiġi awtomatikament konkluż li hemm vantaġġ skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat mid-differenza fit-trattament ta’ l-impriżi kkonċernati” (23). |
|
(105) |
I-Kummissjoni tikkunsidra li l-iskema li qiegħda tiġi eżaminata ma tirrappreżentax adattament tas-sistema ġenerali għall-karatteristiċi distintivi tas-settur bankarju, iżda pjuttost vantaġġ selettiv li għandu l-effett li jtejjeb il-kompetittività ta’ ċerti impriżi, jiġifieri l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti riorganizzazzjonijiet. |
|
(106) |
L-awtoritajiet Taljani jaffermaw ukoll li l-iskema hija biss ripetizzjoni ta’ l-iskema introdotta bis-saħħa tal-Liġi 342/2000, li ma kinitx twassal għal għajnuna mill-Istat billi din kienet tapplika għall-qligħ magħmul minn kull tip ta’ ristrutturazzjoni tal-kumpaniji. L-iskema skond il-Liġi 350/2003 għandha tkun imqabbla ma’ dik prevista mil-Liġi 342/2000 u, skond l-Italja, hija ma tipprovdi ebda vantaġġ addizzjonali. Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-opinjoni, billi r-riallinjament skond il-Liġi 350/2003 għandu skop iktar limitat mir-riallinjament ġenerali skond il-Liġi 342/2000. |
|
(107) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-vantaġġ mogħti lil ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu skond il-Liġi 350/2003, rappreżentat mill-applikazzjoni ta’ taxxa sostituttiva speċjali għall-qligħ magħmul permezz ta’ ċerti kontribuzzjonijiet ta’ assi minflok ir-rata tat-taxxa ordinarja, huwa vantaġġ speċifiku u mhuwiex ġustifikat min-natura tas-sistema tat-taxxa. |
Id-distorsjoni tal-konkorrenza u l-effett fuqil-kummerċ bejn l-Istati Membri
|
(108) |
Skond każistika stabblita tal-Qorti (24), biex miżura tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni huwa biżżejjed li min jirċievi l-għajnuna jkun jikkompeti ma’ impriżi oħra fis-swieq miftuħa għall-kompetitizzjoni. Barra minn hekk, miżura għandha effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju meta l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li qegħdin jikkompetu fil-kummerċ intrakomunitarju (25). |
|
(109) |
Il-Kummissjoni ssostni li l-ammont konsiderevoli ta’ l-għajnuna effetivament qawwiet il-pożizzjoni finanzjarja tal-benefiċjarji tagħha li jagħmlu parti mis-settur bankarju u li jikkompetu fis-suq liberalizzat tas-servizzi finanzjarji, li hu miftuħ għall-kompetizzjoni, ma’ impriżi oħra li huma attivi fil-forniment ta’ servizzi fil-livell intrakomunitarju. |
|
(110) |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-vantaġġ mogħti favur l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kwistjoni jista’ jxekkel il-kompetizzjoni fil-kuntest attwali karatterizzat mill-opportunitajiet ta’ konsolidazzjoni fis-settur bankarju Taljan. Il-fatt li ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu Taljani eliminaw id-dejn tat-taxxa tagħhom rigward il-profitti kapitali moħbija ta’ l-assi tagħhom mniżżla fil-karta tal-bilanċ tagħhom permezz tal-ħlas ta’ taxxa nominali (imnaqqsa) tista’ tagħmel lil dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu iktar attraenti u żżid il-valur ekonomiku kemm għall-investituri kif ukoll l-akkwirenti potenzjali. Il-Kummissjoni temmen li l-vantaġġ ipprovdut mill-iskema tat-taxxa li qiegħda tkun eżaminata jista’ jwassal għal kambjament indebitu tas-suq ta’ l-akkwist tal-kumpaniji fis-settur bankarju Taljan. |
6.2. Kompatibilità
|
(111) |
Safejn l-iskema eżaminata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, il-kompatibilità tagħha għandha tiġi valutata fid-dawl tad-derogi previsti fl-Artikolui 87(2) u 87(3) KE. La l-awtoritajiet Taljani u lanqas il-partijiet interessati ma pproponew argumenti speċifiċi biex jinvokaw l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn id-derogi biex japplikaw għal dan il-każ. |
|
(112) |
Id-derogi previsti mill-Artikolu 87(2) KE, dwar l-għajnuna ta’ tip soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali, l-għajnuna biex tkopri d-danni maħluqa minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali oħra u għajnuna mogħtija lil xi reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma japplikawx f’dan il-każ. |
|
(113) |
Id-Deroga prevista mill-Artikolu 87(3)(a) KE, tawtorizza l-għajnuna favur l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni fejn il-livell ta’ għajxien huwa baxx b’mod anormali jew inkella fejn teżisti għamla serja ta’ nuqqas ta’ impjieg: iżda din mhix applikabbli għall-każ preżenti, billi l-għajnuna ma tiffavorixxix l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni b’dawn il-karatteristiċi fl-Italja. |
|
(114) |
L-iskema ma tistax tkun meqjusa bħala proġett ta’ interess komuni Ewropew jew xi għajnuna biex issolvi taħwid serju fl-ekonomija ta’ xi Stat Membru, kif previst mill-Artikolu 87(3)(b) KE, u lanqas m’għandha l-iskop li tippromwovi l-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju, kif previst mill-Artikolu 87(3)(d) KE. |
|
(115) |
Fl-aħħarnett, l-iskema għandha tkun eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, li jawtorizza l-għajnuna biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitatjiet ekonomiċi jew ċerti reġjuni ekonomiċi, dejjem sakemm din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad tali li jkun kuntrarju għall-interess komuni. F’dan ir-rigward, għandu jkun osservat l-ewwelnett li l-għajnuna fil-kwistjoni ma taqa’ taħt ebda qafas jew linji gwida li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet biex ċerti tipi ta’ għajnuna jitqiesu bħala kumpatibbli mas-suq komuni. Partikularment, ma taqbilx mal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpanija f’diffikulta li kienu fis-seħħ dak iż-żmien (26). It-tieni, billi l-vantaġġ tat-taxxa kien mogħti wara li saru t-tranżazzjonijiet, ma jistax jitqoes li dan għandu l-effetti ta’ inċentiv neċessarji biex jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni. |
|
(116) |
Iżda l-Kummissjoni tqis li l-iskema tat-taxxa fil-kwistjoni wasslet għal tnaqqis fil-piżijiet li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu benefiċjarji kieku kien ikollhom f’riorganizzazzjonijiet simili u għalhekk għandha tkun meqjusa bħala għajnuna operattiva. Din it-tip ta’ għajnuna ma tistax tkun meqjusa bħala kumpatibbli mas-suq komuni, billi la tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ xi attività jew reġjun ekonomiku u lanqas mhi limitata fiż-żmien, la tonqos maż-żmien u lanqas ma hija proprozjonali ma’ dak li huwa neċessarju biex żvantaġġi ekonomiċi speċifiċi jiġu rimedjati. |
|
(117) |
B’hekk il-Kummissjoni waslet għall-konkluzjoni li l-iskema eżaminata mhix kumpatibbli mas-suq komuni. |
6.3. Irkupru
|
(118) |
Billi l-iskema ġiet implimentata mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, l-irkupru għandu jsir skond l-Artikolu 14 tar-Regolment tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marżu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (27). Madanakollu, fid-dawl tal-prassi rigward ċertu skemi ta’ għajnuna fiskali (28), il-Kummissjoni tqis li l-irkupru għandu jkun biss tat-taxxi mħallsa inqas milli kieku kellu jħallas il-benefiċjarju ta’ l-iskema kieku ibbenefika minn skemi oħra ta’ taxxi li kien hemm dak iż-żmien. Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ l-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ valutazzjoni mill-ġdid tat-taxxa alternattiva prevista mill-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ma kinitx għażla purament ipotetika iżda opzjoni raġonevoli li setgħat tintuża mill-benefiċjarji li xtaqu r-rikonoxximent tal-valur tat-taxxa effettiv ta’ l-assi tagħhom (29). |
|
(119) |
Għandu jinżamm amment li l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 fih dispożizzjoni ġenerali għar-rikonoxximent tal-qligħ magħmul mill-impriżi li kienu ddeċidew li jivvalutaw mill-ġdid l-assi li għandhom fil-karta tal-bilanċ tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2002 biex jagħtuhom il-valur fis-suq dak iż-żmien permezz tal-ħlas ta’ taxxa sostituttiva ta’ 19 % fil-każ ta’ valutazzjoni mill-ġdid ta’ assi deprezzabbli u 15 % fil-każ ta’ assi li mhumiex deprezzabbli, pagabbli fi tliet rati (50 % fl-2004, 25 % fl-2005 u 25 % fl-2006). Din l-iskema ġenerali kienet applikabbli wkoll għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu riorganizzati fil-kwistjoni. Għalkemm ir-riallinjamenti u l-valutazzjonijiet mill-ġdid ma kinux l-istess, il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk, dak iż-żmien, l-iskema ta’ riallinjament ma kinetx disponibbli, il-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kwistjoni żgur li kienu jagħżlu l-iskema ta’ valutazzjoni mill-ġdid ġenerali skond l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003. |
|
(120) |
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-irkupru għandu jkun biss limitat għad-differenza bejn it-taxxa pagabbli biex ikunu valutati mill-ġdid l-assi miżmuma skond l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 (19 % fil-każ ta’ assi li deprezzabbli u 15 % fil-każ ta’ assi li mhumiex deprezzabbli ġeneralment miżmuma mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu riorganizzati fil-kwistjoni) u t-taxxa effettivament mħallsa skond l-Artikolu 2(26) ta’ l-istess Liġi 350/2003. |
7. KONKLUŻJONIJIET
|
(121) |
Il-Kummissjoni tikkonstata li l-Italja, b’mod illegali, implimentat l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE. L-iskema ta’ għajnuna mhix kumpatibbli mas-suq komuni. |
|
(122) |
Għandha jkun irkuprat biss l-ammont ta’ l-għajnuna mogħtija ekwivalenti għat-taxxi mħallsa inqas minn kemm il-benefiċjarju ta’ l-iskema kien ikollu jħallas kieku kien ibbenefika minn skemi tat-taxxa oħra disponibbli dak iż-żmien. |
|
(123) |
L-ammont li għandu jkun irkuprat għalhekk huwa limitat għad-differenza bejn it-taxxa li kienet titħallas skond l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u dik effettivament imħallsa skond l-Artikolu 2(26) ta’ l-istess Liġi. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskema fiskali eċċezzjonali skond l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 li implimentat l-Italja tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u hija inkumpatibbli mas-suq komuni.
Artikolu 2
L-Italja għandha tabolixxi l-iskema msemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 3
1. L-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mogħtija permezz tal-pagament tat-taxxa sostituttiva previst mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 rigward ir-rikonoxximent fiskali tal-profitti kapitali li jirriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet magħmula skond il-Liġi 218/1990, għajnuna li diġà tpoġġiet illegalment għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji.
2. L-ammont li għandu jkun irkuprat huwa limitat għad-differenza bejn it-taxxa li kienet tiħallas kieku l-benefiċarji ta’ l-għajnuna applikaw l-iskema ta’ valutazzjoni fiskali mill-ġdid msemmija fl-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u t-taxxa effettivament imħallsa skond l-Artikolu 2(26) ta’ l-istess Liġi 350/2003.
3. L-irkupru għandu jsir mingħajr ebda telf ta’ żmien u skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali bil-kondizzjoni li din tippermetti l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni.
4. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludi l-interessi mid-data meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data meta ġiet effettivament irkuprata.
5. L-interessi huma kkalkulati skond id-dispożizzjonijiet fil-Kapitlu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE.
Artikolu 4
Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet previsti jew li diġa’ adottat sabiex tikkonforma magħha. Din l-informazzjoni għandha tintbagħat fil-kwestjonarju mehmuż fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni. Fi żmien erba’ xhur min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ħadet biex timplementaha.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Marzu 2008.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 154, 7.7.2007, p. 15.
(2) Il-liġi finanzjarja ta’ l-Italja ta’ l-2004, Nru 299 tas-27.12.2003.
(3) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(4) Ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Kawża C-222/04, punti 136-137.
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/433/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema ta’ tassazzjoni komuni applikabbli għall-amalgamazzjonijiet, diviżjonijiet, trasferiment ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw impriżi ta’ Stati Membri differenti, ĠU L 225, 20.8.1990, p. 1.
(6) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Kawża C-43/00, Andersen og Jensen ApS vs Skatteministeriet, Ġabra ta' l-2002, p. I-00379, il-punt 34 et seq.
(7) Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana n. 276 tal-21.11.2000.
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (Kapitolu V – It-taxxi ta’ interessi għall-rkuprar ta’ għajnuna illeġittima) (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).
(9) L-ammonti mħallsa huma a) EUR 92 760 506 fl-2004; b) EUR 46 380 253 pagabbli fl-2005, li jikkorrispondu għal valur attwali nett ta’ EUR 44 725 412 fl-2004; b) EUR 46 380 253 pagabbli fl-2006, li jikkorrispondu għal valur attwali nett ta’ EUR 43 129 616,9 fl-2004;
(10) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(11) ĠU L 83, tas-27.3.1999, p. 1.
(12) Ara s-sezzjoni VI tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/748/KE tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C 30/04 (ex NN 34/2004) li implimenta l-Portugall – Eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji għall-profitt kapitali li jiġu minn ċerti operazzjonijiet u tranżazzjonijiet minn impriżi pubbliċi (ĠU L 307, 7.11.2006, p. 219).
(13) Ara l-punt 113 – 119 tas-sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ Diċembru 2005, Każ C-148/04, Unicredito Italiano SpA/Agenzia delle Entrate, Ufficio Genova 1, Ġabra 2005, pag. I-11137.
(14) Ara l-punt 32 tad-Deċiżjoni ċċitata (ĠU L 184, 13.7.2002, p. 27).
(15) Ara l-punt 32.1 tal-Komunikazzjoni ċċitata (ĠU C 328, 1.11.1996, p. 23).
(16) Ir-Riżoluzzjoni nru 82/E-67004 tas-6 ta’ Ġunju 2000, li tinsab fid-database dwar it-tassazzjoni (Servizz ta’ dokumentazzjoni dwar it-tassazzjoni) tal-Ministeru tal-Finanzi Taljan aċċessibbli fil-websajt: http://dt.finanze.it/doctrib/PDF/Documento.pdf?Request=0&DocumentID=14000008220000606FIN110000006700400&Info=1,0,0
(17) Ara wkoll is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Kawża C-222/04, Ġabra 2006, p. I-00289, punt 129.
(18) ĠU L 256, 10.10.2000, p. 21.
(19) ĠU L 116, 4.5.1999, p. 36.
(20) Fejn il-valur miżjud kien rikonoxxut, dan kien suġġett għat-taxxa bħal fil-każ tal-qligħ ta’ 15 % rikonoxxut fil-kuntest tat-transazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Liġi 218/1990.
(21) ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.
(22) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Kawża C-143/99, Adria-Wien Pipeline GmbH u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke GmbH vs Finanzlandesdirektion für Kärnten, Ġabra ta' l-2001, p. I-8365
(23) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Kawża C-53/00, Ferring vs ACOSS, Ġabra ta' l-2001, p. I-9067, punt 17.
(24) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza fil-Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest vs il-Kummissjoni, Ġabra ta' l-1998, p. II-717.
(25) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża 730/79, Philip Morris v il-Kummissjoni, Ġabra ta' l-1980, p. 2671, punt 11.
(26) ĠU C 288, 9.1.1999, p. 2.
(27) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.
(28) Ara s-sezzjoni VI tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/748/KE ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C 30/04 (ex NN 34/04) li implimenta l-Portugall – Eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji għall-profitti kapitali li jiġu minn ċerti operazzjonijiet u transazzjonijiet ta’ impriżi pubbliċi (ĠU L 307, 7.11.2006, p. 219).
(29) Ara l-punti 113 – 119 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, Kawża C-148/04, Unicredito Italiano SpA vs/Agenzia delle Entrate, Ufficio Genova 1, Ġabra ta' l-2005, p. I-11137.
ANNESS I
Informazzjoni rigward l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat C 15/2007 (ex NN 20/2007), implimentata mill-Italja, dwar inċentivi fiskali favur ir-riorganizzazzjoni ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu
1. In-numru totali tal-benefiċjarji u l-ammont totali ta’ l-għajnuna li għandha tkun irkuprata
|
1.1. |
Speċifika kif se jkun ikkalkulat l-ammont ta’ għajnuna li għandha tkun irkuprata mingħand kull benefiċjarju:
|
|
1.2. |
Niżżel l-ammont totali li għandu jkun irkuprat mill-għajnuna mogħtija illegalment fil-qafas ta’ din l-iskema (ekwivalenti tal-gross tas-sussidju skond il-prezzijiet ta’…) |
|
1.3. |
Niżżel in-numru totali tal-benefiċjarji li mingħandhom għandha tkun irkuprata l-għajnuna mogħtija illegalment fil-qafas ta’ din l-iskema. |
2. Provvedimenti maħsuba jew diġa’ addottati biex tkun irkuprata l-għajnuna
|
2.1. |
Speċifika l-provedimenti previsti u dawk diġa’ adottati biex l-għajnuna tkun irkuprata immedjatament u effettivament. Niżżel ukoll, fejn applikabbli, il-bażi legali tal-provvedimenti adottati jew previsti: |
|
2.2. |
Niżżel id-data li fiha għandu jitlesta dan l-irkupru: |
3. Informazzjoni dwar kull benefiċjarju
Fit-tabella hawn taħt, ikteb id-dettalji ta’ kull benefiċjarju li mingħandu għandha tkun irkuprata l-għajnuna mogħtija illegalment fil-qafas ta’ din l-iskema.
|
Identità tal-benefiċjarju |
Ammont ta’ l-għajnuna mogħtija illegalment (*1) Valuta: … |
Ammont imħallas lura (1) Valuta: |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
(*1) Ammont ta’ l-għajnuna mpoġġi għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju (ekwivalenti għall-gross tas-sussidju gross, bil-prezzijiet ta’…)
|
(°) |
Ammont gross imħallas lura (inklużi l-interessi). |