KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fl‑4 ta’ Ottubru 2024 ( 1 )
Kawża C‑365/23 (Arce) ( i )
SIA “A”
vs
C,
D,
E
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Artikolu 3(1) – Artikolu 4(2) – Artikolu 5 – Artikolu 6(1) – Artikolu 8a – Kuntratt ta’ adeżjoni – Kuntratt konkluż bejn kummerċjant li jipprovdi servizzi ta’ żvilupp sportiv u ta’ għajnuna għall-karriera u sportiv, plejer ‘espoir’ minuri, irrappreżentat mill-ġenituri tiegħu – Klawżola li tistabbilixxi l-obbligu li titħallas lil dan il-kummerċjant remunerazzjoni ekwivalenti għal 10 % tad-dħul irċevut minn dan l-isportiv matul il-ħmistax-il sena segwenti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 17 – Dritt għall-proprjetà – Artikolu 24 – Drittijiet tat-tfal”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b), tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 4(2), tal-Artikolu 5, tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 8a tad-Direttiva 93/13/KEE ( 2 ) dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Latvjan stabbilita bil-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp tal-isportivi fil-Latvja (iktar ’il quddiem il-“kumpannija A”), u l-persuni fiżiċi C, plejer dilettant minuri “espoir”, u l-ġenituri tiegħu, D u E (iktar ’il quddiem il-“ġenituri”), dwar l-irkupru mill-kumpannija A tar-remunerazzjoni dovuta minn C bħala korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi prevista skont kuntratt ta’ servizzi ta’ sostenn għall-iżvilupp sportiv u ta’ għajnuna għall-karriera sportiva, konkluż fl‑14 ta’ Jannar 2009 bejn il-kumpannija A, minn naħa, u C u l-ġenituri tiegħu, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“kuntratt kontenzjuż”). |
|
3. |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tintalab teżamina l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari tad-Direttiva 93/13, għal kuntratt, bħall-kuntratt kontenzjuż, fil-kuntest partikolari ta’ konsumatur inizjalment minuri, irrappreżentat mill-ġenituri tiegħu, li sar matul il-kuntratt maġġorenni u plejer professjonali. Is-sentenza li għandha tingħata, li ser tiddelimita l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, evidentement ser ikollha effett fuq il-kontenut ta’ dan it-tip ta’ kuntratti, u dan ferm lil hinn mill-qasam tal-isport biss. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 93/13
|
4. |
Skont l-għaxar, it-tlettax u s-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/13: “Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva; […] Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra; […] Billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha.” |
|
5. |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.” |
|
6. |
Skont l-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, il-kunċett ta’ “konsumatur” huwa ddefinit bħala “kull persuna naturali li […] tkun qiegħda għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”. Skont l-Artikolu 2(ċ) tal-istess direttiva, it-terminu “bejjiegħ jew fornitur” ifisser “kull persuna naturali jew legali li […] tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”. |
|
7. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: “1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. 2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel. Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel. Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu. […]” |
|
8. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu. 2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, meta mqabbla mas-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.” |
|
9. |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi, b’mod partikolari, li [f]il-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar”. |
|
10. |
L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
11. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur”. |
|
12. |
Skont l-Artikolu 8a(1) ta’ din id-direttiva: “Meta Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 8, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, kif ukoll bi kwalunkwe modifika sussegwenti, b’mod partikolari fejn dawk id-dispożizzjonijiet:
|
2. Id-Direttiva 2005/29/KE
|
13. |
L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/29/KE ( 3 ) huwa fformulat kif ġej: “Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.” |
B. Id-dritt Latvjan
1. Il-Kodiċi Ċivili
|
14. |
L-Artikolu 186 tal-Latvijas Republikas Civillikums (il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tal‑20 ta’ Frar 1937 ( 4 ), jistabbilixxi li “[i]l-ġenituri għandhom jirrappreżentaw b’mod konġunt lill-wild fir-relazzjonijiet personali u patrimonjali tiegħu (rappreżentazzjoni konġunta) […]”. |
|
15. |
Skont l-Artikolu 223 tal-Kodiċi Ċivili, “[i]l-missier u l-omm għandhom ikunu, skont id-dritt ta’ kustodja, it-tuturi naturali tal-wild minuri tagħhom”. |
|
16. |
L-Artikolu 293 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “It-tutur jista’ jikkonkludi, fl-interess tal-minuri, kull tip a’ kuntratt dwar il-ħwejjeġ tiegħu, kif ukoll jirċievi u jagħmel pagamenti. Kull att ta’ din in-natura għandu jorbot lil minuri, sakemm it-tutur ikun wettqu bona fide, filwaqt li jkun baqa’ barra minn hekk fl-ambitu tal-ġestjoni ekonomika u ma jkunx rabat lill-minuri, mingħajr ħtieġa partikolari, għal perijodu itwal miż-żmien li fih isir maġġorenni.” |
|
17. |
Skont l-Artikolu 1408 tal-imsemmi kodiċi, “[i]l-minuri ma għandux ikollhom il-kapaċità li jaġixxu”. |
2. Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumaturi
|
18. |
L-Artikolu 1 tal-Patērētāju tiesību aizsardzības likums (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumaturi), tal‑1 ta’ April 1999 ( 5 ), intitolat “Termini użati mil-liġi”, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt kontenzjuż fil-kawża prinċipali, iddefinixxa, fil-punti 3 u 4 tiegħu, il-kunċetti li ġejjin: “konsumatur – kull persuna fiżika li tesprimi x-xewqa li takkwista, li takkwista jew li tista’ takkwista jew tuża oġġett jew servizz b’għan li ma jkunx marbut mal-attività ekonomika jew professjonali tagħha; fornitur ta’ servizzi – kull persuna li, fil-kuntest tal-attività ekonomika jew professjonali tagħha, tipprovdi servizz lil konsumatur; […]” |
|
19. |
Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt kontenzjuż, l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi, intitolat “Klawżoli kuntrattwali inġusti”, kien jipprovdi: “[…] (2) Il-klawżoli kuntrattwali għandhom jiġu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem. (3) Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha tkun inġusta jekk, kuntrarjament għar-rekwiżit ta’ bona fide, tikkawża żbilanċ sinifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur. […] (8) Il-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn produttur, kummerċjant jew fornitur ta’ servizzi u konsumatur ma għandux ikollhom effett mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, iżda l-kuntratt għandu jibqa’ validu jekk ikun jista’ jkompli jeżisti wara l-esklużjoni tal-klawżoli inġusti. […]” |
|
20. |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi, li ttraspona fid-dritt Latvjan l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, fil-verżjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2014, kien jistabbilixxi fil-paragrafu 22 tiegħu: “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma għandhomx japplikaw għall-klawżoli kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett tal-kuntratt u l-adegwatezza bejn il-prezz jew ir-remunerazzjoni, minn naħa, u l-oġġett jew is-servizz, min-naħa l-oħra, sa fejn dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem. […]” |
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
21. |
A, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Latvjan, għandha l-għan li tiżgura l-iżvilupp tal-isportivi fil-Latvja. Għal dan il-għan, hija toffrilhom numru ta’ servizzi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet professjonali tagħhom u tal-karriera tagħhom billi jikkonkludu kuntratti li jipprevedu l-bidu fil-futur ta’ obbligu ta’ ħlas suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. |
|
22. |
C, persuna fiżika, kien minuri ta’ 17‑il sena li, fil-bidu nett tas-sena 2009, kien sportiv żagħżugħ fil-qasam tal-basketball li kien għadu ma bediex il-karriera sportiva tiegħu f’livell professjonali (għalhekk dan tal-aħħar ma kien impjegat minn ebda klabb). |
|
23. |
Fl‑14 ta’ Jannar 2009, il-kumpannija A, minn naħa, u C kif ukoll il-ġenituri tiegħu, min-naħa l-oħra, ikkonkludew il-kuntratt kontenzjuż favur C. L-għan ta’ dan il-kuntratt kien li tiġi żgurata lil C karriera sportiva professjonali b’suċċess fil-qasam tal-basketball. Dan il-kuntratt ġie konkluż għal perijodu ta’ ħmistax‑il sena, jiġifieri sal‑14 ta’ Jannar 2024. |
|
24. |
Minn din il-perspettiva, l-imsemmi kuntratt kien jipprovdi li l-kumpannija A kellha toffri lil C firxa sħiħa ta’ servizzi ( 6 ). Skont il-punt 6.1 tal-istess kuntratt (iktar ’il quddiem il-“klawżola kontenzjuża”), C intrabat li jħallas bħala korrispettiv lil din il-kumpannija remunerazzjoni li tammonta għal 10 % tad-dħul nett kollu li jirriżulta mill-avvenimenti f’termini ta’ logħob, ta’ reklamar, ta’ marketing u ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni marbuta mal-isport ikkonċernat irċevut matul il-perijodu tal-kuntratt kontenzjuż, flimkien mat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli fil-Latvja, bil-kundizzjoni li dan id-dħul ikun ammont ta’ mill-inqas EUR 1500 fix-xahar. |
|
25. |
Mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-klawżola hawn fuq imsemmija kienet stabbilita minn qabel mill-kumpannija A u ma ġietx innegozjata individwalment, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. Għalhekk dan huwa kuntratt ta’ adeżjoni li ġie ffirmat, b’dawn l-istess termini, ukoll minn sportivi żgħażagħ oħra. |
|
26. |
Skont il-qorti tar-rinviju, matul is-snin 2009 u 2010, il-kumpannija A pprovdiet lil C servizzi ta’ sostenn għall-iżvilupp sportiv u għall-karriera kif previsti mill-kuntratt kontenzjuż, b’mod partikolari taħriġ individwali u f’tim, taħt is-superviżjoni ta’ speċjalisti, u dan kien jeħtieġ kontribuzzjonijiet finanzjarji min-naħa ta’ din il-kumpannija. Għalkemm parti mis-servizzi offruti ma ntużatx minn C, skont il-kumpannija A, bin-nuqqas ta’ ħlas lilha tar-remunerazzjoni prevista għas-servizzi rċevuti, C u l-ġenituri tiegħu kisru dan il-kuntratt. |
|
27. |
Fid-dawl tal-fatt li d-dħul iġġenerat minn C, li fil-frattemp sar plejer tal-basketball professjonali, li jirriżulta mill-kuntratti ffirmati ma’ klabbs tal-isport, ammonta għal total ta’ EUR 16 637 779.90 matul il-perijodu kkonċernat, C kien għalhekk obbligat iħallas 10 % ta’ dan l-ammont lil kumpannija A, jiġifieri ammont ta’ EUR 1 663 777.99. |
|
28. |
Fid‑29 ta’ Ġunju 2020, il-kumpannija A ressqet azzjoni ġudizzjarja kontra C u l-ġenituri tiegħu li tirrigwarda l-irkupru tar-remunerazzjoni prevista mill-kuntratt kontenzjuż. |
|
29. |
Il-qorti tal-ewwel istanza u sussegwentement il-qorti tal-appell ċaħdu r-rikorsi ppreżentati mill-kumpannija A għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-kuntratt kontenzjuż ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u li l-klawżola kontenzjuża kienet inġusta. |
|
30. |
Il-kumpannija A ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), il-qorti tar-rinviju, li insostenn tiegħu hija targumenta li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi ma japplikawx f’dan il-każ, peress li l-kuntratt inkwistjoni għandu jitqies li jagħmel parti mill-kuntratti ta’ sportiv “jeune espoir”, li għalihom dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex intiżi li japplikaw. Fl-appell tagħha, din il-kumpannija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
31. |
Skont dik il-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” iżda mingħajr ma eżaminat sa issa, fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha, il-punt jekk id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi humiex applikabbli għall-qasam tal-isport. |
|
32. |
F’dan ir-rigward, hija jidhrilha li għandu jitqies li dan huwa l-każ. Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 il-kuntratti konklużi fis-settur tal-isport li, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kuntratti konklużi bejn kummerċjant u konsumatur”. |
|
33. |
Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, ma tistax tingħata importanza lill-fatt li l-attività tal-isportiv żagħżugħ tkun sussegwentement kisbet natura essenzjalment professjonali, peress li dan il-fatt ma jistax, fih innifsu, jipprekludi lil min jirċievi s-servizzi milli jinvoka l-kwalità ta’ “konsumatur” fis-sens tad-direttiva 93/13 ( 7 ). |
|
34. |
Barra minn hekk, l-istess qorti tenfasizza d-differenzi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Istati Membri li jimmilitaw ukoll favur in-neċessità li jsiru domandi preliminari dwar jekk ir-rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi previsti minn din id-direttiva japplikawx għall-kuntratti konklużi bejn sportivi żgħażagħ u klabbs sportivi ( 8 ). |
|
35. |
Huwa f’dan il-kuntest li l’Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
36. |
Il-kumpannija A, C, il-Gvern Latvjan, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn l-istess partijiet, kif ukoll il-ġenituri ma kinux ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, ippreżentaw osservazzjonijiet orali u wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑13 ta’ Ġunju 2024. |
IV. Analiżi
A. Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti domandi preliminari
|
37. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kumpannija A eċċepixxiet l-inammissibbiltà tat-tielet, tar-raba’, tal-ħames, tas-seba’, tad-disa’ u tal-għaxar domanda preliminari, għar-raġuni, l-ewwel nett, li, permezz tat-tielet sal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika u mhux tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tevalwa, minn naħa, jekk hemm lok li jitqies li l-klawżoli li jistabbilixxu r-remunerazzjoni ma jaqgħux taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, iżda taħt l-Artikolu 3 tagħha (it-tielet domanda) u, min-naħa l-oħra, jekk dawn humiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (ir-raba’ u l-ħames domanda); it-tieni nett, li s-seba’ domanda hija ta’ natura ipotetika; u, fl-aħħar, it-tielet nett, li d-disa’ u l-għaxar domanda huma astratti wisq u jikkostitwixxu talba għal opinjoni konsultattiva. |
|
38. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 9 ). |
|
39. |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi b’mod suffiċjentement iddettaljat il-kuntest ġuridiku u fattwali li fih taqa’ l-kawża prinċipali, u l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domandi magħmula u li jiġi konkluż li dawn la huma nieqsa minn rabta mas-suġġett ta’ din il-kawża, u lanqas ma huma ta’ natura ipotetika. B’mod partikolari, minn naħa, f’dak li jirrigwarda t-tielet sal-ħames u kif ukoll id-disa’ u l-għaxar domanda preliminari, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar it-tifsira u l-portata ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 sabiex tiddetermina jekk tistax twettaq l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżola kontenzjuża b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, dik il-qorti ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika dawn id-dispożizzjonijiet għall-fatti tal-każ, u lanqas li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju b’dik tagħha stess, ħaġa li fi kwalunkwe każ hija ma tistax tagħmel ( 10 ). Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda n-natura ipotetika tas-seba’ domanda, li tirriżulta, skont il-kumpannija A, mill-fatt li ma teżistix possibbiltà fid-dritt Latvjan li tiġi kkonstatata n-natura eċċessiva ta’ dħul mill-investiment, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma kjarament distinti u li hija esklużivament din tal-aħħar li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 11 ). |
|
40. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li d-domandi preliminari kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli. |
B. Fuq il-mertu
|
41. |
Peress li qieset li l-kuntest fattwali li fih tidħol il-kawża prinċipali jqajjem sensiela ta’ kwistjonijiet marbuta mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel sensiela ta’ domandi preliminari li, tematikament, jirrigwardaw diversi aspetti ta’ din id-direttiva, li jistgħu jinġabru flimkien kif ġej:
|
1. Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 (l-ewwel domanda)
|
42. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn, minn naħa, kummerċjant li jeżerċita attività fil-qasam tal-iżvilupp tal-isportivi u, min-naħa l-oħra, minuri, irrappreżentat mill-ġenituri tiegħu, li, meta ġie konkluż dan il-kuntratt, kien għadu ma ġiex impjegat fil-qasam tal-isport, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. |
|
43. |
F’dan il-kuntest, C u l-ġenituri tiegħu, il-Gvern Latvjan kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li tali kuntratt jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, filwaqt li l-kumpannija A tirrakkomanda li tingħata risposta negattiva, billi ssostni, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li n-natura futura ta’ attività professjonali ma tneħħi xejn min-natura tal-kuntratt. |
|
44. |
Qabelxejn, preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 93/13 għandha l-għan li tapprossima d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn kummerċjant u konsumatur. Għaldaqstant, dan huwa att leġiżlattiv orizzontali li jfittex li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 12 ) billi jipproteġihom kontra l-klawżoli inġusti inklużi fit-tipi kollha ta’ kuntratti konklużi ma’ kummerċjanti. Għaldaqstant, din id-direttiva hija intiża li tapplika għas-setturi kollha ta’ attività ekonomika u, bħala prinċipju, għat-tipi kollha ta’ kuntratti ta’ xiri ta’ oġġetti u ta’ provvista ta’ servizzi li jkunu ġew konklużi bejn kummerċjant u konsumatur ( 13 ). |
|
45. |
Barra minn hekk, kif irrilevat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata permezz tad-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-kummerċjant f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-kummerċjant, mingħajr ma jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut ta’ dawn il-kundizzjonijiet ( 14 ). Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni imperattiva li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali tali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar ( 15 ). |
|
46. |
Minn dan isegwi li l-imsemmija direttiva tfittex, minn naħa, li tittratta sitwazzjonijiet ta’ inugwaljanza tal-partijiet fir-rigward tal-klawżoli kuntrattwali, li jistgħu jkunu dovuti għal asimetrija tal-informazzjoni jew tal-kompetenzi tekniċi ( 16 ), jew ta’ setgħa ta’ negozjar ( 17 ), fir-rigward tal-klawżoli kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, li tiddisswadi lill-kummerċjanti milli jużaw klawżoli inġusti fil-futur ( 18 ). |
|
47. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li d-Direttiva 93/13 tfittex li tilħaq li għandu jiġi eżaminat jekk il-kuntratt kontenzjuż jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
48. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva 93/13 tapplika għall-klawżoli tal-“kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur” li “ma [jkunux ġew negozjati] individwalment”. Kif tiddikjara l-għaxar premessa ta’ din id-direttiva, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom japplikaw għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn “il-bejjiegħa jew il-fornituri” u “l-konsumaturi”, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tal-imsemmija direttiva ( 19 ). Konsegwentement, sabiex kuntratt jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva, huwa neċessarju li parti fil-kuntratt tkun “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, u li l-parti l-oħra tkun “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id‑direttiva. Fi kliem ieħor, meta dan il-kuntratt ikun konkluż bejn kummerċjant, minn naħa, u konsumatur, min-naħa l-oħra, dan il-kuntratt jitqies li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
|
49. |
F’dan il-każ, nirrileva, minn naħa, li, minkejja li mill-elementi tal-proċess sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kuntratt kontenzjuż kien “kuntratt standard” redatt permezz ta’ formula stabbilita minn qabel u ffirmat minn diversi sportivi żgħażagħ oħra, il-kumpannija A ssostni li l-klawżola kontenzjuża ġiet innegozjata individwalment ( 20 ). Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi f’dan ir-rigward, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova stabbiliti fl-ewwel u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13, li jipprovdu b’mod partikolari li, jekk il-kummerċjant jippretendi li klawżola standard tkun ġiet innegozjata individwalment, l-oneru tal-prova għandu jaqa’ fuqu ( 21 ). |
|
50. |
Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-kuntratt kontenzjuż ġie ffirmat mill-kumpannija A li kienet qiegħda taġixxi bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda għalhekk għandna tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fl-ewwel lok, jekk persuna fiżika, bħal C, li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ma kinitx teżerċita attività professjonali fid-dixxiplina sportiva kkonċernata, iżda li, sussegwentement, saret sportiv professjonali, għandhiex titqies, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, li hija “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ), tal-imsemmija direttiva, b’mod li l-imsemmi kuntratt jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din l-istess direttiva (a) u, fit-tieni lok, jekk is-suġġett innifsu tal-kuntratt, li skont il-kumpannija A għandu jitqies li “jagħmel parti mill-kuntratti ta’ sportiv ‘jeune espoir’”, jistax jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 93/13, li għaldaqstant tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha (b). |
a) Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 93/13
|
51. |
L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 93/13 u, b’mod iktar speċifiku, il-kunċett ta’ “konsumatur”, infakkar li, fi kliem l-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, il-kelma “konsumatur” tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti [mill-imsemmija] Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”. Il-punt (ċ) tal-istess artikolu jagħti lill-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur” definizzjoni wiesgħa li skontha, “kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti [mill-istess] direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”, hija kklassifikata bħala “bejjiegħ jew fornitur”. |
|
52. |
Minn dan isegwi li huwa għalhekk b’riferiment mhux għall-identità tal-partijiet fit-tilwima iżda għall-kwalità tal-partijiet fil-kuntratt, skont jekk jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li għalihom hija tapplika ( 22 ). Fil-fatt, dan l-approċċ, li sikwit jiġi kklassifikat bħala “funzjonali”, jikkorrispondi għall-idea, li diġà tfakkret fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni implimentata minn din id-direttiva, jiġifieri li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-kummerċjant, f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni ( 23 ). |
|
53. |
Minn dan jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala “konsumatur” għandha tiġi evalwata każ b’każ fid-dawl tal-kuntratt speċifiku inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni u l-fatt li d-Direttiva 93/13 għandha l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi bħala l-parti ġeneralment iktar dgħajfa ( 24 ). Sabiex persuna tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, huwa għalhekk imperattiv li jiġi eżaminat il-bilanċ tas-setgħat bejn il-partijiet fir-rigward tal-kuntratt ikkonċernat. Il-fatturi tipiċi huma l-asimetrija tal-informazzjoni, tal-għarfien tekniku jew tas-setgħa ta’ negozjar. |
|
54. |
B’mod parallel, il-kunċett ta’ “konsumatur” huwa oġġettiv u jirrifletti l-pożizzjoni ġeneralment iktar dgħajfa tiegħu fil-konfront ta’ kummerċjant. In-natura oġġettiva tfisser li dan il-kunċett huwa indipendenti mill-għarfien u mill-informazzjoni konkreti li jkollha realment il-persuna kkonċernata ( 25 ). Kif qieset il-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu ta’ kriterju ta’ riferiment astratt għall-finijiet tal-istħarriġ tan-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali jippermetti li jiġi evitat li dan il-kontroll ikun suġġett għal sett kumpless ta’ fatturi suġġettivi li jkun diffiċli, jekk mhux addirittura impossibbli, li jiġu stabbiliti ( 26 ). |
|
55. |
F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kontenzjuż, il-karriera ta’ C kienet għadha ma bdietx, peress li ebda klabb professjonali ma kien impjegah. Issa, teżisti, bħala prinċipju, inugwaljanza bejn il-kumpanniji A u C minħabba l-asimetrija tal-informazzjoni u tal-kompetenzi tekniċi bejn dawn il-partijiet. Fil-fatt, tali kumpannija jkollha, bħala regola ġenerali, organizzazzjoni permanenti, servizz legali speċjalizzat f’dan il-qasam u kompetenzi tekniċi li ma jkollux neċessarjament sportiv żagħżugħ, li jaġixxi għal finijiet privati, li, meta ma jkunx professjonali fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ikun affaċċjat b’mod inċidentali b’tali kuntratt. Għalhekk jidher li huwa leġittimu li jiġi preżunt li C, iktar u iktar minħabba li kien minuri, kien jinsab oġġettivament f’pożizzjoni iktar dgħajfa meta mqabbla ma’ dik tal-kumpannija A. Minn naħa, C ma kellux l-istess livell ta’ għarfien bħal din il-kumpannija fir-rigward tad-diversi servizzi previsti mill-kuntratt kontenzjuż, u, min-naħa l-oħra, huwa kellu setgħa ta’ negozjar dgħajfa, b’mod partikolari sa fejn, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, il-kumpannija A kienet tidher li kienet l-unika kumpannija li tipprovdi dan it-tip ta’ servizzi marbuta mal-iżvilupp sportiv fil-Latvja ( 27 ). Madankollu, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li ser ikollha tivverifika jekk dan l-iżbilanċ ta’ setgħat bejn il-kumpannija A u C ġiex ibbilanċjat mill-ġdid bil-fatt li C kien irrappreżentat mill-ġenituri tiegħu, li fosthom il-missier, skont l-osservazzjonijiet orali ppreżentati mill-kumpannija A, kien, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt kontenzjuż, kowċ tal-basketball. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, anki jekk “konsumatur” speċifiku jkollu għarfien u esperjenza ogħla, dan ma jipprekludihx madankollu milli jkun “konsumatur” fis-sens tad-Direttiva 93/13 ( 28 ). |
|
56. |
Mill-elementi kollha msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li, bħala prinċipju, C, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kontenzjuż, aġixxa bħala “konsumatur”, fis-sens tad-Direttiva 93/13 u li, għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandhom japplikaw għal dan il-kuntratt. |
|
57. |
Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li l-kwalità ta’ “konsumatur” tal-isportiv ikkonċernat evolviet, wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, billi dan sar atleta “professjonali” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva. Bħall-qorti tar-rinviju, jidhirli li din l-evoluzzjoni ma tikkostitwixxix element rilevanti, fil-kuntest speċifiku tad-dritt tal-konsumaturi, sabiex tiġi evalwata n-natura tar-relazzjoni ġuridika li teżisti bejn iż-żewġ partijiet. Għaldaqstant, kuntrarjament għas-sitwazzjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni ( 29 ), f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-konsumaturi, huwa, fil-fehma tiegħi, irrilevanti li l-attività tal-isportiv żagħżugħ fil-qasam li għalih jirreferi l-kuntratt sussegwentement kisbet natura professjonali. Dan jgħodd ukoll fl-ipoteżi fejn jirriżulta li ż-żagħżugħ sportiv uża s-servizzi pprovduti mill-kummerċjant biss sabiex jikseb kompetenzi professjonali, peress li l-element essenzjali jinsab fil-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kontenzjuż, iż-żagħżugħ sportiv ma kienx professjonali. |
|
58. |
Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, “il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt” ( 30 ). Kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja, hija għalhekk id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt li hija rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta ta’ klawżola, b’mod li l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għandha tiġi evalwata f’dan il-mument, indipendentement minn kull evoluzzjoni sussegwenti tal-kwalità ta’ “konsumatur” lejn dik ta’ “bejjiegħ jew fornitur”. Kwalunkwe interpretazzjoni iktar “dinamika” tal-kwalità ta’ “konsumatur”, li tikkonsisti fl-argument li din tal-aħħar tista’ tintilef matul iż-żmien, tmur kontra l-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
59. |
Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għan li tfittex li tilħaq id-Direttiva 93/13 sa fejn huwa fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, li jikkoinċidi mal-eventwali pożizzjoni sfavorevoli meta mqabbla mal-kummerċjant, li l-kuntratt jista’ jipproduċi konsegwenzi sfavorevoli, saħansitra fit-tul, għall-konsumatur. |
b) Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 93/13
|
60. |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 93/13 u, b’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni jekk kuntratt ta’ sportiv “jeune espoir” jistax jiġi eskluż minnu, għandu jitfakkar li din id-direttiva tapplika għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn kummerċjanti u konsumaturi fis-setturi kollha ta’ attività ekonomika ( 31 ), u li l-kriterju deċiżiv għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva huwa l-kwalità li taħtha jkunu aġixxew il-partijiet meta kkonkludew il-kuntratt kontenzjuż, u mhux is-suġġett ta’ dan tal-aħħar, li huwa, bħala prinċipju, irrilevanti għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 32 ). Madankollu, hemm xi eċċezzjonijiet għal din ir-regola ( 33 ). |
|
61. |
Minn naħa, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “[i]l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan ta’ din id‑direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti mdaħħla fil-kuntratti konklużi ma’ dawn tal-aħħar mill-kummerċjanti, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett, b’mod li jiġi ggarantit l-effett utli tagħha ( 34 ). Barra minn hekk, hija fakkret li, fi kwalunkwe każ, klawżola kuntrattwali li tinsab f’kuntratt konkluż minn kummerċjant ma’ konsumatur tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva biss jekk din il-klawżola kuntrattwali tirrifletti l-kontenut ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari imperattiva, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tat-tlettax il-premessa tagħha. Fil-fatt, tali esklużjoni ġiet iġġustifikata mill-fatt li huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti, bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried espliċitament iżomm ( 35 ). |
|
62. |
Min-naħa l-oħra, l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 iżżid li “kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l -inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi [minn din id-direttiva]”. Bħall-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, ir-ratio legis tal-esklużjoni ta’ dan it-tip ta’ kuntratti hija bbażata fuq il-fatt li l-lex specialis li tirregola dawn il-kuntratti kollha tippermetti li jiġu eliminati l-eventwali asimetriji bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. |
|
63. |
F’dan il-każ, il-kumpannija A ssostni li l-kuntratt kontenzjuż fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-kuntratti ta’ sportivi “jeune espoir” u li, għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ma japplikawx. Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk il-klawżoli ta’ dan il-kuntratt jirriflettux regoli ta’ natura imperattiva li huma applikabbli f’dan il-każ, b’mod li tippermetti, b’mod astratt, li jiġi rrimedjat eventwali żbilanċ bejn il-“jeunes espoirs” u l-kummerċjanti, u li jiġu esklużi ċerti klawżoli, b’mod partikolari l-klawżola kontenzjuża tal-imsemmi kuntratt, li tirrigwarda r-remunerazzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, b’dan il-mod, dik il-qorti ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin: qabelxejn, fil-fehma tiegħi, tali eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv ( 36 ); sussegwentement, fir-rigward tan-natura imperattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-istess direttiva, l-imsemmija qorti ser tkun obbligata tiżgura li din tapplika għall-partijiet kontraenti irrispettivament mill-għażla tagħhom, u b’mod supplenti (awtomatikament), fl-assenza ta’ arranġament differenti konkluż f’dan ir-rigward minn dawn il-partijiet ( 37 ); barra minn hekk, l-istess qorti ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, meta dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali japplikaw b’żieda mad-Direttiva 93/13, ikun hemm lok, b’mod ġenerali, li tiġi ffavorita interpretazzjoni li tippreżerva kemm jista’ jkun l-effett utli ta’ din id-direttiva ( 38 ); fl-aħħar nett, xejn ma jipprekludi li l-fatt li jeżistu dispożizzjonijiet oħra jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tat-trasparenza u tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest tal-imsemmija direttiva ( 39 ). |
|
64. |
Fid-dawl tal-elementi preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ servizzi ta’ żvilupp sportiv u ta’ għajnuna għall-karriera konkluż bejn, minn naħa, kummerċjant li jeżerċita l-attività tiegħu fil-qasam tat-taħriġ u tal-iżvilupp ta’ sportivi u, min-naħa l-oħra, minuri li kien irrappreżentat mill-ġenituri tiegħu u li ma kienx impjegat fil-qasam tal-isport meta ġie konkluż dan il-kuntratt, jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni l-oħra ddefiniti minn din id-direttiva. |
2. Fuq l-estensjoni tal-livell minimu ta’ protezzjoni mogħti mid-Direttiva 93/13 (it-tieni domanda)
|
65. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, magħmula fl-ipoteżi ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, esklużivament permezz tal-ġurisprudenza, b’mod li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu jistgħu jiġu applikati għal kuntratti li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
66. |
Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li għandha tingħata l-ewwel domanda, jidhirli li ma huwiex neċessarju li t-tieni domanda tiġi analizzata. |
|
67. |
Fi kwalunkwe każ, u għall-kompletezza, kif jirriżulta mir-risposta li nirrakkomanda li tingħata għall-ewwel domanda, id-Direttiva 93/13 tikkonċerna biss il-kuntratti konklużi bejn “kummerċjant” u “konsumatur” u għalhekk, a contrario, hija ma tapplikax għall-kuntratti li fihom ebda konsumatur ma jkun involut. Madankollu, peress li din hija armonizzazzjoni parzjali u minima, xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 93/13 għal kuntratti oħra, bħal, pereżempju, għall-kuntratti konklużi bejn żewġ “konsumaturi” jew, bil-maqlub, bejn żewġ “kummerċjanti” ( 40 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Istati Membri jżommu, b’mod partikolari, il-possibbiltà li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, bħala regoli tad-dritt nazzjonali, għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, sakemm dan ikun kompatibbli mal-għanijiet li hija tfittex li tilħaq u mat-Trattati ( 41 ). L-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jiddeċiedu li jestendu l-applikazzjoni tar-regoli tal-imsemmija direttiva għal persuni ġuridiċi jew fiżiċi li ma humiex “konsumaturi”, fis-sens ta’ din tal-aħħar, peress li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva għal oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għadha taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ( 42 ). Barra minn hekk, tali “estensjoni” tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, kemm jekk issir ope legis jew permezz tal-ġurisprudenza ( 43 ), tikkostitwixxi kwistjoni li taqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni. |
3. Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (it-tielet domanda)
|
68. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, issir taf jekk klawżola kuntrattwali li, b’mod partikolari, tistabbilixxi l-ammont tar-remunerazzjoni għas-servizz previst mill-kuntratt kontenzjuż, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, meta, fil-mument li fih ġie konkluż dan il-kuntratt, din id-dispożizzjoni kienet għadha ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ( 44 ). |
|
69. |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, “[l‑]istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, meta mqabbla mas-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”, jiġifieri, fi kliem ieħor, sa fejn dawn il-klawżoli jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ din id-direttiva. Kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżoli li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni, filwaqt li jaqgħu taħt il-qasam irregolat mill-imsemmija direttiva, jaħarbu mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din tal-aħħar, fil-każ biss li l-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni tqis, wara eżami individwali ta’ kull każ, li dawn tfasslu mill-kummerċjant b’mod ċar u li jinftiehem ( 45 ). |
|
70. |
Din id-dispożizzjoni għalhekk tfittex biss li tistabbilixxi l-modalitajiet u l-portata tal-istħarriġ fil-mertu tal-klawżoli kuntrattwali, li ma jkunux ġew innegozjati individwalment, li jiddeskrivu l-prestazzjonijiet essenzjali tal-kuntratti konklużi bejn kummerċjant u konsumatur ( 46 ). Konsegwentement, meta klawżola kuntrattwali tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, ma hijiex meħtieġa jekk din il-klawżola tkun ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem ( 47 ). |
|
71. |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li xejn ma jipprekludi lil Stat Membru milli jżomm jew milli jintroduċi, fil-qasam kollu rregolat minn din id-direttiva, inkluż l-Artikolu 4(2) tagħha, regoli iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva nnifisha, jekk dawn ifittxu li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla tal‑konsumaturi ( 48 ). Fil-fatt, il-klawżoli previsti f’dan l-Artikolu 4(2), tabilħaqq jaqgħu taħt il-qasam irregolat mill-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, l-Artikolu 8 tagħha, li jippermetti lill-Istati Membru jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur, japplika wkoll għall-imsemmi Artikolu 4(2) ( 49 ). Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sabiex jiġu ggarantiti konkretament l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li d-Direttiva 93/13 tfittex li tilħaq, kull traspożizzjoni tal-istess Artikolu 4(2) kellha tkun kompleta, b’mod li l-projbizzjoni tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tirrigwarda biss dawk li huma fformulati b’mod ċar u li jinftiehem ( 50 ). |
|
72. |
Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, qorti nazzjonali ser tkun tista’ f’kull ċirkustanza tevalwa, fil-kuntest ta’ tilwima dwar kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, li tirrigwarda b’mod partikolari s-suġġett prinċipali jew l-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni, anki fil-każijiet fejn dawn il-klawżoli jkunu ġew ifformulati minn qabel mill-kummerċjant b’mod ċar u li jinftiehem ( 51 ). Billi tawtorizza l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet tan-natura inġusta tal-klawżoli, tali għażla tippermetti li jiġi żgurat lill-konsumatur, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, livell ta’ protezzjoni effettiva ogħla minn dak stabbilit minnha ( 52 ). |
|
73. |
F’dan il-każ, peress li l-kuntratt kontenzjuż fil-kawża prinċipali ġie konkluż matul is-sena 2009 u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ġie traspost fid-dritt Latvjan biss matul is-sena 2014, qorti nazzjonali, bħall-qorti tar-rinviju, għandha għalhekk tkun tista’, fi kwalunkwe każ, tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt, indipendentement mill-kwistjoni jekk din tirrigwardax is-suġġett tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz u tar-remunerazzjoni, minn naħa, u tas-servizzi jew tal-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, u dan, anki jekk il-kummerċjant ikun ifformulaha minn qabel b’mod ċar u li jinftiehem ( 53 ). |
|
74. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li, għalkemm fil-mument li fih ġie konkluż il-kuntratt kontenzjuż, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma kienx ġie traspost fid-dritt intern, qorti nazzjonali għandha tkun tista’, fi kwalunkwe każ, tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, indipendentement mill-kwistjoni jekk din il-klawżola tirrigwardax is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz u tar-remunerazzjoni, minn naħa, u tas-servizzi jew tal-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, u dan, anki jekk il-kummerċjant ikun ifformulaha minn qabel b’mod ċar u li jinftiehem. |
4. Fuq ir-rekwiżit ta’ “trasparenza” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 (ir-raba’ domanda)
|
75. |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li ssir taf jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet klawżola kuntrattwali, bħall-klawżola kontenzjuża fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, għall-provvista ta’ servizzi ta’ żvilupp sportiv u ta’ għajnuna għall-karriera, sportiv jintrabat li jħallas remunerazzjoni ekwivalenti għal 10 % tad-dħul tiegħu rċevut matul il-ħmistax-il sena segwenti, għandha titqies li ġiet ifformulata b’mod “sempliċi u ċar” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13. |
|
76. |
B’mod iktar speċifiku, din id-domanda tirrigwarda l-portata u n-natura tat-trasparenza li jikkaratterizzaw klawżola meqjusa li ma hijiex inġusta. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, minn naħa, fil-każ tal-kuntratti fejn il-klawżoli kollha jew ċerti klawżoli offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom dejjem ikunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ dubju dwar it-tifsira ta’ klawżola, għandha tipprevali l-iktar interpretazzjoni favorevoli għall-konsumatur. |
|
77. |
F’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, kif jirriżulta mill-Artikolu 5 jew mill-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi sempliċement ridott fis-sens li dawn il-klawżoli jkunu formalment u grammatikalment intelliġibbli, iżda li, għall-kuntrarju, peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mill-imsemmija direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-kummerċjant fir-rigward, b’mod partikolari, tal-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ formulazzjoni ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali għandu jinftiehem f’sens wiesa’ ( 54 ). |
|
78. |
Għaldaqstant, l-imsemmi rekwiżit ta’ trasparenza mhux biss jeżiġi li klawżola tkun formalment u grammatikalment intelliġibbli għall-konsumatur ikkonċernat ( 55 ), iżda wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjoni konkreta ta’ din il-klawżola u li b’hekk jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u intelliġibbli, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola għall-obbligi finanzjarji tiegħu ( 56 ). |
|
79. |
Għaldaqstant, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem fis-sens li jeżiġi wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tirreferi l-klawżola kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u intelliġibbli, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn dan il-kuntratt ( 57 ). |
|
80. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-mument li fih ġie konkluż il-kuntratt kontenzjuż, C ma kellux, f’dak li jirrigwarda l-valur tas-servizz ipprovdut u l-ammont li kellu jitħallas bħala korrispettiv, ġabra ta’ informazzjoni li permezz tagħha huwa seta’ jkun f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li setgħu jirriżultaw għalih minn dan il-kuntratt. Għalkemm, tabilħaqq, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq tali evalwazzjoni, jidhirli li l-elementi li ġejjin huma madankollu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura trasparenti tal-klawżola kkonċernata. |
|
81. |
L-ewwel nett, jidhirli li huwa paċifiku li l-klawżola kontenzjuża dwar ir-remunerazzjoni tista’ tinftiehem faċilment minn “konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt” ( 58 ), kemm fuq livell formali u grammatikali, kif ukoll mill-perspettiva tal-kalkolu marbut mar-remunerazzjoni li hija dovuta minn C lill-kumpannija A. Fil-fatt, jidhirli li ma huwiex ikkontestat li C u l-ġenituri tiegħu kienu f’pożizzjoni li jifhmu l-funzjonament konkret ta’ din il-klawżola abbażi ta’ kriterju preċiż (il-kalkolu tar-remunerazzjoni huwa sempliċi billi din tammonta għal “10 % tad-dħul nett kollu rċevut matul il-perijodu tal-kuntratt”, jiġifieri perijodu ddeterminat minn qabel ta’ ħmistax‑il sena) u intelliġibbli (mingħajr ebda riferiment għal elementi li jirrendu l-metodu ta’ kalkolu iktar kumpless, bħal eventwali indiċjar). Għaldaqstant, ma jidher li hemm ebda dubju dwar il-fatt li l-isportiv kien f’pożizzjoni li jifhem il-metodu ta’ kalkolu użat, kemm-il darba jitqies, evidentement, li l-kumpannija A speċifikat sew dak li jikkostitwixxi “id-dħul nett kollu”. |
|
82. |
It-tieni nett, peress li kien oġġettivament impossibbli li jiġi previst l-ammont eżatt tar-remunerazzjoni sa fejn dan jiddependi mill-ammont tad-dħul futur iġġenerat minn C, ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi li kellu l-kummerċjant għad-dispożizzjoni tiegħu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt mal-konsumatur. Għalhekk ma jistax jiġi rikjest minn kummerċjant li jinforma lill-konsumatur dwar il-konsegwenzi finanzjarji finali tal-impenn tiegħu, li jiddependu minn avvenimenti futuri, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda ta’ dan il-kummerċjant ( 59 ). |
|
83. |
It-tielet nett, u f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jibqa’ l-fatt li l-informazzjoni li l-kummerċjant huwa obbligat jikkomunika qabel il-konklużjoni tal-kuntratt għandha tippermetti lill-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi prudenza u b’għarfien sħiħ, minn naħa, tal-possibbiltà li tali avvenimenti jseħħu u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi li dawn jistgħu jwasslu għalihom ( 60 ). Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, jekk l-informazzjoni kkomunikata mill-kummerċjant qabel il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt ippermettietx lill-konsumatur, bħala konsumatur normalment informat, li jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi li kienet twassal għalihom il-konklużjoni tal-istess kuntratt. F’dan ir-rigward, hija b’mod partikolari l-qorti nazzjonali li ser ikollha tevalwa jekk il-kumpannija A kkomunikatx lil C il-firxa wiesgħa kollha ta’ servizzi offruti ( 61 ), kif ukoll it-tul tagħhom, b’mod li C seta’ jistma l-valur tagħhom fl-intier tagħhom meta mqabbel mar-remunerazzjoni li potenzjalment tkun dovuta lil din il-kumpannija, għaliex huwa preċiżament abbażi ta’ dawn iż-żewġ elementi li d-deċiżjoni li tintrabat kuntrattwalment mal-imsemmija kumpannija messha loġikament ittieħdet. |
|
84. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li l-klawżoli kuntrattwali għandhom jiġu fformulati b’mod “sempliċi u ċar” jimponi fuq impriża, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li toffri servizzi ta’ żvilupp sportiv u ta’ għajnuna għall-karriera, l-obbligu li tipprovdi lil sportiv żagħżugħ informazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni informata, li tkun ibbażata fuq informazzjoni preċiża, b’mod li l-klawżola kuntrattwali għandha mhux biss tkun tinftiehem fil-livell formali u f’dak grammatikali, iżda għandha tagħti wkoll lill-konsumatur il-possibbiltà, minn naħa, li jifhem fl-intier tagħhom il-konsegwenzi pekunjarji sinjifikattivi li din il-klawżola tista’ tagħti lok għalihom mill-perspettiva tal-impenji finanzjarji tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li jevalwa l-adegwatezza tagħhom fir-rigward tal-valur totali tas-servizzi offruti minn din l-impriża. |
5. Fuq in-natura inġusta tal-klawżola ta’ remunerazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 (il-ħames domanda)
|
85. |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola kontenzjuża fil-kawża prinċipali toħloqx għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, peress li din il-klawżola ma tistabbilixxix rabta bejn il-valur tas-servizz ipprovdut u l-ispiża tiegħu għall-konsumatur. Għalhekk din id-domanda hija intiża sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżola kontenzjuża, u b’mod partikolari l-kompatibbiltà tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. |
|
86. |
Preliminarjament, jidhirli li huwa utli li nagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżola kontenzjuża. |
|
87. |
Minn naħa, huwa importanti li jitfakkar li din il-klawżola tista’ titqies li hija rilevanti kemm fir-rigward tas-“suġġett prinċipali tal-kuntratt” ( 62 ) kif ukoll tal-“adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni” ( 63 ), fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, tali klawżola tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva tkun eskluża jekk din tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta mill-istess direttiva. Konsegwentement, l-analiżi li ġejja hija rilevanti biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi jew li l-klawżola kontenzjuża ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ trasparenza – sa fejn il-fatt li klawżola ma tkunx ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem ma huwiex, waħdu, ta’ natura li jagħtiha natura inġusta ( 64 ) – jew li hija tista’ tevalwa n-natura inġusta peress li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma japplikax f’dan il-każ għaliex, fil-mument li fih ġie konkluż il-kuntratt kontenzjuż, din id-dispożizzjoni kienet għadha ma ġietx trasposta fid-dritt Latvjan ( 65 ). Fi kwalunkwe każ, in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, kif jeżiġi l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha ( 66 ). |
|
88. |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi speċifikat li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċetti tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, peress li hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu dawn il-kriterji inkunsiderazzjoni, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-każ inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni ( 67 ). |
|
89. |
Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li klawżola ta’ kuntratt li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment titqies li hija inġusta jekk, kontra r-rekwiżit ta’ bona fide, tikkawża żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur. Minn dan isegwi li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ osservanza possibbli tar-rekwiżit ta’ “bona fide” u, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ eventwali “żbilanċ sinifikanti” għad-detriment tal-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 ( 68 ). |
|
90. |
Minn naħa, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ “bona fide”, is-sittax-il premessa ta’ din id-direttiva tispeċifika, b’mod partikolari, li dan ir-rekwiżit “[j]ista’ [j]kun sodisfatt[…] mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha” u li hija l-qorti nazzjonali li “għandha [tqis] b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur” ( 69 ). Il-qorti nazzjonali għalhekk għandha tivverifika jekk il-kummerċjant, filwaqt li jkun ittratta mal-konsumatur b’mod leali u ekwu, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali ( 70 ). |
|
91. |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit dwar l-“iżbilanċ sinjifikattiv” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, li jissemma speċifikament fil-ħames domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li hemm lok, b’mod partikolari, li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, b’mod li jiġi evalwat jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn dan il-kuntratt iqiegħed lil dan il-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli minn dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ ( 71 ). Fil-fatt, huwa permezz ta’ tali analiżi komparattiva li l-qorti nazzjonali tista’ tevalwa jekk kuntratt iqiegħedx lill-konsumatur f’pożizzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ u, jekk ikun il-każ, sa fejn jagħmel dan ( 72 ). Madankollu, jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet addizzjonali rilevanti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (kif jista’ jkun il-każ fir-rigward tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ sportivi “jeune espoir”), l-iżbilanċ sinjifikattiv għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi ta’ referenza oħra, bħall-prattiki tas-suq leali u ekwi fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt fir-rigward tar-remunerazzjoni fil-qasam sportiv ikkonċernat ( 73 ) jew paragun tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet skont kuntratt partikolari, fid-dawl tan-natura tiegħu u tal-klawżoli kuntrattwali relatati ( 74 ). Bl-istess mod, għal dan l-iskop, jidher rilevanti li jitwettaq eżami tas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab dan il-konsumatur fid-dawl tal-mezzi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti ( 75 ). Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali hija obbligata tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt, u billi tirreferi, fil-mument li fih jiġi konkluż, għaċ-ċirkustanzi kollha li jirrigwardaw il-konklużjoni tiegħu, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-imsemmi kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi minnu ( 76 ). |
|
92. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet imsemmija fil-punti 89 sa 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wara li tkun ivverifikat l-elementi li jaqgħu fil-kuntest fattwali ta’ din il-kawża u tal-kuntest ġuridiku nazzjonali. |
|
93. |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti ta’ sportivi “jeune espoir” tinkludix dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni li l-kuntratt kontenzjuż jitbiegħed minnhom. Fl-assenza ta’ tali leġiżlazzjoni, dik il-qorti ser ikollha tirreferi għall-prattiki tas-suq leali u ekwi fil-qasam tar-remunerazzjoni għas-servizzi inkwistjoni fil-qasam sportiv ikkonċernat li kienu pendenti fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, l-imsemmija qorti ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tas-servizzi li huma s-suġġett tal-imsemmi kuntratt u tivverifika jekk l-assenza ta’ rabta, jekk ikun il-każ, bejn il-valur tas-servizz ipprovdut mill-kumpannija A u r-remunerazzjoni għal dawn is-servizzi minn C tistax tagħti natura inġusta lill-klawżola kontenzjuża. |
|
94. |
F’dan ir-rigward, jidhirli li l-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni jekk il-fornitur ta’ servizzi jistax juri li r-remunerazzjoni li tammonta għal 10 % tad-dħul kollu ġġenerat minn C matul il-perijodu tal-kuntratt kontenzjuż kienet effettivament marbuta mas-servizzi pprovduti mill-kumpannija A, u jekk tali remunerazzjoni tikkorrispondix għall-valur tas-suq fis-settur sportiv ikkonċernat. Jidhirli li sproporzjon totali bejn is-servizz ipprovdut u l-prezz imħallas ma jistax tiġi aċċettata anki jekk din kienet permessa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew ma kinitx espressament ipprojbita minnha ( 77 ). |
|
95. |
Dwar dan il-punt, jidhirli madankollu li huwa importanti li din il‑qorti tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin li jimmilitaw favur l-assenza ta’ “żbilanċ sinjifikattiv”: i) il-fatt li tali remunerazzjoni ssir dovuta biss bil-kundizzjoni li dan id-dħul ikun ta’ ammont ta’ mill-inqas EUR 1500 fix-xahar; ii) il-fatt li, skont il-kuntratt kontenzjuż, C seta’ jiddeċiedi li jittermina unilateralment dan il-kuntratt mingħajr ma jħallas kumpens, jekk, b’mod partikolari, huwa jiddeċiedi li ma jkomplix il-karriera professjonali tiegħu ( 78 ); u, iii) il-fatt li s-servizzi pprovduti mill-kumpannija A kienu mingħajr garanzija li C jikseb ir-riżultat mixtieq, jiġifieri li jsir professjonali, ħaġa li tfisser li, min-natura tiegħu stess, il-kuntratt kien jinkludi fattur ta’ riskju kunsiderevoli għal din il-kumpannija ( 79 ). Fil-fatt, dwar dan l-aspett, jidhirli li l-qorti tar-rinviju ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-remunerazzjoni rċevuta minn C ser isservi mhux biss sabiex tiffinanzja s-servizzi offruti mill-kumpannija A lil C, iżda wkoll liż-żgħażagħ promettenti l-oħra kollha li kkonkludew kuntratti simili ma’ din il-kumpannija (b’mod partikolari lil dawk li ma sarux professjonali), u dan potenzjalment matul diversi snin. Għaldaqstant is-sistema ser ikollha tiġi evalwata fl-intier tagħha. |
|
96. |
Fl-aħħar nett, dik il-qorti ser ikollha xorta waħda tieħu inkunsiderazzjoni wkoll elementi favur l-eżistenza ta’ żbilanċ, u b’mod partikolari l-fatt li l-kuntratt kontenzjuż ma kienx jidher li jinkludi klawżola li tipprevedi l-possibbiltà għall-partijiet li jiftiehmu sabiex inaqqsu l-obbligi tal-isportiv żagħżugħ jew jemendaw it-tul ta’ dan il-kuntratt, pereżempju, ladarba ż-żagħżugħ sportiv isir maġġorenni jew skont l-importanza u t-tul tas-servizzi rċevuti, liema klawżola normalment tapplika sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess tal-isportiv żagħżugħ. |
|
97. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huma rilevanti, għall-evalwazzjoni tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ sostenn għall-iżvilupp u għall-karriera sportiva li tipprevedi li, għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, iż-żagħżugħ sportiv, li jaġixxi bħala konsumatur, jintrabat li jħallas remunerazzjoni li tikkorrispondi għal 10 % tad-dħul li huwa ser jirċievi matul il‑ħmistax‑il sena segwenti jekk isir professjonali, in-nuqqas ta’ osservanza possibbli tar-rekwiżit ta’ “bona fide” u l-eżistenza ta’ eventwali “żbilanċ sinjifikattiv” għad-detriment tal-konsumatur, filwaqt li jitqies li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, b’mod li jiġi evalwat jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn dan il-kuntratt iqiegħed lil dan il-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli minn dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ u, fl-assenza ta’ tali regoli, prattiki tas-suq fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt fir-rigward tar-remunerazzjoni fil-qasam sportiv ikkonċernat, sakemm dawn ikunu leali u ekwi, kif ukoll in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt, filwaqt li jsir riferiment, fil-mument li jiġi konkluż, għaċ-ċirkustanzi kollha li jirrigwardaw il-konklużjoni tiegħu, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-istess kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi minnu, u b’mod partikolari għall-kwistjoni dwar jekk ir-remunerazzjoni mitluba tikkorrispondix għall-valur tas-suq fis-settur sportiv ikkonċernat, u dan filwaqt li jitqies b’mod partikolari r-riskju li jimplika, għall-kummerċjant, il-fatt li ma jkollux il-garanzija li jirċievi remunerazzjoni jekk iż-żagħżugħ sportiv ma jsirx professjonali. |
6. Fuq in-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 (is-sitt domanda)
|
98. |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta jiġi kkonstatat li klawżola kuntrattwali hija ta’ natura inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, l-Artikolu 6(1) tagħha jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tkun tista’ tnaqqas l-ammont dovut mill-konsumatur sal-ammont tal-ispejjeż effettivament sostnuti mill-fornitur kummerċjant fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. |
|
99. |
Minn dan isegwi li s-sitt domanda tirrigwarda l-eventwali possibbiltà li l-qorti tar-rinviju jkollha sabiex tirrevedi jew timmodifika klawżola, jekk tqis li din il-klawżola hija ta’ natura inġusta. |
|
100. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż minn kummerċjant ma’ konsumatur ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali kkonċernat. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet, skont l-istess termini, jekk ikun jista’ jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti. |
|
101. |
Kif enfasizzat repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, din hija dispożizzjoni imperattiva li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali tali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar ( 80 ). Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tiżgura lill-konsumaturi, l-Artikolu 6 tagħha għandu jitqies li huwa regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, in-natura ta’ regoli ta’ ordni pubbliku ( 81 ). |
|
102. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod li ma jistax ikollha effett fil-konfront tal-konsumatur ( 82 ). Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-konsegwenza li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza tal-imsemmija klawżola ( 83 ). |
|
103. |
Minn dan isegwi f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li teskludi klawżola kuntrattwali inġusta li tkun timponi l-ħlas ta’ somom li jirriżultaw li huma indebiti jwassal, bħala prinċipju, għal effett ta’ ħlas lura korrispondenti fir-rigward ta’ dawn is-somom. Fil-fatt, l-assenza ta’ tali effett ta’ ħlas lura tista’ timmina l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tagħha, huwa intiż li jorbot mal-konstatazzjoni tal-natura inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratti konklużi minn kummerċjant mal-konsumaturi ( 84 ). A fortiori, jekk, bħal f’dan il-każ, konsumatur ma jkunx għamel ħlasijiet li jirriżultaw li jkunu indebiti minħabba n-natura inġusta tal-klawżola li timponihom, dan tal-aħħar ma jistax ikun obbligat iħallas, anki parzjalment, is-somom dovuti skont din il-klawżola, peress li din tal-aħħar għandha titqies li qatt ma eżistiet ( 85 ). Li kieku dan ma kienx il-każ, il-klawżola inkwistjoni tibqa’ parzjalment vinkolanti u l-kummerċjant jikseb ċertu profitt mill-użu tagħha. |
|
104. |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li klawżola inġusta tiġi mmodifikata jew irreveduta, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti nazzjonali ma tistax tkun awtorizzata timmodifika jew tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti, għaliex altrimenti tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-effett dissważiv eżerċitat fuq il-kummerċjanti bin-nuqqas ta’ applikazzjoni pur u sempliċi ta’ tali klawżoli inġusti fil-konfront tal-konsumatur ( 86 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espliċitament li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali, fil-każ li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola penali f’kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur, li tnaqqas l-ammont tal-penali imposta fuq il-konsumatur minflok ma teskludi kompletament l-applikazzjoni tal-klawżola inkwistjoni fil-konfront ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tal-iskop u tal-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, li kieku l-qorti nazzjonali setgħet tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratti, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fit-tul previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, peress li ddgħajjef l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-kummerċjanti bin-nuqqas ta’ applikazzjoni pur u sempliċi ta’ tali klawżoli inġusti fil-konfront tal-konsumatur, sa fejn dawn tal-aħħar jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, bl-għarfien li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jiġi kkompletat, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’mod li b’hekk jiġi ggarantit l-interess tal-imsemmija kummerċjanti ( 87 ). |
|
105. |
Konsegwentement, inqis li, kieku qorti nazzjonali, bħall-qorti tar-rinviju, kellha tikkonstata li l-klawżola kkonċernata kienet ta’ natura inġusta, il-possibbiltà li tingħatalha li tirrevedi jew li timmodifika l-imsemmija klawżola kuntrattwali ma tkunx konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. L-unika possibbiltà li għandha dik il-qorti tikkonsisti fl-annullament tal-klawżola inġusta, sabiex sussegwentement teżamina jekk, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, il-kuntratt jistax, minn perspettiva ġuridika, jinżamm mingħajr l-imsemmija klawżola inġusta, liema kwistjoni għandha tiġi vverifikata skont approċċ oġġettiv ( 88 ). |
|
106. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod li ma jistax ikollha effett fil-konfront tal-konsumatur, li għandu jiġi stabbilit mill-ġdid fis-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha fl-assenza ta’ din il-klawżola, mingħajr ma l-qorti nazzjonali tkun tista’ timponi fuqu l-ħlas ta’ kwalunkwe ammont skont ir-remunerazzjoni prevista mill-imsemmija klawżola ddikjarata inġusta, irrispettivament minn jekk dan jitnaqqasx sal-ammont tal-ispejjeż effettivament sostnuti mill-fornitur kummerċjant fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew le. |
7. Fuq il-portata tal-Artikoli 8 u 8a tad-Direttiva 93/13 (is-seba’ u t-tmien domanda)
|
107. |
Permezz tas-seba’ u tat-tmien domanda, li nipproponi li neżamina flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li ssir taf, fl-ipoteżi li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ikun applikabbli, jekk, minn naħa, il-qorti nazzjonali tistax, meta tikkonstata li l-ammont tar-remunerazzjoni huwa manifestament sproporzjonat meta mqabbel mal-kontribuzzjoni pprovduta mill-fornitur ta’ servizzi, tiddikjara li din il-klawżola kuntrattwali hija inġusta billi tibbaża ruħha esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali (is-seba’ domanda) u, fl-affermattiv, fil-każ ta’ kuntratt li jkun ġie konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 8a ta’ din id-direttiva, jekk din il-qorti hijiex, min-naħa l-oħra, obbligata tieħu inkunsiderazzjoni esklużivament l-informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet adottati mill-Istat Membru skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva li dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8a tal-istess direttiva, meta l-imsemmi Stat Membru jkun indika li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tmurx lil hinn mir-regoli minimi previsti minnha (it-tmien domanda). |
|
108. |
Peress li dawn iż-żewġ domandi, li huma marbuta mill-qrib, tqajmu fl-ipoteżi li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi lil qorti nazzjonali milli tevalwa n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta, fid-dawl tar-risposta proposta għat-tielet domanda, dik il-qorti għandha tkun tista’ tevalwa n-natura inġusta jekk, fil-mument li fih ġie konkluż il-kuntratt, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva ma kienx ġie traspost fid-dritt nazzjonali, inqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għalihom. |
|
109. |
Fi kwalunkwe każ, u għall-kompletezza, minn naħa, f’dak li jirrigwarda s-seba’ domanda, kif ġie indikat fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, infakkar li d-Direttiva 93/13 twettaq armonizzazzjoni minima, u li, għaldaqstant, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiżguraw grad ta’ protezzjoni ogħla minn dak li huwa previst fiha, sakemm dan ikun kompatibbli mal-għanijiet li hija tfittex li tilħaq. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva sabiex jadottaw dispożizzjonijiet li jwessgħu l-portata tat-tipi ta’ klawżoli li n-natura inġusta tagħhom tista’ tiġi evalwata, billi jinkludu fiha klawżoli oħrajn, bħal, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tar-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz, u dan anki jekk ikunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem ( 89 ). |
|
110. |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda t-tmien domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8a tad-Direttiva 93/13 jimponi fuq l-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 8 tagħha li jinformaw lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll ta’ kwalunkwe emenda sussegwenti, b’mod partikolari meta dawn id-dispożizzjonijiet: jestendu l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom għall-klawżoli kuntrattwali nnegozjati individwalment jew għall-klawżoli dwar l-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni, jew ikun fihom listi ta’ klawżoli kuntrattwali li jitqiesu li huma inġusti. Skont l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Latvja ma kkomunikat ebda miżura skont l-Artikolu 8a li tmur lil hinn mir-regoli minimi previsti mid-Direttiva 93/13. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-possibbiltà li jiġu applikati testi leġiżlattivi nazzjonali li huma intiżi li jtejbu l-protezzjoni tal-konsumaturi, sa fejn l-Artikolu 8a ta’ din id-direttiva ma jipprevedi ebda konsegwenza legali għall-assenza ta’ notifika tal-leġiżlazzjoni minn Stat Membru. Fi kliem ieħor, l-assenza ta’ notifika ta’ tali miżura nazzjonali ma tfissirx li din ma tistax tapplika fl-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, l-imsemmija direttiva ma tipprovdix li n-notifika tad-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 8a tal-istess direttiva tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-validità tagħhom u għall-effett vinkolanti tagħhom. Għaldaqstant, ma jistax jinsilet argument min-nuqqas ta’ notifika min-naħa ta’ Stat Membru sabiex jitqies li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni ma daħlitx fis-seħħ jew ma hijiex vinkolanti. |
8. Fuq l-applikazzjoni tal-Artikoli 17(1) u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta (id-disa’ u l-għaxar domanda)
|
111. |
Permezz tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, fl-ipoteżi ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda preliminari, li jiġi ddeterminat l-effett f’dan il-każ tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, fid-dawl tal-fatt li, l-ewwel nett, il-kuntratt kontenzjuż kien jorbot lil C għal perijodu ta’ ħmistax‑il sena u seta’ jkollu implikazzjonijiet pekunjarji sinjifikattivi, u li, it-tieni nett, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, C kien minuri. L-għaxar domanda tirrigwarda, essenzjalment, l-istess aspetti bħad-disa’ domanda, u hija magħmula fuq bażi sussidjarja meta mqabbla magħha, jiġifieri fl-ipoteżi ta’ risposta negattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda. Fid-dawl tar-risposta li jiena nipproponi li għandha tingħata għall-ewwel domanda, ma jidhirx neċessarju li tingħata risposta għall-għaxar domanda. |
|
112. |
Minn dan isegwi li permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tfittex, minn naħa, li ssir taf jekk, fid-dawl tat-tul tiegħu u tal-livell ta’ remunerazzjoni li huma previsti, kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn kummerċjant u konsumatur li kien minuri fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, imurx kontra l-“aħjar interess” tal-wild, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, kif ukoll kontra d-dritt għall-proprjetà, stabbilit fl-Artikolu 17 tagħha, u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, dan il-fatt jistax jeżerċita influwenza fuq l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola. |
|
113. |
Qabelxejn, jidhirli li huwa utli li jitfakkar li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, kif nissuġġerixxi fir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, li d-Direttiva 93/13 hija applikabbli fil-kawża prinċipali, l-istess ikun il-każ fir-rigward tal-Karta. Fil-fatt, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom japplikaw, b’mod partikolari, meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, id-drittijiet fundamentali stabbiliti minnha, fosthom dawk previsti mill-Artikoli 17 (id-dritt għall-proprjetà) u 24 (id-drittijiet tat-tfal) tagħha, għandhom jiġu rrispettati. |
|
114. |
Minn naħa, f’dak li jirrigwarda d-dritt għall-proprjetà, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum, ma ddeċidietx li l-Artikolu 17(1) tal-Karta, li jirregola d-dritt għall-proprjetà f’termini ġenerali, kellu xi portata speċifika fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. Jidhirli li dan huwa għalkollox loġiku u koerenti. |
|
115. |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-effett tad-drittijiet tat-tfal, l-Artikolu 24(2) tal-Karta, jistabbilixxi li “fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja”. Għalkemm din id-dispożizzjoni ma ġiet qatt interpretata, sa fejn naf jien, mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13, din hija, hija stess, ifformulata f’termini wiesgħa u, fil-fehma tiegħi, għandha tkun tista’ tapplika għal atti, bħall-kuntratt kontenzjuż, li għandhom konsegwenzi potenzjalment sinjifikattivi għall-minuri kkonċernat ( 90 ). Tali konstatazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal ( 91 ), li għalih jirreferu espressament l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 24 tal-Karta. Skont dan l-Artikolu 3(1), l-aħjar interessi tal-wild għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tkopri, b’mod ġenerali, id-deċiżjonijiet kollha u l-azzjonijiet kollha li jolqtu direttament jew indirettament lit-tfal ( 92 ), kif irrileva l-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti ( 93 ). Fil-fatt, l-espressjoni “l-aħjar interessi tal-wild” tirreferi fl-istess ħin għal dritt sostantiv, għal prinċipju interpretattiv u għal regola proċedurali ( 94 ). |
|
116. |
Sa fejn din l-espressjoni tirreferi għal “prinċipju interpretattiv”, jidhirli li l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tkun rilevanti fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, meta l-konsumatur ikkonċernat, bħal f’dan il-każ, kien minuri fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kontenzjuż. |
|
117. |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 93/13 ma ssemmi bl‑ebda mod l-età tal-konsumaturi u lanqas, a fortiori, il-fatt li jkunu minuri. Madankollu, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali jinkludi dispożizzjoni speċifika dwar il-prattiki kummerċjali li tirreferi għal “grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi […] partikolarment vulnerabbli”. Fost il-fatturi li jiddeterminaw din il-vulnerabbiltà hemm b’mod partikolari l-età tal-konsumatur. Konsegwentement, din id-direttiva tal-aħħar tipprovdi li, meta tali grupp ikun fil-mira, il-prattika kummerċjali kkonċernata għandha tiġi evalwata mill-“perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp” ( 95 ). |
|
118. |
Għaldaqstant, għalkemm id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, sabiex in-natura eventwalment inġusta tal-klawżola kkonċernata tiġi evalwata mill-perspettiva tal-“konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, mutatis mutandis, il-fatt li l-konsumatur kien minuri u, konsegwentement, partikolarment vulnerabbli. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt billi jsir riferiment “għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt”, inklużi, jekk ikun il-każ, il-fatt li l-konsumatur ikun minuri. |
|
119. |
Madankollu, f’dan il-każ, għalkemm il-fatt li l-konsumatur kien “minuri” jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza li ser ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kontenzjuż, il-minuri kien irrappreżentat mill-ġenituri tiegħu u li dan il-kuntratt bilkemm ġie ffirmat sena qabel ma C sar maġġorenni. |
|
120. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-disa’ domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur ikkonċernat, peress li kien minuri fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt (inkwistjoni), jappartjeni lil grupp partikolarment vulnerabbli, iżda mingħajr madankollu ma jiġu injorati ċirkustanzi oħra li kienu jipprevalu fil-mument li fih ġie konkluż dan il-kuntratt, bħalma huma l-fatt li dan il-minuri kien irrappreżentat mill-ġenituri tiegħu u kif ukoll il-livell ta’ maturità tiegħu. |
V. Konklużjoni
|
121. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), kif emendata bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 304, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali”).
( 4 ) Valdības Vēstnesis, 1937, Nru 41.
( 5 ) Latvijas Vēstnesis, 1999, Nru 104/105.
( 6 ) Il-provvisti offruti mill-kumpannija A kienu jinkludu, b’mod partikolari, servizzi ta’ formazzjoni u ta’ taħriġ, ta’ mediċina tal-isport u l-akkumpanjament minn psikologu tal-isport, miżuri ta’ sostenn għall-karriera (jiġifieri t-tfassil, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-pjan ta’ karriera u l-konklużjoni ta’ kuntratti bejn l-isportiv u l-klabbs), kif ukoll sostenn fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-assistenza legali u tal-kontabbiltà.
( 7 ) Għaldaqstant, din il-kawża hija differenti minn dawk ittrattati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali fil-qasam tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37, punti 31, 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Personal Exchange International (C‑774/19, EU:C:2020:1015, punti 40 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)).
( 8 ) Ara, f’dan is-sens, dwar l-importanza li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 49). Skont l-informazzjoni li għandha l-qorti tar-rinviju, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, qieset li plejer tal-basketball li, bħala plejer futur, kien ikkonkluda kuntratt ta’ servizzi ma’ aġenzija sportiva, li permezz tiegħu din l-aġenzija ntrabtet, fl-interess tiegħu, li tmexxi negozjati ma’ klabbs sportivi fuq l-impjieg ta’ dan il-plejer, filwaqt li dan tal-aħħar intrabat li jħallas lil din l-aġenzija ċerta somma kkalkolata bħala sehem mid-dħul li joriġina mill-kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, kien qiegħed jaġixxi bħala konsumatur u mhux bħala kummerċjant (CA Paris, 2, 23.5.2019, Nru 1602277.) Għall-kuntrarju, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2002, li ddeċidiet dwar tilwima bejn plejer żagħżugħ tat-tennis u aġenzija sportiva li kienet tirriżulta minn kuntratt ta’ servizzi simili għal dak konkluż mill-partijiet f’din il-kawża, ma applikatx għal din ir-relazzjoni ġuridika id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi għal din ir-relazzjoni ġuridika (OLG München, 7.11.2002 – 19 U 3238/02).
( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, International Protection Appeals Tribunal et (Attentat fil-Pakistan) (C‑756/21, EU:C:2023:523, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, iktar ’il quddiem is-sentenza Banco Primus, EU:C:2017:60, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara l-Artikolu 114 TFUE, li llum huwa l-bħala bażi legali għad-Direttiva 93/13, kif ukoll l-Artikolu 169 TFUE u l-Artikolu 38 tal-Karta.
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, DelayFix (C‑519/19, iktar ’il quddiem is-sentenza DelayFix, EU:C:2020:933, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll l-Avviż tal-Kummissjoni bit-titolu, “Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur” (ĠU 2019, C 323, p. 4 sa 92, iktar ’il quddiem il-“Gwida tal-Kummissjoni”, p. 5).
( 14 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt) (C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Air Europa Líneas Aéreas (C‑173/23, EU:C:2024:295, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen (C‑147/16, iktar ’il quddiem is-sentenza Karel de Grote, EU:C:2018:320, punt 59), li kienet tirrigwarda inugwaljanza bejn stabbiliment ta’ tagħlim u student, minħabba l-asimetrija tal-informazzjoni u tal-kompetenzi tekniċi bejn dawn il-partijiet.
( 17 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea (C‑110/14, iktar ’il quddiem is-sentenza Costea”, EU:C:2015:538, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, minkejja li jitqies li avukat għandu livell għoli ta’ kompetenzi tekniċi, dan ma jippermettix li jiġi preżunt li dan ma huwiex parti dgħajfa meta mqabbel ma’ kummerċjant.
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gutiérrez Naranjo et”, EU:C:2016:980, punt 63), u tal-15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt) (C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 58), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:405, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-Gwida tal-Kummissjoni (p. 9).
( 19 ) Ara s-sentenza Karel de Grote (punti 45 u 46).
( 20 ) B’mod iktar speċifiku, il-kumpannija A sostniet, matul is-seduta, li C u l-ġenituri tiegħu kellhom il-possibbiltà li jinnegozjaw il-kuntratt kontenzjuż, sa fejn, qabel l-iffirmar tiegħu, il-partijiet firmatarji ltaqgħu diversi drabi. Madankollu, din il-kumpannija rrikonoxxiet li, matul dawn il-laqgħat, ma kienet tqajmet l-ebda kwistjoni dwar it-tul tal-kuntratt u l-ammont ta’ impenji futuri, pereżempju fir-rigward tal-ammont tal-kumpens dovut jew kwalunkwe klawżola kuntrattwali oħra, u li d-diskussjonijiet li saru kienu jirrigwardaw prinċipalment il-basketball, l-infrastrutturi, il-coaches, il-kundizzjonijiet tal-ħajja, il-catering, eċċ.
( 21 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Banco Santander (Riferiment għal indiċi uffiċjali) (C‑265/22, iktar ’il quddiem is-sentenza Banco Santander, EU:C:2023:578, punt 62).
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Karel de Grote (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata) u DelayFix (punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’mod iktar ġenerali, dwar il-kunċett ta’ “konsumatur”, Djurovic, M., “The Average Consumer”, European Law on Unfair Commercial Practices and Contract Law, Hart Publishing, Oxford, 2016, p. 25 u 26.
( 23 ) Ara s-sentenza Karel de Grote (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, il-Gwida tal-Kummissjoni (p. 11).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux (C‑590/17, iktar ’il quddiem is-sentenza Pouvin u Dijoux, EU:C:2019:232, punti 24, 25 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Caixabank et (Stħarriġ tat-trasparenza fl-azzjoni kollettiva) (C‑450/22, iktar ’il quddiem is-sentenza Caixabank, EU:C:2024:577, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Din il-konstatazzjoni hija bbażata biss fuq l-affermazzjonijiet tal-kumpannija A, waqt is-seduta, li jridu jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.
( 28 ) Ara s-sentenzi Costea (punt 21) u Pouvin u Dijoux (punti 25 sa 28).
( 29 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37, punti 31, 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Personal Exchange International (C‑774/19, EU:C:2020:1015, punti 40 u 41). Fil-fatt, kif spjegat il-Kummissjoni, f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li joriġinaw mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), ma huwiex eskluż li l-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali evoluzzjoni tal-istatus tal-konsumatur matul il-perijodu tal-kuntratt, pereżempju, fil-każ ta’ kuntratti għall-użu ta’ servizzi li jestendu fuq perijodu itwal, fis-sens li l-kuntratt konkluż mill-konsumatur seta’ evolva, billi għadda mill-użu tas-servizz għal finijiet purament privati għal attività esklużivament professjonali, b’mod li l-persuna fiżika tista’ konsegwentement titlef il-kwalità tagħha ta’ “konsumatur”.
( 30 ) Korsiv miżjud minni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi DelayFix (punt 60) u Caixabank (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pouvin et Dijoux (punti 24, 25 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, waqt it-tfassil tal-abbozz ta’ direttiva, il-Kummissjoni analizzat, fid-diversi Stati Membri, ċerti tipi ta’ kuntratti standardizzati offruti lill-konsumaturi, bħall-kuntratti ta’ bejgħ, il-kuntratti ta’ kiri ta’ vetturi, il-kuntratti dwar ċerti servizzi bankarji u ta’ assigurazzjoni, il-kuntratti dwar tipi differenti ta’ servizzi turistiċi (kiri ta’ djar, klabbs għall-vaganzi, pakketti tal-ivvjaġġar, time-sharing, eċċ.), il-kuntratti ta’ trasport bl-ajru (kundizzjonijiet kuntrattwali rrakkomandati mill-International Air Transport Association (IATA) (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru)) u kuntratti dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali. Dawn l-istudji wrew mhux biss in-natura omnipreżenti tal-klawżoli inġusti fil-klawżoli kuntrattwali ġenerali użati mill-impriżi, iżda wkoll id-diffikultà li dawn jinkisbu qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt (ara r-Rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2000 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (COM(2000) 248 final), p. 9).
( 33 ) Ara d-digriet tad‑19 ta’ Novembru 2015, Tarcău (C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Raiffeisen Bank (C‑176/23, iktar ’il quddiem is-sentenza Raiffeisen Bank, EU:C:2024:443, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty (C‑779/18, EU:C:2020:236, punti 52 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Raiffeisen Bank (punti 22 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, il-Gwida tal-Kummissjoni (p. 12).
( 37 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med (C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara, b’analoġija, il-Gwida tal-Kummissjoni (p. 15 u 16), li tinkludi lista tar-regoli l-oħra tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu japplikaw b’mod parallel.
( 39 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, EU:C:2012:144), fir-rigward tal-konstatazzjoni tan-natura żleali.
( 40 ) Meta, pereżempju, wieħed mill-kummerċjanti jkun jinsab f’pożizzjoni iktar dgħajfa b’paragun mal-ieħor. Din is-sitwazzjoni madankollu tibqa’ ipotetika sa fejn ebda estensjoni ta’ din in-natura ma tidher li saret fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri (ara l-Anness II tal-Gwida tal-Kummissjoni li jinkludi ħarsa ġenerali lejn l-avviżi skont l-Artikolu 8a tad-Direttiva 93/13).
( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, Condominio di Milano, via Meda (C‑329/19, EU:C:2020:263, punti 32 sa 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios (C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Condominio di Milano, via Meda (C‑329/19, EU:C:2020:263, punt 34).
( 43 ) F’dan ir-rigward, fis-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés (C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 69), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja li l-ġurisprudenza ta’ qorti suprema (f’dan il-każ, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja)) ċertament ma tidhirx li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet iktar stretti li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni ogħla lill-konsumatur skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 peress, b’mod partikolari, li din il-ġurisprudenza ma tidhirx li għandha saħħa ta’ liġi u lanqas ma tikkostitwixxi sors tad-dritt fl-ordinament ġuridiku Spanjol, xorta waħda jibqa’ l-fatt li t-tfassil ta’ kriterju ġurisprudenzjali, bħal dak stabbilit f’dan il-każ minn dik il-qorti, jifforma parti mill-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li din id-direttiva tfittex li tilħaq. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll mill-istruttura ġenerali tagħha jirriżulta li din id-direttiva hija intiża mhux tant li tiggarantixxi bilanċ kuntrattwali globali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt daqskemm li tevita li jinħoloq żbilanċ bejn dawn id-drittijiet u dawn l-obbligi għad-detriment tal-konsumaturi. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207, punti 60 sa 64).
( 44 ) Fil-fatt, it-traspożizzjoni fid-dritt Latvjan tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 twettqet biss sussegwentement, jiġifieri matul is-sena 2014. Barra minn hekk, mill-Anness II tal-Gwida tal-Kummissjoni jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali Latvjana ma tmurx lil hinn mir-regola minima stabbilita mid-Direttiva 93/13.
( 45 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, iktar ’il quddiem is-sentenza Caja de Ahorros, EU:C:2010:309, punt 32), kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2024, Profi Credit Bulgaria (Servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu) (C‑714/22, EU:C:2024:263, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 46 ) Sentenza Caja de Ahorros (punt 34).
( 47 ) Sentenza Caja de Ahorros (punti 40 sa 44).
( 48 ) Sentenza Caja de Ahorros (punt 40).
( 49 ) Sentenza Caja de Ahorros (punt 35).
( 50 ) Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli li jiddeskrivu l-prestazzjonijiet essenzjali fil-kuntratti konklużi bejn kummerċjant u konsumatur, anki meta l-formulazzjoni ta’ dawn il-klawżoli kienet mhux ċara u ambigwa, b’mod li l-konsumatur kien prekluż b’mod assolut milli jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola li tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u l-adegwatezza bejn il-prezz u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti, tqieset li kienet inkompleta (sentenza Caja de Ahorros (punti 37 u 38), li tirreferi għas-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑144/99, EU:C:2001:257)). Ara wkoll il-Gwida tal-Kummissjoni (p. 23, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 147), kif ukoll l-Anness II ta’ din tal-aħħar li jinkludi lista tal-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom wessgħet il-portata tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta għall-klawżoli kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u dwar in-natura adegwata tal-prezz jew tar-remunerazzjoni, irrispettivament minn jekk dawn il-klawżoli jkunux ifformulati b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem.
( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Caja de Ahorros (punti 41 u 42).
( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Caja de Ahorros (punt 43).
( 53 ) Din ir-risposta hija bbażata fuq il-premessa li l-liġi ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma tapplikax b’mod retroattiv.
( 54 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 72); tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, iktar ’il quddiem is-sentenza Andriciuc, EU:C:2017:703, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll Caixabank (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Dan jimplika, minn naħa, li l-konsumatur kellu l-opportunità effettiva li jsir jaf bi klawżola kuntrattwali qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, u, min-naħa l-oħra, li d‑diversi klawżoli huma intelliġibbli, fid-dawl taċ-ċarezza tal-formulazzjoni tagħhom u tal-ispeċifiċità tat-terminoloġija użata, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ klawżoli kuntrattwali oħra li għandhom jitqiesu flimkien. F’dan ir-rigward, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni jew il-perspettiva tal-konsumaturi li lilhom ikunu indirizzati l-klawżoli rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punti 48 u 50)).
( 56 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2021, A. S.A. (C‑212/20, EU:C:2021:934, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Caixabank (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ulterjorment ir-rekwiżit ta’ trasparenza, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-klawżoli kuntrattwali li huma essenzjali fir-rigward tal-portata tal-impenji li l-konsumaturi jaċċettaw li jassumu, pereżempju f’dak li jirrigwarda l-klawżoli kuntrattwali rilevanti għall-istabbiliment tal-pagamenti li l-konsumaturi jridu jagħmlu skont kuntratt ta’ self. Uħud minn dawn is-sentenzi jirrigwardaw b’mod partikolari kuntratti ta’ kreditu ipotekarju (denominati) f’munita barranija jew indiċjati fuq munita barranija (ara l-Gwida tal-Kummissjoni (p. 26 u 27)).
( 57 ) Ara s-sentenza Andriciuc (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 58 ) Jiġifieri, il-kriterju ta’ evalwazzjoni applikat fil-kuntest tal-analiżi tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (ara l-premessa 18 ta’ din id-direttiva).
( 59 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V. (Onorarji ta’ avukat – Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa) (C‑395/21, iktar ’il quddiem is-sentenza D.V., EU:C:2023:14, punt 43).
( 60 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza D.V. (punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 61 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 62 ) F’dan is-sens li din il-klawżola “[tistabbilixxi] l-prestazzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh” (ara s-sentenza Andriciuc (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 63 ) F’dan is-sens li l-imsemmija klawżola tirrigwarda l-“proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti” (ara d‑dsatax‑il premessa tad-Direttiva 93/13).
( 64 ) Ara l-analiżi fil-kuntest tar-raba’ domanda preliminari tas-sentenza Banco Santander (punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’, madankollu, tipprovdi li n-nuqqas ta’ trasparenza jista’ jwassal direttament għan-nullità tal-klawżoli mingħajr ma jkollu għalfejn jiġi applikat il-kriterju tan-natura inġusta skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. Ara wkoll il-Gwida tal-Kummissjoni (p. 19).
( 65 ) Ara l-analiżi fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari. Ara, ukoll, il-Gwida tal-Kummissjoni (p. 24 u nota ta’ qiegħ il-paġna 163), li skontha l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tagħti lill-qrati l-possibbiltà li jevalwaw l-adegwatezza tal-prezz, anki meta dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem.
( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punti 27 u 28), u Banco Santander (punt 66). Bħala eżempju, skont il-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 u l-għoxrin premessa tagħha, il-fatt li l-konsumatur ma kellux il-possibbiltà reali li jsir jaf bi klawżola kuntrattwali jikkostitwixxi indizju tan-natura inġusta tagħha.
( 67 ) Sentenza Banco Santander (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 68 ) Sentenza Banco Santander (punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 69 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco Primus (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 70 ) Sentenza Banco Santander (punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 71 ) Sentenza Banco Santander (punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 72 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco Primus (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 73 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Banco Santander (punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco Primus (l-ewwel inċiż tal-punt 67). Ara, ukoll, il-Gwida tal-Kummissjoni (p. 33 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 241).
( 75 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 68).
( 76 ) Sentenza Banco Primus (punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 77 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 79), li kienet tirrigwarda klawżola kuntrattwali li kienet timponi t-totalità tal-ispejjeż għall-kostituzzjoni u għall-ħelsien ta’ ipoteka fuq min jissellef, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ispejjeż mgħoddija fuq dan tal-aħħar għandhom/kellhom jikkorrispondu għal servizzi effettivament ipprovduti, u tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), (C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 59), li kienet tirrigwarda klawżola ta’ kummissjoni għall-ftuħ ta’ self li, sabiex titqies li ma tistax taffettwa b’mod sfavorevoli l-pożizzjoni legali tal-konsumatur kif prevista mid-dritt nazzjonali, setgħet timponi biss fuq il-konsumatur fir-rigward ta’ din il-kummissjoni ammont proporzjonat mal-ammont tas-self.
( 78 ) Din il-konstatazzjoni, li hija bbażata biss fuq l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-kumpannija A waqt is-seduta, ser ikollha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
( 79 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 42).
( 80 ) Sentenza Banco Primus (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 81 ) Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo et (punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 82 ) Konsegwentement, għalkemm huma l-Istati Membri li, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom għandha tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt u li fil-kuntest tagħhom jimmaterjalizzaw l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni, jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun jinsab fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għal dritt għall-ħlas lura tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tiegħu, mill-kummerċjant abbażi tal-imsemmija klawżola inġusta (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ April 2024, Caixabank (Terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑484/21, iktar ’il quddiem is-sentenza Terminu ta’ preskrizzjoni, EU:C:2024:360, punti 15 sa 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Banco Santander (Bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑561/21, EU:C:2024:362, punti 18 sa 23 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 83 ) Ara s-sentenza Terminu ta’ preskrizzjoni (punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 84 ) Ara s-sentenza Terminu ta’ preskrizzjoni (punti 16 u 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 85 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Profi Credit Bulgaria (Servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu) (C‑714/22, EU:C:2024:263, punt 88), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li konsumatur jiġi obbligat ibati parti mill-ispejjeż proċedurali meta, wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, tintlaqa’ biss parzjalment it-talba tiegħu għall-ħlas lura ta’ somom li huwa ħallas indebitament skont din il-klawżola, minħabba li fil-prattika huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt ta’ dan il-konsumatur għall-ħlas lura ta’ dawn is-somom.
( 86 ) Ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo et (punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). In-natura imperattiva tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 timplika li l-konsumatur, bħala prinċipju, ma jistax jirrinunzja għall-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva, la permezz ta’ kuntratt u lanqas b’dikjarazzjoni unilaterali (ara l-Gwida tal-Kummissjoni (p. 38)).
( 87 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punti 58 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti ta’ ħlas lura, marbuta mad-dikjarazzjoni tan-natura inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola inkluża f’kuntratt konkluż minn kummerċjant ma’ konsumatur, biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat din in-natura inġusta ġudizzjarjament (ara s-sentenza Gutiérrez Naranjo et (punt 75)).
( 88 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 89 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Caja de Ahorros (punt 44) u l-punti 71 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 90 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, L-Istat Belġjan (Ritorn tal-ġenitur ta’ minuri) (C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 36).
( 91 ) Adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-20 ta’ Novembru 1989.
( 92 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, L-Istat Belġjan (Ritorn tal-ġenitur ta’ minuri) (C‑112/20, EU:C:2021:197, punti 37 u 38).
( 93 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Osservazzjoni Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal dwar id-dritt tal-wild li l-aħjar interessi tiegħu jitqiesu bħala kunsiderazzjoni primarja (Artikolu 3(1), CRC/C/GC/14, punt 19.
( 94 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi) (C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 73) li tirreferi għall-Osservazzjoni Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal dwar id-dritt tal-wild li l-aħjar interessi tiegħu jitqiesu bħala kunsiderazzjoni primarja (Artikolu 3(1), CRC/C/GC/14, punt 6).
( 95 ) Ara l-premessi 18 u 19 tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali.