23.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/83


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/496

tat-22 ta' Marzu 2018

dwar l-istabbiliment tal-lista annwali ta' prijoritajiet għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida għall-2018

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida huma essenzjali sabiex jiġi integrat għalkollox is-suq intern tal-enerġija. It-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija (3) ħoloq qafas istituzzjonali għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk bl-għan li, meta jkun meħtieġ, jiġu armonizzati r-regoli tekniċi, operattivi u tas-suq li jirregolaw il-grilji tal-elettriku u tal-gass. Għal dak il-għan, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), in-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi tat-Trażmissjoni (ENTSO) u l-Kummissjoni jaħdmu b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

(2)

L-oqsma li fihom jistgħu jiġu żviluppati l-kodiċijiet tan-netwerk huma stabbiliti fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Apparti mill-possibbiltà li jiġu żviluppati kodiċijiet tan-netwerk, il-Kummissjoni tista' wkoll tiddeċiedi li tiżviluppa linji gwida fl-oqsma stabbiliti fl-Artikolu 18(1), (2), (3) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. F'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, il-Kummissjoni l-ewwel jenħtieġ li tistabbilixxi lista annwali ta' prijoritajiet sabiex jiġu identifikati l-oqsma li jridu jiġu inklużi fl-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk.

(3)

Waqt il-konsultazzjoni pubblika (4), il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati appoġġat il-prijoritizzazzjoni tal-ħidma li diġà għaddejja u enfasizzat l-importanza ta' implimentazzjoni xierqa u kkoordinata sew tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida li ġew adottati u li bihom jiġi żgurat l-involviment strutturat tal-partijiet ikkonċernati. Xi wħud minn dawk li tkellmu indikaw li fil-futur jista' jkun hemm bżonn li titqies emenda tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida li ġew adottati.

(4)

Wara li ġew rikonoxxuti t-tweġibiet tal-partijiet ikkonċernati u wara li ġew ikkunsidrati l-inizjattivi leġiżlattivi futuri fil-kuntest tal-inizjattiva tat-tfassil tas-suq, l-azzjonijiet varji meħtieġa biex tkun żgurata l-integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-enerġija u l-fatt li l-implimentazzjoni ta' kodiċijiet u linji gwida tan-netwerks se tkun teħtieġ riżorsi sinifikanti mill-partijiet kollha rilevanti, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, l-ACER, l-ENTSOs u l-partijiet ikkonċernati, l-ebda qasam ġdid ma żdied mal-listi ta' prijorità annwali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Qiegħed b'dan jiġi stabbilit li ma ġie identifikat ebda qasam ġdid għall-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-netwerk u ta' linji gwida għall-elettriku u għall-gas fl-2018.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(2)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(3)  It-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija huwa magħmul mid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55), mid-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94), mir-Regolamenti (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 u mir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

(4)  It-tweġibiet huma ppubblikati fis-sit web: https://ec.europa.eu/info/consultations/public-consultation-priorities-network-codes-and-guidelines-2018-based-article-6-1-regulation-ec-no-714-2009-and-regulation-ec-no-715-2009_mt