European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/497

13.5.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/497

tal-4 ta’ Marzu 2026

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġestjoni tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1936/2001, (UE) 2017/2107, u (UE) 2019/833 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/1627 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 66, il-paragrafu 1, il-punti (a) sa (c) u (k) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija parti għall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT, International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas), wara li approvat il-Konvenzjoni tal-ICCAT skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE (2).

(2)

L-ICCAT tadotta l-miżuri biex tiżgura l-konservazzjoni fuq terminu twil u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT u biex tissalvagwardja l-ekosistemi tal-baħar li dawn ir-riżorsi jinsabu fihom. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni.

(3)

Mill-emenda l-aktar reċenti tar-Regolament (UE) 2023/2053 (3), fil-laqgħa annwali tagħha tal-2025, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 25-04 fir-rigward tal-ġestjoni tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran (4). Ir-Rakkomandazzjoni 25-04 tal-ICCAT tinkludi dispożizzjonijiet dwar reviżjoni tal-ammont tal-kwota tat-tonn mhux użata li tista’ tiġi trasferita minn sena għall-oħra, l-istaġun tas-sajd bit-tartaruni tal-borża u l-proċeduri għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni f’każ ta’ ksur fil-qafas tal-Iskema ta’ Spezzjoni Konġunta. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

(4)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jsiru għadd ta’ emendi tar-Regolament (UE) 2023/2053 biex jiġu aġġornati l-istandards minimi kollha għall-proċeduri tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera fl-Anness X.

(5)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2023/2053 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Stat Membru jista’ jitlob li jittrasferixxi perċentwal massimu ta’ 20 % tal-kwota annwali tiegħu minn sena għas-sena ta’ wara. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinkludi dik it-talba fil-pjanijiet annwali tiegħu dwar is-sajd u dwar il-ġestjoni tal-kapaċità li jridu jiġu inklużi fil-pjan tal-Unjoni dwar is-sajd u l-ġestjoni tal-kapaċità għall-approvazzjoni mill-ICCAT.”

;

(2)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Is-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża għandu jkun permess fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran matul il-perjodu mid-19 ta’ Mejju sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena.”

(b)

il-paragrafu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4a.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-istaġun tas-sajd bit-tartaruni tal-borża fil-Baħar tal-Kantabrija (iż-żoni tas-sajd tal-ICES 27.8.b u 27.8.c) għal skopijiet ta’ trobbija għandu jkun mis-26 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu.”

(c)

jiddaħħal il-paragrafu 4b li ġej:

“4b.   B’deroga mill-paragrafu 1, fil-pjan annwali tas-sajd tagħha għall-2026, kif imsemmi fl-Artikolu 11, Spanja tista’ titlob li l-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża involuti fil-proġett pilota għat-trobbija tat-tonn fil-Gżejjer Kanarji jitħallew jistadu għat-tonn mil-15 ta’ Marzu sat-30 ta’ Mejju fiż-żona tal-FAO 34.”

(3)

fl-Artikolu 26, il-paragrafu 1, is-subparagrafu li ġej jiżdied wara l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu:

“Il-perjodu għas-sottomissjoni tal-listi tal-bastimenti jista’ jkun inqas minn xahar għal-lista tal-bastimenti fil-punt (b) fejn is-sottomissjoni tkun dovuta għal bidliet fil-modalità.”;

(4)

l-Annessi VIII, IX, X, XII u XVb huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 238, 27.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2053/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE tad-9 ta’ Ġunju 1986 dwar l-Adeżjoni tal-Komunità fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, kif emendata bil-Protokoll mehmuż mal-Att Finali tal-Konferenza tal-Plenipotenzjari tal-Istati li jifformaw Parti mill-Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl-10 ta’ Lulju 1984 (ĠU L 162, 18.6.1986, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1986/238/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/837 tas-7 ta’ Frar 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġestjoni tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran (ĠU L, 2025/837, 2.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/837/oj).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni 25-04 tal-ICCAT li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni 24-05 li tistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, https://www.iccat.int/Documents/Recs/compendiopdf-e/2025-04-e.pdf.


ANNESS

L-Annessi VIII, IX, X, XII u XVb tar-Regolament (UE) 2023/2053 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness VIII, it-Taqsima I, il-paragrafu 4, il-punt (b), huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

jivverifika u, meta xieraq, jiffirma l-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tal-ipproċessar u/jew tal-ħsad magħmula mill-kaptan tal-bastiment tal-ipproċessar, jew mir-rappreżentant tal-kaptan, jew mill-operatur tat-tunnara.”

(2)

Fl-Anness VIII, it-Taqsima II, is-subtaqsima C, il-paragrafu (f), il-punt (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

fiż-żewġ każijiet, jivverifika l-ordni ta’ rilaxx maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew mill-PKK ikkonċernati u, meta xieraq, jiffirma l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni tar-rilaxx magħmula mid-donatur jew mill-operatur tal-farm tal-ħut;”

(3)

Fl-Anness VIII, it-Taqsima II, is-subtaqsima C, il-paragrafu (g), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

jivverifika u, meta xieraq, jiffirma l-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tal-ipproċessar u tal-ħsad magħmula mill-kaptan tal-bastiment tal-ipproċessar, jew mir-rappreżentant tiegħu, jew mill-operatur tal-farm tal-ħut;”

(4)

Fl-Anness IX, il-paragrafu li ġej jiżdied mal-punt 12:

“Malli jirċievi rapporti ta’ spezzjoni li jindikaw ksur apparenti, is-Segretarjat tal-ICCAT għandu jqiegħed din l-informazzjoni fuq is-sit web tal-ICCAT b’mod sikur u b’aċċess ristrett. Kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu meħuda mill-PKK tal-bandiera għandha tiġi ppubblikata wkoll malli tkun disponibbli għas-Segretarjat. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata f’konformità mat-tabella mogħtija fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness.”

(5)

Fl-Anness IX, jiżdied l-appendiċi li ġej:

“

Appendiċi

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta dwar l-azzjonijiet meħuda b’reazzjoni għas-sejbiet tal-ispezzjonijiet imwettqa taħt l-Iskema ta’ Spezzjoni Internazzjonali Konġunta

Numru tar-rapport dwar l-ispezzjonijiet

Il-PKK li wettqet l-ispezzjoni

Bastiment tas-sajd PKK

Data tal-ispezzjoni

Bastiment/Tip tal-irkaptu tas-sajd

Riżultati tal-ispezzjonijiet (1)

Ksur ikkonfermat mill-PKK tal-bandiera: Iva/Le

Sitwazzjoni attwali (2)

Miżuri meħuda (3)

Rimarki (4)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

(1)  Deskrizzjoni tas-sejbiet b’indikazzjoni tad-dispożizzjoni(jiet) legali kkonċernata/i.

(2)  Taħt investigazzjoni, appell, magħluq, eċċ.

(3)  Miżuri ġudizzjarji jew amministrattivi meħuda, pereżempju t-tibdil fir-rotta tal-bastiment, is-sekwestru tal-qabdiet jew tal-irkaptu tas-sajd, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, multi, eċċ.

(4)  Test liberu bi kwalunkwe dettall li l-PKK tal-bandiera tixtieq tipprovdi. Meta ma ttieħdet l-ebda azzjoni, trid tingħata spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għaliex.

”

(6)

L-Anness X huwa sostitwit b’dan li ġej:

“

ANNESS X

STANDARDS MINIMI GĦALL-PROĊEDURI TA’ REĠISTRAZZJONI BIL-VIDJOKAMERA APPLIKABBLI GĦALL-OPERAZZJONIJIET TA’ TRASFERIMENT, TQEGĦID FIL-GAĠEĠ U RILAXX

1.   

Il-proċeduri li ġejjin għandhom japplikaw għar-reġistrazzjonijiet kollha bil-vidjokamera tal-operazzjonijiet ta’ trasferiment, tqegħid fil-gaġeġ u rilaxx imsemmija f’dan ir-Regolament:

(a)

Fil-bidu jew fit-tmiem ta’ kull vidjo, għandhom jintwerew in-numru ICCAT tal-awtorizzazzjoni tat-trasferiment jew tat-tqegħid fil-gaġeġ jew l-ordni tar-rilaxx u n-numru li jinsab fuq il-gaġġa/gaġeġ (kif indikat fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment).

(b)

Il-ħin u d-data tal-vidjo għandhom jidhru b’mod kontinwu matul kull reġistrazzjoni bil-vidjokamera.

(c)

Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun kontinwa, mingħajr interruzzjonijiet jew qtugħ, u għandha tkopri l-operazzjoni kollha ta’ trasferiment, tqegħid fil-gaġeġ jew rilaxx.

(d)

Qabel ma jibda t-trasferiment, it-tqegħid fil-gaġeġ jew ir-rilaxx, ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tinkludi l-ftuħ u l-għeluq tax-xibka jew tal-bieb u, għall-attivitajiet ta’ trasferiment u ta’ tqegħid fil-gaġeġ, għandha turi jekk il-gaġeġ li fihom ikun se jiddaħħal it-tonn u li minnhom ikun se jinħareġ it-tonn ikunx diġà fihom it-tonn jew le.

(e)

Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jiġi ddeterminat l-għadd u, meta xieraq, il-piż tat-tonn li jkun qed jiġi ttrasferit, imqiegħed fil-gaġeġ jew rilaxxat.

(f)

Kopja tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tinżamm abbord il-bastiment donatur jew mill-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara, meta xieraq, għall-perjodu kollu li huma awtorizzati li joperaw.

(g)

L-apparat elettroniku għall-ħżin li jkun fih ir-reġistrazzjoni oriġinali bil-vidjokamera għandu jingħata minnufih lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT u/jew lill-osservatur nazzjonali wara li tintemm l-attività ta’ trasferiment, tqegħid fil-gaġeġ u/jew rilaxx. L-osservatur reġjonali u/jew nazzjonali tal-ICCAT għandu jinizjalizzah minnufih biex tiġi evitata kwalunkwe manipulazzjoni ulterjuri.

2.   

Kull Stat Membru tal-bandiera, tat-tunnara u tal-farm tal-ħut għandu jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jevita kwalunkwe tibdil, editjar jew manipulazzjoni tar-reġistrazzjonijiet oriġinali bil-vidjokamera.

Kwalità insuffiċjenti tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera

3.

Jekk ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera ma tkunx ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jiġi ddeterminat l-għadd u, meta xieraq, il-piż tat-tonn li jkun qed jiġi trasferit, imqiegħed fil-gaġeġ jew rilaxxat, l-operazzjoni għandha tiġi ripetuta sakemm il-kwalità tal-vidjo tkun adegwata, skont il-proċeduri ta’ hawn taħt:

(a)

għat-trasferiment, l-operazzjoni ta’ trasferiment ikkonċernata għandha tiġi ripetuta f’konformità mal-Artikolu 43a (Trasferimenti volontarji u ta’ kontroll).

Għal dawk it-trasferimenti fejn l-oriġini tal-ħut tkun tunnara, it-tonn li jkun diġà ġie trasferit mit-tunnara għall-gaġġa li jiddaħħal fiha jista’ jintbagħat lura fit-tunnara u t-trasferiment volontarju jiġi kkanċellat taħt is-superviżjoni tal-osservatur reġjonali tal-ICCAT.

(b)

għall-operazzjoni ta’ tqegħid fil-gaġeġ, l-operazzjoni ta’ tqegħid fil-gaġeġ ikkonċernata għandha tiġi ripetuta f’konformità mal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 49.

L-attività l-ġdida ta’ tqegħid fil-gaġeġ trid tinkludi ċ-ċaqliq tat-tonn kollu minn ġol-gaġġa tal-farm tal-ħut riċevitur għal ġo gaġġa oħra tal-farm tal-ħut, li trid tkun vojta.

(c)

għar-rilaxxi, is-segregazzjoni tal-ħut li jrid jiġi rilaxxat għandha tiġi ripetuta f’konformità mal-Protokoll dwar ir-rilaxx stabbilit fl-Anness XII.

”

(7)

Fl-Anness XII, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.

L-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jivverifika u, meta xieraq, jiffirma l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni tar-rilaxx. L-operatur donatur jew l-operatur tal-farm tal-ħut għandu jibgħat id-dikjarazzjoni tar-rilaxx lill-awtoritajiet tiegħu fi żmien 48 siegħa minn meta ssir l-operazzjoni tar-rilaxx biex din tintbagħat lis-Segretarjat tal-ICCAT.”

(8)

Fl-Anness XVb, it-tabella hija sostitwita b’din li ġejja:

“Mudell għad-dikjarazzjoni tal-ipproċessar u d-dikjarazzjoni tal-ħsad

Ipproċessar / Ħsad (immarka b’ċirku wieħed jew l-ieħor)

Data tal-ħsad (j/x/s): / /

Farm tal-ħut / Tunnara (immarka b’ċirku wieħed jew l-ieħor)

Numru/i tal-gaġġa/gaġeġ:

Għadd ta’ individwi maħsuda:

Piż ħaj f’kg tat-tonn maħsud:

Piż ipproċessat f’kg tat-tonn maħsud:

Numru/i tal-eBCD assoċjat(i) mat-tonn maħsud:

Dettalji tal-bastimenti awżiljarji involuti fl-operazzjoni:

Isem:

Bandiera:

Nru ta’ reġistrazzjoni tal-ICCAT:

Destinazzjoni tat-tonn maħsud (esportazzjoni, suq lokali jew oħrajn) (immarka b’ċirku)

Fil-każ ta’ oħrajn, speċifika:

Il-verifika u, meta xieraq, il-firma mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT jew mill-osservatur tal-PKK, kif xieraq:

Isem l-osservatur:

Nru ICCAT:

Firma:”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/497/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)