|
11.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 327/51 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-9 ta’ Diċembru 2010
li temenda d-Deċiżjoni C(2007) 2286 dwar l-adozzjoni tar-Regoli tal-KER għas-sottomissjoni ta’ proposti u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni għall-azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Speċifiku Ideat tas-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/767/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (1), b’mod partikolari l-Artikolu 16(3) tiegħu;
Billi:
|
(1) |
Bid-Deċiżjoni C(2007) 2286 tas-6 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni adottat ir-regoli għas-sottomissjoni ta’ proposti lill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER) u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni għall-azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Speċifiku Ideat tas-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013) (“ir-Regoli tal-KER”). |
|
(2) |
Bid-Deċiżjoni C(2007) 4429 tas-27 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni emendat dawk ir-regoli. |
|
(3) |
Fuq il-bażi tal-esperjenzi miksuba matul l-ewwel sejħiet tal-KER tal-2007, tal-2008 u tal-2009, u billi tqiesu l-bidliet li ġew introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li ntalbu espressament mill-Kunsill Xjentifiku tal-KER id-Deċiżjoni C(2007) 2286 għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regoli tal-KER għas-sottomissjoni ta’ proposti u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni għall-azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Speċifiku Ideat tas-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013) adottati bid-Deċiżjoni C(2007) 2286 huma sostitwiti bir-regoli fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir-Regoli tal-KER għas-sottomissjoni ta’ proposti u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni għall-azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Speċifiku Ideat tas-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013) għandhom japplikaw għas-sejħiet għal proposti kollha tal-KER ippubblikati mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
2. Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra u r-rimbors tal-esperti indipendenti u tal-Investigaturi Prinċipali mistiedna għal intervista, kif inhuma stabbiliti fl-ittri ta’ ħatra mudell adottati mill-Kummissjoni kif ukoll fit-Taqsima 3, u fl-Annessi B u C għar- Regoli tal-KER għas-sottomissjoni ta’ proposti u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni għall-azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Speċifiku Ideat tas-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
IL-KUNSILL EWROPEW TAR-RIĊERKA
Regoli għas-sottomissjoni ta’ proposti u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni rilevanti għall-Programm Speċifiku Ideat tas-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013)
WERREJ
|
1. |
Preambolu – Definizzjoni tat-termini | 53 |
|
2. |
Introduzzjoni | 53 |
|
2.1. |
Prinċipji | 53 |
|
2.2. |
Is-sottomissjoni tal-proposti | 54 |
|
2.2.1. |
Is-sejħiet għall-proposti | 54 |
|
2.2.2. |
Il-prereġistrazzjoni | 54 |
|
2.2.3. |
Is-sottomissjoni | 54 |
|
2.2.4. |
L-assistenza għas-sottomissjoni | 55 |
|
2.2.5. |
Ir-riċeviment | 55 |
|
2.2.6. |
Il-kontroll tal-eliġibbiltà | 55 |
|
3. |
L-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari | 56 |
|
3.1.1. |
Ir-rwol tal-esperti indipendenti | 56 |
|
3.1.2. |
Il-ħatra tal-esperti | 57 |
|
3.1.2.1. |
L-esklużjoni tal-esperti indipendenti fuq it-talba ta’ applikant | 57 |
|
3.1.3. |
It-Termini tal-ħatra, il-Kodiċi ta’ kondotta u l-Kunflitt ta’ interess | 57 |
|
3.1.4. |
L-osservaturi indipendenti | 58 |
|
3.1.5. |
Il-kriterji tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari | 59 |
|
3.1.6. |
L-organizzazzjoni tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari | 59 |
|
3.1.6.1. |
L-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari ta’ proġetti ta’ riċerka fil-fruntieri tal-għarfien | 59 |
|
3.1.6.2. |
Il-proċedura ta’ sottomissjoni f’żewġ stadji għal proġetti ta’ riċerka fil-fruntieri tal-għarfien | 60 |
|
3.1.6.3. |
L-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ | 61 |
|
3.1.7. |
Ir-riżultati tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, is-selezzjoni u ċ-ċaħda tal-proposti | 61 |
|
3.1.8. |
Ir-reazzjonijiet | 62 |
|
3.1.9. |
Il-proċeduri ta’ assistenza u ta’ rimedju | 62 |
|
3.1.10. |
Ir-rappurtar u l-informazzjoni dwar il-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari | 63 |
|
4. |
Id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni u l-preparazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja | 63 |
|
5. |
Annessi | 64 |
|
5.1. |
Anness A – Il-Proċeduri għas-Sottomissjoni tal-Proposti fuq il-karta | 64 |
|
5.2. |
Anness B – Il-Proċeduri tal-Analiżi tal-Etika | 64 |
|
5.3. |
|
67 |
|
5.4. |
Anness D – Il-Ġestjoni tas-Sigurtà – Azzjonijiet sensittivi tal-KER | 69 |
1. PREAMBOLU – DEFINIZZJONI TAT-TERMINI
Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER) ġie stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea (1) skont id-dispożizzjonijiet tal-Programm Speċifiku “Ideat” tas-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (“Programm Speċifiku Ideat”) (2), bħala l-mezz għall-implimentazzjoni ta’ dak il-Programm Speċifiku.
Il-KER tikkonsisti f’Kunsill Xjentifiku, f’Segretarju Ġenerali u fi struttura ta’ implimentazzjoni apposta stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea bħala l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (3); huwa għandu jagħti rendikont ta’ għemilu lill-Kummissjoni u jopera f’kundizzjonijiet ta’ awtonomija u ta’ integrità, iggarantiti mill-Kummissjoni.
Għal finijiet ta’ ċarezza, għal dan id-dokument għandhom japplikaw id-definizzjoniijiet tat-termini li ġejjin:
It-terminu “ERCEA” għandu jirreferi għall-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka.
It-terminu “FP7” għandu jirreferi għas-“Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-żvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013)” (4).
It-terminu “Regoli għall-Parteċipazzjoni” għandu jirreferi għar-“regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013)” (5).
It-terminu “Regolament Finanzjarju” għandu jirreferi għar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6).
2. INTRODUZZJONI
Il-fini ta’ dan id-dokument huwa li jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għas-sottomissjoni, għall-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-proposti, u għall-allokazzjoni tal-għotjiet lill-proposti li jiksbu suċċess. Ir-regoli jiffissaw parametri fundamentali li huma mfassla sabiex jiżguraw li l-proċeduri li jwasslu għall-allokazzjoni tal-għotjiet ikunu rigorużi, ġusti, effettivi u xierqa. Dawn ġew iddefiniti f’assoċjazzjoni mal-Kunsill Xjentfiku tal-KER, b’dan tal-aħħar ikun responsabbli, fost l-oħrajn, biex ikunu stabbiliti l-programm ta’ ħidma Ideat, il-metodi u l-proċeduri tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari li japplikaw għall-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-proposti taħt il-Programm Speċifiku Ideat u biex ikunu identifikati l-esperti indipendenti li jassistu f’evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari ta’ din ix-xorta. Huma jiġu adottati mill-Kummissjoni skont ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni.
|
|
It-Taqsima 1 tiddeskrivi l-prinċipji ewlenin li japplikaw għall-proċess mis-sottomissjoni sal-allokazzjoni: eċċellenza, trasparenza, ġustizzja u imparzjalità, effiċjenza u veloċità, flimkien mal-kunsiderazzjonijiet etiċi. |
|
|
It-Taqsima 2 tiddeskrivi l-proċeduri għas-sottomissjoni tal-proposti u l-mod li bih jiġu ġestiti sussegwentement, inkluża l-valutazzjoni tal-eliġibbiltà. |
|
|
It-Taqsima 3 tiddeskrivi l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, inkluż il-mod li bih l-esperti indipendenti jiġu selezzjonati u maħtura, it-trattament tal-kunflitti ta’ interess potenzjali u effettivi, u l-organizzazzjoni tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari. Hija tiddeskrivi wkoll il-mod li bih għandhom jiġu ġestiti l-appelli u l-ilmenti kif ukoll ir-rappurtar tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari u l-allokazzjoni tal-għotjiet. |
|
|
It-Taqsima 4 tiddeskrivi l-preparazzjoni u l-allokazzjoni tal-għotjiet. |
2.1. Prinċipji
Il-proċess mis-sottomissjoni tal-proposti sal-allokazzjoni tal-għotjiet għandu jkun ibbażat fuq prinċipji stabbiliti sew:
|
— |
Eċċellenza. Il-proġetti selezzjonati għall-finanzjament iridu juru livell għoli ta’ kwalità xjentifika u/jew teknika. |
|
— |
Trasparenza.Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u dwar l-allokazzjoni jridu jkunu bbażati fuq regoli u proċeduri li ġew deskritti b’mod ċar, u l-entitajiet legali applikanti kif ukoll l-investigaturi prinċipali għandhom jirċievu reazzjonijiet adegwati dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-proposti tagħhom. |
|
— |
Ġustizzja u imparzjalità.Il-proposti kollha għandhom jiġu ttrattati b’mod konsistenti u bl-istess mod. Huma jridu jiġu evalwati b’mod imparzjali fuq il-merti tagħhom, irrispettivament mill-oriġini tagħhom jew mill-identità tal-entità tas-sottomissjoni, tal-investigatur prinċipali u jew ta’ kwalunkwe membru tat-tim. |
|
— |
Kunfidenzjalità. Il-proposti kollha u d-dejta, l-għarfien u d-dokumenti relatati kkomunikati lill-ERCEA jridu jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali. |
|
— |
Effiċjenza u veloċità. Il-preparazzjoni tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, għall-allokazzjoni u għall-għotjiet għandha tkun veloċi kemm jista’ jkun, għandha tkun proporzjonata għaż-żamma tal-kwalità tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, u għandha tirrispetta l-qafas legali. |
|
— |
Kunsiderazzjonijiet etiċi u ta’ sigurtà. Kwalunkwe proposta li tikser prinċipji etiċi fundamentali, jew li ma tkunx konformi mal-proċeduri rilevanti tas-sigurtà tista’ tiġi eskluża mill-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, tas-selezzjoni u tal-allokazzjoni fi kwalunkwe ħin. |
2.2. Is-sottomissjoni tal-proposti
2.2.1. Is-sejħiet għall-proposti
Il-proposti għandhom jiġu sottomessi b’risposta għas-sejħiet għal proposti (“sejħiet”) (7). Il-kontenut u l-għażla taż-żmien meta jsiru s-sejħiet huma stabbiliti fil-programm ta’ ħidma Ideat u huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“test tas-sejħa”) fuq il-websajt(s) tal-Kummissjoni (8), kif ukoll fuq il-websajt tal-KER li għandu jipprovdi hyperlinks għall-websajt(s) tal-Kummissjoni.
Is-sejħiet għal proġetti ta’ riċerka fil-fruntieri tal-għarfien jistgħu jispeċifikaw baġit indikattiv għas-sejħa kollha jew jagħtu baġits indikattivi għal oqsma speċifiċi ta’ riċerka fil-qafas tas-sejħa li għandhom jiġu evalwati minn Bordijiet separati ta’ esperti indipendenti.
Sejħa għandha tispeċifika wkoll jekk għandhiex tiġi segwita sottomissjoni fi stadju wieħed jew fi tnejn u/jew proċedura ta’ evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari fi stadju wieħed jew fi tnejn. Fil-każ ta’ sottomissjoni f’żewġ stadji, dawk li l-proposti tagħhom kienu evalwati b’mod pożittiv fl-ewwel stadju biss għandhom jiġu mistiedna jissottomettu proposti kompluti fit-tieni stadju.
2.2.2. Il-prereġistrazzjoni
Minħabba l-approċċ minn isfel għal fuq tal-Programm Speċifiku Ideat, il-KER jistenna għadd kbir ta’ proposti fl-oqsma kollha tar-riċerka. Sabiex il-KER ikun jista’ jipprovdi r-riżorsi u l-kompetenza mitluba għall-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-KER, sejħa tista’ tipprevedi prereġistrazzjoni.
Il-prereġistrazzjoni tista’ tinvolvi dikjarazzjoni tas-suġġett maħsub u l-għanijiet tar-riċerka previsti tal-proposta.
Fejn is-sejħiet jipprevedu prereġistrazzjoni, qabel l-iskadenza tal-prereġistrazzjoni, l-applikant potenzjali għandu jitlob il-login u l-password għas-sistema tal-IT tas-Servizz Elettroniku għas-Sottomissjoni tal-Proposti (bħalissal-EPSS, imsejħa s-“sistema ta’ sottomissjoni elettronika” fit-test), meħtieġa għas-sottomissjoni ta’ proposta. L-iskadenza/i għall-prereġistrazzjoni tista’/jistgħu tiġi/jiġu ffissata/i ftit ġimgħat qabel l-iskadenza/i tas-sejħiet għas-sottomissjoni tal-proposti. Il-prereġistrazzjoni u s-sottomissjoni huma żewġ fażijiet differenti. Jekk is-sejħa tipprevedi prereġistrazzjoni imma l-applikant ma jagħmilx prereġistrazzjoni, is-sottomissjoni ta’ proposta minn dak l-applikant ma għandhiex tiġi aċċettata mis-sistema ta’ sottomissjoni elettronika.
Fejn is-sejħiet ma jipprevedux prereġistrazzjoni, l-applikant potenzjali xorta għandu jirreġistra u jitlob password għall-EPSS sabiex ikun jista’ jissottometti l-proposta, qabel l-iskadenza tas-sejħa.
F’każijiet eċċezzjonali, l-applikant potenzjali jista’ jitlob permess mingħand l-ERCEA sabiex jagħmel sottomissjoni fuq il-karta kif inhu pprovdut mill-Anness A għal din id-Deċiżjoni.
2.2.3. Is-sottomissjoni
Il-proposti, u fejn ikun xieraq il-prereġistrazzjonijiet, għandhom jiġu sottomessi elettronikament permezz tas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika bbażata fuq l-Internet operata mill-Kummissjoni (bħalissal-EPSS).
Il-proposti għal azzjonijiet ta’ riċerka “innovattiva” – skont id-dispożizzjonijiet tal-programm ta’ ħidma Ideat – għandhom jinvolvu Investigatur Prinċipali (PI) – individwu speċifikat bir-responsabbiltà xjentifika għall-proġett. Il-proposti għandhom jiġu sottomessi mill-PI li jingħata s-setgħa mill-istituzzjoni ospitanti tal-proposta, li hija formalment l-entità legali applikanta u li lilha għandha tiġi allokata l-għotja (9). Matul il-proċess kollu tas-sottomissjoni u tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, il-PI għandu jkun il-mezz prinċipali għall-komunikazzjoni bejn l-ERCEA u l-entità legali applikanta.
Il-preparazzjoni u t-tlugħ tad-dejta kollha tal-proposta u l-qbil mal-kundizzjonijiet tal-użu tas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika kif ukoll mat-termini tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari jridu jsiru qabel it-tentattiv sabiex tiġi sottomessa proposta.
Is-sistema ta’ sottomissjoni elettronika għandha twettaq għadd ta’ kontrolli ta’ verifika bażiċi. Huwa biss wara li jitlestew dawn il-kontrolli li s-sistema ta’ sottomissjoni elettronika għandha tħalli lill-applikant jagħmel is-sottomissjoni tiegħu. Dawn il-kontrolli ma għandhomx jissostitwixxu l-kontrolli formali tal-eliġibbiltà deskritti fit-Taqsima 2.2.6 u ma jistgħux jiżguraw li l-kontenut ta’ dawn il-fajls jissodisfa r-rekwiżiti tas-sejħa. Jiġi kkunsidrat li s-sottomissjoni qed issir fil-mument li l-PI jagħti bidu għall-proċess finali tas-sottomissjoni, kif ġie indikat mis-sistema ta’ sottomissjoni elettronika, u mhux fi kwalunkwe punt qabel dan.
Il-proposti mibgħuta fuq mezz ta’ ħżin elettroniku li jista’ jitneħħa (eż. CD-ROM jew kwalunke apparat elettroniku simili), bl-e-Mail jew bil-faks ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li ġew sottomessi, u ma għandhomx jiġu evalwati. F’każijiet eċċezzjonali, jekk PI ma jkollu l-ebda mod kif jikseb aċċess għas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika, dan l-investigatur prinċipali jista’ jitlob permess mingħand l-ERCEA sabiex jagħmel sottomissjoni fuq il-karta. Il-proċeduri relatati ma’ talba ta’ din ix-xorta u mal-formalitajiet dwar sottomissjoni fuq il-karta huma stabbiliti fl-Anness A għal dawn ir-Regoli.
Proċedura għall-irtirar ta’ proposta hija inkluża fil-Gwida għall-Applikanti rilevanti. Proposta rtirata ma għandhiex tiġi sussegwentement ikkunsidrata għal evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari jew għal selezzjoni.
Jekk tiġi riċevuta iktar minn sottomissjoni waħda tal-istess proposta, għandha tiġi evalwata biss l-iktar verżjoni reċenti eliġibbli.
Il-proposti għandhom jinżammu f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà f’kull ħin. Meta ma jkunux meħtieġa iktar, il-kopji kollha għajr dawk meħtieġa għal finijiet ta’ arkivjazzjoni u/jew ta’ verifika għandhom jinqerdu.
2.2.4. L-assistenza għas-sottomissjoni
Il-Gwida għall-Applikanti tispjega fid-dettall kif il-PI, il-membri tat-tim jew l-entitajiet legali applikanti jistgħu jitolbu assistenza jew informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ sejħa. Għandhom jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, kif ukoll tal-help desks tal-ERCEA u tal-KER. Għandu jiġi pprovdut help desk apposta għal kwistjonijiet relatati mas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika.
2.2.5. Ir-riċeviment
Id-data u l-ħin tar-riċeviment tal-aħħar verżjoni tal-proposti sottomessi għandhom jiġu rreġistrati. Wara l-iskadenza tas-sejħa, għandha tintbagħat irċevuta ta’ rikonoxximent għar-riċeviment b’email li jinkludi:
|
— |
It-titolu tal-proposta u l-identifikatur uniku tal-proposta (in-numru tal-proposta); |
|
— |
L-identifikatur tas-sejħa li l-proposta kienet indirizzata lilha; |
|
— |
Id-data u l-ħin tar-riċeviment (li huwa ffissat skont il-ħin tal-iskadenza tas-sejħa, għal proposti sottomessi elettronikament). |
Wara s-sottomissjoni, l-ERCEA għandha tagħmel kuntatt mal-PI u/jew mal-entità legali applikanta biss jekk dan ikun meħtieġ sabiex ikunu ċċarati kwistjonijiet bħall-eliġibbiltà jew sabiex tkun ivverifikata dejta amministrattiva jew legali inkluża fil-proposta (10). Madankollu fi proċedura f’żewġ stadji u għall-applikazzjonijiet miżmuma biss, il-PI li jingħata s-setgħa mill-entità legali applikanti jista’, f’kundizzjonijiet speċifikati fis-sejħa, jiġi mistieden jissottometti proposta oħra jew iktar informazzjoni dwar il-proposta oriġinali, u/jew li jattendi għal intervista.
2.2.6. Il-kontroll tal-eliġibbiltà
Il-proposti jridu jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà jekk se jinżammu għal evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari. Dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati b’mod rigoruż. Fil-każ ta’ sottomissjoni ta’ proposta f’żewġ stadji, kull stadju għandu jkun suġġett għal kontroll tal-eliġibbiltà. Il-proposti kollha sottomessi taħt sejħa għandhom ikunu suġġetti għal kontroll skont il-kriterji tal-eliġibbiltà li ġejjin:
|
— |
Ir-riċeviment tal-proposta qabel l-iskadenza (id-data u l-ħin stabbiliti fis-sejħa); |
|
— |
Il-kompletezza tal-proposta, jiġifieri l-preżenza tal-partijiet u tal-formoli kollha mitluba (11); |
|
— |
L-ambitu tas-sejħa: il-kontenut tal-proposta jrid ikun relatat mal-għanijiet, mas-suġġetti u mal-iskema ta’ finanzjament stabbiliti fis-sejħa, kif ġew iddefiniti fil-programm ta’ ħidma Ideat. Proposta għandha tiġi kkunsidrata ineliġibbli għal raġunijiet ta’ “ambitu” biss f’każijiet ċari (12); |
|
— |
Il-kriterji addizzjonali kollha tal-eliġibbiltà li japplikaw għas-sejħa li huma speċifikat fil-programm ta’ ħidma Ideat u fil-fiche tas-sejħa. |
Jekk jibda jidher ċar qabel, matul jew wara l-fażi tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, li kriterju tal-eliġibbiltà wieħed jew iktar ma ġiex sodisfatt, il-proposta għandha tiġi ddikjarata ineliġibbli u għandha tiġi rtirata minn kwalunkwe eżami ulterjuri. Fejn ikun hemm dubju dwar l-eliġibbiltà ta’ proposta, l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tista’ tipproċedi sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar l-eliġibbiltà. Il-fatt li proposta tiġi evalwata f’ċirkustanzi ta’ din ix-xorta ma għandux jikkostitwixxi prova tal-eliġibbiltà tagħha.
Jekk il-kwistjoni tal-eliġibbiltà ma tkunx ċara u jiġi kkunsidrat li jeħtieġ li ssir analiżi iktar komprensiva tal-każ, jista’ jitlaqqa’ kumitat ta’ analiżi tal-eliġibbiltà. Ir-rwol tal-kumitat huwa li jiżgura intepretazzjoni legali koerenti ta’ każijiet ta’ din ix-xorta u trattament ugwali tal-entitajiet legali applikanti u tal-PI involuti fil-proposta (13).
Dawk il-PI li jinsab li l-proposti tagħhom huma ineliġibbli għandhom jiġu informati bir-raġunijiet għal deċiżjoni ta’ din ix-xorta.
3. L-EVALWAZZJONI TAR-REVIŻJONI MINN PARI
3.1.1. Ir-rwol tal-esperti indipendenti
Il-proposti għandhom jiġu suġġetti għal analiżi minn esperti indipendenti (analizzaturi pari) sabiex ikun żgurat li dawk li jilħqu l-ogħla kwalità biss jiġu selezzjonati għal finanzjament. Espert indipendenti għandu jkun espert li j/tkun estern/a għall-KER u għall-Kummissjoni (14), qed j/taħdem f’kapaċità personali u, fit-twettiq ta’ ħidmietu/ha ma j/tirrappreżenta lill-ebda organizzazzjoni jew komunità xjentifika.
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, għandha ssir distinzjoni bejn ħames tipi ta’ esperti indipendenti:
1. Presidenti tal-Bordijiet tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-KER: jorganizzaw il-ħidma fil-Bord tagħhom, jippresjedu l-laqgħat tal-Bord u jattendu għal-laqgħa finali ta’ konsolidament. Huma jistgħu jwettqu wkoll evalwazzjoni individwali tal-proposti, ġeneralment mill-bogħod, bi preparazzjoni għal-laqgħat tal-bord.
2. Membri tal-Bordijiet tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-KER: jassistu fil-preparazzjoni tal-laqgħat tal-Bord, jattendu għal dawk il-laqgħat u jistgħu anki jagħtu kontribut fl-evalwazzjoni individwali tal-proposti, ġeneralment mill-bogħod.
3. Evalwaturi tal-Bord: esperti indipendenti li jintalbu jassistu fl-evalwazzjoni indipendenti tal-proposti. Ġeneralment, ma jipparteċipawx fil-laqgħat tal-Bord.
4. Arbitri: esperti indipendenti li jwettqu valutazzjonijiet individwali tal-proposti, mill-bogħod biss, u ma jingħatawx kumpens għall-kompiti li jwettqu.
5. Osservaturi indipendenti: esperti indipendenti li jintalbu jeżaminaw il-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari mill-perspettiva ta’ kif jaħdem u jiġi eżegwit. Huma ma jwettqux valutazzjonijiet tal-proposti li qed jiġu evalwati u jistgħu jattendu għal kwalunkwe laqgħa fil-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari.
3.1.2. Il-ħatra tal-esperti (15)
Il-Kunsill Xjentifiku tal-KER għandu r-responsabbiltà li jipproponi l-esperti indipendenti għall-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-proġetti ta’ riċerka fil-fruntieri tal-għarfien (16) skont l-Artikolu 17(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni, u biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet indiretti fit-tifsira tal-Artikolu 27(1) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni. Il-Kunsill Xjentifiku tal-KER jista’ jistrieħ fuq il-membri tiegħu u fuq l-informazzjoni pprovduta mill-membri tal-Bord jew mill-ERCEA sabiex jidentifika lill-esperti indipendenti. L-ERCEA għandha taħtarhom formalment fuq il-bażi ta’ din il-proposta (17).
L-esperti indipendenti għandu jkollhom il-ħiliet u l-għarfien xierqa għall-oqsma ta’ attività fejn jintalbu jassistu. Huma jrid ikollhom livell għoli ta’ esperjenza professjonali fis-settur pubbliku jew privat fir-riċerka xjentifika, fl-istudju tax-xjenza jew fil-ġestjoni xjentifika. Jistgħu jkunu rikjesti wkoll ħiliet oħrajn (eż. konsulenza esperta u edukazzjoni tax-xjenzati żgħażagħ; ġestjoni jew evalwazzjoni ta’ proġetti; trasferiment u innovazzjoni tat-teknoloġija; kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija). Għall-ħatra tal-esperti indipendenti li jittrattaw informazzjoni kklassifikata, għandha tintalab l-awtorizzazzjoni tas-sigurtà xierqa.
L-ERCEA għandha tagħmel ukoll użu mil-lista ta’ esperti li tirriżulta minn sejħiet għal applikazzjonijiet ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn esperti oħrajn bil-kwalifiki meħtieġa, li jiġu identifikati, pereżempju, permezz ta’ konsultazzjoni mal-aġenziji nazzjonali ta’ finanzjament għar-riċerka u organizzazzjonijiet simili. L-esperti jistgħu jiġu minn pajjiżi oħrajn għajr l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati mal-FP7.
Meta jiġu assemblati l-gruppi ta’ esperti, l-ERCEA għandha tipprova tiżgura l-ogħla livell ta’ kompetenza xjentifika u teknika, fl-oqsma adattati għas-sejħa, filwaqt li tqis ukoll kriterji oħrajn, bħal:
|
— |
Inklużjoni raġonevoli ta’ nisa u ta’ rġiel mill-UE kollha u mill-pajjiżi assoċjati kif ukoll minn pajjiżi terzi (18) |
|
— |
Rotazzjoni regolari ta’ esperti, konsistenti mal-ħtieġa għal kontinwità. Bħala medja, huwa mistenni li jinbidlu mill-inqas kwart tal-esperti li jintużaw f’kull qasam ta’ riċerka f’kull sena kalendarja. |
L-esperti jrid ikollhom ukoll il-ħiliet lingwistiċi xierqa meħtieġa biex jiġu evalwati l-proposti.
L-ismijiet tal-esperti indipendenti assenjati lill-proposti individwali ma għandhomx isiru pubbliċi. Madankollu, il-lista tal-esperti indipendenti li jkunu assistew fl-evalwazzjoni tal-proposti riċevuti taħt sejħa relatata mal-Programm Speċifiku Ideat għandha tiġi ppubblikata kull sena fil-websajt(s) tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-lista ta’ membri tal-Bord għandha tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-KER.
Kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett dwar l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari ta’ sejħa bejn il-PI u/jew l-entità legali applikanti li jissottomettu proposta taħt l-istess sejħa u kwalunkwe espert indipendenti involut f’dik l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari għandu jkun strettament ipprojbit. Kwalunkwe kuntatt ta’ din ix-xorta jista’ jirriżulta fid-deċiżjoni tal-ERCEA li teskludi l-proposta kkonċernata mis-sejħa inkwistjoni.
3.1.2.1. L-esklużjoni tal-esperti indipendenti fuq it-talba ta’ applikant
Il-Gwida għall-Applikanti rilevanti tista’ tippermetti li l-applikanti jagħmlu talba li persuna speċifika (19) ma tagħmilhiex ta’ reviżur pari fl-evalwazzjoni tal-proposta tagħhom. F’każijiet ta’ din ix-xorta, l-applikanti għandhom jintalbu jispeċifikaw ir-raġunijiet għat-talba tagħhom (20). F’ċirkustanzi ta’ din ix-xorta, jekk il-persuna identifikata tkun esperta indipendenti li qed tipparteċipa fl-evalwazzjoni tal-proposti għas-sejħa inkwistjoni, hija tista’ tiġi eskluża mill-evalwazzjoni tal-proposta kkonċernata, sakemm l-ERCEA tibqa’ fil-pożizzjoni li l-proposta tiġi evalwata.
3.1.3. It-Termini tal-ħatra, il-Kodiċi ta’ kondotta u l-Kunflitt ta’ interess
Din it-taqsima tindirizza l-mod li bih l-esperti indipendenti għandhom jinħatru mill-ERCEA sabiex jassistu fl-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-proposti sottomessi skont il-Programm Speċifiku Ideat. L-istess proċedura tista’ tiġi applikata mutatis mutandis mill-ERCEA għall-ħatra tal-esperti għall-kompiti fit-tifsira tal-Artikolu 27(1) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni.
L-ERCEA għandha toħroġ ittra ta’ ħatra, li għandha tiġi ffirmata mill-espert indipendenti, ibbażata fuq il-mudelli approvati mill-Kummissjoni. L-ittra ta’ ħatra tistabbilixxi l-qafas tar-relazzjoni bejn espert indipendenti u l-ERCEA li fi ħdanu l-espert jista’ jintalab jipprovdi kompetenza sabiex jassisti lill-KER.
Din l-ittra ta’ ħatra għandha tippreżenta l-Kundizzjonijiet Ġenerali li japplikaw fir-rigward tal-esperti indipendenti, b’mod partikolari, għandha tistabbilixxi Kodiċi ta’ kondotta għall-esperti indipendenti fl-evalwazzjonijiet tal-analiżijiet minn pari, annessi mal-ittra ta’ ħatra, id-dispożizzjonijiet essenzjali dwar il-kunfidenzjalità u l-kunflitt ta’ interess, u għandha tispeċifika t-trattament tad-dejta personali.
Il-ħatra għandha tkun effettiva malli l-espert indipendenti u l-ERCEA jiffirmaw l-ittra ta’ ħatra.
Il-Presidenti tal-Bordijiet, il-Membri tal-Bordijiet, l-Evalwaturi tal-Bordijiet u l-Osservaturi Indipendenti li jiġu assenjati l-kompiti għandhom id-dritt għal kumpens finanzjarju. F’dak il-każ, l-ittra ta’ ħatra għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-kumpens.
L-arbitri li jiġu assenjati l-kompiti ma għandhomx ikunu eliġibbli għal kumpens finanzjarju.
Fil-kuntest ta’ kull assenjazzjoni ta’ kompiti, l-esperti indipendenti kollha għandhom jintalbu jikkonfermaw li ma għandhom l-ebda kunflitt ta’ interess (li jiskwalifika jew potenzjali) għal kull proposta li jeżaminaw. Jekk espert indipendenti jidentifika kunflitt ta’ interess relatat ma’ proposta, il-kors ta’ azzjoni għandu jiddependi minn jekk ikunx kunflitt ta’ interess li jiskwalifika jew potenzjali.
Iċ-ċirkustanzi fejn jistgħu jeżistu kunflitti ta’ interess “li jiskwalifikaw” u “potenzjali” għandhom jiġu deskritti fil-Kodiċi ta’ Kondotta.
L-esperti indipendenti ma jistgħux jipparteċipaw fl-evalwazzjoni ta’ proposti għal sejħa fejn huma stess ikunu ssottomettew proposta.
Meta jeżisti kunflitt ta’ interess li jiskwalifika, espert indipendenti ma jridx jinfluwenza l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-proposta kkonċernata. B’mod partikolari espert indipendenti allura la għandu jassisti fil-valutazzjoni individwali (ġeneralment mill-bogħod), la għandu jitkellem u lanqas għandu jivvota fi kwalunkwe diskussjoni tal-Bord relatata ma’ din il-proposta. F’każ ta’ din ix-xorta, l-espert indipendenti għandu jħalli l-kamra (jew il-forum elettroniku) meta l-Bord jiddiskuti l-każ individwali tal-proposta fejn jeżisti kunflitt ta’ din ix-xorta.
Meta jeżisti kunflitt ta’ interess potenzjali, l-ERCEA għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi tal-każ u għandha tieħu deċiżjoni. Jista’ jiġi deċiż jekk l-espert indipendenti għandux jitħalla jieħu sehem fl-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-proposta kkonċernata (l-espert allura jrid jiffirma dikjarazzjoni li tgħid dan) jew li jiġi eskluż bl-istess mod kif sar għall-kunflitt li jiskwalifika.
Espert irid jiddikjara kwalunkwe kunflitt ta’ interess mhux magħruf qabel sessjoni ta’ evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari.
Jekk kunflitt li sa dak iż-żmien ma kienx issuspettat isir apparenti matul l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, l-espert indipendenti jrid iħabbar dan il-fatt immedjatament lil uffiċjal responsabbli. Jekk finalment jinstab li l-kunflitt huwa wieħed li jiskwalifika, l-espert indipendenti jrid jastjeni minn evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari ulterjuri li tinvolvi l-proposta kkonċernata. Kwalunkwe kumment u punteġġ li saru qabel minn dak l-espert indipendenti għandhom jiġu injorati. Jekk ikun meħtieġ, l-espert indipendenti għandu jiġi sostitwit.
Jekk espert indipendenti xjentement jaħbi kunflitt ta’ interess li jiskwalifika jew potenzjali u dan jiġi skopert waqt sessjoni ta’ evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, l-espert indipendenti għandu jkun eskluż immedjatament, u għandhom japplikaw is-sanzjonijiet previsti fl-ittra ta’ ħatra. Kwalunkwe riżultat tas-sessjonijiet ta’ evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari fejn ikun ipparteċipa dan l-espert indipendenti għandu jkun iddikjarat null, u l-proposta/i ikkonċernata/i għandha/hom tiġi/jiġu evalwata/i mill-ġdid.
B’analoġija mal-Artikolu 265a(3) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni għar-Regolament Finanzjarju (21), ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta jew kondotta ħażina serja oħra mill-espert indipendenti tista’ tiġi kkwalifikata bħala kondotta professjonali ħażina gravi u tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ dan l-espert indipendenti mil-lista tal-esperti indipendenti li għandhom jinħatru mill-ERCEA. Wara esklużjoni ta’ din ix-xorta, l-espert indipendenti għandu jitneħħa mill-bażi tad-dejta u għandu jiġi pprojbit milli jirreġistra mill-ġdid sakemm iddum l-esklużjoni.
3.1.4. L-osservaturi indipendenti
L-esperti indipendenti jistgħu jinħatru bħala osservaturi sabiex jeżaminaw il-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari mill-perspettiva ta’ kif jaħdem u jiġi eżegwit. Il-kompetenza tal-osservaturi għandha tkopri s-sessjoni kollha tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, inkluża kwalunkwe valutazzjoni mill-bogħod. Fil-każ ta’ valutazzjoni mill-bogħod, l-osservaturi għandu jkollhom aċċess għall-komunikazzjonijiet kollha bejn l-ERCEA u l-analizzaturi pari u jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ wħud mill-analizzaturi pari jew magħhom ilkoll sabiex jistħarrġu l-opinjonijiet tagħhom dwar kif tmexxiet l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari. L-osservaturi għandu jkollhom aċċess għal kwalunkwe laqgħa li tkun parti mis-sessjoni tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari.
L-ERCEA għandha tikkonkludi ittra ta’ ħatra ma’ kull osservatur indipendenti. Il-mudell approvat mill-Kummissjoni għandu jintuża għall-ħatra tal-osservaturi indipendenti. Il-Kodiċi ta’ Kondotta speċifiku għall-osservaturi tal-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari għandu jiġi pprovdut fil-mudell approvat mill-Kummissjoni.
L-ERCEA għandha tinforma lill-kumitat tal-Programm bl-għażla tal-esperti bħala osservaturi, u bit-termini ta’ referenza tagħhom.
Il-kompitu tal-osservaturi għandu jkun li jqisu l-operazzjoni tas-sessjonijiet tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari mill-perspettiva ta’ kif jaħdmu u mhux minn dak tal-eżitu, sakemm l-eżitu tal-evalwazzjonijiet tal-analiżi minn pari ma jkunx riżultat dirett tal-aspetti operattivi. Għal din ir-raġuni, ma hemmx għalfejn li l-osservaturi jkollhom kompetenza fil-qasam tal-proposti li jkunu qed jiġu evalwati. Tabilħaqq, għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ li tkun evitata l-preżenza ta’ osservaturi b’għarfien wisq approfondit tal-qasam tax-xjenza u tat-teknoloġija (S & T) partikolari sabiex ikunu evitati kunflitti bejn l-opinjonijiet tagħhom dwar l-eżitu tal-evalwazzjonijiet tal-analiżi minn pari u l-funzjonament tas-sessjonijiet. Ikun xi jkun il-każ, huma ma għandhomx jesprimu fehmithom dwar il-proposti li qed jiġu eżaminati jew dwar l-opinjonijiet tal-esperti indipendenti rigward il-proposti.
Ir-rwol tal-osservaturi għandu jkun li jagħtu pariri indipendenti dwar kif tmexxew is-sessjonijiet tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, dwar il-modi li bihom il-proċeduri jistgħu jittejbu u dwar il-mod li bih l-esperti indipendenti japplikaw il-kriterji ta’ evalwazzjoni. L-osservaturi għandhom jivverifikaw li jkun hemm adeżjoni mal-proċeduri stabbiliti jew imsemmija f’dawn ir-regoli u għandhom jagħmlu rapport lill-maniġment tal-programm dwar il-modi li bihom jista’ jittejjeb il-proċess.
L-osservaturi għandhom jirrispettaw l-istess obbligi ta’ kunfidenzjalità tal-esperti indipendenti u għandhom jiffirmaw ittri ta’ ħatra li jinkludu ftehimiet ta’ kunfidenzjalità. Huma ma għadhomx jitħallew jiżvelaw dettalji tal-proposti, tal-esperti indipendenti assenjati sabiex jeżaminaw il-proposti u lanqas tad-diskussjonijiet fil-Bordijiet tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari.
L-osservaturi għandhom jirraportaw is-sejbiet tagħhom lill-KER. L-osservaturi għandhom jiġu inkoraġġiti wkoll jidħlu f’diskussjonijiet informali mal-uffiċjali tal-ERCEA involuti fis-sessjonijiet tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari u jagħmlu osservazzjonijiet dwar kwalunkwe titjib possibbli li jista’ jitqiegħed immedjatament fil-prattika.
L-ERCEA għandha tinforma lill-kumitat tal-programm bis-sejbiet tal-osservaturi u tista’ tagħmel pubblikament disponibbli sommarju tar-rapport tagħhom.
It-twettiq ta’ osservazzjoni tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari għandha tkun suġġetta għall-valuri massimi indikati fl-assenjazzjoni speċifika tal-kompitu. Il-valuri massimi indikati fl-assenjazzjoni tal-kompitu jistgħu jiġu estiżi b’emenda bil-miktub.
3.1.5. Il-kriterji tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari
Il-kriterji tal-evalwazzjoni, inklużi kwalunkwe punteġġ tal-proposta u l-piżijiet u l-limiti assoċjati, huma stabbiliti fil-programm ta’ ħidma Ideat u huma bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Programm Speċifiku Ideat u fir-Regoli għall-Parteċipazzjoni (22). Il-mod li bih għandhom jiġu applikati jista’ jiġi spjegat ulterjorment fil-Gwida għall-Applikanti (23).
Fir-rigward ta’ proposti bi kwistjonijiet etikament sensittivi (ara l-Anness B) jew li jeżiġu iktar skrutinju fejn għandhom x’jaqsmu kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà (ara l-Anness D) għandhom jiġu applikati proċeduri speċjali.
3.1.6. L-organizzazzjoni tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari
Il-Kunsill Xjentifiku tal-KER għandu jistabbilixxi l-metodoloġija tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, li tista’ tvarja fid-dettalji għas-sejħiet differenti, għandu jissorvelja l-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari u għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura għall-Bordijiet tal-KER ippubblikati fuq il-websajt tal-KER (Gwida għall-Analizzatturi Pari tal-KER). Il-Kunsill Xjentifiku tal-KER jista’ wkoll jagħti delega lill-membri tiegħu sabiex ikunu preżenti waqt il-laqgħat tal-Bordijiet bħala osservaturi. Madankollu, il-membri tal-Kunsill Xjentifiku ma għandhomx jinfluwenzaw, fl-ebda ċirkustanza, l-eżitu tal-laqgħa tal-Bord li jattendu għaliha.
L-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari għandha tiġi organizzata fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 2.1 iktar ‘il fuq, sabiex tkun żgurata valutazzjoni konsistenti, rigoruża u bbażata fuq il-kwalità tal-proposti skont il-kriterji stabbiliti fil-programm ta’ ħidma Ideat.
Fejn sejħa tispeċifika proċedura ta’ evalwazzjoni f’żewġ stadji, huma biss dawk il-proposti li jkunu għaddew l-ewwel stadju, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni meta mqabbla ma’ sett limitat ta’ kriterji, li għandhom jimxu ‘l quddiem għal evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari ulterjuri (24).
3.1.6.1. L-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari ta’ proġetti ta’ riċerka fil-fruntieri tal-għarfien.
L-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari għandha titwettaq permezz ta’ Bordijiet ta’ xjenzati u ta’ akkademiċi indipendenti. Il-bordijiet jistgħu jkunu assistiti minn evalwaturi tal-bord u minn arbitri speċjalisti, li għandhom iwettqu l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari b’mod sħiħ jew parzjali fi djarhom jew fil-postijiet tax-xogħol tagħhom (“evalwazzjoni mill-bogħod”). Il-bordijiet għandhom jiġu stabbiliti sabiex ikopru l-firxa tal-oqsma ta’ riċerka koperti mis-sejħa, b’kull Bord ikun responsabbli għal għadd partikolari ta’ oqsma ta’ riċerka.
Skont ir-regoli tal-proċedura għall-Bordijiet tal-KER imsemmija iktar ‘il fuq, il-Bordijiet għandhom joperaw taħt il-presidenza ta’ espert indipendenti anzjan.
Kwalunkwe evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tista’ tiġi organizzata f’żewġ stadji sussegwenti. F’każ ta’ din ix-xorta, l-eżitu tal-ewwel stadju għandu jkun il-kontribut għat-tieni stadju. Is-sekwenza tal-avvenimenti fi stadju ġeneralment għandha tkun kif ġej:
L-allokazzjoni tal-proposti lill-Bordijiet: Kull proposta għandha tiġi allokata lil Bord fuq il-bażi tas-suġġett tal-proposta. L-allokazzjoni inizjali għandha tkun ibbażata fuq indikazzjoni pprovduta mill-applikant, fuq it-titolu u l-kontenut tal-proposta u/jew fuq informazzjoni, possibbilment fil-forma ta’ “kelmiet prinċipali (keywords)”, ipprovduti fil-proposta.
Il-valutazzjoni individwali: Il-proposti għandhom jiġu eżaminati skont il-kriterji rilevanti minn għall-inqas tliet (3) analizzaturi pari (25), ikkwalifikati fl-oqsma xjentifiċi u/jew teknoloġiċi relatati mal-proposta, li jippreparaw ir-rapporti individwali dwar il-valutazzjoni (IAR).
Il-valutazzjoni tal-Bord: Il-Bordijiet għandhom id-dmir li jeżaminaw b’mod konsistenti l-proposti li jaqgħu fil-qasam tal-kompetenza tagħhom (26) u li joperaw b’mod koerenti ma’ Bordijiet oħrajn, sabiex tkun żgurata konsistenza fit-trattament tal-proposti fil-Bordijiet kollha differenti u fl-oqsma xjentifiċi/teknoloġiċi kollha differenti miftuħa fis-sejħa.
Il-ġudizzju ta’ Bord dwar proposta (inklużi kwalunkwe punteġġ mogħti lill-proposta għal kriterji invidwali jew b’mod globali, u l-pożizzjoni tagħha fi kwalunkwe lista ta’ pożizzjonijiet fi klassifika) huwa bbażat fuq il-valutazzjonijiet individwali u d-diskussjoni fil-Bord, u l-Bord jasal għalih b’vot maġġoritarju. L-eżitu tal-fażi ta’ valutazzjoni tal-Bord hija lista tal-ordni tal-klassifika. Fl-aħħar stadju tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, il-Bord għandu jidentifika dawk il-proposti li jiġu rrakkomandati għall-finanzjament, skont il-baġit assoċjat mas-sejħa.
Intervisti: Fejn dan jiġi speċifikat fil-programm ta’ ħidma Ideat, il-valutazzjoni tal-Bord tista’ tinkludi intervisti mal-PI u/jew mal-entità legali applikanta. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien li jsiru b’relazzjoni għall-intervisti jistgħu jiġi rrimborsti mill-ERCEA. Ir-regoli għar-rimbors applikabbli għall-persuni intervistati huma speċifikati fl-Anness Ċ. Kwalunkwe intervista għandha ssir minn għall-inqas tliet membri tal-Bord. L-intervisti jistgħu jsiru fil-post tal-laqgħa tal-Bord tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, jew bla ħsara għall-fattibbiltà teknika, b’mezzi elettroniċi (konnessjoni bil-vidjo, telekonferenza, jew mezz simili).
Il-Valutazzjoni trasversali ta’ Bordijiet differenti (Valutazzjoni minn Bordijiet differenti, minn sferi differenti, minn oqsma ta’ riċerka differenti, eċċ.): Il-valutazzjoni trasversali ta’ Bordijiet differenti għandha tistabbilixxi ordni finali u rrakkomandat tal-klassifika tal-proposti miżmuma għas-sejħa kollha (mill-oqsma kollha ta’ riċerka miftuħa fis-sejħa), permezz ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-kwalità tal-proposti fil-Bordijiet differenti kollha. Din il-valutazzjoni għandha titwettaq f’forum ikkostitwit mill-presidenti tal-Bordijiet jew mill-membri ddelegati tal-Bordijiet tagħhom. Il-valutazzjoni trasversali tal-Bordijiet differenti għandha tagħti attenzjoni partikolari lil proposti b’natura interdixxiplinari li jaqsmu l-konfini bejn il-Bordijiet differenti, proposti f’oqsma ġodda u emerġenti u proposti li jinvolvu “riskju kbir u gwadann kbir”.
Jekk il-programm ta’ ħidma Ideat jiffissa baġits indikattivi assoċjati ma’ kull Bord, sfera, qasam ta’ riċerka, eċċ. id-diskussjoni tista’ tikkunsidra biss dawk il-proposti li mhumiex inklużi fost l-numru ta’ proposti li qegħdin suffiċjentment ‘il fuq fil-klassifika sabiex jaqgħu fil-baġit indikattiv iffissat għal kull Bord, sfera, qasam ta’ riċerka, eċċ.
L-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari għandha twassal għal Rapport ta’ Evalwazzjoni (ER) għal kull propsta, inklużi r-riżultati ta’ bord trasversali, fejn ikun xieraq, fejn tiġi ddikjarata r-rakkomandazzjoni finali tal-bord rigward il-proposta, flimkien mal-valutazzjonijiet individwali tal-esperti indipendenti, kif ukoll kwalunkwe rakkomandazzjoni li saret dwar l-ammont massimu ta’ finanzjament li għandu jiġi allokat.
3.1.6.2. Il-proċedura ta’ sottomissjoni f’żewġ stadji għal proġetti ta’ riċerka fil-fruntieri tal-għarfien.
Is-sejħa għandha tispeċifika meta għandha tapplika proċedura ta’ sottomissjoni f’żewġ stadji. F’każijiet ta’ din ix-xorta, il-kriterji ta’ evalwazzjoni applikabbli għal kull stadju għandhom jiġu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma Ideat. Il-metodoloġija eżatta għall-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari fl-ewwel u fit-tieni stadju tista’ tvarja (pereżempju, fl-użu tal-evalwaturi tal-bord, tal-arbitri u/jew tal-intervisti tal-PI).
Il-PI l-ewwel iridu jissottomettu proposta ridotta jew fil-qosor. Din il-proposta tal-ewwel stadju għandha tiġi evalwata skont il-kriterji għal dan l-istadju stabbiliti fis-sejħa.
Wara l-evalwazzjoni tal-proposta tal-ewwel stadju, il-valutazzjoni tal-Bord tista’ tirriżulta, għall-proposti miżmuma, fl-istedina għal sottomissjoni tat-tieni stadju. Indipendentement minn kwalunkwe valutazzjoni trasversali oħra minn bordijiet differenti, f’dan l-istadju l-Bordijiet jingħataw is-setgħa, fil-qafas ta’ kompetenza tagħhom, sabiex jirrakkomandaw il-proposti li għandhom jipproċedu għat-tieni stadju.
L-applikanti li jiksbu suċċess wara l-ewwel stadju għandhom jiġu mistiedna jissottomettu proposta iktar dettaljata jew iktar kompluta kif ukoll informazzjoni aġġornata dwar il-proposta oriġinali qabel skadenza speċifika għat-tieni stadju. Sabiex ikun sostnut il-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Bord jista’ jirrakkomanda l-esklużjoni minn evalwazzjoni ulterjuri ta’ proposti sottomessi fit-tieni stadju li jiddevjaw b’mod sostanzjali mill-proposta korrispondenti tal-ewwel stadju.
Il-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari għat-tieni stadju għandu jsegwi s-sekwenza deskritta fit-Taqsima 3.1.6.1.
3.1.6.3. L-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ
L-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ għandha ssegwi l-istess sekwenza bħal fit-Taqsima 3.1.6.1. Il-valutazzjoni tal-Bord tista’ tkun il-fażi finali qabel mal-ERCEA tapprova l-lista finali tal-ordni tal-klassifika.
L-unika eċċezzjoni għal din il-proċedura għandu jkun il-każ ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ koperti mill-Artikolu 14 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni, fejn l-esperti indipendenti għandhom jinħatru biss jekk l-ERCEA tikkunsidra li dan huwa xieraq.
Iktar dettalji dwar il-proċedura tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ għandhom ikunu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma Ideat, fis-sejħa u fil-Gwida għall-Applikanti relatata.
3.1.7. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, is-selezzjoni u ċ-ċaħda tal-proposti
Il-Kunsill Xjentifiku tal-KER għandu jikkonferma l-lista finali tal-ordni tal-klassifika tal-proposti rakkomandati għal finanzjament mill-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari.
Fuq il-bażi tal-eżitu tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari u tal-istabbiliment tal-lista finali tal-ordni tal-klassifika mill-Kunsill Xjentifiku tal-KER, l-ERCEA għandha tipprepara l-lista/i finali tal-proposti għal finanzjament possibbli.
Dan għandu jirriżulta fi:
|
— |
Lista ta’ proposti li jkunu ta’ kwalità suffiċjentement għolja biex jinżammu għal finanzjament possibbli. Din il-lista għandha tiġi ppreżentata fl-ordni tal-klassifika rrakkomandata, fejn tiġi stabbilita l-prijorità għall-finanzjament fil-limiti tal-baġit disponibbli għas-sejħa (il-lista tal-proposti miżmuma). Jekk is-sejħa tistabbilixxi baġits indikattivi għal Bordijiet, sferi, oqsma ta’ riċerka, eċċ. partikolari, jistgħu jiġu ppreparati listi ta’ proposti miżmuma separati għal kull qasam ta’ din ix-xorta. |
|
— |
Jekk il-finanzjament totali rrakkomandat għall-proposti miżmuma wara l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari jeċċedi l-baġit disponibbli għas-sejħa, tista’/jistgħu tiġi/jiġu stabbilita/i lista ta’ proposti ta’ riżerva waħda għall-proposti (jew – fil-każ ta’ baġits indikattivi assoċjati ma’ Bordijiet, sferi, oqsma ta’ riċerka eċċ. separati – iktar minn waħda). L-għadd ta’ proposti miżmuma bħala riżerva għandu jiġi ddeterminat mill-ERCEA fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet baġitarji u, għandu jkun ibbażat fuq il-probabbiltà li proposti ta’ din ix-xorta jistgħu eventwalment jirċievu finanzjament minħabba eventwalitajiet bħall-irtirar ta’ proposti jew id-disponibbiltà ta’ baġit addizzjonali. |
|
— |
Lista ta’ proposti li ma għandhomx jinżammu għall-finanzjament. Din il-lista għandha tinkludi dawk il-proposti li nstab li kienu ineliġibbli (jew qabel, jew matul jew wara l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari), dawk il-proposti li kien ikkunsidrat li ma laħqux il-limitu mitlub ta’ kwalità, dawk il-proposti li, minħabba li jaqgħu taħt ċertu pożizzjoni fil-klassifika, ma jistgħux jiġu ffinanzjati għaliex il-baġit disponibbli mhuwiex suffiċjenti, u dawk il-proposti li fadal mil-lista tal-proposti ta’ riżerva, meta l-baġit għal sejħa partikolari jkun intuża kollu. |
Il-valutazzjoni tal-kwalità u l-ordni tal-klassifika rrakkomandata għall-finanzjament tal-proposti fil-lista tal-proposti miżmuma, għandha tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-proposta skont il-kriterji kollha rilevanti. Madankollu, kull meta sejħa tispeċifika proċedura ta’ evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari f’żewġ stadji u b’hekk fejn proposta tiġi kkunsidrata bħala waħda li ma tilħaqx limitu ta’ kwalità ffissat għal kriterju partikolari ta’ evalwazzjoni fis-sejħa, il-proposta tista’ tiġi rrakkomandata għal ċaħda finali matul l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, mingħajr ma jkun hemm għalfejn tiġi vvalutata ulterjorment skont kriterji applikabbli oħrajn.
Kwalunkwe proposta li tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-etika jew li ma tissodisafx il-kundizzjonijiet previsti fil-Programm Speċifku Ideat, fil-programm ta’ ħidma Ideat jew fis-sejħa ma għandhiex tiġi selezzjonata (27). Il-proposti jistgħu jiġu miċħuda anki għal raġunijiet etiċi jew ta’ sigurtà wara l-proċeduri fl-Anness B u D rispettivament.
Kwalunkwe PI jew entità legali applikanta potenzjali għal azzjoni indiretta taħt il-Programm Speċifiku Ideat li jkun wettaq irregolarità (28) fl-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni indiretta oħra taħt il-Programmi Kwadru jista’ jiġi eskluż mill-proċedura ta’ selezzjoni fi kwalunkwe ħin, filwaqt li jitqies kif xieraq il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
3.1.8. Ir-reazzjonijiet
Wara l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, l-ERCEA għandha tipprovdi reazzjoni lill-PI u lill-entità legali applikanta. Il-komunikazzjoni u r-reazzjonijiet kollha mingħand l-ERCEA lill-PI u lill-entità legali applikanta għandhom isiru permezz tal-kont tal-webmail b’sigurtà tal-ERCEA. Il-Gwida għall-Applikanti għandha tindika d-data mistennija tar-reazzjonijiet.
|
(a) |
Wara l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-ewwel stadju f’evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari f’żewġ stadji:
|
|
(b) |
Wara tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari tal-ewwel stadju fi proċedura ta’ sottomissjoni f’żewġ stadji:
|
|
(ċ) |
Wara t-tieni evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari fil-każijiet a) u b) iktar ‘il fuq, u wara l-unika evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari fil-każ ta’ sottomissjoni waħda u ta’ evalwazzjoni fi stadju wieħed:
|
3.1.9. Il-proċeduri ta’ assistenza u ta’ rimedju
L-ERCEA għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-proċedura li trid tiġi segwita mill-PI u/jew mill-entitajiet legali applikanti sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe kwistjoni ta’ jew talba għal rimedju (29) dwar ir-riżultati ta’ evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari partikolari b’relazzjoni għal kwalunkwe sejħa tal-KER.
Mill-inqas, kwalunkwe kwistjoni ta’ jew talba għal rimedju għandha tinkludi isem is-sejħa, in-numru tal-proposta (jekk ikun hemm), it-titolu tal-proposta u deskrizzjoni tal-problemi ffaċċjati.
Għal kwistjonijiet rigward il-kontroll tal-eliġibbiltà u/jew il-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari ta’ proposta partikolari, għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ rimedju sabiex isir rapport dwar kwalunkwe nuqqas fir-riżultati tal-kontroll tal-eliġibbiltà jew fil-mod li bih proposta tkun ġiet evalwata jew li huwa probabbli li pperikolat id-deċiżjoni dwar jekk il-proposta tiġix iffinanzjata jew le. Sabiex jeżamina l-każ inwistjoni jista’ jitlaqqa’ kumitat ta’ rimedju. Jekk il-kumitat jintalab jikkunsidra kwistjonijiet ta’ eliġibbiltà, huwa jista’ jitlob il-parir tal-kumitat tal-analiżi tal-eliġibbiltà (ara t-Taqsima 2.2.6). Il-kumitat għandu jalqqa’ flimkien persunal bil-kompetenza xjentifika/teknika u legali mitluba. Il-kumitat innifsu, madankollu, ma għandux jevalwa il-proposta. Jiddependi min-natura tal-ilment, il-kumitat jista’ janalizza s-CV tal-esperti indipendenti, il-kummenti individwali tagħhom u l-ER. Il-kumitat ma għandux jixħet dubji fuq il-ġudizzju xjentifiku tal-bordijiet ta’ esperti li jkollhom kwalifiki xierqa.
Fid-dawl tal-analiżi tiegħu, il-kumitat għandu jirrakkomanda kors ta’ azzjoni lill-ERCEA. Jekk il-kumitat jikkunsidra li hemm evidenza li ssostni l-ilment, huwa jista’ jissuġġerixxi evalwazzjoni mill-ġdid parzjali jew totali tal-proposta mill-esperti indipendenti.
Kwalunkwe talba għal rimedju trid issir fi żmien xahar mid-data tar-reazzjoni maħruġa fuq il-kont tal-webmail b’sigurtà tal-ERCEA, kif ġie deskritt fit-Taqsima 3.1.8. Proċedura dettaljata ta’ rimedju hija deskritta fil-Gwida għall-Applikanti. It-talbiet mhux eliġibbli ma għandhomx jiġu ġestiti mill-kumitat ta’ rimedju.
Il-lanjanti għandha tintbagħtilhom risposta fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza applikabbli għat-talbiet għal rimedju, imsemmija iktar ‘il fuq. Jekk f’dak l-istadju ma tkunx tista’ tingħata risposta definittiva, ir-risposta għandha tindika meta se tingħata riposta ta’ din ix-xorta.
3.1.10. Ir-rappurtar u l-informazzjoni dwar il-proċess tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari
Wara kull evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, l-ERCEA għandha tipprepara rapport u dan għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kunsill Xjentfiku tal-KER u tal-kumitat tal-programm Ideat. Ir-rapport għandu jagħti informazzjoni statistika dwar il-proposti riċevuti (pereżempju, in-numru, it-temi prijoritarji koperti, il-kategoriji tal-entitajiet legali applikanti u l-baġit mitlub), dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni u dwar l-esperti indipendenti.
Għal finijiet ta’ komunikazzjoni, l-ERCEA tista’ tippubblika, wara tmiem il-proċess tal-evalwazzjoni u fi kwalunkwe midja xierqa, informazzjoni ġenerali dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari. Barra minn hekk, l-ERCEA tista’ tippubblika informazzjoni dwar il-proposti evalwati li jkunu ‘l fuq mil-limitu tal-kwalità bħala riżultat tal-evalwazzjoni (jew wara t-tieni (2) stadju ta’ evalwazzjoni f’żewġ stadji) (30) u li l-kunsens individwali għall-pubblikazzjoni tad-dejta speċifika tagħha jingħata mill-applikanti (31).
Għal finijiet relatati mal-monitoraġġ, mal-istudju u mal-evalwazzjoni previsti mill-programmi ta’ ħidma Ideat, l-ERCEA jista’ jkollha l-ħtieġa li l-proposti sottomessi jiġu pproċessati minn partijiet terzi (32) f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-applikanti (33) għandhom jintalbu jagħtu l-kunsens individwali liberu tagħhom għall-ipproċessar tal-proposti. Il-kunsens individwali ma għandux jintalab fuq bażi obbligatorja u għandu jiġi pprovdut biss fuq bażi volontarja mill-applikanti. Ir-rifjut li jingħata l-kunsens individwali ma għandux jaffetwa l-proċess tal-evalwazzjoni.
4. ID-DEĊIŻJONI DWAR L-ALLOKAZZJONI U L-PREPARAZZJONI TAL-FTEHIMIET TA’ GĦOTJA
L-għotjiet għandhom jiġu allokati lill-entitajiet legali applikanti mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, fil-baġit disponibbli, fuq il-bażi tal-lista tal-ordni tal-klassifika finali kif ġiet ippreparata mill-ERCEA skont it-Taqsima 3.1.7, permezz ta’ ftehim formali ta’ għotja.
Il-ftehimiet ta’ għotja għandhom jiġu konklużi mal-entitajiet legali applikanti bla ħsara għall-proċeduri finanzjarji u legali interni (34) u għall-verifika tar-rekwiżiti msemmija f’din it-taqsima.
Waqt il-preparazzjoni tal-ftehim ta’ għotja, il-PI u l-entità legali applikanti jistgħu jintalbu jipprovdu iktar informazzjoni dwar il-proġett u dwar il-ġestjoni prevista tiegħu (35). F’każijiet fejn iktar minn parteċipant wieħed ikun assoċjat mal-proġett, il-PI jew l-entità legali applikanta jistgħu jintalbu jiksbu informazzjoni u assigurazzjonijiet ta’ din ix-xorta mingħand il-parteċipanti l-oħra.
Fuq il-bażi tar-riżultat tal-proċess tal-evalwazzjoni, biex jiġi konkluż ftehim ta’ għotja, għal uħud mill-proposti, jistgħu jintalbu kundizzjonijiet addizzjonali (36). Kundizzjonijiet ta’ din ix-xorta għandhom ikunu ddokumentati b’mod xieraq u għandhom jiġu kkomunikati lill-PI u lill-entità legali applikanta kkonċernata, flimkien mal-ER.
Ma jistgħux jiġu allokati għotjiet lil entitajiet legali applikanti li fi żmien il-proċedura tal-allokazzjoni tal-għotja, ikunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 93(1) (falliment, eċċ.), 94 (dikjarazzjonijiet foloz, eċċ.) u 96(2)(a) (esklużi minn kuntratti u għotjiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea) tar-Regolament Finanzjarju. Huma jridu jiċċertifikaw li mhumiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati iktar ‘il fuq (37).
Jekk ikun meħtieġ, f’dan l-istadju, il-kwistjonijiet etiċi wkoll għandhom jiġu ċċarati iktar. Għal dan l-iskop, l-ERCEA għandha taħtar esperti indipendenti sabiex jipparteċipaw fil-proċess tal-analiżi tal-etika (ara l-Anness B).
Il-preparazzjoni tal-għotjiet ma għandha tinvolvi l-ebda negozjati ta’ natura xjentifika/teknika. Għotja għandha tiġi allokata sussegwentement lill-entità legali applikanta fuq il-bażi tal-proposta sottomessa u tal-finanzjament irrakkomandat wara l-evalwazzjoni tar-reviżjoni minn pari, u bla ħsara għall-ftehim tal-entità legali applikanta mal-PI.
Jekk jirriżulta li jkun impossibbli li jintlaħaq ftehim mal-PI u mal-entità legali applikanti jew jekk wieħed minnhom jew it-tnejn li huma ma ffirmaw l-ebda ftehim supplimentari mitlub qabel skadenza raġonevoli li tista’ tiġi imposta, il-preparazzjonijiet għall-għotjiet jistgħu jiġu mitmuma.
Il-preparazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja għall-proposti fil-lista tal-proposti ta’ riżerva tista’ tibda malli jidher ċar li sar disponibbli baġit suffiċjenti sabiex ikun iffinanzjat proġett wieħed jew iktar minnhom. Bla ħsara għad-disponibbiltà tal-baġit, il-preparazzjoni tal-għotjiet għandha tibda bil-proposta li qiegħda fl-ogħla pożizzjoni fil-klassifika u tkompli f’ordni mill-kbir għaż-żgħir skont il-klassifika finali.
5. ANNESSI
5.1. Anness A – Il-Proċeduri għas-Sottomissjoni tal-Proposti fuq il-karta
F’każijiet eċċezzjonali, jekk applikant assolutament ma jkollu l-ebda mezz biex jikseb aċċess għas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika tal-proposti u jekk ikun impossibbli li jsiru arranġamenti biex jagħmel dan, l-applikant jista’ jitlob permess mingħand l-ERCEA sabiex j/tagħmel is-sottomissjoni fuq il-karta. Talba ta’ din ix-xorta, li li trid tispjega b’mod ċar iċ-ċirkustanzi tal-każ, trid tiġi riċevuta mill-ERCEA mhux iktar tard minn xahar qabel l-iskadenza tas-sejħa.
Talba għal permess sabiex is-sottomissjoni ssir fuq il-karta għandha tintbagħat f’dan l-indirizz:
|
Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka |
|
Kap tad-“Dipartiment tal-Ġestjoni Xjentifika” |
|
COV2 |
|
B-1049 Brussell |
|
Il-Belġju |
L-ERCEA għandha tirrispondi għal talba ta’ din ix-xorta fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta tirċeviha. Jekk tingħata d-deroga, l-ERCEA għandha tibgħat formoli tal-proposti għal sottomissjoni fuq il-karta lill-applikant ikkonċernat.
Jekk il-karatteristiċi ta’ sejħa partikolari jfissru li s-sottomissjonijiet bbażati fuq l-Internet ġeneralment ma jkunux adattati, l-ERCEA tista’ tiddeċiedi mill-bidu nett li taċċetta sottomissjonijiet fuq il-karta. F’każijiet ta’ din ix-xorta, il-possibbiltà għandha tiġi ddikjarata fis-sejħa għall-proposti, u l-formoli tal-proposti għal sottomissjoni fuq il-karta għandhom ikunu ġeneralment disponibbli.
Meta titħalla sottomissjoni fuq il-karta, jew b’deroga speċjali jew b’deroga ġenerali kif ġie deskritt iktar ‘il fuq, il-kunsinna tal-pakketti li jkun fihom il-proposti fuq il-karta tista’ ssir billi tintuża l-posta normali, is-servizz ta’ kurrier privat jew bl-idejn. Il-verżjonijiet tal-proposti sottomessi fuq mezz ta’ ħżin elettroniku li jista’ jitneħħa (eż. CD-ROM jew kwalunkwe apparat elettroniku simili), bl-e-Mail jew bil-faks għandhom jiġu esklużi. Il-proposti sottomessi fuq il-karta jridu jiġu sottomessi f’pakkett wieħed. Jekk l-applikanti jixtiequ jissottomettu bidliet fi proposta jew informazzjoni addizzjonali, huma jridu jindikaw b’mod ċar liema partijiet tal-proposta nbidlu u l-bidliet/il-partijiet żejda jridu jiġu sottomessi u riċevuti qabel ma tagħlaq is-sejħa. Kontenut addizzjonali jew emendat tal-proposta li jiġi riċevut wara li tagħlaq is-sejħa ma għandux jiġi ttrattat jew evalwat.
F’każ ta’ proposta li tintbagħat bil-posta jew b’kurrier, l-evidenza tad-data tad-dispaċċ għandha tkun ikkostitwita mit-timbru postali jew mid-data tal-irċevuta ta’ depożitu. Il-pakketti li jinkludu l-proposti jistgħu jinfetħu, mal-wasla, mill-ERCEA (38) sabiex id-dettalji amministrattivi jiġu rreġistrati fil-bażijiet tad-dejta u tkun tista’ tintbagħat irċevuta ta’ rikonoxximent li l-pakkett ikun wasal.
5.2. Anness B - Il-Proċeduri tal-Analiżi tal-Etika
Sabiex ikunu implimentati l-Artikolu 6 tal-FP7 u l-Artikolu 15 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni, il-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha tinkludi identifikazzjoni inizjali tal-kwistjonijiet etiċi mqajma mill-proposti segwita minn eżami sistematiku tal-etika tal-proposti li jqajmu kwistjonijiet etiċi. Fejn ikun meħtieġ, analiżi tal-etika tal-proposti tista’ ssir wara l-eżami sistematiku tal-etika u qabel kwalunkwe deċiżjoni dwar selezzjoni mill-ERCEA skont ir-regoli ffissati. L-eżami sistematiku tal-etika u l-analiżi tal-etika (li f’dan l-Anness għandhom jissejħu flimkien bħala Proċedura tal-Analiżi tal-Etika) għandhom jitwettqu minn esperti indipendenti bil-ħiliet xierqa fl-etika.
L-għanijiet tal-Proċedura tal-Analiżi tal-Etika għandhom ikunu li jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea ma tappoġġjax riċerka li tmur kontra l-prinċipji etiċi fundamentali stabbiliti fir-regoli rilevanti tal-UE u li jkun eżaminat jekk ir-riċerka tkunx konformi mar-regoli relatati mal-etika tar-riċerka stabbiliti fid-Deċiżjonijiet dwar l-FP7 u l-Programm Speċifiku Ideat. L-opinjonijiet tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda qed jitqiesu u se jiġu kkunsidrati.
Fejn ikun xieraq u/jew mitlub mis-sejħa, il-proposti għandhom jinkludu taqsima dwar l-Etika li għandha:
|
— |
Tiddeskrivi l-aspetti etiċi potenzjali tar-riċerka proposta rigward l-għanijiet, il-metodoloġija u l-implikazzjonijiet potenzjali tar-riżultati tagħha; |
|
— |
Tiġġustifika t-tfassil tal-proġett ta’ riċerka mil-lat etiku; |
|
— |
Tispjega kif ir-rekwiżiti etiċi stabbiliti fil-programm ta’ ħidma għandhom jiġu sodisfatti; |
|
— |
Tindika kif il-proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti legali u etiċi nazzjonali tal-pajjiż fejn qed jiġi ppjanat li titwettaq ir-riċerka; |
|
— |
Tindika l-perjodu ta’ żmien biex issir applikazzjoni għal opinjoni u/jew għal approvazzjoni minn kwalunkwe awtorità rilevanti fuq il-livell nazzjonali (bħall-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta, l-awtorità tal-provi kliniċi, eċċ.). |
Għal dan il-għan, l-applikanti għandhom jimlew it-“Tabella tal-Kwistjonijiet Etiċi” inkluża fil-Gwida għall-Applikanti.
L-ERCEA tista’ tikuntattja lill-applikant fi kwalunkwe ħin matul il-proċess sabiex tikseb informazzjoni addizzjonali rilevanti għall-awtorizzazzjoni etika.
Il-modalitajiet proċedurali ġenerali
Il-pre-eżami sistematiku intern tal-proposti
It-tim tal-Etika tal-ERCEA għandu jissuġġetta għal preeżami sistematiku lill-proposti kollha rakkomandati għal finanzjament sabiex jidentifika dawk il-proposti li ma jqajmu l-ebda kwistjoni etika u li jistgħu jiġu approvati għall-għotjiet mingħajr l-involviment ta’ esperti indipendenti. Il-proposti l-oħra kollha għandhom jiġu sottomessi għal iktar skrutinju etiku. Dan il-proċess huwa bbażat fuq it-“Tabella tal-Kwistjonijiet Etiċi” u l-proposti, kif ġew sottomessi mill-applikanti.
Is-sottomissjoni lil Bord tal-Eżami Sistematiku tal-Etika
Il-proposti kollha identifikati fuq il-livell tal-preeżami sistematiku bħala li jqajmu kwistjonijiet etiċi għandhom jiġu sottomessi lil Bord tal-Eżami Sistematiku tal-Etika magħmul minn esperti indipendenti bil-ħiliet xierqa fl-etika.
L-esperti tal-Bord għandhom jidentifikaw dawk il-proposti fejn il-kwistjonijiet etiċi ġew indirizzati b’mod sodisfaċenti, dawk li jistgħu jiġu approvati bil-kundizzjoni li tingħata informazzjoni dokumentarja sodisfaċenti u/jew approvazzjoni fuq il-livell nazzjonali, u dawk li jeżiġu iktar attenzjoni minabba l-importanza tal-kwistjonjiet etiċi mqajma u li jeħtieġ li jiġu sottomessi għal Analiżi tal-Etika (39).
Għal kull proposta li tiġi eżaminata b’mod sistematiku, l-esperti għandhom jippreparaw u jiffirmaw rapport dwar l-Eżami Sistematiku tal-Etika li jinkludi taqsima ta’ rekwiżiti. Dawn ir-rekwiżiti għandhom isiru obbligi kuntrattwali.
Is-sottomissjoni lil Bord tal-Analiżi tal-Etika
Il-proġetti li jqajmu kwistjonijiet etiċi importanti li ġew identifikati waqt l-Eżami Sistematiku tal-Etika għandhom jiġu sottomessi quddiem Bord tal-Analiżi tal-Etika. Kwistjonijiet bħal interventi ta’ riċerka fuq il-bnedmin (40), riċerka fuq embrijuni umani u fuq ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem kif ukoll riċerka fuq primati mhux umani għandhom jiġu awtomatikament sottomessi (41) għal analiżi tal-etika.
Il-Bord tal-Analiżi tal-Etika għandu jikkontrolla l-kwistjonijiet etiċi mqajma minn proposta u għandu jidentifika r-rekwiżiti etiċi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex il-proposta tkun approvata mil-lat etiku. F’dan l-istadju, il-Bord tal-Analiżi tal-Etika jista’ jidentifika l-proposti li jqajmu kwistjonijiet etiċi serji li jistgħu jwasslu għall-esklużjoni tal-proġett mill-proċess tal-għotja.
Il-kompożizzjoni tal-Bordijiet tal-Eżami Sistematiku tal-Etika u tal-Analiżi tal-Etika
Il-Bordijiet tal-Etika għandhom ikunu magħmula minn esperti indipendenti minn firxa ta’ dixxiplini bħal-liġi, is-soċjoloġija, il-psikoloġija, il-filosofija u l-etika, il-mediċina, il-bijoloġija molekulari, il-kimika, il-fiżika, l-inġinerija u x-xjenzi veterinarji b’bilanċ raġonevoli ta’ membri li ġejjin minn ambitu xjentifiku u oħrajn li ġejjin minn ambitu mhux xjentifiku.
L-esperti bil-kwalifiki xierqa fl-etika għandhom jiġu selezzjonati u għandhom jinħatru mill-ERCEA minn fost dawk l-esperti li ġew identifikati u selezzjonati mill-Kummissjoni għall-FP7, jew minn fost dawk identifikati mill-Kunsill Xjentifiku. Il-bordijiet għandhom ikunu bbilanċjati mil-lat ġeografiku u dak tas-sessi u l-kompożizzjoni tagħhom għandha tiddependi wkoll min-natura tal-proposti li jkunu qed jiġu analizzati. Għall-finijiet tal-proċess tal-approvazzjoni tal-etika, għaldaqstant għall-esperti fl-etika għandhom jintużaw l-ittri ta’ ħatra mudell approvati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-esperti indipendenti.
Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Bordijiet.
L-Analiżi tal-Etika
Ġeneralment, fl-ewwel fażi, l-esperti indipendenti għandhom janalizzaw il-proposti mill-bogħod. Imbagħad, fit-tieni fażi, il-proposti għandhom jiġu diskussi fil-Bord tal-Analiżi tal-Etika maħtur kif xieraq, sabiex tkun adottat deċiżjoni kunsenswali.
Il-Bord għandu jipproduċi rapport dwar l-Analiżi tal-Etika. Ir-rapport dwar l-Analiżi tal-Etika għandu jinkludi lista ta’ kwistjonijiet etiċi, rendikont tal-mod li bih il-kwistjoni ġew ġestiti mill-PI u mit-tim tiegħu kif ukoll ir-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Analiżi tal-Etika. Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-esperti tal-Bord tal-Analiżi tal-Etika. F’każ li ma jkun jista’ jintlaħaq l-ebda kunsens, ir-rapport għandu jirrifletti l-opinjoni tal-maġġoranza tal-esperti tal-Bord tal-Analiżi tal-Etika.
Ir-rapporti dwar l-Eżami Sistematiku tal-Etika u dwar l-Analiżi tal-Etika
Il-PI u l-entità legali applikanti għandhom jiġu informati bl-eżitu tal-Proċedura tal-Analiżi tal-Etika permezz jew tar-rapport dwar l-Eżami Sistematiku tal-Etika jew tar-rapport dwar l-Analiżi tal-Etika mingħajr ma tiġi żvelata l-identità tal-esperti.
Fid-deċiżjoni biex ikun iffinanzjat proġett, għandhom jitqiesu r-riżultati tal-Proċedura tal-Analiżi tal-Etika. Dan jista’ jinvolvi bidliet fil-ftehim ta’ għotja u fl-annessi tiegħu, jew f’każijiet estremi, it-tmiem tal-preparazzjoni tal-ftehim ta’ għotja.
L-approvazzjonijiet nazzjonali u l-opinjonijiet tal-kumitat tal-etika kompetenti
L-ERCEA għandha taċċerta ruħha li l-applikanti jkunu rċevew approvazzjoni xierqa mingħand l-awtorità nazzjonali u/jew opinjonijiet favorevoli mingħand il-kumitat kompetenti tal-etika qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja. Fejn l-approvazzjoni tal-awtorità nazzjonali u/jew opinjoni favorevoli mingħand kumitat etiku lokali ma tinkisibx/jinkisbux qabel ma jibda l-ftehim ta’ għotja, il-ftehim ta’ għotja għandu jinkludi klawżola speċjali li teżiġi li l-awtorizzazzjoni jew l-opinjoni rilevanti għandha tinkiseb qabel ma tinbeda r-riċerka korrispondenti.
L-Azzjoni ta’ Segwitu għal u l-Verifika tal-Etika
Il-proposti li jgħaddu minn Eżami Sistematiku tal-Etika u/jew minn Analiżi tal-Etika jistgħu jiġu mmarkati mill-esperti bħala li jeħtieġu Azzjoni ta’ Segwitu għal/Verifika tal-Etika (EFA). EFA għandu jsir minn esperti speċjalizzati fi kwistjonijiet etiċi, mhux qabel id-data tal-ewwel perjodu ta’ rappurtar finanzjarju għall-proposta. L-għan tal-proċedura tal-EFA għandu jkun li tassisti lill-benefiċjarji tal-għotja sabiex jittrattaw il-kwistjonijiet etiċi li tqajmu b’ħidmiethom u jekk ikun meħtieġ jieħdu miżuri korrettivi.
F’każijiet estremi, il-proċess tal-EFA jista’ jirriżulta f’rakkomandazzjoni lill-ERCEA biex jinġieb fi tmiemu ftehim ta’ għotja. L-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proċedura tal-EFA għandhom ikunu r-responsabbiltà tas-Settur tal-Analiżi tal-Etika tal-Kummissjoni (DĠ RTD).
Il-modalitajiet proċedurali speċifiċi għall-attivitajiet ta’ riċerka li jinvolvu ċ-ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem (42)
Meta tevalwa u tisselezzjona l-proposti li jinvolvu l-użu taċ-ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem (hESC) u qabel ma tipprepara l-ftehimiet ta’ għotja relatati, l-ERCEA għandha tuża l-proċedura li ġejja:
Għandha tapplika l-proċedura ġenerali tal-analiżi xjentifika minn pari, kif ġiet deskritta fit-Taqsima 3 iktar ‘il fuq. Barra minn hekk, l-esperti indipendenti tal-analiżi xjentifika minn pari għandhom jivvalutaw jekk:
|
— |
il-proġett iservix miri importanti ta’ riċerka sabiex ikun avvanzat l-għarfien xjentifiku fir-riċerka bażika fl-Ewropea jew sabiex jiżdied l-għarfien mediku għall-iżvilupp ta’ metodi dijanjostiċi, preventivi jew terapewtiċi li għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-bnedmin; |
|
— |
l-użu tal-hESC huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet xjentifiċi stabbiliti fil-proposta. B’mod partikolari, l-applikanti jridu jiddokumentaw li l-alternattivi validati xierqa (b’mod partikolari, iċ-ċelluli staminali minn sorsi jew b’oriġini oħrajn) mhumiex adattati u/jew disponibbli sabiex jintlaħqu l-miri mistennija tal-proposta. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma għandhiex tapplika għal riċerka li tipparaguna l-hESC ma ċelluli staminali tal-bniedem oħrajn. |
Il-proċedura tal-Analiżi tal-Etika
Il-proposti ta’ riċerka rrakkomandati għal finanzjament li jinvolvu l-użu tal-hESC għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni (DĠ RTD) għall-Analiżi tal-Etika. Il-proċeduri applikabbli għall-Analiżi tal-Etika mill-Kummissjoni għal proposti taħt l-FP7 li jinvolvu l-użu tal-hESC għandhom jiġu deskritti fl-ittri ta’ ħatra mudell approvati mill-Kummissjoni.
L-approvazzjonijiet nazzjonali u l-opinjonijiet tal-kumitat tal-etika kompetenti
L-ERCEA għandha taċċerta ruħha li l-applikanti jkunu rċevew l-approvazzjoni xierqa mingħand l-awtoritajiet lokali jew nazzjonali qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja.
Fejn l-approvazzjoni tal-awtorità nazzjonali u/jew opinjoni favorevoli mingħand kumitat etiku lokali ma jistgħux jinkisbu qabel il-bidu previst tal-proġett, il-ftehim ta’ għotja jista’ jiġi konkluż bla ħsara għall-inklużjoni ta’ klawżola speċjali li teżiġi li l-awtorizzazzjoni jew l-opinjoni rilevanti għandha tinkiseb qabel ma jinbew l-attivitajiet ta’ riċerka korrispondenti.
Waqt il-preparazzjoni tal-ftehim ta’ għotja, għandhom jitqiesu r-riżultati tal-Analiżi tal-Etika. Dan jista’ jipprevedi bidliet fid-Deskrizzjoni tal-ħidma stabbilita fil-ftehim ta’ għotja, jew f’ċerti każijiet it-tmiem tal-preparazzjoni tal-ftehim ta’ għotja.
Għal proposti dwar l-hESC, wara li tkun twettqet l-Analiżi tal-Etika, u skont l-Artikolu 6.9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE (43), għall-approvazzjoni tal-finanzjament u għall-adozzjoni tal-azzjonijiet li jinvolvu l-użu tal-hESC għandha tapplika l-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.
Barra minn hekk, l-ERCEA għandha tagħti inkoraġġiment sabiex il-PI jiżgura ruħu minn komunikazzjoni xierqa mar-reġistru Ewropew tal-hESC (http://www.hescreg.eu/), ħalli jkunu żgurati trasparenza fir-rigward tal-linji tal-hESC użati u tixrid wiesa’ tal-informazzjoni disponibbli dwar dawn il-linji.
5.3. Anness C – Ir-regoli għar-rimbors tal-provvediment għall-ivvjaġġar, tal-provvediment ta’ kuljum u tal-provvediment għall-akkomodazzjoni għall-Investigaturi Prinċipali mistiedna għal intervista (44)
Artikolu 1
(1) Dawn ir-regoli għandhom japplikaw għal:
|
(a) |
Persuni intervistati li ġew mistiedna mill-ERCEA sabiex jattendu għal intervista skont it-Taqsima 3.1.6.1. |
|
(b) |
Kwalunkwe persuna li jkollha r-responsabbiltà li takkumpanja persuna b’diżabbiltà li ġiet mistiedna mill-ERCEA sabiex tattendi laqgħa fil-kapaċità ta’ persuna intervistata. |
(2) L-uffiċjali awtorizzanti għall-impenji għandhom jipprovaw jiżguraw irwieħhom b’mod speċifiku li l-intervisti jkunu organizzati b’tali mod li l-persuni intervistati jibbenefikaw mill-iktar rati tal-ivvjaġġar ekonomiċi.
L-uffiċjali awtorizzanti għall-pagamenti għandu jiskrutinaw partikolarment bir-reqqa kwalunkwe talba għal rimbors li tinvolvi titjiriet għaljin b’mod anormali. Huma għandu jkollhom id-dritt li jwettqu kwalunkwe kontroll li jista’ jkun meħtieġ u li jitolbu kwalunkwe prova mingħand il-persuni intervistati meħtieġa għal dan l-iskop. Huma għandu jkollhom ukoll id-dritt, fejn jidher li dan ikun iġġustifikat, li jirrestrinġu r-rimbors għar-rati normalment applikati għall-vjaġġ tas-soltu mill-punt tal-oriġini tal-persuni intervistati sal-post tal-laqgħa.
(3) Fejn, meta titqies kwalunkwe spiża li ssir mill-persuni intervistati b’diżabbiltà minħabba d-diżabbiltà tagħhom jew minn kwalunkwe persuna li takkumpanjahom, jidher ċar li l-provvedimenti pprovduti fl-Artikolu 3 ma jkunux adegwati, l-ispejjeż għandhom jiġu rrimborsati fuq it-talba tal-uffiċjal awtorizzanti responsabbli meta jiġu ppreżentati d-dokumenti ta’ sostenn.
(4) L-ERCEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe dannu materjali, mhux materjali jew fiżiku li jbatu l-persuni intervistati mistiedna jew dawk li jkollhom ir-responsabbiltà li jakkumpanjaw persuni intervistati b’diżabbiltà matul il-vajġġ tagħhom jew sakemm idumu fil-post fejn qed issir l-intervista, sakemm dannu ta’ din ix-xorta ma jkunx direttament attribwibbli lill-ERCEA.
B’mod partikolari, il-persuni intervistati mistiedna li jużaw il-mezzi tagħhom ta’ trasport sabiex jivvjaġġaw għal intervisti ta’ din ix-xorta għandhom ikunu għalkollox responsabbli għal kwalunkwe aċċident li jistgħu jikkawżaw.
Artikolu 2
(1) Il-persuni intervistati kollha għandu jkollhom id-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom mill-punt tal-oriġini speċifikat fl-istedina tagħhom (l-indirizz tal-post tax-xogħol jew tad-dar) sal-post tal-intervista, bl-iktar mezz ta’ trasport xieraq meta tiġi kkunsidrata d-distanza involuta. B’mod ġenerali, għal vjaġġi ta’ inqas minn 400 km (f’direzzjoni waħda, skont id-distanza uffiċjali bil-ferrovija) dan għandu jkun ivvjaġġar bil-ferrovija fl-ewwel klassi, u għal distanzi ta’ iktar minn 400 km ivvjaġġar bl-ajru fi klassi ekonomika.
Jekk il-vjaġġ bl-ajru jinvolvi titjira ta’ erba’ (4) sigħat jew iktar mingħajr waqfiet skedati qosra, għandha tiġi rrimborsata l-ispiża ta’ biljett business class.
(2) L-ispiża ta’ vvjaġġar b’karozza privata għandha tiġi rrimborsata bl-istess rata bħal biljett tal-ferrovija fl-ewwel klassi.
(3) Jekk il-ferrovija ma tkoprix ir-rotta, l-ispiża tal-ivvjaġġar b’karozza privata għandha tiġi rrimborsata bir-rata ta’ EUR 0.22 għal kull km.
(4) In-nollijiet tat-taksis u l-ispejjeż tal-ipparkjar li jsiru fil-post tal-oriġini (jew fl-ajruport tat-tluq) ma għandhomx jiġu rrimborsati.
Artikolu 3
(1) Il-provvediment ta’ kuljum li jitħallas għal kull jum tal-intervista għandu jkun rata fissa li jkopri n-nefqa kollha li ssir fil-post fejn qed issir l-intervista, inklużi, pereżempju, l-ikliet u t-trasport lokali (karozza tal-linja, tramm, ferrovija ta’ taħt l-art, taksi, ipparkjar, nollijiet tal-awtostrada, eċċ.) kif ukoll l-assigurazzjonijiet tal-ivvjaġġar u f’każ ta’ aċċidenti.
(2) Il-provvediment ta’ kuljum għandu jkun ta’ EUR 92.
(3) Jekk il-punt tal-oriġini msemmi fl-ittra ta’ stedina jinsab 100 km jew inqas ‘il bogħod mill-post fejn se ssir l-intervista, il-provvediment ta’ kuljum għandu jitnaqqas b’50 %.
(4) Il-persuni intervistati li jkollhom iqattgħu lejl wieħed jew iktar fil-post fejn qed issir l-intervista peress li l-ħinijiet tal-intervisti mhumiex kompatibbli mal-ħinijiet tat-titjiriet jew tal-ferroviji (45), għandu jkollhom ukoll id-dritt għal provvediment għall-akkomodazzjoni. Dan il-provvediment għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull lejl. In-numru tal-iljieli ma jistax jaqbeż in-numru tal-jiem tal-intervista + 1.
(5) Provvediment għall-akkomodazzjoni u/jew provvediment ta’ kuljum addizzjonali jistgħu jitħallsu, b’mod eċċezzjonali, jekk it-titwil taż-żjara jagħti l-possibbiltà lill-parti intervistata li tikseb tnaqqis fl-ispiża tat-trasport li tiswa iktar mill-ammont ta’ dawn il-provvedimenti.
Artikolu 4
(1) Ir-rimbors għandu jsir mill-ERCEA meta tiġi sottomessa talba għal rimbors, mimlija u ffirmata kif inhu xieraq mill-persuna intervistata u mill-uffiċjal tal-ERCEA responsabbli miċ-ċertifikazzjoni tal-preżenza tal-persuna intervistata.
Meta jiffirmaw it-talba għal rimbors, il-persuni intervistati jkunu qed jiddikjaraw fuq unurhom li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u/jew il-provvedimenti mitluba, għall-istess vjaġġ jew għall-istess perjodu, mhumiex se jitħallsu minn istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea jew minn organizzazzjoni oħra jew minn persuna oħra, u li t-talba tagħhom tikkorrispondi għall-ispejjeż reali. Irregolaritajiet u/jew talbiet foloz għandhom iwasslu għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi applikati b’analoġija mal-Artikolu 265a(3) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni għar-Regolament Finanzjarju.
(2) L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rrimborsati meta jiġu ppreżentati d-dokumenti ta’ sostenn oriġinali mhux iktar tard minn 30 jum kalendarju wara l-aħħar jum tal-intervista: il-biljetti u l-fatturi jew, fil-każ ta’ prenotazzjonijiet onlajn, il-prenotazzjoni elettronika stampata u l-karti tat-tlugħ abbord tal-vjaġġ lejn il-post tal-intervista. Id-dokumenti pprovduti jridu juru l-klassi tal-ivvjaġġar li ntużat, il-ħin tal-vjaġġ u l-ammont li tħallas.
Jekk il-persuna intervistata ma tkunx tista’ tipprovdi ġustifikazzjoni xierqa li tiġi aċċettatata b’deċiżjoni raġunata mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, in-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandu jeħles lill-ERCEA minn kwalunkwe obbligu li tirrimborsal-ispejjeż tal-ivvjaġġar jew li tħallas kwalunkwe provvediment.
(3) L-ERCEA għandha tirrimborsal-ispejjeż tal-persuni intervistati fil-perjodu stabbilit fir-regoli li jimplimentaw ir-Regolament Finanzjarju.
(4) L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rrimborsati f’Euro, fejn ikun xieraq, bir-rata tal-kambju li kienet tapplika dakinhar tal-intervista.
(5) Il-provvediment ta’ kuljum u, fejn ikun xieraq, il-provvediment għall-akkomodazzjoni, għandhom jitħallsu f’Euro bir-rata fissa applikabbli dakinhar tal-intervista. Il-provvediment ta’ kuljum u l-provvediment għall-akkomodazzjoni jistgħu jiġu aġġustati skont il-bidliet fil-livell tal-għajxien fi Brussell.
(6) Ir-rimborsi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-provvedimenti ta’ kuljum u/jew tal-provvediment għall-akkomodazzjoni kollha għandhom isiru fl-istess kont bankarju.
(7) L-uffiċjal awtorizzanti b’delega jista’, b’deċiżjoni raġunata u meta jiġu ppreżentati d-dokumenti ta’ sostenn, jawtorizza r-rimbors tal-ispejjeż li l-persuni intervistati kellhom jagħmlu bħala riżultat ta’ struzzjonijiet speċjali li rċevew bil-miktub.
5.4. Anness D – Il-Ġestjoni tas-Sigurtà – Azzjonijiet sensittivi tal-KER
(A) Introduzzjoni
Għal riċerka relatata mas-sigurtà, minħabba n-natura sensittiva tas-suġġetti indirizzati u n-nuqqasijiet partikolari fil-kapaċità li jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex ikunu protetti ċ-ċittadini tal-Ewropa, għandhom japplikaw proċeduri speċjali. L-azzjonijiet tal-KER għandhom jiġu kklassifikati (46) jekk jiġi kkunsidrat li huma sensittivi.
Dawn il-proċeduri huma deskritti iktar ‘l isfel. Huma għandhom japplikaw għall-azzjonijiet tal-KER kif inhu xieraq meta jiġu indirizzati suġġetti sensittivi mil-lat tas-sigurtà.
(B) L-identifikazzjoni ta’ Azzjonijiet tal-KER potenzjalment ikklassifikati
Azzjoni tal-KER sensittiva mil-lat tas-sigurtà hija azzjoni li jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tiġġestixxi informazzjoni klassifikata.
Marka ta’ “kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà” għandha tkun assoċjata mal-proposta:
|
— |
meta l-applikant jiddikjara li proposta tkun sensittiva; |
|
— |
jekk l-evalwaturi esperti jew l-ERCEA jiskopru jew jissusspettaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
Kull meta ma’ proposta tkun assoċjata marka ta’ “kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà”, iċ-ċirkustanzi tal-ħidma ppjanata għandhom ikunu skrutinati ulterjorment skont il-proċedura deskritta fit-Taqsima C iktar ‘l isfel.
Il-proposti, jekk dan jintalab fil-Gwida għall-Applikanti rilevanti, iridu jidentifikaw – jekk dan ikun meħtieġ – l-isfond mitlub biex titwettaq l-azzjoni tal-KER u l-informazzjoni kklassifikata tal-ewwel pjan li għandha tiġi prodotta bl-azzjoni. Fil-każ ta’ proposta li tinvolvi informazzjoni kklassifikata (tal-isfond u/jew tal-ewwel pjan), “Ittra dwar l-Aspetti ta’ Sigurtà” (SAL) (47) u l-“Gwida għall-Klassifiakzzjoni ta’ Sigurtà” (SCG) (48) annessa tagħha jridu jkunu parti mill-proposta.
L-SCG għandha tkopri:
|
— |
Il-livell tal-klassifikazzjoni tal-informazzjoni tal-isfond u dik tal-ewwel pjan; |
|
— |
Liema parteċipant għandu jkollu aċċess għal liema informazzjoni; |
Barra minn hekk, għandhom jintalbu d-dokumenti li ġejjin:
|
— |
Kopja tal-“Faċilità ta’ Approvazzjoni ta’ Sigurtà” (FSC) (jew it-talbiet għall-FSC). Il-validità tal-FSC għandha tiġi kkontrollata mid-Direttorat għas-Sigurtà tal-Kummissjoni permezz tal-mezz formali xieraq mal-“Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sigurtà” (NSA) involuti; |
|
— |
L-awtorizzazzjoni formali bil-miktub mill-awtoritajiet rilevanti tas-sigurtà sabiex tintuża l-informazzjoni tal-isfond ikklassifikata. |
Is-SAL u l-SCG, akkumpanjati mid-dokumenti ta’ sostenn, għandhom jiġu eżaminati wkoll fil-proċedura ta’ skrutinju deskritta iktar ‘l isfel.
(C) L-iskrutinju ta’ Azzjonijiet tal-KER potenzjalment ikklassifikati
Wara l-evalwazzjoni xjentifika tal-proposti, dawn għandhom jingħataw pożizzjoni fil-klassifika skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni. “Lista ta’ proposti miżmuma” li tinkludi l-proposti rrakkomandati għal finanzjament possibbli, jiġifieri li ma ġewx miċħuda, u li għalihom huwa disponibbli l-finanzjament, kif ukoll “lista/i ta’ proposti ta’ riżerva” għandhom jiġu stabbiliti mill-ERCEA.
Kwalunkwe azzjoni tal-KER fil-lista ta’ proposti miżmuma u fil-lista/i ta’ proposti ta’ riżerva, li jkollha l-marka ta’ “kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà” għandha tgħaddi minn proċedura ta’ skrutinju. Din għandha titwettaq minn sottokumitat ad hoc: il-“Kumitat tal-Iskrutinju tas-Sigurtà”.
Dan il-“Kumitat tal-Iskrutinju tas-Sigurtà” għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri nnominati f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà kompetenti, appoġġjati, jekk ikun xieraq, mir-rappreżentanti tal-Kumitat/i tal-Programmi rilevanti, f’konfigurazzjoni li tirrappreżenta lill-pajjiżi tal-applikanti tal-proposti. Dan il-Kumitat għandu jkun ippresjedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.
Dan il-Kumitat għandu jivverifika jekk l-aspetti kollha tas-sigurtà humiex qed jitqiesu kif xieraq mill-applikanti. Il-proposti għandhom jiġu skrutinati minn membri tal-Kumitat mill-istess pajjiżi bħall-applikanti tal-proposti.
Dan il-proċess għandu jilħaq pożizzjoni komuni bejn ir-rappreżentanti nazzjonali kkonċernati li tirriżulta f’waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
|
— |
Il-klassifikazzjoni mhijiex meħtieġa: Il-proċeduri għall-preparazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja tal-KER jistgħu jinbdew (għalkemm jistgħu jinħarġu xi rakkomandazzjonijiet għall-preparazzjoni, jekk dan ikun rilevanti); |
|
— |
Il-klassifikazzjoni hija meħtieġa: rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-preparazzjoni tal-ftehim ta’ għotja tal-KER għandhom jingħataw fil-forma ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti fil-ftehim ta’ għotja. L-azzjoni tal-KER għandha ssir Azzjoni Kklassifikata (49) u għandha tkun ikklassifikata mill-UE fuq il-livell tal-ogħla klassifikazzjoni tal-informazzjoni użata/prodotta mill-azzjoni tal-KER kif ġie indikat fis-SAL u fl-SCG annessa tagħha. |
|
— |
Il-proposta hija wisq sensittiva biex tiġi ffinanzjata għaliex l-applikanti ma għandhomx l-esperjenza, il-ħiliet jew il-permessi xierqa sabiex jiġġestixxu b’mod xieraq l-informazzjoni kklassifikata. F’dak il-każ, il-proposta tista’ tiġi miċħuda. Jekk dan isir, l-ERCEA għandha tispjega r-raġunijiet għaċ-ċaħda, ħlief fejn dawn ir-raġunijiet ikunu huma stess ikklassifikati. |
Fuq il-bażi ta’ din il-pożizzjoni komuni, għandu jiġi ddeterminat il-livell tal-klassifikazzjoni. Għaldaqstant, l-ERCEA, flimien mal-NSA kollha rilevanti, imbagħad għandha tivverifika, waqt il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ għotja, li huma stabbiliti l-proċeduri u l-azzjonijiet meħtieġa kollha sabiex ikun iggarantit li l-informazzjoni kklassifikata tiġi ttrattata b’mod xieraq.
(D) Il-Liċenzji tal-Esportazzjoni u tat-Trasferiment
Barra minn hekk, proposta tista’ tiġi kkunsidrata wkoll bħala sensittiva, indipendentement minn kwalunkwe klassifikazzjoni mil-lat tas-sigurtà, jekk qed tippjana li tiskambja materjal suġġett għal liċenzji tat-trasferiment jew tal-esportazzjoni.
F’dak il-kuntest, l-applikanti jridu jkunu konformi mal-liġijiet nazzjonali u mar-regolamentazzjoni tal-UE (50). Jekk biex tiwettaq l-ħidma ppjanata huma mitluba liċenzji tal-esportazzjoni (jew liċenzji intra-UE), l-applikanti jridu jiċċaraw ir-rekwiżit biex ikollhom liċenzji tal-esportazzjoni jew tat-trasferiment ta’ din ix-xorta u jridu jipprovdu kopja tal-liċenzji tal-esportazzjoni jew tat-trasferiment (jew tat-talbiet).
(E) Il-kooperazzjoni internazzjonali
It-tħassib dwar is-sigurtà ma jistax jiġi invokat bħala raġuni biex jiġu miċħuda proposti għal azzjonijiet tal-KER mhux ikklassifikati li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet minn pajjiż terza (51). L-uniċi eċċezzjonijiet għal dan għandhom iseħħu jekk:
|
— |
Is-suġġett ġie deskritt fil-programm ta’ ħidma bħala li mhuwiex miftuħ għall-kooperazzjoni internazzjonali: f’dak il-każ kwalunkwe proposta li tinkludi l-kooperazzjoni internazzjonali għandha tiġi ddikjarata ineliġibbli; |
|
— |
Ġiet introdotta l-marka ta’ “kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà”, f’liema każ il-proposta għandha tiġi skrutinata skont il-proċedura deskritta iktar ‘il fuq. |
(1) ĠU L 57, 24.2.2007, p. 14.
(2) ĠU L 400, 30.12.2006, p. 243.
(4) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(5) ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.
(6) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(7) Bl-eċċezzjoni possibbli tal-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni.
(8) http://cordis.europa.eu/home_en.html; http://ec.europa.eu/reserach/participants/portal; http://erc.europa.eu
(9) B’mod eċċezzjonali, il-PI jista’ jagħmilha huwa stess tal-entità legali applikanta.
(10) L-operatur tas-sottomissjoni elettronika jista’ jikkuntattja lill-proponent sabiex jiċċara jew isolvi problemi tekniċi relatati mas-sottomissjoni.
(11) Il-kompletezza tal-informazzjoni inkluża fil-proposta għandha tiġi evalwata mill-esperti indipendenti. Il-kontrolli tal-eliġibbiltà jikkonċernaw biss il-preżenza tal-partijiet u tal-formoli xierqa tal-proposta u l-validità tad-dokumenti supplimentari mitluba.
(12) Il-proposti, normalment, għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji għall-iskema ta’ finanzjament li għaliha jiġu sottomessi. Madankollu, pereżempju f’każijiet fejn l-iskema ta’ finanzjament intgħażlet b’mod żbaljat, l-ERCEA tista’ tiddeċiedi li tevalwa proposta skont il-kriterji ta’ skema ta’ finanzjament differenti. Dan jista’ jsir biss jekk jidher ċar li l-proposta ma tikkorrispondix, jew ftit tikkorrispondi, għall-iskema ta’ finanzjament li ntgħażlet oriġinarjament, u fis-sejħa inkwistjoni tkun miftuħa skema ta’ finanzjament iktar adattata.
(13) Dan il-kumitat għandu jkun magħmul mill-persunal tal-ERCEA u, fejn ikun meħtieġ, minn persunal ieħor tal-Kummissjoni li jkollu l-kompetenza mitluba fi kwistjonijiet legali u/jew f’sistemi ta’ informazzjoni. Huwa għandu jeżamina l-proposta u ċ-ċirkustanzi tas-sottomissjoni tagħha u għandu jipprovdi pariri speċjalistiċi sabiex tkun sostnuta d-deċiżjoni jekk il-proposta għandhiex tiġi miċħuda jew le minħabba raġunijiet ta’ eliġibbiltà. Il-kumitat jista’ jiddeċiedi li jikkuntattja lill-PI u lill-entità legali applikanta sabiex jiċċara kwistjoni partikolari.
(14) Il-persunal mill-aġenziji speċjalizzati rilevanti tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati bħala esperti esterni.
(15) L-Artikolu 17(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni.
(16) Is-selezzjoni mill-Kunsill Xjentifiku tista’ ma tkunx rekwiżit obbligatorju għall-ħatra ta’ analizzaturi pari tal-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ.
(17) Skont ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni u/jew Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5694 tat-8 ta’ Ottubru 2008 d-delegazzjoni tas-setgħat lill-ERCEA.
(18) L-Unjoni Ewropea tipprova ssegwi politika ta’ bilanċ bejn is-sessi u ta’ opportunitajiet indaqs fil-qasam tar-riċerka. Għal dak il-għan, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/407/KEE tad-19 ta’ Ġunju 2000 “dwar il-bilanċ bejn is-sessi fil-kumitati u l-gruppi tal-esperti stabbiliti minnha”. Fl-istess kuntest, l-Artikolu 17(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjon jipprovdi li “għandhom jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat bilanċ raġonevoli bejn is-sessi meta jinħatru gruppi ta’ esperti indipendenti”.
(19) Il-Gwida għall-Applikanti rilevanti tista’ tippermetti sa mhux iktar minn tliet persuni li jistgħu jiġu indikati mill-applikant.
(20) Ir-raġunijiet jridu jkunu bbażati fuq motivi ċar bħal rivalità xjentifika diretta, ostilità professjonali jew sitwazzjoni simili li timpedixxi jew tqiegħed f’dubju l-oġġettività tal-evalwatur potenzjali.
(21) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.
(22) L-Artikolu 15 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni.
(23) Il-proposti normalment għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji għall-iskema ta’ finanzjament li għaliha ġew sottomessi. Madankollu, pereżempju, f’każijiet fejn l-iskema ta’ finanzjament intgħażlet b’mod żbaljat, l-ERCEA tista’ tiddeċiedi li tevalwa proposta skont il-kriterji ta’ skema ta’ finanzjament differenti. Dan jista’ jsir biss jekk jidher ċar li l-proposta ma tikkorrispondix, jew ftit tikkorrispondi, għall-iskema ta’ finanzjament li ntgħażlet oriġinarjament, u fis-sejħa inkwistjoni tkun miftuħa skema ta’ finanzjament iktar adattata.
(24) Skont l-Artikolu 16.1 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni.
(25) Dan jista’ jinkludi l-membri tal-Bordijiet għajr il-Bord/ijiet li lilu/hom tiġi assenjata l-proposta jew l-arbitri.
(26) Dan jinkludi proposti interdixxiplinari minn bordijiet differenti jew minn sferi differenti li jistgħu jiġu assenjati ħalli jiġu analizzati mill-membri ta’ iktar minn Bord wieħed jew minn arbitri addizzjonali.
(27) L-Artikolu 15(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni.
(28) “Irregolarità” fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95. (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(29) Il-proċedura ta’ rimedju ma għandhiex tissostitwi l-mezzi normali li japplikaw għall-azzjonijiet kollha tal-ERCEA u tal-Kummissjoni, bħal: is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni għal ksur tal-kodiċi ta’ amministrazzjoni tajba (relazzjonijiet mal-pubbliku); l-Ombudsman Ewropew għal “amministrazzjoni ħażina”; il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni li taffetwa persuna jew entità legali.
(30) Fuq il-bażi tal-lista finali ppreparata mill-ERCEA skont it-Taqsima 3.1.7.
(31) Din tista’ tinkludi l-ismijiet tal-PI u tal-entitajiet legali applikanti, it-titolu tal-proposta u l-akronomu.
(32) Il-kuntratturi u/jew il-benefiċjarji tal-Azzjonijiet ta’ Koordinazzjoni u ta’ Appoġġ.
(33) Il-PI u/jew l-istituzzjonijiet ospitanti.
(34) Inkluż, fejn ikun xieraq, l-ikkompletar tal-proċedura għall-konsultazzjoni tal-kumitat tal-programm ipprovduta fil-Programm Speċifiku Ideat.
(35) Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni, u r-regoli tal-Kummissjoni dwar il-verifika tal-eżistenza u tal-istatus ġuridiku tal-parteċipanti, kif ukoll tal-kapaċitajiet operattivi u finanzjarji tagħhom f’azzjonijiet indiretti appoġġjati permezz tal-forma ta’ għotja taħt l-FP7, C(2007) 2466.
(36) Il-kundizzjonijiet addizzjonali jistgħu jirreferu għar-rekwiżiti tal-evalwazzjoni tal-etika.
(37) L-Artikolu 114 tar-Regolament Finanzjarju.
(38) Jew kwalunkwe kuntrattur li tħallas sabiex jipprovdi servizzi amministrattivi għal sessjonijiet ta’ evalwazzjoni.
(39) L-oqsma li ġejjin jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-DĠ RTD: iċ-ċelluli staminali embrijoniċi tal-bniedem, il-primati mhux umani, l-intervent uman u l-proposti li jaqgħu f’dawn il-kategoriji għandhom jiġu awtomatikament sottomessi lid-DĠ RTD għal Analiżi tal-Etika.
(40) Bħall-provi kliniċi u r-riċerka li tinvolvi tekniki invażivi fuq persuni ħajjin (eż. it-teħid ta’ kampjuni ta’ tessuti).
(41) Il-proposti li jaqgħu f’dawn il-kategoriji għandhom jiġu awtomatikament sottomessi lid-DĠ RTD għal Analiżi tal-Etika.
(42) Filwaqt li titqies id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 42).
(43) ĠU L 400, 30.12.2006, p. 243.
(44) L-ERCEA tista’ tistabbilixxi sistema ta’ sottomissjoni elettronika li għandha tkun applikabbli għall-formoli u għall-oriġinali fuq il-karta li għandhom jiġu sottomessi fil-qafas ta’ dawn ir-regoli għar-rimborsi.
(45) Bħala regola ġenerali, il-persuni intervistati ma jistgħux jintalbu: jitilqu mill-punt tal-oriġini tagħhom jew mill-post fejn qed issir l-intervista qabel is-07.00 (stazzjon jew mezz ieħor ta’ trasport) jew it-08.00 (ajurport); jaslu fil-post fejn qed issir l-intervista wara d-21.00 (ajruport) jew l-22.00 (stazzjon jew mezz ieħor ta’ trasport); jaslu fil-punt tal-oriġini tagħhom wara l-23.00 (ajruport, stazzjon jew mezz ieħor ta’ trasport).
(46) Kif ġie ddefinit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KEE, KEFA, Euratom tat-23 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1) rigward id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà u l-emendi suċċessivi tagħha.
(47) Ittra dwar l-Aspetti ta’ Sigurtà (SAL): “ sett ta’ kondizzjonijiet kuntrattwali speċjali, maħruġ mill-awtorità kuntrattwali, li jifforma parti integrali minn kuntratt klassifikat li jinvolvi l-aċċess għal jew il-produzzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, li jidentifika l-ħtiġiet ta’ sigurtà jew dawk l-elementi tal-kuntratt li jeħtieġu protezzjoni ta’ sigurtà ”, kif ġiet iddefinita fit-Taqsima 27 tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom.
(48) Kif ġiet iddefinita fid-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom.
(49) It-trattament tad-dejta kunfidenzjali għandu jiġi rregolat mil-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti kollha, inklużi r-regoli interni tal-Istituzzjonijiet bħad-Deċiżjoni 2001/844/KE, kefa, Euratom li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura rigward id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà.
(50) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju – (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).
(51) “Pajjiż terz” għandha tfisser kwalunkwe pajjiż li la huwa Stat Membru tal-UE u lanqas pajjiż assoċjat mal-FP7.