20.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/15


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1587

tad-19 ta' Settembru 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 642/2010 dwar regoli ta' applikazzjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar id-dazju ta' importazzjoni fis-settur taċ-ċereali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 180 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 (2) jistipula regoli dwar il-kalkolu u l-iffissar tad-dazju fuq l-importazzjoni fuq ċerti prodotti, inklużi prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1001 11 00, 1001 19 00, ex 1001 99 00 (qamħ komuni ta' kwalità għolja għajr dak għaż-żerriegħa), 1002 10 00 u 1002 90 00.

(2)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 (3), il-Kunsill qabel dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”).

(3)

L-Artikolu 2.4 tal-Ftehim jipprevedi t-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw minn kwalunkwe Parti skont skedi għat-tneħħija tat-tariffi stipulati fl-Anness 2-A tal-Ftehim. Il-punt 3(d) ta' dak l-Anness jistipula t-tneħħija ta' dazji doganali fuq ċerti prodotti, inklużi l-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1001 11 00, 1001 19 00, ex 1001 99 00 (qamħ komuni ta' kwalità għolja għajr dak għaż-żriegħ), 1002 10 00 u 1002 90 00, fi tmien stadji ndaqs, li jibdew fid-data meta jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 642/2010 għandu jiġi emendat skont dan. L-emendi proposti jenħtieġ li japplikaw mill-21 ta' Settembru 2017, id-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim u għaldaqstant dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 642/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw fil-Kanada u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1001 11 00, 1001 19 00, ex 1001 99 00 (qamħ komuni ta' kwalità għolja għajr dak għaż-żerriegħa), 1002 10 00 u 1002 90 00, id-dazju tal-importazzjoni għandu jkun ugwali għal perċentwal iffissat skont il-paragrafu 2 u, jekk ikun xieraq, il-paragrafu 4. Il-perċentwal li għandu jiġi applikat huwa stabbilit fl-Anness Ia. Id-dazju ta' importazzjoni għandu jitqarreb għal mill-inqas l-eqreb EUR 0,001.”

(2)

Jiddaħħal l-Anness Ia, li t-test tiegħu huwa stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta' Settembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 tal-20 ta' Lulju 2010 dwar regoli ta' applikazzjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar id-dazju ta' importazzjoni fis-settur taċ-ċereali (ĠU L 187, 21.7.2010, p. 5).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).


ANNESS

“ANNESS Ia

Il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 2(5)

Sena

Perċentwal

2017

87,5

2018

75

2019

62,5

2020

50

2021

37,5

2022

25

2023

12,5

2024 u kull sena sussegwenti

0 (mingħajr dazju)

”