Official Journal L 252 , 28/07/2004 P. 0010 - 0014
l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/570/PESK tat- 12 ta' Lulju 2004 dwar l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fil-Bożnja u Ħerzegovina IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 14, l-Artikolu 25, it-tielet paragrafu, l-Artikolu 26 u l-Artikolu 28(3) tiegħu, Billi: (1) Il-Kunsill Ewropew ħabbar li l-Unjoni Ewropea lesta għall-missjoni PESD fil-Bożnja u Ħerzegovina (BiH), inkluż komponent militari. (2) Il-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi (GFAP) fil-(BiH) jipprevedi, inter alia, arranġamenti għall-istabbiliment ta' forza ta' implimentazzjoni militari multinazzjonali. (3) Il-Kunsill fit- 12 ta' Lulju 2004 adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/569/PESK [1] dwar il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-Bożnja u Ħerzegovina. Ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE (EUSR) fil-BiH għandu jippromwovi koordinazzjoni politika ġenerali fil-BiH. (4) Il-Kunsill fil- 11 ta' Marzu 2002 adotta l-Azzjoni Konġunta 2002/210/PESK [2] dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPM), sabiex tibni u ssaħħaħ il-kapaċita ta' pulizija lokali, partikolarment fil-livell ta' l-Istat u fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. (5) Fis- 26 ta' April 2004 il-Kunsill approva l-kunċett ġenerali għall-missjoni PESD fil-(BiH), inkluż komponent militari. (6) Fis- 17- 18 ta' Ġunju 2004 il-Kunsill Ewropew adotta politika komprensiva għall-(BiH). (7) Il-Laqgħa Għolja tan-NATO ta' Kapijiet ta' Stat jew Gvern f'Istanbul fit- 28- 29 ta' Ġunju 2004 ddeċidiet tikkonkludi l-operazzjoni tas-SFOR tan-NATO fil-Bożnja u Ħerzegovina sa l-aħħar tal-2004. (8) Ir-Resoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1551 (2004)], adottata fid- 9 ta' Lulju 2004 laqgħet l-intenzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tniedi missjoni ta' l-EU għall-Bożnja u Ħerzegovina li tinkludi komponent militari, minn Diċembru 2004, skond it-termini stabbiliti fl-ittra tad- 29 ta' Ġunju 2004 mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Irlanda u President tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea lill-Presidenza tal-Kunsill ta' Sigurtà. Il-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda wkoll li l-ftehim dwar l-Istatus ta' Forzi li attwalment jinsabu fl-Appendiċi B għall-Anness 1-A tal-Ftehim għall-Paċi għandhom japplikaw proviżorjament fir-rigward tal-Missjoni ta' l-UE proposta u l-forzi tagħha, inkluż mill-punt massimu tagħhom fil-Bożnja u Ħerzegovina, f'antiċipazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-partijiet f' dawk il-ftehim f'dan ir-rigward. (9) Il-Kunsill qabel li l-operazzjoni militari ta' l-UE għandha tipprovdi deterrent, konformità kontinwa mar-responsabbiltà li jiġi eżegwit ir-rwol speċifikat fl-Annessi 1.A u 2 tal-GFAP fil-BiH u tikkontribwixxi għall-ambjent sikur, skond il-mandat tagħha, meħtieġ biex jintlaħqu kompiti prinċipali fil-Pjan għall-Implimentazzjoni tal-Missjoni ta' l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli u l-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAP). (10) L-operazzjoni għandha ssaħħaħ l-approċċ komprensiv ta' l-UE lejn il-BiH, u tagħti sostenn lill-progress tal-BiH lejn integrazzjoni fl-UE bl-isforzi tagħha, bl-għan li jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bħala objettiv fuq żmien medju. (11) L-operazzjoni militari ta' l-UE għandu jkollha awtorità sħiħa, eżerċitata permezz tal-kmandant tal-forza tagħha, sabiex tilħaq ir-rwol speċifikat fl-Annessi 1A u 2 tal-GFAP fil-BiH biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta' aspetti militari tal-GFAP, u sabiex tistima u tindirizza n-nuqqas ta' konformità mill-Partijiet. (12) Minbarra l-kuntatti diġa' stabbiliti fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-UE fil-BiH, l-Unjoni Ewropea għandu jibqa' jkollha konsultazzjonijiet mill-qrib ma' l-awtoritajiet tal-BiH, b'mod partikolari mal-Ministru tad-Difiża, fir-rigward tat-tmexxija ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE. (13) Konsultazzjonijiet man-NATO għandhom jipproċedu skond id-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Iskambju ta' Ittri tas- 17 ta' Marzu 2003 bejn is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) u n-NATO. Fi Skambju ta' Ittri sussegwenti fit- 30 ta' Ġunju u fit- 8 ta' Lulju 2004 rispettivament, il-Kunsill tan-Nord Atlantiku qabel li jagħmel lil DSACEUR disponibbli bħala Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u qabel li l-Kwartieri Ġenerali ta' l-Operazzjoni ta' l-UE għandhom jkunu pożizzjonati f'SHAPE. (14) Il-Kumitat tas-Sigurtà u Politika (PSC) għandu jeżerċita kontroll politiku ta' u jipprovdi direzzjoni strateġika għall-operazzjoni militari ta' l-UE fil-BiH u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25, it-tielet paragrafu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. (15) Skond il-linji gwida tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Nizza mis- 7 sad- 9 ta' Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-SĠ/RGħ skond l-Artikoli 18 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fl-implimentazzjoni ta' miżuri li jaqgħu taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika eżerċitata mill-PSC, skond l-Artikolu 25 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea. (16) Pajjiżi Terzi għandhom jipparteċipaw fl-operazzjoni militari ta' l-UE skond il-linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ewropew. (17) Skond l-Artikolu 28 (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, in-nefqa ta' l-operazzjoni li tirriżulta minn din l-Azzjoni Konġunta b'implikazzjonijiet militari u ta' difiża għandha titħallas mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat- 23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi mekkaniżmu biex jiġi amministrat il-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea b'implikazzjonijiet militari u ta' difiża [3] (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "ATHENA"). (18) L-Artikolu 14 (1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jsejjaħ għal indikazzjoni, f'azzjonijiet konġunti, tal-mezzi li għandhom isiru disponibbli għall-Unjoni. L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE jikkostitwixxi l-aħjar stima attwali u hu mingħajr preġudizzju għal figuri finali li għandhom jiġu inklużi f'budget li għandu jiġi approvat skond il-prinċipji stabbiliti fl-ATHENA. (19) Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma' tieħux sehem fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u għalhekk ma tipparteċipax fil-finanzjament ta' l-operazzjoni, ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA: Artikolu 1 Missjoni 1. Suġġett għal deċiżjoni oħra tal-Kunsill għat-tnedija ta' l-operazzjoni, ladarba d-deċiżjonijiet rilevanti kollha jittieħdu, l-Unjoni Ewropea għandha tmexxi operazzjoni militari fil-Bożnja u Ħerzegovina (BiH) bl-isem ta' "ALTHEA" sabiex tipprovdi deterrent, konformità kontinwa mar-responsabbiltà li jintlaħaq ir-rwol speċifikat fl-Annessi 1-A u 2 tal-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi (GFAP) fil-BiH u biex tikkontribwixxi għal ambjent sikur fil-BiH, skond il-mandat tagħha, meħtieġ biex jintlaħqu kompiti prinċipali fil-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-missjoni ta' l-OHR u s-SAP. Din l-operazzjoni għandha tkun parti mill-missjoni ġenerali tal-PESD fil-BiH. 2. Il-forzi skjerati għal dan il-għan għandhom joperaw skond il-kunċett ġenerali approvat mill-Kunsill. 3. L-operazzjoni militari ta' l-UE għandha tiġi eżegwita b'rikors għall-assi u kapaċitajiet komuni tan-NATO, skond kif miftiehem man-NATO. Artikolu 2 Ħatra ta' Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE L-Ammirall Rainer FEIST, id-Deputat Kmandant Suprem ta' l-Allejati għall-Ewropa (D-SACEUR), qiegħed hawn jiġi maħtur Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE. Artikolu 3 L-Għażla tal-Kwartieri Ġenerali ta' l-Operazzjoni ta' l-UE Il-Kwartieri Ġenerali ta' l-Operazzjoni ta' l-UE għandhom ikunu fil-Kwartieri Ġenerali Supremi tal-Forzi Allejati fl-Ewropa (SHAPE). Artikolu 4 L-Għażla tal-Kmandant tal-Forza ta' l-UE Il-Maġġur Ġeneral A. David LEAKEY qiegħed hawn jiġi maħtur Kmandant tal-Forza ta' l-UE. Artikolu 5 Ippjanar u tnedija ta' l-Operazzjoni Il-Kunsill għandhu jiddeċiedi dwar it-tnedija ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE wara l-approvazzjoni tal-Pjan ta' l-Operazzjoni u r-Regoli ta' l-Ingaġġ u kwalunkwe deċiżjoni oħra meħtieġa. Artikolu 6 Kontroll politiku u direzzjoni strateġika 1. Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-PSC għandha teżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE. Il-Kunsill qiegħed hawn jawtorizza lill-PSC sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex temenda d-dokumenti ta' l-ippjanar, inkluż il-Pjan ta' Operazzjoni, il-Linja ta' Kmand u r-Regoli ta' l-Ingaġġ. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi wkoll is-setgħat li tieħu deċiżjonijiet ulterjuri dwar il-ħatra ta' Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u/jew Kmandant tal-Forza ta' l-UE. Il-setgħat ta' deċiżjoni li għandhom x'jaqsmu ma' l-objettivi u t-tmiem ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għandhom jibqgħu għand il-Kunsill, assistit mis-SĠ/RGħ. 2. Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari. 3. Il-PSC għandu jirċievi rapporti mill-President tal-Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea (CEUMC) dwar it-tmexxija ta' l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea f'intervalli regolari. Il-PSC jista' jistieden lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u/jew il-Kmandant tal-Forzi ta' l-UE għall-laqgħat tiegħu, kif xieraq. Artikolu 7 Koerenza tar-rispons ta' l-UE 1. L-operazzjoni għandha tkun parti minn preżenza ta' l-UE koordinata tajjeb fil-BiH. Il-Kunsill għandu jiżgura l-koerenza u effettività massima għall-isforz ta' l-UE fil-BiH. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Komunità, l-EUSR għandu jippromwovi l-kordinazzjoni ġenerali tal-politika ta' l-UE fil-BiH. L-EUSR għandu jippresedi grupp ta' koordinazzjoni kompost mill-atturi kollha ta' l-UE preżenti f' dan il-qasam, inkluż il-Kmandant tal-Forza ta' UE, bil-għan li jikkoordinaw l-aspetti ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni ta' l-UE. 2. Il-Kmandant tal-Forza ta' l-UE għandu, mingħajr preġudizzju għall-linja tal-kmand, jieħu kont ta' parir politiku lokali ta' l-EUSR, b'mod speċjali fir-rigward ta' kwistjonijiet li fihom l-EUSR għandu rwol partikolari jew mistqarr, u għandu, matul il-mandat tiegħu, jagħmel ħiltu biex jieħu kont ta' kwalunkwe talba ta' l-EUSR. 3. Il-Kmandant tal-Forza ta' l-EU għandu jikkomunika kif xieraq ma' l-EUPM. Artikolu 8 Direzzjoni militari 1. Il-Kumitat Militari ta' l-UE (EUMC) għandu jimmonitorja l-eżekuzzjoni tajba ta' l-operazzjoni militari ta' l-EU mmexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE. 2. L-EUMC għandu jirċievi rapporti mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE f'intervalli regolari. Jista' jistieden lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u/jew lill-Kmandant tal-Forzi ta' l-UE għall-laqgħat tiegħu kif meħtieġ. 3. Is-CEUMC għandu jaġixxi bħala l-punt primarju ta' kuntatt mal-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE. Artikolu 9 Relazzjonijiet mal-BiH Is-SĠ/RGħ u l-EUSR fil-BiH, fil-mandati rispettivi tagħhom, għandhom jaġixxu bħala l-punti primarji ta' kuntatt ma' l-awtoritajiet tal-BiH għal kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta. Il-Presidenza għandha tiġi infurmata regolarment u fil-pront dwar dawn il-kuntatti. Il-Kmandant tal-Forzi ta' l-UE għandu jżomm kuntatt ma' l-awtoritajiet lokali, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' l-EUSR, dwar kwistjonijiet rilevanti għall-missjoni tiegħu. Artikolu 10 Koordinazzjoni u kuntatt Mingħajr preġudizzju għall-linja ta' kmand, il-Kmandanti ta' l-UE għandhom jikkordinaw mill-qrib ma' l-EUSR fil-BiH bil-ħsieb li tkun żgurata l-konsistenza ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE fil-kuntest usa ta' l-attivitjiet ta' l-UE fil-BiH. F'dak il-qafas, il-Kmandanti ta' l-UE għandhom iżommu kuntatt ma' atturi internazzjonali fil-qasam kif xieraq. Artikolu 11 Parteċipazzjoni ta' Stati terzi 1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Qafas Istituzzjonali Wieħed, u skond il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew: - il-membri Ewropej tan-NATO li m' humiex membri ta' l-UE u l-Kanada għandhom jipparteċipaw fl-operazzjoni ta' l-EU jekk jixtiequ, - pajjiżi li huma kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-operazzjoni militari ta' l-UE skond il-modalitajiet miftehma, - sħab potenzjali u stati terzi oħra jistgħu jkunu wkoll mistiedna biex jipparteċipaw fl-operazzjoni. 2. Il-Kunsill b'dan jawtoriżża lill-PSC sabiex jieħu, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE u l-EUMC, id-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti. 3. Arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim, skond l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Is-SĠ/RGħ, waqt li jassisti lill-Presidenza, jista' jinnegozja dan it-tip ta' arranġamenti għan-nom tagħha. Fejn l-UE u stat terz ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan l-istat terz f'operazzjonijiet ta' immaniġjar ta' kriżijiet ta' l-UE, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' din l-operazzjoni. 4. Stati terzi li jagħmlu kontribuzzjonijiet militari sinifikanti għall-operazzjoni militari ta' l-UE għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'dak li għandu x'jaqsam mat-tmexxija ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħall-Istati Membri ta' l-UE li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni. 5. Il-Kunsill qiegħed hawn jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri, fil-każ li stati terzi jipprovdu kontribuzzjonijiet militari sinifikanti. Artikolu 12 Arranġamenti finanzjarji 1. L-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għandhom jiġu amministrati mill-ATHENA. 2. Għall-finijiet ta' din l-operazzjoni militari ta' l-UE: - il-kwartieri tas-suldati u l-alloġġ tal-forzi in ġenerali m' għandhomx ikunu eliġibbli għall-pagament bħala spejjeż komuni, - spejjeż relatati ma' trasport għall-forzi in ġenerali m' għandhomx ikunu eliġibbli għall-pagament bħala spejjeż komuni. 3. Mingħajr preġudizzju għall-iffinanzjar ta' kwalunkwe operazzjoni futura u in vista tar-rekwiżiti speċifiċi ta' l-istabbiliment ta' din l-operazzjoni, il-Kunsill jista', in vista tal-proċess tal-Ġenerazzjoni tal-Forzi, jikkunsidra l-kwestjoni ta' l-iffinanzjar tat-Taskforce Multinazzjonali tan-Nord. 4. L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għandhom ikunu EUR 71700000. 5. Proċeduri ta' akkwist għall-operazzjoni militari ta' l-UE għandhom ikunu miftuħa għal offerenti mill-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' l-operazzjoni. Artikolu 13 Relazzjonijiet man-NATO 1. Relazzjonijiet man-NATO għandhom jipproċedu skond id-disposizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Iskambju ta' Ittri tas- 17 ta' Marzu 2003 bejn is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO. 2. Il-linja tal-kmand kollha tal-Forza ta' l-UE għandha tibqa' taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-UE tul l-operazzjoni militari ta' l-UE, wara konsultazzjoni bejn l-UE u n-NATO. F'dan il-qafas, il-Kmandant tal-Operazzjoni ta' l-UE għandu jirrapporta dwar it-tmexxija ta' l-operazzjoni lill-korpi ta' l-UE biss. In-NATO għandha tiġi nfurmata bl-iżviluppi fis-sitwazzjoni mill-korpi xierqa, b'mod partikolari l-PSC u s-CEUMC. Artikolu 14 Il-Ħruġ ta' informazzjoni lin-NATO u Stati terzi 1. Is-SĠ/RGħ qiegħed hawn jiġi awtorizzat joħroġ informazzjoni klassifikata ta' l-UE u dokumenti ġenerati għall-għanijiet ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE lin-NATO u lill-partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill tas-Sigurtà. 2. L-SĠ/RGħ qiegħed hawn jiġi awtorizzat biex joħroġ lill-partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti ta' l-UE mhux klassifikati li għandhom x'jaqsmu mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta' l-operazzjoni, koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali skond l-Artikolu 6, paragrafu 1 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill. Artikolu 15 Azzjoni komunitarja Il-Kunsill jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tmexxi, fejn xieraq, l-azzjoni tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet ta' din l-Azzjoni Konġunta. Artikolu 16 Proċess ta' Reviżjoni 1. Bħala parti mill-proċess ta' reviżjoni tal-missjoni ta' l-UE, għandha ssir reviżjoni kull sitt xhur: - sabiex tippermetti lil PSC jiddetermina, waqt li jieħu kont tas-sitwazzjoni ta' sigurta u tal-parir mill-HR/EUSR u mill-kmandant tal-Forza ta' l-UE permezz tal-Linja ta' Kmand, u wara parir militari ta' l-EUMC, kwalukwe bidla li għandha ssir fid-daqs, mandat u kompiti ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE, u meta għandha tiġi mitmuma; - biex jippermetti lill-PSC jiddetermina, waqt li jieħu kont tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u pariri mill-HR/EUSR, il-Kmandant tal-Forza ta' l-UE, u l-Kap tal-Missjoni EUPM, u wara l-pariri ta' l-EUMC u s-CIVCOM, jekk il-kapaċita ta' stil ta' l-Unita Integrata tal-Pulizija kollha jew parti għandiex tkun pożizzjonata mill-ġdid fi ħdan id-dominju ta' l-EUSR, għal obbligi li ta' appoġġ għall-Istat tad-Dritt, inkluż is-sostenn ta' Aġenzija ta' Informazzjoni u Protezzjoni ta' l-Istat (SIPA). F'dan il-każ il-kompożizzjoni tal-missjonijiet tal-pulizija u militari għandhom jiġu riveduti. 2. Il-Kunsill għandu, mhux iktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2005, jevalwa l-kontinwazzjoni ta' l-operazzjoni. Artikolu 17 Dħul fis-seħħ u tmiem 1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha. 2. L-operazzjoni militari ta' l-UE għandha tintemm fid-data li tiġi deċiża mill-Kunsill. 3. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi mħassra wara l-iskjerament tal-forzi kollha ta' l-UE, skond l-ippjanar ta' tmien ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE approvat. Artikolu 18 Pubblikazzjoni Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussell, nhar it- 12 ta' Lulju 2004. Għall-Kunsill Il-President B. Bot [1] Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. [2] ĠU L 70, tat-13.3.2002, p. 1. [3] ĠU L 63, tat-28.2.2004, p. 68. --------------------------------------------------