SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Marzu 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Artikolu 13(1) – Obbligu li tingħata kull faċilità biex jinkisbu l-viżi – Viżi mogħtija bil-kundizzjoni sospensiva li l-benefiċjarji jippreżentaw ruħhom personalment għall-finijiet ta’ verifika tal-identità tagħhom u tal-awtentiċità tad-dokumenti prodotti – Benefiċjarji li ma jistgħux jiċċaqilqu lejn rappreżentanza diplomatika jew konsulari tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viżi – Obbligi imposti fuq l-Istat Membru li jiżgura jew jiffaċilita dan iċ-ċaqliq – Assenza”

Fil-Kawża C‑819/25 PPU [Gonrieh] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance francophone de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2025, fil-proċedura

X u Y, f’isimhom stess u bħala rappreżentanti legali ta’ wliedhom minuri A, B, C u D

vs

L-Istat Belġjan

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer (Relatur), E. Regan, D. Gratsias u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Frar 2026,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal X u Y, f’isimhom stess u bħala rappreżentanti legali ta’ wliedhom minuri A, B, C u D, minn P. Robert u J. Van Edom, avocats,

–

għall-Gvern Belġjan, minn L. Jans, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn B. Appaerts u C. Caillet, avocats,

–

għar-Repubblika Ċeka, minn A. Edelmannová u S. Šindelková kif ukoll minn J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–

għar-Repubblika Ellenika, minn L. Kotroni, bħala aġent,

–

għar-Repubblika Franċiża, minn O. Duprat-Mazaré u C. Thomas, bħala aġenti,

–

għar-Repubblika Taljana, minn S. Fiorentino, bħala aġent,

–

għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn A. Hanje u P. P. Huurnink, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, E. Cujo u J. Hottiaux kif ukoll minn C. Ladenburger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), b’mod partikolari tal-Artikolu 13(1) tagħha, moqri flimkien mal-Artikoli 2, 4, 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Y, residenti fil-Belġju, il-konjuġi tiegħu X u erbgħa mit-tfal tagħhom, A, B, C u D, li jirrisjedu fil-Medda ta’ Gaża, u l-Istat Belġjan dwar talba intiża sabiex dan tal-aħħar jiġi ordnat jiżgura l-evakwazzjoni ta’ X u tat-tfal minn dan it-territorju jew jadotta miżuri oħra li jiffaċilitaw il-ħruġ tagħhom mill-imsemmi territorju għal finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

Il-kuntest ġuridiku

It-Trattat FUE

3

L-Artikolu 20(2)(ċ) TFUE jipprovdi:

“Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni [Ewropea] għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

[…]

ċ)

id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta’ pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni ta’ l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat”.

4

L-Artikolu 23 TFUE jipprevedi:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu, fit-territorju ta’ pajjiż terz li fih m’hemmx rappreżentanza ta’ l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ikun intitolat għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. […]”

Il-Karta

5

L-Artikolu 2 tal-Karta, bit-titolu “Id-dritt għall-ħajja”, jipprovdi:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja.

2.   Ħadd m’għandu jiġi kkundannat għall-piena tal-mewt, jew titneħħielu ħajtu.”

6

L-Artikolu 4 tal-Karta, bit-titolu “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jipprovdi:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

7

L-Artikolu 7 tal-Karta, bit-titolu “Ir-Rispett għall-ħajja privata u tal-familja”, huwa fformulat kif ġej:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

8

Skont il-kliem tal-Artikolu 24 tal-Karta, bit-titolu “Id-drittijiet tat-tfal”:

“1.   It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.

2.   Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3.   It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.”

9

L-Artikolu 46 tal-Karta, bit-titolu “Il-Protezzjoni diplomatika u konsulari”, jistipula:

“Kull cittadin ta’ l-Unjoni għandu, fit-territorju ta’ pajjiż terz li fih l-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin ma jkunx rappreżentat, igawdi mill-protezzjoni ta’ l-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kull Stat Membru, bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

Id-Direttiva 2003/86

10

Il-premessa 13 tad-Direttiva 2003/86 tistipula dan li ġej:

“Sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċedura għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja u għal dħul u residenza ta’ membri tal-famija għandhom ikunu stabbiliti. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u mmaneġġabbli, filwaqt li titqies il-qawwa [volum] normali tax-xogħol ta’ l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istat Membru, kif ukoll trasparenti u ġusta, biex joffru ċertezza legali xierqa lil dawk ikkonċernati.”

11

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(ċ)

‘sponsor’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

(d)

‘riunifikazzjoni tal-familja’ tfisser id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li joqogħdu [jirrisjedi] legalment f’dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident [tal-isponsor];

[…]”.

12

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.”

13

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Hekk kif l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja kienet aċċettata, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jawtorizzaw id-dħul tal-membru jew membri tal-familja. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu lill-persuni tali kull faċilita biex jiksbu l-viżi rekwiżiti.”

Id-Direttiva (UE) 2015/637

14

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal‑20 ta’ April 2015 dwar il-miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE (ĠU 2015, L 106, p. 1), jipprevedi:

“Lill-membri tal-familja li huma stess ma jkunux ċittadini tal-Unjoni u li jakkumpanjaw iċ-ċittadini mhux rappreżentati f’pajjiż terz għandu jiġi pprovdut l-istess livell ta’ protezzjoni konsulari u skont l-istess kondizzjonijiet, kif jingħata lill-membri tal-familja, li huma stess ma jkunux ċittadini tal-Unjoni, taċ-ċittadini tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali tiegħu.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Y u X huma, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mid-deċiżjoni tar-rinviju, miżżewġin u ġenituri ta’ ħamest itfal, A, B, C, D u E, imwielda bejn is-sena 2013 u s-sena 2021. Ma humiex ċittadini tal-Unjoni. F’data mhux speċifikata, Y ingħata viża li tippermettilu jirrisjedi fil-Belġju, fejn huwa għandu wkoll permess ta’ xogħol. Skont il-qorti tar-rinviju, Y barra minn hekk ippreżenta quddiem l-awtoritajiet Belġjani kompetenti applikazzjoni sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat, applikazzjoni li l-eżami tagħha kien għadu, skont l-indikazzjonijiet li l-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali pprovda matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, pendenti fid-data ta’ dik is-seduta.

16

Fis‑7 ta’ Ottubru 2023, il-Hamas wettqet, mill-Medda ta’ Gaża, diversi attakki terroristiċi fit-territorju Iżraeljan. Wara dawn il-ġrajjiet, l-Istat ta’ Iżrael implimenta imblokk tal-Medda ta’ Gaża u wettaq intervent militari f’dan l-aħħar territorju.

17

Fit‑3 ta’ Mejju 2024, Y telaq mill-Medda ta’ Gaża flimkien ma’ wieħed mill-ulied, E, u ngħaqdu mal-Eġittu permezz tal-passaġġ transkonfinali ta’ Rafah.

18

Fil‑5 ta’ Mejju 2024, dan il-passaġġ ingħalaq, u dan ipprekluda lil X u lill-ulied l-oħra milli jidħlu, huma wkoll, fl-Eġittu. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, erbat ijiem qabel l-adozzjoni tagħha, dan il-passaġġ kien għadu magħluq.

19

F’dan il-kuntest, ir-Renju tal-Belġju stabbilixxa proċess ta’ evakwazzjoni mill-Medda ta’ Gaża lejn il-Belġju għall-benefiċċju taċ-ċittadini Belġjani, tar-refuġjati rrikonoxxuti fil-Belġju u tal-membri tal-familja nukleari tagħhom jekk ikollhom, huma stess, viża jew permess ta’ residenza għall-Belġju. Beda jkun hemm evakwazzjonijiet sa mix-xahar ta’ Novembru 2023, iżda dawn kellhom jiġu interrotti fix-xahar ta’ Marzu 2024.

20

Wara x-xahar ta’ Marzu 2025, ir-Renju tal-Belġju, l-Istat ta’ Iżrael u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan qablu dwar proċess ġdid ta’ evakwazzjoni tal-Medda ta’ Gaża li fil-kuntest tiegħu r-Renju tal-Belġju jassumi r-responsabbiltà għat-trasport tal-istess kategoriji ta’ persuni bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti minn dan it-territorju lejn il-Belġju, b’mogħdija minn Iżrael u mill-Ġordan.

21

F’data mhux speċifikata, X u l-ħames ulied tal-koppja ppreżentaw kull wieħed minnhom applikazzjoni għal dħul u għal residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja quddiem l-Uffiċċju tal-Barranin (il-Belġju). L-applikazzjoni li tikkonċerna lil E tressqet quddiem l-ambaxxata tal-Belġju fl-Eġittu, il-pajjiż fejn huwa jirrisjedi, filwaqt li t-talbiet l-oħra ġew ippreżentati mill-bogħod.

22

Fit‑23 ta’ Mejju 2025, dawn is-sitt talbiet ġew miċħuda.

23

F’data mhux speċifikata iżda wara s‑26 ta’ Mejju 2025, Y telaq mill-Eġittu u wasal, waħdu, fil-Belġju.

24

Fuq talba tal-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiża sabiex l-Uffiċċju tal-Barranin jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, dan l-uffiċċju, fis‑6 ta’ Ottubru 2025, ta viżi abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja lil X u lill-ħames ulied inkwistjoni, bil-kundizzjoni sospensiva tal-verifika tal-identità tal-persuni kkonċernati u tal-awtentiċità tad-dokumenti annessi mal-applikazzjonijiet tagħhom għal dħul u għal residenza. Għall-finijiet tat-twettiq ta’ din il-verifika, kien meħtieġ li huma jippreżentaw ruħhom personalment f’ambaxxata jew f’konsulat Belġjan.

25

E seta’ jirtira l-passaport tiegħu b’viża fl-ambaxxata tal-Belġju fl-Eġittu fis‑16 ta’ Ottubru 2025. Min-naħa l-oħra, X u t-tfal l-oħra, li jirrisjedu fil-Medda ta’ Gaża, ma setgħux imorru f’ambaxxata jew f’konsulat Belġjan.

26

Fil‑21 ta’ Ottubru 2025, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża kontra l-Istat Belġjan quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-miżuri provviżorji.

27

Prinċipalment, huma talbu li l-Istat Belġjan jiġi ordnat jinkludi lil X u l-erba’ wlied li għadhom preżenti fil-Medda ta’ Gaża fil-lista ta’ persuni li għandhom jiġu evakwati fil-kuntest tal-proċess imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza u jorganizza b’mod konkret l-evakwazzjoni tagħhom ladarba l-formalitajiet ikunu ġew ikkompletati. Sussidjarjament, huma talbu, essenzjalment, li l-Istat Belġjan jiġi ordnat jinforma lill-awtoritajiet Iżraeljani, Eġizzjani, Ġordaniżi jew lil kull awtorità oħra involuta, li l-persuni kkonċernati għandhom viża għall-Belġju u li jixtiequ jiġu awtorizzati jitilqu mill-Medda ta’ Gaża sabiex imorru l-Belġju.

28

L-Istat Belġjan ikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors abbażi ta’ rifjut ta’ ġurisdizzjoni, argument li ġie miċħud mill-qorti tar-rinviju.

29

Barra minn hekk, dik il-qorti kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ X u tal-erbat itfal tagħha fil-Medda ta’ Gaża kienu jippermettu li jiġi kkonstatat li kienet teżisti l-kundizzjoni ta’ urġenza prevista mid-dispożizzjonijiet proċedurali Belġjani dwar il-miżuri provviżorji.

30

L-imsemmija qorti osservat, barra minn hekk, li, konformement mad-dritt nazzjonali, l-Istat Belġjan għandu, meta jwettaq proċedura ta’ evakwazzjoni, marġni ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-benefiċjarji ta’ din il-proċedura, marġni ta’ evalwazzjoni li fir-rigward tiegħu hija qieset li ma kienx ġie manifestament injorat.

31

Madankollu, il-qorti tar-rinviju osservat li ma kienx hemm qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar il-portata tal-obbligi tal-Istat Belġjan taħt id-dritt tal-Unjoni, li soluzzjoni għal din il-kwistjoni ma kinitx tinstab fil-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li s-soluzzjoni tagħha mill-istess Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun ta’ benefiċċju wkoll fil-kuntest ta’ tilwimiet oħra simili pendenti quddiem il-qrati Belġjani.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta Stat Membru, skont id-Direttiva [2003/86] u skont is-sentenza tat‑18 ta’ April 2023, Afrin (C‑1/23 [PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza AFRIN”], EU:C:2023:296), joħroġ viża fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja u jeżiġi li l-benefiċjarju tal-viża jidher personalment meta tinħareġ din il-viża (konsenja bl-idejn) sabiex jivverifika l-identità tiegħu, l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-[Karta] testendi lil hinn mill-għoti tal-viża – pereżempju, sal-ħruġ tagħha (konsenja bl-idejn)?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86, moqri waħdu jew flimkien mal-Artikoli 2, 4, 7 u 24 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istat Membru li ħareġ viża kif imsemmi fl-ewwel domanda, meta jkun impossibbli għall-benefiċjarju tal-viża (ċittadin ta’ pajjiż terz) li jitlaq waħdu mill-pajjiż terz fejn jirrisjedi u meta l-ħajja tiegħu tkun manifestament f’perikolu, l-obbligu li jipprovdi lil dan il-benefiċjarju għajnuna li tippermettilu jitlaq minn dan il-pajjiż u tinħariġlu (konsenja bl-idejn) l-imsemmija viża?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-għajnuna li għandha tingħata skont id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq għandha tikkonsisti:

a)

fl-inklużjoni tal-benefiċjarju tal-viża (ċittadin ta’ pajjiż terz) fi proċess ta’ evakwazzjoni stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat għal kategoriji ta’ persuni li dan l-Istat ikun iddetermina, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawn il-kategoriji u anki jekk dan il-benefiċjarju ma jaqax taħt dawn il-kategoriji; jew tal-inqas

b)

fl-informazzjoni lill-awtoritajiet ta’ kull pajjiż terz li jipprekludi lil dan il-benefiċjarju milli jmur fl-Unjoni li dan tal-aħħar jixtieq jirrisjedi hemmhekk u għandu f’dan ir-rigward il-viża meħtieġa, anki jekk din l-informazzjoni toħroġ mill-kuntest tal-proċess ta’ evakwazzjoni ċċitat iktar ’il fuq?”

Fuq it-talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

33

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li huwa s-suġġett tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, għandhom ikunu kkaratterizzati minn sitwazzjoni ta’ urġenza.

35

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86, li ġiet adottata abbażi tal-punt 3(a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE, li issa sar l-Artikolu 79(2)(a) TFUE. Għalhekk din id-direttiva taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura, din it-talba tista’ għalhekk tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

36

F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li wild jiġi sseparat minn wieħed mill-ġenituri tiegħu jista’, peress li l-estensjoni ta’ din is-separazzjoni tista’ tippreġudika serjament lil dan il-wild u lir-relazzjonijiet tiegħu ma’ dan il-ġenitur, iservi ta’ bażi għall-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-urġenza għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 39, u tad‑19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 32, u Afrin, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ulied A, B, C u D, imwielda bejn is-sena 2013 u s-sena 2021, ilhom separati minn missierhom għal kważi sentejn u li l-estensjoni ta’ din is-sitwazzjoni tista’ tippreġudika serjament ir-relazzjoni futura ta’ dawn it-tfal ma’ dan tal-aħħar.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit‑12 ta’ Jannar 2026, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domandi preliminari

39

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86, moqri waħdu jew flimkien mal-Artikoli 2, 4, 7 u 24 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa obbligat, fil-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ingħata viża għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja bla ħsara għall-verifika tal-identità tiegħu u tal-awtentiċità tad-dokumenti annessi mal-applikazzjoni tiegħu għal viża ppreżentata mill-bogħod, fejn din il-verifika teħtieġ li dan iċ-ċittadin jippreżenta ruħu fiżikament f’uffiċċju diplomatiku jew konsulari ta’ dan l-Istat Membru, li jorganizza u jiżgura t-trasferiment ta’ din il-persuna lejn dan il-post jew li jikkuntattja pajjiż terz wieħed jew iktar sabiex jiffaċilita dan it-trasferiment, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx possibbli li din il-persuna tmur f’dan il-post.

40

L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, hekk kif applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tiġi aċċettata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza d-dħul tal-membru jew tal-membri tal-familja. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru għandu jagħti lil dawn il-persuni kull faċilità sabiex jiksbu l-viżi meħtieġa.

41

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, b’mod partikolari, dwar l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-proċess ta’ evakwazzjoni msemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

42

Għalkemm X u l-erba’ wlied li jinsabu fil-Medda ta’ Gaża ma jagħmlux parti mill-kategoriji ta’ persuni benefiċjarji ta’ dan il-proċess ta’ evakwazzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu li dawn ikunu jistgħu jiġu inklużi fl-imsemmi proċess, billi invokaw kemm l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86 kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Afrin, li kienet tirrigwarda prinċipalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxi r-regoli dwar il-preżentazzjoni u l-eżami tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja.

43

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien kemm mal-Artikolu 7 kif ukoll mal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-obbligu li l-membri tal-familja tal-isponsor jippreżentaw ruħhom personalment f’rappreżentanza diplomatika jew konsulari, inkluż f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli jew eċċessivament diffiċli għalihom li jippreżentaw ruħhom f’din ir-rappreżentanza. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat espliċitament li din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprekludix lil Stat Membru milli jeżiġi li l-membri tal-familja tal-isponsor jippreżentaw ruħhom personalment fi stadju ulterjuri tal-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja, peress li din tiżvolġi fi stadji, filwaqt li żiedet, fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, li l-għan ta’ tali preżentazzjoni fiżika jista’ jkun il-verifika tar-rabtiet tal-familja u tal-identità tal-persuni kkonċernati. F’dan ir-rigward, fil-punt 59 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istat Membru għandu jiffaċilita din il-preżentazzjoni fiżika, b’mod partikolari, billi joħroġ dokumenti konsulari jew laissez-passer.

44

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Renju tal-Belġju kkonforma ruħu, f’dan il-każ, mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Afrin billi ppreveda li l-persuni kkonċernati jippreżentaw ruħhom fiżikament, għall-finijiet tal-verifika tal-identità tagħhom u tal-awtentiċità tad-dokumenti annessi mal-applikazzjonijiet tagħhom għal dħul u għal residenza, wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

45

Din il-fażi tal-proċedura hija rregolata mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86, li jipprovdi li l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu, wara li jkun aċċetta applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, li jawtorizza d-dħul tal-membru jew tal-membri tal-familja u jagħtihom “kull faċilità sabiex jiksbu l-viżi meħtieġa”.

46

Peress li din id-direttiva ma tiddefinixxix il-portata ta’ dan l-obbligu li tingħata kull faċilità sabiex jiksbu l-viżi meħtieġa, it-tifsira ta’ dan l-obbligu għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem u l-kuntest ta’ dan l-Artikolu 13(1) kif ukoll l-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

47

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-għan imfittex mill-att li minnu hija tifforma parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Provincie Oost-Vlaanderen u Sogent, C‑236/24, EU:C:2025:321, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dak li jirrigwarda l-kliem tat-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 13(1), għandu jiġi osservat li, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kelma “faċilità” tindika l-mezzi li jippermettu li xi ħaġa tinkiseb mingħajr diffikultajiet u li l-kelma “tikseb” tindika l-fatt li wieħed jirnexxielu jingħata xi ħaġa. Għalhekk, il-frażi “kull faċilità sabiex jiksbu l-viżi meħtieġa” tirreferi għall-mezzi kollha li jippermettu li wieħed jingħata viżi mingħajr diffikultà.

49

F’dak li jirrigwarda l-kuntest tal-istess Artikolu 13(1), għandu jiġi osservat li, skont il-premessa 13 tad-Direttiva 2003/86, ir-regoli proċedurali li jirregolaw kemm l-eżami tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja kif ukoll id-dħul u r-residenza tal-membri tal-familja għandhom ikunu effettivi u mmaneġġabbli meta mqabbla mal-volum normali ta’ xogħol tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

50

Mill-punt 5.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tat‑3 ta’ April 2014, dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva [2003/86] [COM (2014) 210 final], li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 64), jirriżulta wkoll li l-obbligu li tingħata kull faċilità sabiex jinkisbu viżi jfisser li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw proċedura mgħaġġla tal-viża, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi addizzjonali għall-minimu u jevitaw verifiki doppji dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti għar-riunifikazzjoni tal-familja”. Dan il-punt 5.1 ikompli jelabora li, “[f]’ċirkustanzi eċċezzjonali, pereżempju fil-kuntest ta’ stat jew pajjiż fallut b’riskji ta’ sigurtà interna għoljin, l-Istati Membri huma mħeġġa jaċċettaw dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ emerġenza maħruġa mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, sabiex joħorġu laissez-passer nazzjonali f’direzzjoni waħda, jew joffru lill-membri tal-familja l-possibbiltà li tinħarġilhom viża hekk kif jaslu fl-Istat Membru”.

51

Fir-rigward tal-oriġini tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi osservat li l-kummentarju tal-artikoli tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill, dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata mill-Kummissjoni fl‑1 ta’ Diċembru 1999, [COM (1999) 638 final, p. 22], tindika li, meta applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tiġi aċċettata u meta l-benefiċjarju “ikollu bżonn viża sabiex jidħol fl-Istat Membru fejn l-isponsor jirrisjedi, dan l-Istat Membru għandu jiffaċilita l-ħruġ tal-viża, b’mod partikolari billi jikkonsenjaha f’qasir żmien”.

52

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kuntestwali u tal-oriġini tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86, u hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 48, 49 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li, fit-tieni sentenza tagħha, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jneħħu l-ostakoli amministrattivi mhux iġġustifikati u li japplikaw proċeduri amministrattivi rapidi u effikaċi għall-finijiet tal-ħruġ tal-viżi. Min-naħa l-oħra, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma timponi obbligu fir-rigward tar-relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari bejn Stat Membru u pajjiż terz.

53

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan imfittex mill-imsemmija direttiva li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, huwa intiż li jiffavorixxi r-riunifikazzjoni tal-familja u li jagħti protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lill-minuri (sentenza Afrin, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Afrin. Huwa minnu li fil-punti 50 u 51 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx possibbli, jew fejn ikun eċċessivament diffiċli, li persuna tippreżenta ruħha fiżikament, b’mod partikolari f’dawk fejn il-membri tal-familja tal-isponsor jgħixu f’żona ta’ kunflitt u jirriskjaw, billi jiċċaqilqu, li jesponu ruħhom għal trattamenti inumani jew degradanti, jew saħansitra li jqiegħdu ħajjithom f’perikolu, huwa indispensabbli, sabiex l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva jintlaħaq, li l-Istati Membri juru l-flessibbiltà neċessarja sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.

55

Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 58 u 59 tal-imsemmija sentenza, dan ir-rekwiżit ta’ flessibbiltà min-naħa tal-Istati Membri jeħtieġ biss li dawn jippermettu li l-persuna tippreżenta ruħha fiżikament fi stadju avvanzat tal-proċedura, jew saħansitra fl-istadju finali tagħha, pjuttost milli fl-istadju tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, jew saħansitra li jiffaċilitaw tali dehra, eventwalment permezz tal-ħruġ ta’ dokumenti konsulari jew ta’ laissez-passer, u li jirriduċu għal dak li huwa strettament neċessarju n-numru ta’ drabi li l-persuna trid tippreżenta ruħha fiżikament. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-obbligi kollha huma differenti, min-natura tagħhom stess, minn obbligi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari bejn Stat Membru u pajjiż terz.

56

Minn dan isegwi li, f’kuntest ikkaratterizzat minn obbligu ġenerali ta’ tneħħija ta’ ostakoli amministrattivi mhux iġġustifikati u minn applikazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi rapidi u effikaċi, l-obbligi speċifiċi li l-Istati Membri għandhom josservaw fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86 jistgħu jikkonċernaw, pereżempju, l-aċċessibbiltà tas-servizzi konsulari tagħhom jew il-ħruġ lill-persuna kkonċernata ta’ dokumenti li jistgħu jiffaċilitaw iċ-ċaqliq tagħha lejn ir-rappreżentanza konsulari tagħhom, bħal stedina sabiex jippreżentaw ruħhom quddiem l-awtoritajiet konsulari.

57

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inklużjoni tal-membri tal-familja ta’ Y fil-proċess ta’ evakwazzjoni tal-Medda ta’ Gaża msemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza jew il-provvista ta’ assistenza li tikkonsisti f’li l-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi jiġu informati bix-xewqa tagħhom li jiġu awtorizzati jitilqu minn dan it-territorju sabiex imorru fil-Belġju tkun teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, dawn l-inizjattivi jeħtieġu li r-Renju tal-Belġju jieħu passi diplomatiċi jew konsulari ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar, passi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda taħt dak tar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ dan l-Istat Membru ma’ pajjiżi terzi, f’dan il-każ l-Istat ta’ Iżrael, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan u, jekk ikun il-każ, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.

58

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-qasam tal-protezzjoni diplomatika u konsulari, għandu jiġi osservat li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm l-Artikolu 20(2)(ċ) u l-Artikolu 23 TFUE kif ukoll l-Artikolu 46 tal-Karta japplikaw biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jinsabu fit-territorju ta’ pajjiż terz li fih l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma huwiex irrappreżentat u, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/637, għall-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom u li ma humiex ċittadini tal-Unjoni, iżda mhux għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja skont id-Direttiva 2003/86.

59

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-eventwali rilevanza tal-Artikoli 2, 4, 7 u 24 tal-Karta, l-Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u li dawn fl-ebda każ ma jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati.

60

Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, il-miżuri mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, esposti fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86, b’tali mod li r-rifjut li tali talba tintlaqa’ ma jikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Konsegwentement, tali talba lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikoli 2, 4, 7 u 24 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma huwiex obbligat, fil-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ingħata viża għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja bla ħsara għall-verifika tal-identità tiegħu u tal-awtentiċità tad-dokumenti annessi mal-applikazzjoni tiegħu għal viża ppreżentata mill-bogħod, fejn din il-verifika teħtieġ li dan iċ-ċittadin jippreżenta ruħu fiżikament f’uffiċċju diplomatiku jew konsulari ta’ dan l-Istat Membru, li jorganizza u jiżgura t-trasferiment ta’ din il-persuna lejn dan il-post jew li jikkuntattja pajjiż terz wieħed jew iktar sabiex jiffaċilita dan it-trasferiment, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx possibbli li din il-persuna tmur f’dan il-post.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, moqri flimkien mal-Artikoli 2, 4, 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

Stat Membru ma huwiex obbligat, fil-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ingħata viża għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja bla ħsara għall-verifika tal-identità tiegħu u tal-awtentiċità tad-dokumenti annessi mal-applikazzjoni tiegħu għal viża ppreżentata mill-bogħod, fejn din il-verifika teħtieġ li dan iċ-ċittadin jippreżenta ruħu fiżikament f’uffiċċju diplomatiku jew konsulari ta’ dan l-Istat Membru, li jorganizza u jiżgura t-trasferiment ta’ din il-persuna lejn dan il-post jew li jikkuntattja pajjiż terz wieħed jew iktar sabiex jiffaċilita dan it-trasferiment, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx possibbli li din il-persuna tmur f’dan il-post.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.