European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/313

13.1.2025

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(C/2025/313)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Châtillon-en-Diois”

PDO-FR-A0177-AM04

Data tal-komunikazzjoni: 21.10.2024

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Tikkettar

Fit-Taqsima XII “Regoli dwar il-preżentazzjoni u t-tikkettar” tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-punt 2 “Dispożizzjonijiet speċjali” ġie ssupplimentat biex jinkludi r-regoli tat-tikkettar sabiex issir referenza għall-unità ġeografika usa’ “Vignobles de la Vallée du Rhône”, kif stabbilit fil-ftehim iffirmat bejn il-korpi ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni kkonċernati. Din l-informazzjoni trid tidher fl-istess kamp viżiv bħad-dettalji obbligatorji kollha u trid tiġi stampata bl-istess tipa u kulur bħal dawk tad-denominazzjoni, sakemm id-daqs tagħha ma jkunx akbar minn żewġ terzi tad-daqs tad-denominazzjoni.

Din l-emenda tmexxiet għat-taqsima “Kundizzjonijiet addizzjonali” tad-Dokument Uniku.

2.   Żona ġeografika

Fit-Taqsima IV “Żoni u postijiet li fihom jitwettqu diversi operazzjonijiet” tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-punt 1 “Żona ġeografika” ġie ssupplimentat biex jiġu aġġornati u kkoreġuti l-ismijiet tal-muniċipalitajiet, mingħajr ma tinbidel iż-żona ġeografika.

L-ismijiet “Aix-en-Diois” u “Molière-Glandaz” jitħassru. Jiżdied l-isem “Solaure en Diois”.

Din il-korrezzjoni tal-ismijiet tal-muniċipalitajiet ġiet miżjuda fid-Dokument Uniku, taħt l-intestatura “Żona demarkata”.

3.   Referenza għall-korp ta’ spezzjoni

It-Taqsima II “Referenza għall-korp ta’ spezzjoni” tal-Kapitolu III tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet aġġornata biex jiġi speċifikat li l-kontrolli b’rabta mal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iridu jitwettqu abbażi ta’ pjan ta’ spezzjoni approvat, u minn korp terz li joffri garanziji ta’ kompetenza, imparzjalità u indipendenza delegat mill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità.

Dan l-aġġornament ma jaffettwax id-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet

Châtillon-en-Diois

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika:

DOP — Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dielja

1.

Inbid

3.1.   Kodiċi tan-nomenklatura magħquda

—

22 - XORB, SPIRTI U ĦALL

2204 - Inbejjed ta’ għeneb frisk, inklużi inbejjed imsaħħin; most tal-għeneb għajr dak tan-numru 2009

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   DOP Châtillon-en-Diois, inbejjed ħomor, rożè u bojod

DESKRIZZJONI QASIRA

Id-denominazzjoni tal-oriġini “Châtillon-en-Diois” hija riżervata għall-inbejjed ħomor, rożè u bojod.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): 12,5

—

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) —

—

Aċidità totali minima: f’milliekwivalenti għal kull litru

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

2.   Għall-inbejjed bojod tad-DOP Châtillon-en-Diois

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

L-inbejjed bojod huma magħmula mill-varjetajiet Aligoté B u Chardonnay B.

Il-kontenut minimu ta’ zokkor tal-għeneb huwa ta’ 170 gramma għal kull litru ta’ most.

L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta’ 10,5 %.

L-inbejjed bojod għandhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli li ma jaqbiżx il-kontenut totali ta’ aċidità espress fi grammi għal kull litru ta’ aċidu tartariku flimkien ma’ 2, sa massimu ta’ 6 g/l ta’ zokkor.

Il-kriterji analitiċi l-oħra huma konformi mar-regoli tal-UE.

L-inbejjed bojod, magħmula mill-varjetajiet Aligoté B u Chardonnay B, huma xotti u friski, normalment b’aromi ta’ fjuri bojod u frott taċ-ċitru.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

—

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) —

—

Aċidità totali minima: f’milliekwivalenti għal kull litru

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

3.   Għall-inbejjed ħomor u rożè tad-DOP Châtillon-en-Diois

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

L-inbejjed ħomor u rożè huma magħmulin mill-varjetà Gamay (varjetà ewlenija), u mill-Pinot Noir u s-Syrah bħala varjetajiet sekondarji. Dawn l-inbejjed isiru permezz tat-taħlit ta’ għeneb jew ta’ inbejjed li fihom il-perċentwal tal-varjetà ewlenija huwa ta’ 60 jew aktar.

Il-kontenut minimu ta’ zokkor tal-għeneb għall-produzzjoni tal-inbejjed rożè huwa ta’ 170 g/l ta’ most u 171 g/l għall-produzzjoni tal-inbejjed ħomor.

L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta’ 10,5 %.

L-inbejjed ħomor għandhom kontenut ta’ aċidu maliku ta’ 0,4 g/l jew inqas u kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ mhux aktar minn 3 g/l. L-inbejjed rożè għandhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli li ma jaqbiżx il-kontenut totali ta’ aċidità espress fi grammi għal kull litru ta’ aċidu tartariku miżjud bi 2, sa massimu ta’ 6 g/l ta’ zokkrijiet. Il-kriterji analitiċi l-oħra jsegwu r-regolamenti Komunitarji.

L-inbejjed ħomor, magħmulin prinċipalment mill-varjetà Gamay, għandhom karattru speċjali. Avolja dejjem ikollhom togħma tispikka ta’ frott, jistgħu jiġu espressi noti oħra aktar ibbażati fuq il-pjanti (xagħri, eċċ.). Barra minn hekk, ir-robustezza li dejjem tikkaratterizza dawn l-inbejjed hija ssupplimentata minn struttura aktar tannika u minn mineralità fil-ħalq li jirriżultaw mit-taħlit tal-varjetà Gamay N ma’ varjetajiet oħra (Pinot Noir N u, possibbilment, Syrah N).

L-inbejjed rożè ġeneralment ikollhom kulur roża li jfakkar f’lewn is-salamun, aromi ta’ frott aħmar u freskezza distintiva ħafna fil-ħalq.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

—

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) —

—

Aċidità totali minima: f’milliekwivalenti għal kull litru

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

Prattika enoloġika speċifika

L-użu ta’ faħam għall-użu enoloġiku għall-produzzjoni tal-inbejjed rożè huwa pprojbit, kemm waħdu kif ukoll imħallat fi preparazzjonijiet.

Minbarra d-dispożizzjoni ta’ hawn fuq, f’dak li għandu x’qasam mal-prattiki enoloġiċi, l-inbejjed għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell Komunitarju kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

Prattika tal-kultivazzjoni

Kull pjanta għandha erja massima ta’ 2,20 metru kwadru. Din l-erja tinkiseb billi l-ispazju bejn ir-ringieli jiġi mmultiplikat bl-ispazju bejn il-pjanti.

L-ispazju bejn il-flanni ma għandux ikun ta’ aktar minn 2,50 metru.

L-ispazju bejn il-pjanti fl-istess flann irid ikun ta’ mill-inqas 0,80 metru u ma jridx ikun ta’ aktar minn 1,50 metru.

Id-dwieli jinżabru jew bi żbir Guyot jew b’żabra qasira (cordon de Royat), b’massimu ta’ 12-il għajn għal kull pjanta.

L-irrigazzjoni tista’ tiġi awtorizzata.

5.2.   Rendimenti massimi

60 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni tal-inbejjed isiru fil-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département ta’ Drôme: Barnave, Châtillon-en-Diois, Laval-d’Aix, Luc-en-Diois, Menglon, Montlaur-en-Diois, Montmaur-en-Diois, Poyols, Recoubeau-Jansac, Saint-Roman, Solaure en Diois.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Aligoté B

Chardonnay B

Gamay N

Pinot noir N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Iż-żona ġeografika tinsab fuq l-għoljiet tal-Park Naturel Reġjonali ta’ Vercors, bejn l-għoljiet prealpini ta’ Drôme u Provence, sax-Xlokk ta’ Die, fit-Tramuntana tal-ktajjen subalpini tan-Nofsinhar magħrufa bħala “Haut-Diois”, u fil-konfluwenza tal-Bez u tad-Drôme. Hija limitata, fit-Tramuntana, mill-muntanja Glandasse (irdumijiet ta’ Vercors) u fin-Nofsinhar, mill-Claps (ġebla tal-ġir kbira) ta’ Luc-en-Diois.

Iż-żona ġeografika hija mifruxa fuq it-territorju ta’ 12-il muniċipalità. F’din iż-żona ġeografika, il-vinji tal-muntanji jkopru biss 36 ettaru u jitħawlu fuq l-inklinazzjonijiet tat-tafal u tal-ġebla tal-ġir, normalment f’altitudni ta’ bejn 500 u 650 metru, u huma protetti mir-riħ tat-Tramuntana mill-irdumijiet ta’ Vercors.

Il-klima hija moderata, bi sfumaturi Mediterranji degradati ħafna, marbuta direttament ma’ din l-altitudni u mal-prossimità tal-massif ta’ Vercors.

Il-vinji l-aktar ikoniċi u l-aktar importanti fil-produzzjoni jinsabu fil-muniċipalità ta’ Châtillon-en-Diois, li tmiss mal-Massif ta’ Glandasse (altitudni ta’ 2 000 metru) ’l fuq mill-Wied tal-Bez, li huwa tributarju torrenzjali tad-Drôme. L-għolja, li għandha altitudni medja ta’ madwar 550 metru, tgawdi minn esponiment estremament favorevoli għan-Nofsinhar. Dan joffri lill-vinji mesoklima partikolari, li hija propizja ħafna għall-kultivazzjoni tad-dwieli, u tagħtihom reputazzjoni tajba ħafna.

Id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Châtillon en Diois” tista’ tkun magħmula minn inbejjed ħomor u bojod u, fi grad inqas, minn inbejjed rożè. Bil-varjetajiet tad-dwieli tagħha, din il-vinja tixbaħ il-vinji tat-Tramuntana, jiġfieri, minn naħa, il-vinji ta’ Bourguignon, li minnhom joriġinaw il-varjetajiet Gamay N, Pinot Noir N, Alignoté B u Chardonnay B, u, min-naħa l-oħra, il-vinji tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkontrollati magħrufa bħala “Côtes du Rhône Nord” bil-varjetà Syrah N, li ġieli tiġi kkultivata fi Diois.

Dawn il-varjetajiet intgħażlu minħabba l-kompatibbiltà tagħhom mal-ħamrija tal-lom jew tal-ġir, bi skular tajjeb, li jinsabu fuq is-“serres” (l-isem użat lokalment għar-riżalti u l-għoljiet) u fuq l-għoljiet b’esponiment tajjeb. Il-vitikulturi ilhom iħawlu d-dwieli madwar il-muniċipalità ta’ Luc-en-Diois, fil-Wied tal-Bez u fil-Wied kollu tad-Drôme, sa minn żmien ir-Rumani.

F’dawk il-widien, kien hemm bżonn li jinstabu l-aħjar irqajja’ ta’ art fuq is-“serres” jew fuq l-artijiet imtarrġa, ġieli f’altitudni ta’ sa 650 metru, bħal fil-muniċipalità ta’ Laval-d’Aix.

Mit-triq ta’ konnessjoni prinċipali, li tgħaddi isfel taħt fejn jinsabu l-vinji, id-dwieli ftit li xejn jidhru fil-pajsaġġ. Aktar fl-għoli, wieħed jista’ jara l-vinji tal-muntanji b’kabini u għarajjex tal-vitikulturi, li huma xhieda tal-vitikultura u li huma pjuttost numerużi f’ċertu postijiet, bħal fil-muniċipalità ta’ Châtillon-en-Diois, fejn hemm mill-inqas 80.

L-irqajja’ jintgħażlu bir-reqqa, abbażi tal-karatteristiċi naturali tagħhom u skont id-drawwiet lokali, u dan jippermetti l-ħsad tal-għeneb għall-produzzjoni tal-inbejjed bojod fil-muniċipalitajiet kollha fiż-żona ġeografika, filwaqt li għall-inbejjed ħomor, il-ħsad huwa limitat għall-muniċipalitajiet ta’ Châtillon-en-Diois u Menglon. Dawn l-inbejjed huma rikonoxxuti bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Châtillon-en-Diois” permezz tad-Digriet tat-3 ta’ Marzu 1975.

B’riżultat ta’ dan, il-vitikultura żviluppat b’pass mgħaġġel u nħolqot komunità madwar il-prodott.

Il-mesoklima muntanjuża ta’ dawn l-għoljiet tippermetti lill-inbejjed jesprimu aromi ta’ frott, li jakkumpanjaw il-freskezza karatteristika tal-inbejjed rożè u bojod u r-robustezza tal-inbejjed ħomor.

Filwaqt li l-preżenza tad-dwieli u tal-inbid ilha stabbilita sa mill-Gallja Rumana, ir-reputazzjoni tal-inbid inizjalment kienet limitata għall-muntanji fil-qrib minħabba l-kwalità fqira tal-kanali ta’ komunikazzjoni.

Wara li l-industriji tal-ikkonzar u tat-tessuti ntemmu fil-bidu tas-seklu għoxrin, l-inbid bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Châtillon-en-Diois”, bħall-inbejjed kollha f’Diois b’denominazzjonijiet ta’ oriġini kkontrollata, kien ir-riżorsa ekonomika ewlenija fil-wied.

Mill-1960, kull sena tiġi organizzata festa tal-inbid fil-muniċipalità ta’ Châtillon-en-Diois bħala promozzjoni għall-inbejjed. Mill-1995, l-avveniment issemma “Festival Arts et Vigne”, li jiżgura tixrid usa’ tar-reputazzjoni ta’ din il-vinja.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Rekwiżiti addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali tat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

(a)

Id-dettalji fakultattivi kollha għandhom jidhru fuq it-tikketti b’ittri li, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, ma jkunux akbar mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata.

(b)

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jistgħu jiġu ttikkettati bl-isem ta’ unità ġeografika iżgħar, dment li:

—

ikun isem ta’ post elenkat fir-reġistru tal-artijiet;

—

u li jidher fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad.

L-isem tal-post irreġistrat għandu jiddaħħal immedjatament wara l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini kkontrollata u għandu jiġi stampat f’karattri li ma jkunux akbar, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, minn nofs id-daqs tal-karattri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

c)

It-tikkettar tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jispeċifika l-unità ġeografika akbar “Vignobles de la Vallée du Rhône” f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim iffirmat bejn id-diversi korpi ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni kkonċernati.

Din l-informazzjoni trid jidher fl-istess kamp viżiv bħad-dettalji obbligatorji kollha u trid tiġi stampata bl-istess tipa u kulur bħal dawk tad-denominazzjoni, sakemm id-daqs tagħha ma jkunx akbar minn żewġ terzi tad-daqs tad-denominazzjoni.

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita b’deroga għall-vinifikazzjoni u l-produzzjoni tal-inbid hija magħmula mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département ta’ Drôme: Aubenasson, Aurel, Barsac, Chamaloc, Chastel-Arnaud, La Chaudière, Die, Espenel, Eygluy-Escoulin, Marignac-en-Diois, Ponet-Saint-Auban, Pontaix, Rimon-et-Savel, Romeyer, Saillans, Saint-Andéol, Saint-Benoit-en-Diois, Sainte-Croix, Saint-Julien-Quint, Saint-Sauveur-en-Diois, Vachères-en-Quint, Vercheny, Véronne.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-a92477d7-4838-4aa9-a88a-b571322adec6


(1)   ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/313/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)