1.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/66


P9_TA(2021)0336

Qamħirrum ġenetikament modifikat Bt 11 (SYN-BTØ11-1)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt 11 (SYN-BTØ11-1), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D073424/01 – 2021/2761(RSP))

(2022/C 99/08)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt 11 (SYN-BTØ11-1), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D073424/01,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-17 ta' Mejju 2021, li matulha ma ngħatat ebda opinjoni,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

—

wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-25 ta' Novembru 2020, u ppubblikata fit-13 ta' Jannar 2021 (3),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”) (4),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi, fl-24 ta' Settembru 2018, Syngenta Crop Protection NV/SA, ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom jew li jikkonsistu minn qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (“il-qamħirrum ĠM”) għal użi għajr l-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.

billi, fil-25 ta' Novembru 2020, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli fir-rigward tat-tiġdid tal-qamħirrun ĠM, li ġiet ippubblikata fit-13 ta' Jannar 2021; billi, fit-28 ta' Jannar 2009, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli fir-rigward tal-awtorizzazzjoni inizjali tal-qamħirrun ĠM, li ġiet ippubblikata fis-17 ta' Frar 2009 (5);

C.

billi l-qamħirrum ĠM jagħti tolleranza lill-erbiċidi li fihom il-glufosinat kif ukoll li jipproduċu proteina tal-insettiċidi, “tossina BT”, Cry1Ab li hija tossika għal ċerti pesti lepidopteri (6);

Nuqqas ta' valutazzjoni tar-residwi tal-erbiċidi, tal-metaboliti u tal-effetti cocktail

D.

billi għadd ta' studji wrew li l-kultivazzjoni ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi twassal għal użu akbar ta' erbiċidi “komplementari”, fil-biċċa l-kbira minħabba t-tfaċċar ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi (7); billi, b'konsegwenza ta' dan, għandu jkun mistenni li l-qamħirrum ĠM ikun espost għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glufosinat, u li għalhekk il-ħsad jista' jkun fih kwantità ogħla ta' residwi;

E.

billi l-glufosinat huwa kklassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni 1B u għalhekk jissodisfa l-“kriterji ta' limitu” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8); billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta' Lulju 2018 (9);

F.

billi l-valutazzjoni tar-residwi ta' erbiċidi u tal-prodotti ta' diżintegrazzjoni tagħhom misjuba fi pjanti ĠM titqies li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (“il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM”) u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠM; billi dan huwa problematiku peress li l-mod kif l-erbiċidi komplementari jiġu diżintegrati mill-pjanta ĠM ikkonċernata, u l-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-prodotti ta' diżintegrazzjoni (“metaboliti”), jistgħu jiġu stimolati mill-modifika ġenetika nnifisha;

G.

billi, minħabba prattiki agrikoli speċifiċi fil-kultivazzjoni ta' pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, hemm ukoll xejriet speċifiċi ta' applikazzjonijiet, ta' esponiment, ta' okkorrenzi ta' metaboliti speċifiċi u tfaċċar ta' effetti kombinatorji li jirrikjedu attenzjoni speċjali; billi dawn ma ġewx ikkunsidrati mill-EFSA;

Mistoqsijiet pendenti dwar it-tossini Bt

H.

billi t-testijiet tossikoloġiċi għall-awtorizzazzjonijiet ĠM jitwettqu b'tossini Bt iżolati; billi ftit li xejn jista' jiġi attribwit għal testijiet tossikoloġiċi mwettqa bil-proteini waħedhom, minħabba l-fatt li t-tossini Bt fl-għelejjel ĠM, bħall-qamħirrun, il-qoton u l-fażola tas-sojja, huma intrinsikament aktar tossiċi minn tossini Bt iżolati; billi dan huwa minħabba li l-inibituri tal-proteażi (PI), preżenti fit-tessut tal-pjanti, jistgħu jżidu t-tossiċità tat-tossini Bt billi jdewmu d-degradazzjoni tagħhom; billi dan il-fenomenu ntwera f'għadd ta' studji xjentifiċi, inkluż wieħed imwettaq għal Monsanto 30 sena ilu li wera li anke l-preżenza ta' livelli estremament baxxi ta' PI saħħet it-tossiċità tat-tossini Bt sa 20 darba (10);

I.

billi dawk l-effetti ma jitqisux fil-valutazzjonijiet tar-riskju tal-EFSA, minkejja li huma rilevanti għall-pjanti Bt kollha approvati għall-importazzjoni jew għall-kultivazzjoni fl-Unjoni; billi r-riskji li jirriżultaw minn din it-tossiċità msaħħa minħabba l-interazzjoni bejn it-tossini PI u Bt, għall-bnedmin u għall-annimali li jikkunsmaw ikel u għalf li fihom it-tossini Bt ma jistgħux jiġu esklużi;

J.

billi għadd ta' studji juru li ġew osservati effetti kollaterali li jistgħu jaffettwaw is-sistema immunitarja wara esponiment għal tossini Bt u li xi tossini Bt jista' jkollhom karatteristiċi aġġuvanti (11), li jfisser li dawn jistgħu jżidu l-allerġeniċità ta' proteini oħra li jiġu f'kuntatt magħhom;

K.

billi l-valutazzjoni tal-interazzjoni potenzjali ta' residwi tal-erbiċidi u l-metaboliti tagħhom mat-tossini Bt titqies li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju; billi dan huwa problematiku peress li r-residwi mill-bexx bil-glufosinat huma magħrufa li jiddisturbaw il-mikrobijoma li, pereżempju, jistgħu jżidu r-reazzjonijiet immuni flimkien mat-tossini Bt (12);

Għelejjel Bt: effetti fuq organiżmi mhux fil-mira u żieda fir-reżistenza

L.

billi, għall-kuntrarju tal-użu ta' insettiċidi, fejn l-esponiment ikun fil-ħin tal-bexx u għal żmien limitat wara, l-użu ta' għelejjel Bt ĠM iwassal għal esponiment kontinwu tal-organiżmi fil-mira u dawk li mhux fil-mira għat-tossini Bt;

M.

billi s-suppożizzjoni li t-tossini Bt juru modalità ta' azzjoni waħda speċifika għall-mira ma tistax tibqa' titqies bħala korretta u l-effetti fuq organiżmi mhux fil-mira ma jistgħux jiġu esklużi (13) billi numru dejjem jiżdied ta' organiżmi mhux fil-mira huma rrappurtati li huma affettwati b'ħafna modi; billi 39 pubblikazzjoni rieżaminati bejn il-pari li jirrappurtaw effetti negattivi sinifikanti tat-tossini Bt fuq ħafna speċijiet “barra mill-firxa” jissemmew f'ħarsa ġenerali reċenti (14); billi firxa tal-organiżmi li mhumiex fil-mira fl-Unjoni jistgħu jiġu esposti għat-tossini Bt permezz tat-tixrid, l-iskart u d-demel li jirriżultaw mill-importazzjoni tal-għejjel Bt; billi fil-valutazzjoni tar-riskju ma ġie evalwat l-ebda effett fuq organiżmi mhux fil-mira;

N.

billi l-valutazzjoni tar-riskju ma qisitx l-iżvilupp ta' reżistenza fil-pesti fil-mira għat-tossini Bt, li possibbilment jirriżulta fl-użu ta' pestiċidi anqas sikuri għall-ambjent jew għal żieda fid-dożi u l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-għelejjel ĠM fil-pajjiż tal-kultivazzjoni; billi, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Istati Uniti qed tippjana li tneħħi b'mod gradwali bosta ibridi tal-qamħirrum Bt, kif ukoll xi varjetajiet tal-qoton Bt, fit-tliet snin sa ħames snin li ġejjin, minħabba ż-żieda fir-reżistenza tal-insetti għal tali għelejjel (15);

O.

billi, filwaqt li ġie ddikjarat li l-użu tal-għelejjel Bt iwassal għal tnaqqis fl-użu tal-insettiċidi, studju li sar fl-Istati Uniti (16), sab li “diversi analiżijiet dwar l-influwenza tal-għelejjel Bt fuq ix-xejriet tal-użu tal-pestiċidi ma jidhrux li qiesu t-trattamenti taż-żerriegħa u għalhekk setgħu enfasizzaw wisq it-tnaqqis fl-użu tal-insettiċida (speċjalment rigward ‘iż-żona ttrattata’) assoċjat mal-għelejjel Bt”;

P.

billi l-Unjoni hija parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB tan-NU), li tagħmilha ċara li kemm il-pajjiżi li jesportaw kif ukoll dawk li jimportaw għandhom responsabbiltajiet internazzjonali fir-rigward tad-diversità bijoloġika;

Kummenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

Q.

billi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bagħtu diversi kummenti lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur (17); billi dawk il-kummenti jinkludu kritika dwar it-tiftix fil-letteratura mwettaq mill-applikant, li r-rapporti ta' monitoraġġ tal-qamħirrum ĠM għall-perjodu ta' awtorizzazzjoni għandhom nuqqasijiet serji u li d-data dwar il-livelli ta' residwi tal-glufosinate, inklużi l-metaboliti rilevanti, fil-materjal tal-pjanti mill-istudji fuq il-post tappoġġja l-valutazzjoni tal-ikel, tal-għalf u tas-sikurezza ambjentali; billi awtorità kompetenti waħda talbet valutazzjoni ta' liema impatti għandha l-għalla ĠM fuq il-bijodiversità fil-pajjiżi produtturi u esportaturi, inkluż dwar kif l-importazzjoni ta' din l-għalla tinfluwenza l-għażla tal-għelejjel fl-Unjoni, u qajmet ukoll il-kwistjoni etika ta' jekk komodità li l-kultivazzjoni tagħha se tinvolvi l-esponiment tal-operaturi għall-glufosinate li huwa tossiku għar-riproduzzjoni u li ma għadux awtorizzat fl-Unjoni, għandhiex tiġi awtorizzata għall-importazzjoni fl-Unjoni;

Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

R.

billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jipprovdi li ikel jew għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda titqies fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha; billi dawn il-fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (“SDGs”) tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-KDB tan-NU;

S.

billi f'rapport tal-2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel instab li, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa (18); billi l-Mira tal-SDG 3.9 tan-NU għandha l-għan, li sal-2030, tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u tniġġis u kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija (19); billi l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-qamħirrum ĠM iżżid id-domanda għal din l-għalla ttrattata b'erbiċida li hija tossika għar-riproduzzjoni u li ma għadhiex awtorizzata għall-użu fl-Unjoni, u b'hekk iżżid l-esponiment tal-ħaddiema f'pajjiżi terzi; billi r-riskju ta' żieda fl-esponiment tal-ħaddiema huwa ta' tħassib partikolari fir-rigward ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi, meta jitqiesu l-volumi akbar ta' erbiċidi użati;

Proċess deċiżjonali mhux demokratiku

T.

billi l-votazzjoni fis-17 ta' Mejju 2021 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri;

U.

billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti b'mod ġenerali iżda sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' ikel u għalf ĠM, huwa problematiku;

V.

billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta total ta' 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew diġà adotta 18-il oġġezzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM; billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OĠM; billi r-raġunijiet li għalihom l-Istati Membri ma jappoġġjawx l-awtorizzazzjonijiet jinkludu nuqqas ta' rispett għall-prinċipju ta' prekawzjoni fil-proċess tal-awtorizzazzjoni u tħassib xjentifiku relatat mal-valutazzjoni tar-riskju;

W.

billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM;

X.

billi mhija meħtieġa l-ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista' ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell (20);

1.

Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.

Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, f'ittra tal-11 ta' Settembru 2020 lill-Membri, finalment irrikonoxxiet il-ħtieġa li titqies is-sostenibbiltà f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni dwar l-OĠM (22); jesprimi, madankollu, id-diżappunt kbir tiegħu li, minn dakinhar il-Kummissjoni kompliet tawtorizza l-OĠM għall-importazzjoni fl-Unjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet kontinwi mill-Parlament u l-vot kontra mill-maġġoranza tal-Istati Membri;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem bl-akbar urġenza rigward l-iżvilupp ta' kriterji ta' sostenibbiltà, bl-involviment sħiħ tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif se jitwettaq dan il-proċess u f'liema perjodu ta' żmien;

6.

Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi sakemm ir-riskji għas-saħħa assoċjati mar-residwi jkunu ġew investigati b'mod komprensiv fuq bażi ta' każ b'każ, li jirrikjedi valutazzjoni sħiħa tar-residwi mill-bexx ta' dawn l-għelejjel ĠM b'erbiċidi komplementari, valutazzjoni tal-prodotti ta' dekompożizzjoni tal-erbiċidi u kwalunkwe effett kombinatorju;

7.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax l-importazzjoni, għall-użu bħala ikel jew għalf, ta' kwalunkwe pjanta ĠM li saret tolleranti għal sustanza erbiċida attiva mhux awtorizzata għall-użu fl-Unjoni;

8.

Jistieden lill-EFSA tinvestiga d-differenzi sostanzjali bejn it-tossini Bt nattivi u dawk espressi permezz ta' transġeni sintetiċi fil-pjanti tal-għelejjel ĠM, u twessa' l-valutazzjoni tar-riskju tagħha sabiex tqis b'mod sħiħ l-interazzjonijiet u l-effetti kombinatorji kollha bejn it-tossini Bt, il-pjanti ĠM u l-kostitwenti tagħhom, ir-residwi mill-bexx bl-erbiċidi komplementari, l-ambjent kif ukoll l-impatti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel;

9.

Jistieden lill-EFSA ma taċċettax aktar studji tat-tossiċità bbażati fuq proteini iżolati li x'aktarx ikunu differenti fl-istruttura u fl-effetti bijoloġiċi meta mqabbla ma' dawk prodotti mill-pjanta nnifisha, u tirrikjedi li t-testijiet kollha jitwettqu b'tessuti mill-pjanta ĠM;

10.

Jistieden lill-EFSA titlob data dwar l-impatt tal-konsum tal-ikel u l-għalf derivati minn pjanti ĠM fuq il-mikrobijoma intestinali;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, għal darb'oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, il-KDB tan-NU u l-SDGs tan-NU; itenni s-sejħa tiegħu għal abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni li għandhom ikunu akkumpanjati minn memorandum ta' spjegazzjoni li jispjega kif huma jirrispettaw il-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara” (23);

12.

Jenfasizza li l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 (24), li ġew adottati fil-Parlament bħala bażi għal negozjati mal-Kunsill, jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma għandhiex tawtorizza OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur; jinsisti li l-Kummissjoni tirrispetta din il-pożizzjoni u jistieden lill-Kunsill jipproċedi bil-ħidma tagħha u jadotta approċċ ġenerali dwar dan il-fajl bħala kwistjoni ta' urġenza;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)  Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar il-valutazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 għat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO RX-016), EFSA Journal 2021; 19(1):6347, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2021.6347

(4)  Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0028).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0029).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0030).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0054).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0055).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON 89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0056).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0057).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0069).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1111, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0291).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0292).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 x MIR162 x NK603, ikunu jikkonsistu minnu jew li jkunu magħmulin minnu, u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0293).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0365).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × MON 87411 u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u MON 87411, li jikkonsistu minnhom jew li huma prodotti minnhom, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0366).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MIR604 (SYN-IR6Ø4-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0367).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 88017 (MON-88Ø17-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0368).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 (MON-89Ø34-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0369).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil (Testi adottati, P9_TA(2021)0080).

—

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MZIR098 (SYN-ØØØ98-3), li jikkonsistu minnu jew li jkunu prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2021)0081).

(5)  L-Opinjoni tal-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati rigward ir-referenza għall-applikazzjoni EFSA-GMO-RX-Bt11 għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta' prodotti eżistenti magħmula mill-qamħirrum ġenetikament modifikat reżistenti għall-insetti Bt11, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 minn Syngenta, EFSA Journal 2009; 7(2):977, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/977

(6)  Opinjoni tal-2009 tal-EFSA, p. 2.

(7)  Ara, pereżempju, Bonny, S., “Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides:

Overview and Impact”, Environmental Management, Jannar 2016; 57(1), pp. 31-48,

https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., “Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years”, Environmental Sciences Europe; 28 ta' Settembru 2012, Vol. 24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal 21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(9)  https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/active-substances/?event=as.details&as_id=79

(10)  MacIntosh, S.C., Kishore, G.M., Perlak, F.J., Marrone, P.G., Stone, T.B., Sims, S.R., Fuchs, R.L., “Potentiation of Bacillus thuringiensis insecticidal activity by serine protease inhibitors”, Journal of Agricultural and Food Chemistry, 38, pp. 1145-1152, https://pubs.acs.org/doi/abs/10.1021/jf00094a051

(11)  Għal rieżami, ara Rubio-Infante, N., Moreno-Fierros, L., “An overview of the safety and biological effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in mammals”, Journal of Applied Toxicology, Mejju 2016, 36(5), pp. 630 648, https://onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.1002/jat.3252

(12)  Parenti, M.D., Santoro, A., Del Rio, A., Franceschi, C., “Literature review in support of adjuvanticity/immunogenicity assessment of proteins”, EFSA Supporting Publications, Jannar 2019, 16(1): 1551, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/abs/10.2903/sp.efsa.2019.EN-1551

(13)  Ara, pereżempju, Hilbeck, A., Otto, M., “Specificity and combinatorial effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in the context of GMO environmental risk assessment”, Frontiers in Environmental Science 2015, 3:71, https://doi.org/10.3389/fenvs.2015.00071

(14)  Hilbeck, A., Defarge, N., Lebrecht, T., Bøhn, T., “Insecticidal Bt crops. EFSA's risk assessment approach for GM Bt plants fails by design”, RAGES 2020, p. 4, https://www.testbiotech.org/sites/default/files/RAGES_report-Insecticidal%20Bt%20plants.pdf

(15)  https://www.dtnpf.com/agriculture/web/ag/crops/article/2020/09/29/epa-proposes-phasing-dozens-bt-corn

(16)  Douglas, M.R., Tooker, J.F., “Large-Scale Deployment of Seed Treatments Has Driven Rapid Increase in Use of Neonicotinoid Insecticides and Preemptive Pest Management in U.S. Field Crops”, Environmental Science and Technology 2015, 49, 8, pp. 5088-5097, https://pubs.acs.org/doi/10.1021/es506141g

(17)  Il-kummenti tal-Istati Membri dwar il-qamħirrum ĠM jistgħu jiġu kkonsultati fir-reġistru tal-mistoqsijiet tal-EFSA:

http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/login?

(18)  https://www.ohchr.org/EN/Issues/Food/Pages/Pesticides.aspx

(19)  https://sdgs.un.org/2030agenda

(20)  Il-Kummissjoni “tista'”, u mhux “għandha”, tkompli bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur il-Kumitat ta' Appell, skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (l-Artikolu 6(3)).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi

l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi

l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(22)  https://tillymetz.lu/wp-content/uploads/2020/09/Co-signed-letter-MEP-Metz.pdf

(23)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005, paragrafu 102.

(24)  Testi adottati, P9_TA(2020)0364.