SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
26 ta’ Marzu 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘skema ta’ għajnuna’ – Miżuri ta’ applikazzjoni addizzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-adozzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna intiżi sabiex jippermettu x-xiri ta’ proprjetajiet immobbli – Implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni permezz ta’ regolamenti komunali”
Fil-Kawża C‑58/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura
Fremoluc NV,
Association de Promotion des Droits Humains et des Minorités ASBL
vs
Vlaamse Regering,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tmien Awla, u S. Rodin, Imħallef,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Fremoluc NV, minn P. de Bandt, J. Dewispelaere u R. Van Heddeghem, advocaten, |
|
– |
għall-Vlaamse Regering, minn E. Cloots, T. Roes u S. Sottiaux, advocaten, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn J. M. Hoogveld u J. Langer, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet u L. Flynn, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Fremoluc NV u l-Association de Promotion des Droits Humains et des Minorités ASBL u, min-naħa l-oħra, il-Vlaamse Regering (il-Gvern Fjamming, il-Belġju), dwar dispożizzjonijiet tal-Vlaams Gewest (ir-Reġjun Fjamming, il-Belġju) li jippermettu lil ċerti komuni japplikaw kundizzjonijiet partikolari għat-trasferiment ta’ artijiet jew ta’ akkomodazzjonijiet u li jipprevedu appoġġ finanzjarju minn dawn il-komuni lix-xerrejja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 1(c) sa (e) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), jistipula: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
4 |
L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 109 tat-TFUE jew skont kull disposizzjoni oħra rilevanti tagħhom, kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat. Il-Kummisjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri mingħajr dewmien meta tirċievi in-notifika.” |
Id-dritt Belġjan
|
5 |
Id-decreet du Vlaamse Overheid over wonen in eigen streek (id-Digriet tar-Reġjun Fjamming dwar l-Għajxien fir-Reġjun Proprju) tat‑23 ta’ Ġunju 2023 (Belgisch Staatblad, 4 ta’ Awwissu 2023, p. 65489, iktar ’il quddiem id-“Digriet WIES”), jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu: “F’dan id-digriet għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […] 6° komun WIES: komun inkluż fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 3(1); 7° art WIES: il-klassifikazzjoni partikolari tal-art magħżula skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3); 8° xerrej WIES: persuna kif imsemmija fl-Artikolu 5; 9° akkomodazzjoni WIES: il-klassifikazzjoni partikolari tal-akkomodazzjoni magħżula skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3)”. |
|
6 |
L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jipprevedi: “Il-Gvern Fjamming għandu jistabbilixxi permezz ta’ digriet, kull sitt snin u għall-ewwel darba fl‑2023, lista tal-komuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-digriet. Il-Gvern Fjamming għandu jistabbilixxi din il-lista abbażi tal-ogħla prezz tal-proprjetà immobbli. Il-komuni inklużi fil-lista, imsemmija fil-paragrafu 1, jistgħu jadottaw permezz ta’ regolament komunali li t-trasferiment tal-proprjetajiet immobbli, imsemmi fl-Artikolu 4(1), huwa suġġett għal kundizzjonijiet partikolari.” |
|
7 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet jistipula: “1. Fil-komuni, imsemmija fl-Artikolu 3, li adottaw regolament skont l-Artikolu 3(2), jistgħu japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi għat-trasferiment tal-artijiet u tal-akkomodazzjoni li huma s-suġġett ta’ wieħed mill-proġetti li ġejjin: 1° proġett li għalih jintalab permess ambjentali ta’ żvilupp ta’ artijiet, li joħloq mill-inqas ħames lottijiet intiżi għall-kostruzzjoni ta’ residenzi; 2° proġett li għalih jintalab permess ambjentali għal atti urbanistiċi għal proġetti ta’ residenzi fi grupp u għal bini b’appartamenti li jinkludu mill-inqas ħames akkomodazzjonijiet; 3° proġett li fih innifsu ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 1° jew 2°, iżda li, flimkien mal-permessi ambjentali mogħtija matul l-aħħar ħames snin qabel it-talba, imsemmija fil-punt 1° jew 2°, għal lottijiet, il-kostruzzjoni ta’ residenzi fi grupp jew ta’ bini b’appartamenti li jikkonċernaw biċċiet ta’ art li jmissu mal-art tal-proġett, jissodisfa effettivament il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 1 jew 2°. […] […] 3. Il-kunsill komunali tal-komun WIES għandu jipprevedi fir-regolament komunali li l-kulleġġ tas-sindku u tal-kunsilliera jista’ jimponi, fuq il-proġetti msemmija fil-paragrafu 1 li ma humiex esklużi skont il-paragrafu 2, kundizzjonijiet ta’ trasferiment bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan id-digriet: 1° għal mill-inqas 40 % tan-numru ta’ akkomodazzjonijiet li għandhom jinbnew jew ta’ lottijiet intiżi għall-kostruzzjoni ta’ residenzi, imnaqqas bil-perċentwal għall-bini ta’ offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali jew ta’ akkomodazzjoni għall-kiri kuntrattwali, għall-artijiet li huma proprjetà tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu I.3 tad-Digriet ta’ governanza tas‑7 ta’ Diċembru 2018; 2° għal mill-inqas 20 % u l-iktar 40 % tan-numru ta’ akkomodazzjonijiet li għandhom jinbnew jew ta’ lottijiet intiżi għall-kostruzzjoni ta’ residenzi, imnaqqas bil-perċentwal għall-bini ta’ offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali jew ta’ akkomodazzjoni għall-kiri kuntrattwali, għall-artijiet li huma l-proprjetà ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu I.3 tad-Digriet ta’ governanza tas‑7 ta’ Diċembru 2018. Il-kunsill komunali tal-komun WIES għandu jipprevedi fir-regolament komunali l-kriterji li abbażi tagħhom il-kulleġġ tas-sindku u tal-kunsilliera jista’ jiddeċiedi li jimponi kundizzjonijiet ta’ trasferiment għall-proġetti msemmija f’dan l-artikolu. Dawn il-kriterji jirrigwardaw l-għanijiet ta’ dan id-digriet u l-kapaċità finanzjarja tal-komun. Fir-regolament komunali, il-kunsill komunali tal-komun WIES għandu jiddetermina l-perċentwal definittiv li għalih jiġu applikati l-kundizzjonijiet ta’ trasferiment imsemmija fl-Artikolu 5. Il-perċentwal adottat fir-regolament jikkostitwixxi l-perċentwal minimu użat mill-komun WIES li għalih japplikaw il-kundizzjonijiet ta’ trasferiment imsemmija fl-Artikolu 5. L-applikant għall-permess ambjentali, imsemmi fil-paragrafu 1, għandu jsemmi fl-applikazzjoni tiegħu l-artijiet jew l-akkomodazzjonijiet li huma previsti sabiex jissodisfa l-perċentwal definittiv iddeterminat mill-kunsill komunali tal-komun WIES skont il-paragrafu 3. L-artijiet u l-akkomodazzjonijiet indikati huma l-artijiet WIES u l-akkomodazzjonijiet WIES. Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4, il-kunsill komunali tal-komun WIES jista’ jadotta kundizzjonijiet addizzjonali fir-regolament komunali. […]” |
|
8 |
L-Artikolu 5 tal-istess digriet huwa fformulat kif ġej: “L-artijiet WIES u l-akkomodazzjonijiet WIES jistgħu jiġu ttrasferiti biss lill-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: 1° matul perijodu ta’ għaxar snin qabel id-data tat-trasferiment, il-persuna hija rreġistrata b’mod kontinwu għal mill-inqas ħames snin fir-reġistri tal-popolazzjoni […] tal-komun WIES jew f’komun ġar fi ħdan ir-Reġjun Fjamming; 2° il-persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar il-proprjetà immobbli u d-dħul li juru sitwazzjoni inqas faċli, stabbiliti mill-Gvern Fjamming; 3° il-persuna hija rreġistrata fir-reġistri tal-popolazzjoni […] Il-konjuġi, il-koabitanti legali jew de facto tal-persuna li lilha tiġi ttrasferita art WIES jew akkomodazzjoni WIES, u li ser jokkupaw flimkien l-art WIES jew l-akkomodazzjoni WIES, jissodisfaw ukoll il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 2° u 3° tal-paragrafu 1. Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-kunsill komunali tal-komun WIES jista’ jadotta kundizzjonijiet iktar stretti fir-regolament komunali. Il-kunsill komunali tal-komun WIES jista’, pereżempju, jillimita l-applikazzjoni tal-punt 1° tal-paragrafu 1 għall-persuni li, matul perijodu ta’ għaxar snin qabel id-data tat-trasferiment, ikunu ġew irreġistrati b’mod kontinwu għal mill-inqas ħames snin fir-reġistru tal-popolazzjoni tal-komun tagħhom stess.” |
|
9 |
L-Artikolu 10(1) tad-digriet WIES jipprovdi: “Jekk xerrej WIES jixtri art WIES jew akkomodazzjoni WIES skont l-Artikolu 5 u r-regolament komunali fis-seħħ, il-komun WIES jipprovdi intervent finanzjarju għall-benefiċċju tax-xerrej WIES, ibbażat fuq il-prezz stmat tas-sehem tal-art li x-xerrej WIES jakkwista taħt titolu ta’ proprjetà. Dan l-intervent finanzjarju għandu jammonta għal mill-inqas 50 % tal-prezz stmat tas-sehem tal-art. Il-komun WIES għandu jħallas l-ammont tal-intervent finanzjarju, imsemmi fil-paragrafu 1, f’kont ibblukkat mal-uffiċjal inkarigat, iddeterminat mix-xerrej WIES. L-ammont għandu jiġi rrilaxxat lill-bejjiegħ wara li jsir l-att u jagħmel parti mill-prezz tax-xiri mħallas mix-xerrej WIES. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
10 |
Fit‑23 ta’ Ġunju 2023, ir-Reġjun Fjamming adotta d-digriet WIES. Dan id-digriet jawtorizza lill-komuni li fihom il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli huma partikolarment għoljin li jirriżervaw, għal disa’ xhur, l-akkwist ta’ ċerti artijiet jew ta’ ċerti akkomodazzjonijiet lil xerrejja li d-dħul tagħhom huwa inqas minn limiti speċifiċi u li jistgħu jiġġustifikaw rabtiet mal-komun ikkonċernat. Dan jipprevedi li l-komuni li jiddeċiedu li japplikaw tali restrizzjonijiet jiżguraw, f’isem ix-xerrej, il-ħlas lill-bejjiegħ ta’ parti mill-prezz tal-proprjetà. |
|
11 |
Permezz ta’ rikorsi tal‑31 ta’ Jannar u tal‑1 ta’ Frar 2024, Fremoluc kif ukoll l-Association de Promotion des Droits Humains et des Minorités ippreżentaw rikorsi għall-annullament tad-digriet WIES quddiem il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
12 |
Insostenn ta’ dawn ir-rikorsi huma jinvokaw, essenzjalment, motivi bbażati fuq ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Belġjana, moqrija flimkien, minn naħa, ma’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet ta’ moviment u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 107(1) kif ukoll mal-Artikolu 108(3) TFUE. |
|
13 |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis li d-digriet WIES għandu jiġi parzjalment annullat bħala antikostituzzjonali, sa fejn jippermetti lill-komuni li ddeċidew li jirrikorru għall-mekkaniżmu li huwa jipprevedi li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu xerrej propost kien irreġistrat fir-reġistri tal-popolazzjoni ta’ komun ġar biss meta dan il-komun ikun jinsab fil-Flanders, u mhux meta jkun jinsab f’reġjun ieħor. |
|
14 |
Fit-tieni lok, dik il-qorti tqis li raġonevolment ma jista’ jeżisti ebda dubju dwar il-fatt li d-digriet WIES huwa kompatibbli mal-Artikoli 21, 45, 49, 56 u 63 TFUE kif ukoll mal-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). |
|
15 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tiddetermina jekk il-proġett li wassal għall-adozzjoni tad-digriet WIES kellux jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, sa fejn huwa intiż li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat. |
|
16 |
F’dan ir-rigward, hija tistaqsi, qabelxejn, dwar jekk l-intervent finanzjarju previst fl-Artikolu 10 ta’ dan id-digriet għandux jitqies li jagħti vantaġġ lil impriża, b’mod partikolari billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans et Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), fir-rigward tal-kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku. |
|
17 |
Dik il-qorti tistaqsi, sussegwentement, jekk id-dħul fis-seħħ tad-digriet WIES huwiex biżżejjed, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikoli 107 u 108 TFUE, sabiex iwassal għall-għoti ta’ vantaġġ finanzjarju jew jekk hemmx lok li jitqies, għall-kuntrarju, li tali għoti jippreżupponi l-adozzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ applikazzjoni addizzjonali. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li, sabiex komun ikun jista’ jipproċedi għall-ħlas previst minn dan id-digriet, il-kunsill komunali għandu jkun adotta regolament komunali għal dan l-għan. Dan ir-regolament komunali għandu, mingħajr ma jeċċedi l-limiti stabbiliti mill-imsemmi digriet, jiffissa l-perċentwal ta’ artijiet jew ta’ akkomodazzjonijiet li għandhom jiġu rriżervati għal xerrej WIES u jiddetermina l-kriterji li abbażi tagħhom jistgħu jiġu imposti kundizzjonijiet ta’ trasferiment fuq proġetti. L-imsemmi regolament komunali jista’ wkoll jirrendi iktar stretti l-kundizzjonijiet ta’ trasferiment tal-akkomodazzjonijiet u jipprevedi li l-intervent finanzjarju komunali jkopri parti ikbar tal-prezz tal-proprjetà kkonċernata. |
|
18 |
Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tqis li għandha tiddetermina jekk il-limiti de minimis relatati man-notifika tal-għajnuna mill-Istat inqabżux f’dan il-każ. |
|
19 |
Fir-raba’ lok, fil-każ li d-digriet WIES għandu jitqies li huwa intiż li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li jinżammu definittivament l-effetti ta’ dan id-digriet, sabiex jiġi evitat li jiġu ppreġudikati l-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi tal-individwi kkonċernati jew ta’ ċertezza legali. |
|
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108(3) TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lil komuni li fihom il-prezz tal-proprjetà immobbli huwa partikolarment għoli jistabbilixxu mekkaniżmu li jipprevedi l-ħlas, lill-bejjiegħa ta’ ċerti artijiet jew ta’ ċerti akkomodazzjonijiet, ta’ parti mill-prezz tal-akkwist tal-artijiet ikkonċernati, f’isem xerrej li jissodisfa kundizzjonijiet relatati mas-sitwazzjoni soċjali tiegħu u mar-rabta tiegħu mal-komun inkwistjoni, għandha titqies li tistabbilixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, meta din il-leġiżlazzjoni, minn naħa, tħalli lil kull komun l-għażla li jistabbilixxi tali mekkaniżmu jew le u, min-naħa l-oħra, tagħtih marġni ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-proġetti kif ukoll tal-parti mill-prezz tal-artijiet ikkonċernati koperti minn dan il-mekkaniżmu. |
|
22 |
Skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin sabiex tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar proġetti intiżi sabiex tiġi stabbilita jew emendata għajnuna mill-Istat. |
|
23 |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi li, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor f’kull regolament adottat skont l-Artikolu 109 TFUE jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti ta’ dan tal-aħħar, kull abbozz għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni fil-ħin mill-Istat Membru konċernat. |
|
24 |
L-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “għajnuna ġdida” bħala “skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-Artikolu 1(d) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li “skema ta’ għajnuna” hija “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”. |
|
26 |
F’dan il-każ, peress li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda interventi finanzjarji komunali marbuta ma’ proġetti speċifiċi, għandu jiġi ddeterminat kif tali miżura għandha tiġi kklassifikata fid-dawl biss tal-ewwel parti ta’ din id-definizzjoni, jiġifieri dik li tirrigwarda l-mekkaniżmi li abbażi tagħhom, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni addizzjonali, għajnuna tista’ tingħata individwalment lil impriżi ddefiniti b’mod ġenerali u astratt. |
|
27 |
Skont l-ewwel parti tal-imsemmija definizzjoni, il-klassifikazzjoni ta’ miżura statali bħala skema ta’ għajnuna tippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, għajnuna tista’ tingħata individwalment lil impriżi fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni. It-tieni, ebda miżura ta’ applikazzjoni addizzjonali ma hija meħtieġa għall-għoti ta’ din l-għajnuna. It-tielet, l-impriżi li lilhom tista’ tingħata l-għajnuna individwali għandhom jiġu ddefiniti “b’mod ġenerali u astratt” (sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, C‑337/19 P, EU:C:2021:741, punt 60, kif ukoll tas‑6 ta’ Ġunju 2024, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑441/21 P, EU:C:2024:477, punt 106). |
|
28 |
Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ applikazzjoni addizzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din hija ssodisfatta meta impriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna individwali minħabba s-sempliċi fatt tal-mekkaniżmu inkwistjoni jew li jingħataw tali għajnuna abbażi biss ta’ dan il-mekkaniżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 69; tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, C‑337/19 P, EU:C:2021:741, punt 106, kif ukoll tas‑6 ta’ Ġunju 2024, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑441/21 P, EU:C:2024:477, punti 108 u 109). |
|
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sempliċi applikazzjoni teknika ta’ mekkaniżmu li jipprevedi l-għoti tal-għajnuna ma tikkostitwixxix “miżuri ta’ implimentazzjoni oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Tali “miżura ta’ implimentazzjoni oħra” tippreżupponi fil-fatt l-eżerċizzju, mill-awtorità inkarigata mill-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkunsidrata, ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni li tippermettilha tinfluwenza l-ammont tal-għajnuna, il-karatteristiċi tagħha jew il-kundizzjonijiet li fihom tingħata din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741, punt 105). |
|
30 |
Il-kwistjoni dwar jekk l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġx miżuri ta’ applikazzjoni addizzjonali, fis-sens tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi qafas ġenerali li fih ċerti komuni jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu miżuri ta’ appoġġ finanzjarju, mingħajr madankollu ma din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi hija stess direttament tali miżuri u lanqas ma tiddefinixxi l-modalitajiet kollha ta’ implimentazzjoni tagħhom. |
|
31 |
B’mod iktar preċiż, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li huma biss il-komuni li ddeċidew li jadottaw regolament komunali li jipprevedi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni, fit-territorju tagħhom, tal-qafas ġenerali previst mid-digriet WIES li jistgħu jsostnu finanzjarjament l-akkwist ta’ artijiet jew ta’ akkomodazzjonijiet li jinsabu fih, peress li dan id-digriet bl-ebda mod ma jobbliga lill-komuni eliġibbli jadottaw tali regolament, u b’hekk iħallilhom il-possibbiltà li ma jimplimentawx l-imsemmi digriet. |
|
32 |
Min-naħa l-oħra, mill-indikazzjonijiet dwar id-dritt Belġjan ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jsegwi li, waqt l-adozzjoni ta’ regolament komunali intiż sabiex jimplimenta d-digriet WIES, il-komun ikkonċernat għandu jippreċiża diversi aspetti essenzjali tar-regoli li jirregolaw, fit-territorju tiegħu, l-għoti tal-appoġġ finanzjarju f’dan ir-rigward. Huwa għandu b’mod partikolari jiffissa, mingħajr ma jaqbeż il-limiti previsti minn dan id-digriet, il-perċentwal ta’ artijiet u ta’ akkomodazzjonijiet li jaqgħu taħt il-mekkaniżmu awtorizzat mill-imsemmi digriet kif ukoll il-parti tal-prezz tal-proprjetà kkonċernata li ser tittieħed. Il-komun ikkonċernat jista’ wkoll iżid mal-kundizzjonijiet diġà previsti mill-istess digriet kundizzjonijiet addizzjonali f’dak li jirrigwarda l-għażla kemm tax-xerrejja kif ukoll tal-proprjetajiet immobbli eliġibbli. |
|
33 |
Fid-dawl tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, tali leġiżlazzjoni għandha titqies li tagħti lill-komuni kkonċernati setgħa ta’ evalwazzjoni li tirrigwarda kemm il-prinċipju stess tal-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju fit-territorju rispettiv tagħhom kif ukoll l-elementi essenzjali ta’ dan il-mekkaniżmu, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tat-tranżazzjonijiet ta’ proprjetajiet immobbli kif ukoll il-portata tal-appoġġ finanzjarju li jista’ jingħata. |
|
34 |
Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-komuni kkonċernati jagħtu appoġġ finanzjarju abbażi biss tad-dispożizzjonijiet tagħha, iżda tippreżupponi, għall-kuntrarju, l-adozzjoni minn dawn il-komuni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk tali appoġġ jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni ma tistax titqies li tistabbilixxi skema ta’ għajnuna li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE u mal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
35 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 1(e) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-“għajnuna individwali” bħala “għajnuna li ma tingħatax fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna u għoti ta’ għajnuna notifikabbli fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna”. |
|
36 |
Issa, peress li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti l-għoti eventwali ta’ appoġġ finanzjarju biss wara l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni addizzjonali, hija ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li tagħti hija stess għajnuna individwali. |
|
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108(3) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(c) sa (e) kif ukoll l-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2015/1589, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lil komuni li fihom il-prezz tal-proprjetà immobbli huwa partikolarment għoli jistabbilixxu mekkaniżmu li jipprevedi l-ħlas, lill-bejjiegħa ta’ ċerti artijiet jew ta’ ċerti akkomodazzjonijiet, ta’ parti mill-prezz tal-akkwist tal-artijiet ikkonċernati, f’isem xerrej li jissodisfa kundizzjonijiet relatati mas-sitwazzjoni soċjali tiegħu u mar-rabta tiegħu mal-komun inkwistjoni, ma għandhiex titqies li tistabbilixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, meta din il-leġiżlazzjoni, minn naħa, tħalli lil kull komun l-għażla li jistabbilixxi tali mekkaniżmu jew le u, min-naħa l-oħra, tagħtih marġni ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-proġetti kif ukoll tal-parti tal-prezz tal-artijiet ikkonċernati akkwistati permezz ta’ dan il-mekkaniżmu. |
Fuq it-tieni domanda
|
38 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li t-tieni domanda qiegħda ssir biss fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta fin-negattiv mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108(3) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(c) sa (e) u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tal‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lil komuni li fihom il-prezz tal-proprjetà immobbli huwa partikolarment għoli jistabbilixxu mekkaniżmu li jipprevedi l-ħlas, lill-bejjiegħa ta’ ċerti artijiet jew ta’ ċerti akkomodazzjonijiet, ta’ parti mill-prezz tal-akkwist tal-artijiet ikkonċernati, f’isem xerrej li jissodisfa kundizzjonijiet relatati mas-sitwazzjoni soċjali tiegħu u mar-rabta tiegħu mal-komun inkwistjoni, ma għandhiex titqies li tistabbilixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea, meta din il-leġiżlazzjoni, minn naħa, tħalli lil kull komun l-għażla li jistabbilixxi tali mekkaniżmu jew le u, min-naħa l-oħra, tagħtih marġni ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-proġetti kif ukoll tal-parti tal-prezz tal-artijiet ikkonċernati akkwistati permezz ta’ dan il-mekkaniżmu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.