|
28.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 267/17 |
P9_TA(2023)0029
Tħejjija tas-Summit UE-Ukrajna
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2023 dwar it-tħejjija tas-Summit UE-Ukrajna (2023/2509(RSP))
(2023/C 267/02)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1), u ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna, iffirmata fl-2014 (AA/DCFTA), |
|
— |
wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Ukrajna għal sħubija fl-UE fit-28 ta' Frar 2022, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022 bit-titolu “Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea” (COM(2022)0407) u l-konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjonijiet ta' The Hague, il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom u l-Istatut ta' Ruma, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara t-23 Summit bejn l-UE u l-Ukrajna tat-12 ta' Ottubru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-Federazzjoni Russa ilha mill-24 ta' Frar 2022 twettaq gwerra illegali, mhux ipprovokata u mhux ġustifikata ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi din il-gwerra ta' aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi s-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa nbidlet b'mod fundamentali, b'mod li jeħtieġ deċiżjonijiet politiċi, tas-sigurtà u finanzjarji kuraġġużi, komprensivi u kuraġġużi mill-UE; billi l-Ukrajna sofriet minn aggressjonijiet Russi minn mindu faqqgħu l-protesti f'Novembru 2013 kontra d-deċiżjoni tal-President ta' dak iż-żmien li jissospendi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna; |
|
B. |
billi l-forzi tar-Russja wettqu attakki indiskriminati kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili; billi eluf ta' ċittadini, inklużi mijiet ta' tfal, diġà nqatlu u ħafna aktar sfaw ittorturati, iffastidjati, attakkati sesswalment, maħtufa jew spostati b'mod furzat; billi din l-imġiba inumana mill-forzi Russi u mill-forzi proxy tagħhom turi diżrispett totali lejn id-dritt umanitarju internazzjonali; billi fit-30 ta' Settembru 2022, ir-Russja ddikjarat unilateralment l-annessjoni tagħha tal-oblast Ukreni parzjalment okkupati mir-Russja ta' Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia, apparti l-annessjoni preċedenti tagħha tal-peniżola tal-Krimea; |
|
C. |
billi t-tmexxija politika u l-poplu tal-Ukrajna wrew determinazzjoni notevoli li jżommu l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Istat u s-servizzi pubbliċi minkejja l-gwerra; |
|
D. |
billi l-24 Summit bejn l-UE u l-Ukrajna għandu jsir fit-3 ta' Frar 2023 f'Kiev; billi dan is-summit jipprovdi opportunità primarja mhux biss biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni fil-post u l-prijoritajiet attwali tal-Ukrajna, inkluż l-appoġġ finanzjarju u militari, l-obbligu ta' rendikont għad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti ta' aggressjoni min-naħa tar-Russja, azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni globali, miżuri restrittivi u s-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija, iżda wkoll biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa biex l-Ukrajna tkompli bl-isforzi ta' riforma tagħha, kif stipulat fl-AA/DCFTA u fis-seba' prijoritajiet indikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022 u dawk li jwasslu għas-sħubija fl-UE; |
|
E. |
billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fis-seħħ mill-2014 diġà wassal għal intensifikazzjoni sostanzjali tad-djalogu politiku u għat-tisħiħ tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika, u fetaħ prospetti ġodda għall-kooperazzjoni settorjali; |
|
F. |
billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2022 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni, stieden lill-Kummissjoni tħejji pjan direzzjonali li jiddeskrivi l-passi li jmiss biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-Ukrajna għas-suq uniku tal-UE, bl-użu tal-potenzjal sħiħ tal-AA/DCFTA mal-Ukrajna; |
|
G. |
billi fis-17 ta' Ġunju 2022 il-Kummissjoni ppubblikat l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għal sħubija fl-UE u rrakkomandat li l-Ukrajna tingħata l-istatus ta' kandidat tal-UE bil-ftehim li jittieħdu ċerti miżuri ta' riforma bħal dawk dwar l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2022, fakkar li l-Kummissjoni kienet ġiet mistiedna tirrapporta dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet speċifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2022 bħala parti mill-pakkett regolari ta' tkabbir tagħha fl-2023, u ħa nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li minflok se tipprovdi aġġornament fir-rebbiegħa tal-2023; |
|
H. |
billi ma teżisti l-ebda “rotta rapida” għas-sħubija mal-UE, u l-adeżjoni tibqa' proċess kumpless, strutturat u bbażat fuq il-mertu u jirrikjedi l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi u t-traspożizzjoni tal-acquis tal-UE; billi l-progress ta' kull pajjiż fit-triq lejn l-adeżjoni huwa vvalutat fuq il-mertu tiegħu u fuq dak tal-proċess ta' riforma tiegħu; billi, madankollu, dan ma jeskludix bidu rapidu għall-proċess bħala wirja tal-impenn tal-UE lejn l-Ukrajna fil-kuntest ġeopolitiku ġdid li ħolqot l-aggressjoni Russa; billi l-kapaċità tal-UE li tassorbi membri ġodda se jkollha rwol importanti f'adeżjonijiet futuri; |
|
I. |
billi d-deċentralizzazzjoni u l-awtonomija lokali b'saħħitha saru pedament tad-demokrazija tal-Ukrajna u huma fattur importanti fir-reżiljenza tal-Ukrajna matul il-gwerra; billi huwa kritiku li l-muniċipalitajiet ikollhom ir-riedni f'idejhom f'dak li għandu x'jaqsam mar-rikostruzzjoni lokali biex jiġi żgurat li l-fondi nazzjonali u internazzjonali għar-rikostruzzjoni jaslu fejn ikunu meħtieġa l-aktar; |
|
1. |
Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi possibbli, għall-gwerra ta' aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll għall-involviment tal-Belarussja f'din il-gwerra, u jitlob li r-Russja ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira mingħajr ebda kundizzjoni l-forzi u t-tagħmir militari kollha tagħha mit-territorju kollu tal-Ukrajna, liema territorju huwa rikonoxxut fuq livell internazzjonali; |
|
2. |
Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, li qed ikompli juri kuraġġ u reżiljenza straordinarja quddiem it-theddid u l-attakki li ilhom għaddejjin bla waqfien mill-24 ta' Frar 2022 u matul l-aħħar disa' snin ta' aggressjonijiet Russi kontra l-Ukrajna; |
|
3. |
Jappoġġa bis-sħiħ l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, u jissottolinja li din il-gwerra tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali; itenni, f'dan ir-rigward, il-kundanna tiegħu għall-annessjoni illegali mir-Russja tar-reġjuni Ukreni ta' Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia, kif ukoll tal-peniżola tal-Krimea; |
|
4. |
Jissottolinja l-ħtieġa urġenti ta' responsabbiltà min-naħa tar-Russja għad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u d-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu rwol ewlieni u jappoġġaw b'mod attiv il-ħolqien ta' tribunal speċjali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tad-delitt ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll ta' reġistru internazzjonali tad-danni; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-investigazzjoni li għaddejja mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, inklużi id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju allegati; iħeġġeġ lill-Ukrajna tirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-QKI u l-emendi tiegħu u biex formalment issir membru tal-QKI sabiex tappoġġa l-isforzi internazzjonali biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal delitti internazzjonali serji; |
|
5. |
Ikompli jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri, kif ukoll lis-sħab tal-UE, biex jipprovdu lill-Ukrajna bl-appoġġ politiku, militari, ekonomiku, infrastrutturali, finanzjarju u umanitarju kollu meħtieġ; jistenna li l-Istati Membri jużaw is-Summit UE-Ukrajna li jmiss biex isaħħu l-impenn tagħhom; |
|
6. |
Jissottolinja l-ħtieġa kontinwa li tingħata għajnuna umanitarja lill-Ukrajna u jistieden lill-UE u l-Ukrajna jiddiskutu l-ħtiġijiet ta' madwar 8 miljun Ukren li ħarbu mill-gwerra u li qed jgħixu temporanjament fl-Istati Membri tal-UE; jilqa', f'dan il-kuntest, l-estensjoni reċenti tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (2) sa Marzu 2024; jissottolinja l-ħtieġa li tingħata prijorità lis-sitwazzjoni tat-tfal u n-nisa, b'mod partikolari n-nisa tqal, il-ġenituri waħedhom u l-vittmi tat-traffikar, kif ukoll li jingħaqdu l-isforzi biex l-Ukreni deportati bil-forza jiġu ritornati lejn l-Ukrajna u biex jerġgħu jingħaqdu l-familji tat-tfal adottati bil-forza mill-Ukrajna; |
|
7. |
Jistieden lill-Istati Membri jżidu u jaċċelleraw l-assistenza militari tagħhom lill-Ukrajna, b'mod partikolari l-forniment ta' armi, b'rispons għal ħtiġijiet identifikati b'mod ċar; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-aktar deċiżjonijiet reċenti li l-Ukrajna tiġi pprovduta b'vetturi moderni għall-ġlied tal-infanterija, vetturi blindati għat-trasport tal-persunal, sistemi ta' difiża tal-ajru u l-munizzjon rilevanti, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jħaffu l-għoti ta' appoġġ u tagħmir militari lill-Ukrajna; jilqa' d-deċiżjoni tal-gvernijiet ta' diversi Stati Membri tal-UE, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Kanada li jipprovdu tankijiet tal-gwerra moderni lill-Ukrajna; jinsisti li t-taħriġ tal-ekwipaġġi Ukreni fit-tħaddim ta' dawn it-tankijiet għandu jibda immedjatament u jitlob li jiġi kkunsidrat li, bħala l-pass li jmiss, jingħataw ajruplani tal-ġlied tal-Punent u sistemi ta' missili fuq distanza twila; |
|
8. |
Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-pjan ta’ paċi bbażat fuq 10 punti ppreżentat mill-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy u jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' koalizzjoni biex jimplimentaw dak il-pjan u jimpenjaw ruħhom mal-Ukrajna dwar is-suġġett tal-garanziji ta' sigurtà futuri, bħal dawk proposti fil-Patt ta' Sigurtà ta' Kiev; |
|
9. |
Jappoġġa l-istabbiliment tal-missjoni ta' assistenza militari biex tħarreġ lil-forzi armati Ukreni fit-territorju tal-UE; jirrikonoxxi l-ħidma attwali tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna u jilqa' l-aġġustament reċenti tal-mandat tagħha sabiex tappoġġa lill-awtoritajiet Ukreni fil-faċilitazzjoni tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' kwalunkwe reat kriminali internazzjonali mwettaq mill-forzi armati u l-merċenarji Russi fil-kuntest tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; |
|
10. |
Jilqa' l-iffirmar fis-16 ta' Jannar 2023 tal-Memorandum ta' Qbil u l-Ftehim dwar Faċilità ta' Self għall-pakkett ta' appoġġ bla preċedent ta' EUR 18-il biljun għall-Ukrajna fl-2023 permezz tal-istrument ta' assistenza makrofinanzjarja+ kif ukoll l-iżborż rapidu tal-ewwel pagament parzjali fis-17 ta' Jannar 2023; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni kontinwa u rapida tal-impenji għall-assistenza finanzjarja u teknika sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà makroekonomika tal-Ukrajna, tiġi restawrata l-infrastruttura kritika u jinżammu s-servizzi pubbliċi essenzjali, b'mod partikolari fid-dawl tal-attakki kontinwi Russi kontra l-infrastruttura ċivili li jipperikolaw għadd sostanzjali ta' ċittadini Ukreni f'riskju li ma jkollhomx aċċess għal servizzi bażiċi bħall-ilma, it-tisħin u l-elettriku; jenfasizza l-ħtieġa ta' użu responsabbli, trasparenti u effiċjenti tal-assistenza finanzjarja tal-UE u assistenza finanzjarja internazzjonali oħra u jisħaq fuq l-importanza li terġa' tiddaħħal is-sistema tal-akkwist pubbliku tal-Ukrajna billi tiġi restawrata għalkollox is-sistema ProZorro; |
|
11. |
Jappella biex is-Summit UE-Ukrajna jintuża biex tiġi prijoritizzata l-ħtieġa ta' pakkett komprensiv ta' rkupru tal-UE għall-Ukrajna li għandu jkun iċċentrat fuq l-assistenza, ir-rikostruzzjoni u l-irkupru immedjat tal-pajjiż, kif ukoll fit-terminu medju u fit-tul, u li jgħin aktar biex isaħħaħ it-tkabbir tal-ekonomija ladarba tintemm il-gwerra; ifakkar li l-pakkett ta' rkupru għandu jitmexxa b'mod konġunt mill-UE, mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u mis-sħab tal-istess fehma, bl-involviment sostanzjali tal-G7; jirrakkomanda li r-rappreżentanti tal-awtonomiji lokali tal-Ukrajna jikkontribwixxu għat-tfassil ta' miżuri ta' rkupru; jirrakkomanda li jiġi stabbilit mekkaniżmu ċar u trasparenti għall-involviment tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina fil-proċessi ewlenin tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jitlob appoġġ kontinwu għas-soċjetà ċivili; jissottolinja l-importanza ta' kundizzjonijiet ambjentali u ta' trasparenza għall-isforz ta' rikostruzzjoni; jinsisti fuq l-implimentazzjoni tar-riformi ambjentali l-aktar rilevanti, kif ukoll fuq l-istabbiliment ta' salvagwardji effettivi għall-protezzjoni tal-ambjent matul l-iżvilupp u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; jitlob li l-pakkett ta' rkupru jiġi sostnut mill-kapaċità baġitarja neċessarja tal-UE; |
|
12. |
Itenni l-appell tiegħu għall-identifikazzjoni ta' bażi legali xierqa li tippermetti l-użu ta' assi friżati tal-Bank Ċentrali Russu u ta' oligarki Russi biex tiġi ffinanzjata r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; jappoġġa l-istabbiliment ta' missjoni internazzjonali speċjali ta' monitoraġġ biex tirreġistra l-konsegwenzi ambjentali tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna bil-ħsieb li tiġi stabbilita bażi biex jinkiseb kumpens speċifiku mir-Russja; |
|
13. |
Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jagħti status ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna; jissottolinja li l-adeżjoni mal-UE trid isseħħ f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, abbażi tar-rispett għall-proċeduri rilevanti u bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti, b'mod partikolari l-hekk imsejħa kriterji ta' Copenhagen għas-sħubija fl-UE, u tibqa' proċess ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti, b'mod partikolari fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, ekonomija tas-suq u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE; |
|
14. |
Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għas-sħubija tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea; jemmen li din tirrappreżenta investiment ġeostrateġiku f'Ewropa magħquda u b'saħħitha; itenni li l-applikazzjoni tal-Ukrajna għal sħubija fl-UE hija ekwivalenti għal turija ta' tmexxija, determinazzjoni u viżjoni fil-kuntest tal-lum tal-gwerra ta' aggressjoni brutali Russa u tibgħat messaġġ politiku ċar li l-Ukrajna għażlet b'mod irriversibbli perkors Ewropew, li se jkun appoġġat mis-sħab Ewropej tagħha; |
|
15. |
Jilqa' l-ambizzjonijiet Ewropej tal-poplu tal-Ukrajna u għalhekk iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi u lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jisfruttaw il-momentum u jsegwu b'mod vigoruż l-aġenda ta' riforma relatata mal-UE, filwaqt li jqisu l-prijoritajiet indikati mill-Kummissjoni fl-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-UE; |
|
16. |
Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukrajna juru mingħajr ambigwità d-determinazzjoni politika tagħhom li jaġixxu fuq l-ambizzjonijiet Ewropej tal-poplu tagħhom billi jtejbu b'mod sinifikanti l-progress b'riformi sostanzjali sabiex jissodisfaw b'mod effettiv il-kriterji għas-sħubija fl-UE malajr kemm jista' jkun; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi protetta l-indipendenza tal-istituzzjonijiet kollha li jaħdmu kontra l-korruzzjoni, tittejjeb il-libertà tal-media, jissaħħu l-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-funzjonament tal-korpi tal-infurzar tal-liġi u jiġi żgurat il-pluraliżmu politiku u tal-partiti kemm fi ħdan il-Parlament Ukren kif ukoll barra minnu; jistieden lill-Ukrajna żżomm lura milli tgħaddi leġiżlazzjoni li ma tkunx kompatibbli mal-acquis tal-UE jew li tipperikola l-kisbiet fl-ambitu tal-proċess ta' riforma u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; |
|
17. |
Jistieden lil dawk li jattendu s-summit li jmiss bejn l-UE u l-Ukrajna biex jaħdmu favur il-bidu ta' negozjati tal-adeżjoni u jappoġġaw pjan direzzjonali li jiddeskrivi l-passi li jmiss biex jippermettu l-adeżjoni tal-Ukrajna fis-suq uniku tal-UE, li jiffoka fuq l-għoti ta' benefiċċji tanġibbli għas-soċjetà u ċ-ċittadini Ukreni mill-bidu tal-proċess, abbażi ta' approċċ gradwali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan kuraġġuż u ambizzjuż għal dawn in-negozjati u għall-integrazzjoni rapida u gradwali tal-Ukrajna fil-politiki u l-programmi tal-UE, akkumpanjat minn pjan direzzjonali għal kull pass tal-proċess; jappella għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn il-ħidma li għaddejja dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-seħħ u l-proċess tan-negozjati ta' adeżjoni; |
|
18. |
Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jkompli jsaħħaħ l-awtonomija lokali, riforma li ngħatat fama nazzjonali u internazzjonali sinifikanti, u jintegra s-suċċess tar-riforma ta' deċentralizzazzjoni fl-arkitettura ġenerali tal-proċessi ta' tiswija, irkupru u rikostruzzjoni tal-Ukrajna; |
|
19. |
Jilqa' l-progress sinifikanti tal-Ukrajna fl-allinjament mas-suq uniku tal-UE u jitlob l-adozzjoni rapida tal-pjan ta' azzjoni prijoritarju għal implimentazzjoni msaħħa tad-DCFTA UE-Ukrajna bejn l-2023 u l-2024; jitlob li jiġi prolongat ir-Regolament (UE) 2022/870 dwar il-liberalizzazzjoni temporanja tal-kummerċ (3), kif ukoll rieżami urġenti ta' miżuri ulterjuri possibbli ta' liberalizzazzjoni tat-trasport; |
|
20. |
Jilqa' l-ftehim iffaċilitat mill-UE tar-“roaming daqslikieku f'pajjiżek” bejn l-UE u l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni Ukreni għall-benefiċċju tar-rifuġjati Ukreni u jilqa' l-estensjoni tiegħu; jitlob li s-suq tat-telekomunikazzjoni tal-Ukrajna jiġi integrat fis-suq tat-telekomunikazzjoni tal-UE; |
|
21. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika u jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet reċiproċi tat-tkabbir kemm fl-Ukrajna kif ukoll fl-Istati Membri sabiex ikomplu jżidu l-appoġġ u jtejbu l-fehim tal-proċess ta' adeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-UE u r-riżultati tanġibbli tiegħu fl-Ukrajna; jinsisti li s-soċjetà ċivili tal-Ukrajna u l-UE jaqdu rwol attiv fl-implimentazzjoni ta' dawn l-objettivi; |
|
22. |
Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Ukrajna fl-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant tal-UE u jitlob li din l-inizjattiva politika tkompli tissaħħaħ, bħala pjattaforma importanti għall-kooperazzjoni reġjonali u l-iskambju ta' esperjenzi ta' riforma bejn il-pajjiżi sħab li jfittxu jew kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-UE jew sħubija fl-UE; |
|
23. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jestendu l-opportunitajiet għall-uffiċjali Ukreni biex jistudjaw u josservaw il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE; jinkoraġġixxi laqgħat parlamentari bilaterali bejn il-parlamenti tal-Istati Membri u dawk tal-Ukraina; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jipprovdu opportunitajiet edukattivi għaż-żgħażagħ, l-impjegati taċ-ċivil u l-membri tal-korp diplomatiku tal-Ukrajna, fost l-oħrajn; jitlob li jiġu varati proċeduri għall-istabbiliment tal-Akkademja tas-Sħubija tal-Lvant għall-Amministrazzjoni Pubblika; |
|
24. |
Jistieden lill-Istati Membri jadottaw l-10 pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja malajr kemm jista' jkun, u jissottomettu b'mod proattiv proposti għall-iżvilupp ulterjuri tas-sanzjonijiet billi jiġu inklużi setturi u individwi ġodda; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jkomplu juru għaqda fil-konfront tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna; jistieden lis-sħab kollha, b'mod partikolari lill-pajjiżi kandidati tal-UE u lil pajjiżi kandidati potenzjali, biex jallinjaw ruħhom mal-pakketti ta' sanzjonijiet; |
|
25. |
Jitlob li l-lista ta' individwi fil-mira tas-sanzjonijiet tiġi estiża biex tinkludi l-kumpaniji Russi li għadhom preżenti fis-swieq tal-UE, bħal Lukoil u Rosatom, u dawk involuti fid-deportazzjonijiet bil-forza, fil-priġunerija illegali ta' attivisti ċiviċi u membri tal-oppożizzjoni politika tar-Russi, fir-“referenda” illegali f'Luhansk, Kherson, Zaporizhzhia u Donetsk, u fl-“elezzjonijiet” illegali fil-Krimea u Sevastopol, kif ukoll il-membri kollha tal-partiti tad-Duma tal-Istat li jokkupaw karigi f'parlamenti eletti fil-livelli kollha, inkluż fil-livelli reġjonali u muniċipali, u l-membri tal-media ta' propaganda Russa li xxerred sentimenti kontra l-Ukrajna u favur il-gwerra;; jitlob lill-Kunsill ikabbar il-lista ta' dawk l-individwi sanzjonati biex tinkludi individwi mil-lista proposta mill-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta' Alexey Navalny; fl-istess ħin, iħeġġeġ lill-Ukrajna tadotta l-liġi Magnitsky Ukrena; jitlob projbizzjoni fuq l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment diretti jew indiretti ta' djamanti, f'forma mhux maħduma jew f'forma pproċessata, li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa; |
|
26. |
Itenni t-talba tiegħu għal embargo immedjat u sħiħ fuq l-importazzjonijiet ta' fjuwils fossili u uranju mir-Russja, u li l-pipelines Nord Stream 1 u 2 jiġu abbandunati kompletament, sabiex jitwaqqaf il-finanzjament tal-magna tal-gwerra ta' Putin bil-flus tal-UE; jitlob li jissaħħu l-miżuri restrittivi kontra l-Belarussja; iħeġġeġ lill-Kunsill, f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, biex inaqqas il-limitu tal-prezz fuq iż-żejt li joriġina jew li qed jiġi esportat mir-Russja; |
|
27. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet superviżorji tal-UE jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni effettiva u komprensiva tas-sanzjonijiet kollha tal-UE mill-Istati Membri u jindirizzaw kwalunkwe prattika ta' ċirkomvenzjoni, inkluż billi jingħalqu l-lakuni eżistenti; jikkundanna lil dawk il-pajjiżi terzi li għenu lir-Russja u lill-Belarussja jagħmlu ċirkomvenzjoni mis-sanzjonijiet imposti u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw miżuri kontra dawk il-pajjiżi terzi; |
|
28. |
Jikkundanna d-deċiżjoni reċenti tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li jippermetti lill-atleti Russi u Belarussi jikkompetu fi kwalifiki għal-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi 2024 taħt bandiera newtrali, li tmur kontra l-iżolament multidimensjonali ta’ dawk il-pajjiżi u se tintuża miż-żewġ reġimi għall-finijiet ta’ propaganda; |
|
29. |
Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-iżolament internazzjonali tal-Federazzjoni Russa, inkluż fir-rigward tas-sħubija tagħha f'organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali, biex iżommu lura milli jorganizzaw kwalunkwe avveniment formali fit-territorju tal-Federazzjoni Russa, filwaqt li jnaqqsu l-livell ta' relazzjonijiet diplomatiċi ma' Moska; |
|
30. |
Jikkundanna l-okkupazzjoni illegali min-naħa tar-Russja tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Zaporizhzhia tal-Ukrajna u, sabiex jittaffa r-riskju ta' inċident nukleari jew radjoloġiku, jappoġġa l-proposta li tiġi stabbilita żona ta' protezzjoni tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari madwaru, kif propost mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika; |
|
31. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b'mod strateġiku u jiġġieldu b'mod proattiv it-theddid ibridu u jipprevjenu l-indħil tar-Russja fil-proċessi politiċi u elettorali u proċessi demokratiċi oħra fl-Ukrajna u lil hinn minnha, b'mod partikolari atti malizzjużi li jkollhom l-għan li jimmanipulw l-opinjoni pubblika u jdgħajfu l-integrazzjoni Ewropea; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u l-kampanji ta' tfixkil imfassla biex idgħajfu l-proċessi demokratiċi u joħolqu diviżjonijiet fl-Ukrajna; |
|
32. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna. |
(1) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalita' ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.).
(3) Ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2022 dwar il-miżuri ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 103).