|
3.7.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 184/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 638/2013
tat-2 ta’ Lulju 2013
li jittermina l-investigazzjoni dwar iċ-ċirkumvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bl-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju f’rombli li mhumiex annellati u ta’ wisa’ li taqbeż is-650 mm li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 13(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
1. IL-PROĊEDURA
|
(1) |
Bir-Regolament (KE) Nru 925/2009 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fuljetti tal-aluminju li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) (“il-miżuri eżistenti”). |
|
(2) |
Fl-24 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikolu 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-allegata ċirkomvenzjoni tal-miżuri eżistenti u biex tagħmel l-importazzjonijiet tal-fuljetta tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr appoġġ, mhux maħduma aktar milli rrumblati, f’rombli li mhumiex annellati, ta’ wisgħa aktar minn 650 mm u piż ta’ aktar minn 10 kg u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607 11 19 20), li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott li qed jiġi investigat”) suġġetti għal reġistrazzjoni. |
|
(3) |
It-talba tressqet minn Symetal SA, Eurofoil Lussemburgu SA, Alcomet u Hydro Aluminium Rolled Products GmbH, erba’ produtturi tal-Unjoni tal-fuljetti tal-aluminju. |
|
(4) |
It-talba kienet tinkludi evidenza prima facie li l-miżuri eżistenti qegħdin jiġu ċirkomvalati permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni u l-konverżjoni sussegwenti tiegħu f’fuljetta tal-aluminju f’rombli b’wisa’ ta’ mhux aktar minn 650 mm, li huwa l-prodott soġġett għall-miżuri eżistenti. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz tar-Regolament (UE) Nru 973/2012 (3) bdiet investigazzjoni u tat struzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana biex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat. |
|
(6) |
Intbagħtu kwestjonarji lil disa’ produtturi esportaturi u lill-awtoritajiet fir-RPĊ. La l-produtturi esportaturi u lanqas l-awtoritajiet fir-RPĊ ma ppreżentaw ruħhom u ressqu xi tweġiba għall-kwestjonarju. Il-kwestjonarji ntbagħtu wkoll lil sittax-il importatur fl-Unjoni. Importatur wieħed biss ippreżenta ruħu iżda ma weġibx il-kwestjonarju. |
2. L-IRTIRAR TAT-TALBA U T-TERMINAZZJONI TAL-INVESTIGAZZJONI
|
(7) |
Permezz tal-ittri tat-3 u l-4 ta’ April 2013 indirizzati lill-Kummissjoni, l-erba’ produtturi tal-Unjoni irtiraw formalment it-talba tagħhom biex tiġi investigata l-allegata ċirkomvenzjoni tal-miżuri eżistenti. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tista’ tiġi tterminata meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm din it-terminazzjoni ma tkunx fl-interess tal-Unjoni. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni qieset li l-investigazzjoni attwali għandha tiġi tterminata billi l-investigazzjoni ma żvelat xejn li juri li tali terminazzjoni ma tkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tressqu ebda kummenti li jindikaw li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni għaldaqstant waslet għall-konklużjoni li l-investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bl-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju f’rombli li mhumiex annellati u ta’ wisa’ li taqbeż is-650 mm li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għandha tiġi tterminata. |
|
(11) |
Ir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li ġiet introdotta mir-Regolament (UE) Nru 973/2012 għalhekk għandha titwaqqaf u r-Regolament (UE) Nru 973/2012 għandu jitħassar, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-investigazzjoni mibdija bir-Regolament (UE) Nru 973/2012 rigward iċ-ċirkumvenzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ fuljetta tal-aluminju ta’ mhux inqas minn 0,008 mm, u mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr appoġġ, mhux maħduma aktar milli rrumblati, f’rombli li mhumiex annellati, ta’ wisgħa aktar minn 650 mm u piż ta’ aktar minn 10 kg u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607 11 19 20), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qiegħda b’dan tiġi tterminata.
Artikolu 2
L-awtoritajiet doganali għandhom iwaqqfu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 973/2012.
Artikolu 3
Ir-Regolament (UE) Nru 973/2012 huwa b’dan imħassar.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22,12.2009, p. 51.