European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1448

29.6.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1448

tas-26 ta’ Ġunju 2026

b’appoġġ għal proġett dwar it-tnaqqis tar-riskji għas-sikurezza tal-munizzjon fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) illeċiti u l-munizzjon tagħhom. L-Unjoni impenjat ruħha, fost l-oħrajn, li tippromwovi l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għal ġestjoni aktar effettiva tal-ħażniet tas-SALW u li tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni u l-assistenza għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar SALW, inkluż il-ġestjoni tal-ħażniet għas-SALW u l-munizzjon.

(2)

Fl-4 ta’ Diċembru 2023, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-Qafas Globali għall-Ġestjoni tal-Munizzjon Konvenzjonali Tul il-Ħajja (il-Qafas Globali), li huwa qafas kooperattiv volontarju li fih sett ta’ impenji politiċi biex isaħħaħ u jippromwovi inizjattivi eżistenti dwar il-ġestjoni tal-munizzjon konvenzjonali tul il-ħajja, u jindirizza l-lakuni eżistenti fiha. L-Objettiv 5 tal-Qafas Globali jinkoraġġixxi l-istabbiliment mill-istati tal-kapaċitajiet tekniċi biex titwettaq sorveljanza adegwata, sistematika u sostenibbli tal-munizzjon konvenzjonali fil-ħażniet nazzjonali, kif adatt u konsistenti mal-liġi nazzjonali, inkluż permezz tal-għoti u r-riċeviment ta’ kooperazzjoni u assistenza internazzjonali.

(3)

Fl-14 ta’ April 2025, il-Kunsill approva Konklużjonijiet dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni tal-Armi, li fihom inkariga lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi Konvenzjonali (COARM) fejn rilevanti biex jappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-ġestjoni tal-ħażniet tal-armi u l-munizzjon.

(4)

L-eżerċizzju tad-dritt inerenti ta’ awtodifiża mill-Ukrajna kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja mill-24 ta’ Frar 2022 involva l-akkwist u l-ġestjoni ta’ ħażniet sinifikanti ta’ munizzjon konvenzjonali, li ġġenera riskji u sfidi serji għas-sikurezza.

(5)

L-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm jenħtieġ li jintużaw kif xieraq biex titnaqqas it-tbatija umana u jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-poplu tal-Ukrajna fil-kuntest tal-awtodifiża tagħha kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, u biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi relatati mal-gwerra.

(6)

Għalhekk huwa xieraq li l-Unjoni tappoġġa, permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, proġett immirat lejn it-tnaqqis tar-riskji għas-sikurezza tal-munizzjon fl-Ukrajna,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tappoġġa proġett dwar it-tnaqqis tar-riskji għas-sikurezza tal-munizzjon fl-Ukrajna (il-“proġett”).

2.   L-objettiv tal-proġett għandu jkun li jitnaqqsu r-riskji għas-sikurezza tal-munizzjon fl-Ukrajna billi jiġu ddeterminati r-rekwiżiti tal-kapaċità teknika għas-sorveljanza tal-munizzjon mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Ukrajna u, fuq dik il-bażi, billi jtejbu l-kapaċitajiet tekniċi nazzjonali permezz tal-akkwist u t-trasferiment ta’ tagħmir tal-ittestjar u permezz tal-għoti ta’ taħriġ relatat. Il-proġett għandu b’dan jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ aċċidenti relatati mal-munizzjon u splużjonijiet mhux ippjanati, għall-protezzjoni mtejba tal-persunal, u għas-sikurezza ċivili mtejba.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentat Għoli”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett għandha titwettaq miċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Ġinevra għat-Tneħħija ta’ Mini għal Skopijiet Umanitarji (GICHD) u l-ITF Enhancing Human Security (Organizzazzjoni għat-Tisħiħ tas-Sigurtà Umana) (ITF).

3.   Il-GICHD u l-ITF għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-GICHD u l-ITF.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni (in-“nefqa”) għandu jkun ta’ EUR 1 996 834.

2.   In-nefqa għandha tiġi ġestita f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni tajba tal-ammont ta’ referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa mal-GICHD u l-ITF. Dawk il-ftehimiet għandhom jistipulaw li l-GICHD u l-ITF għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għall-kuntest u d-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti kull sitt xhur imħejjija mill-GICHD u l-ITF.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet imsemmijin fl-Artikolu 3(3) jew 6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk l-ebda wieħed minn dawk il-ftehimiet ma jkun ġie konkluż f’dak il-perjodu.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DAMIANOS


ANNESS

DOKUMENT TA' PROĠETT

“Tnaqqis tar-riskji għas-sikurezza tal-munizzjon fl-Ukrajna”

1.   Sfond u Kuntest

L-Ukrajna qed tiffaċċa riskji u sfidi sinifikanti għas-sikurezza u s-sigurtà fir-rigward tal-ħażniet nazzjonali ta' munizzjon konvenzjonali. Dawn ġew saħansitra aktar aggravati mill-gwerra ta' aggressjoni fuq skala sħiħa tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022.

Dawn l-isfidi rriżultaw f'bosta inċidenti splussivi li rriżultaw mhux biss minn atti ta' attakki ostili u sabotaġġ tal-infrastruttura tal-munizzjon, iżda wkoll mit-trasport, il-ħżin, l-immaniġġar, u r-rimi ta' munizzjon mhux ivverifikat jew instabbli mill-Forzi Armati tal-Ukrajna u mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Ukrajna. Minkejja li l-awtoritajiet Ukreni adottaw miżuri preventivi biex iżidu s-sikurezza u jnaqqsu r-riskji għall-persunal u l-popolazzjonijiet ċivili, l-infrastruttura, u l-ambjent, fost l-oħrajn, fiż-żoni ta' ħżin tal-munizzjon u madwarhom, jeħtieġ li jittieħdu aktar miżuri.

F'dan il-kuntest, hija meħtieġa b'mod urġenti assistenza teknika fil-qasam tas-sorveljanza tal-munizzjon biex tappoġġa lill-awtoritajiet Ukreni fil-mitigazzjoni tar-riskji għas-sikurezza tal-munizzjon. Is-sorveljanza effettiva tal-munizzjon hija pedament tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-munizzjon, li tippermetti d-detezzjoni bikrija ta' degradazzjoni, difetti, u l-kundizzjonijiet mhux sikuri tat-trasport, tal-ħżin jew tal-immaniġġar li jirriżultaw. Il-kapaċitajiet attwali ta' sorveljanza tal-munizzjon fl-Ukrajna jinsabu taħt pressjoni minħabba:

—

Volumi kbar u diversità ta' tipi ta' munizzjon, kalibri, etajiet, u standards tal-manifattura;

—

Disponibbiltà limitata ta' persunal imħarreġ fis-sorveljanza tal-munizzjon;

—

Infrastruttura insuffiċjenti jew li saritilha ħsara fil-gwerra għall-ispezzjoni sistematika, is-sorveljanza, l-ittestjar u l-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja;

—

Lakuni fit-tagħmir tekniku, fil-proċeduri standardizzati, fid-dokumentazzjoni, u fil-ġestjoni tad-data meta mqabbla mal-prattiki u l-istandards internazzjonali tajbin;

—

Żieda fl-esponiment tal-munizzjon għal kundizzjonijiet ambjentali u ta' ħżin avversi.

Lil hinn mill-indirizzar tar-riskji immedjati għas-sikurezza tal-munizzjon matul il-kunflitt, il-kapaċitajiet imsaħħa ta' sorveljanza tal-munizzjon ser jiffurmaw pedament kritiku għall-irkupru u l-istabbilizzazzjoni tal-Ukrajna wara l-kunflitt, inkluż it-tranżizzjoni minn qagħda militari fi żmien ta' gwerra għal qagħda militari fi żmien ta' paċi. Volumi kbar ta' munizzjon ser jirrikjedu spezzjoni, verifika u ġestjoni bbażata fuq ir-riskju li jkunu sistematiċi biex jippermettu l-ħżin, it-trasport u r-rimi sikuri. Għalhekk, l-investiment bikri f'kapaċitajiet ta' sorveljanza nazzjonali sostenibbli ser inaqqas il-piżijiet umanitarji, ambjentali u finanzjarji fit-tul assoċjati mad-degradazzjoni mhux ikkontrollata tal-munizzjon u l-isplużjonijiet mhux ippjanati f'ambjent ta' wara kunflitt. Mingħajr kapaċitajiet ta' sorveljanza msaħħa, il-probabbiltà ta' inċidenti relatati mal-munizzjon u splużjonijiet mhux ippjanati ser tibqa' għolja, b'konsegwenzi potenzjalment katastrofiċi kemm għall-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll għall-popolazzjonijiet ċivili.

F'dan l-isfond, fis-sajf tal-2025, l-awtoritajiet nazzjonali fl-Ukrajna talbu lill-UE tipprovdi assistenza teknika biex tappoġġa l-verifika tas-sikurezza tal-munizzjon matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tiegħu, b'enfasi speċifika fuq il-programm ta' taħriġ u tagħmir għas-sorveljanza tal-munizzjon. Din it-talba ġiet imtennija matul is-sessjoni ta' ħidma L-istabbiliment tal-pjattaforma internazzjonali ta' taħriġ u kooperazzjoni fil-ġestjoni tas-sikurezza tal-munizzjon b'appoġġ għall-isforzi immedjati tal-Ukrajna għat-tnaqqis tar-riskju wara l-kunflitt organizzata mill-GICHD fit-13 u l-14 ta' Novembru 2025 f'Ġinevra, l-Iżvizzera.

L-azzjoni mitluba hija allinjata mas-SALW tal-UE u politiki usa' dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm permezz tal-appoġġ tagħha għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-ħżin u l-immaniġġar sikuri u siguri tal-munizzjon, speċjalment f'pajjiżi sħab, u b'hekk tinħoloq opportunità biex jingħata appoġġ immirat u mhux letali f'konformità mal-impenn tal-UE għall-paċi, l-istabbiltà u t-tnaqqis tar-riskju.

Barra minn hekk, it-talba għal assistenza hija allinjata mal-Qafas Globali għall-Ġestjoni tal-Munizzjon Konvenzjonali Tul il-Ħajja (GFA) appoġġat mill-UE peress li tfittex li tippermetti aktar tnaqqis tar-riskji għas-sikurezza kkawżati mill-ħażniet nazzjonali ta' munizzjon konvenzjonali fl-Ukrajna, permezz ta':

—

il-prijoritizzazzjoni tas-sostenibbiltà tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fil-ġestjoni tal-munizzjon konvenzjonali tul il-ħajja,

—

l-isforzi għas-sorveljanza adegwata, sistematika u sostenibbli tal-munizzjon konvenzjonali fil-ħażniet nazzjonali, u

—

l-użu ta' proċessi adegwati ta' tnaqqis tar-riskju għall-ġestjoni ta' ħażniet nazzjonali ta' munizzjon konvenzjonali.

Billi tippromwovi prattiki responsabbli ta' ġestjoni tal-munizzjon, l-azzjoni hija mistennija wkoll tikkontribwixxi għal sikurezza reġjonali usa' billi tnaqqas ir-riskju ta' impatti transfruntieri assoċjati ma' splużjonijiet mhux ippjanati, kontaminazzjoni ambjentali, u degradazzjoni mhux ikkontrollata tal-munizzjon. B'dan il-mod, hija tappoġġa l-istabbiltà fit-tul u tirrifletti approċċi preventivi u ta' tnaqqis tar-riskju rikonoxxuti internazzjonalment, f'konformità mal-approċċ preventiv tal-UE fil-qasam tas-sigurtà.

Fl-aħħar nett, approċċ bħal dan jappoġġa l-kooperazzjoni tal-UE u tal-Ukrajna dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet Ukreni permezz ta' sħubijiet ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u fora multilaterali u sforzi komplementari tagħhom.

2.   Objettiv ġenerali

Li jitnaqqsu r-riskji għas-sikurezza tal-munizzjon fl-Ukrajna permezz ta' kapaċitajiet nazzjonali msaħħa għas-sorveljanza tal-munizzjon, li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta' aċċidenti relatati mal-munizzjon u splużjonijiet mhux ippjanati, protezzjoni mtejba tal-persunal, u sikurezza ċivili msaħħa.

3.   Deskrizzjoni tal-Azzjoni

3.1   Determinazzjoni tar-rekwiżiti tal-kapaċità teknika fis-sorveljanza tal-munizzjon tal-awtoritajiet nazzjonali fl-Ukrajna

3.1.1   Eżitu 1

Rekwiżiti tal-kapaċità teknika kkonfermati u prijoritizzati għal sorveljanza effettiva tal-munizzjon mill-awtoritajiet nazzjonali fl-Ukrajna f'konformità mal-kunċetti ta' tnaqqis tar-riskju għas-sikurezza tal-munizzjon u l-istandards internazzjonali, li jipprovdu bażi ċara u maqbula għal tisħiħ tal-kapaċitajiet u assistenza teknika mmirati.

3.1.2   Deskrizzjoni

Bħala riżultat tal-azzjoni taħt l-Eżitu 1, l-awtoritajiet Ukreni rilevanti ser ikollhom fehim kondiviż u bbażat fuq l-evidenza tal-kapaċitajiet tekniċi meħtieġa biex iwettqu sorveljanza sistematika, sostenibbli u infurmata dwar ir-riskju tal-munizzjon tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-munizzjon. Dan ser jinkiseb permezz ta' valutazzjonijiet tekniċi strutturati, appoġġ konsultattiv, u involviment mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali. Ir-rekwiżiti tal-kapaċitajiet ikkonfermati ser ikopru, fost l-oħrajn, l-infrastruttura u t-tagħmir, il-proċessi u l-proċeduri tekniċi, ir-riżorsi umani u l-kompetenzi, u l-ġestjoni tal-informazzjoni.

3.1.3   Eżiti Mistennija

Eżitu 1 – Ħarsa ġenerali vvalidata tal-kapaċitajiet attwali u l-lakuni fil-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-munizzjon irreġistrati fir-rapport tekniku.

Eżitu 2 – Rapport fil-forma ta' lista prijoritizzata ta' rekwiżiti ta' kapaċità teknika u ħtiġijiet ivvalidati fis-sorveljanza tal-munizzjon, inkluż tagħmir u taħriġ għall-fini tal-Eżitu 2, approvat mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, irreġistrat fir-rapport tekniku. Filwaqt li l-lista għandha tinkludi rekwiżiti u ħtiġijiet li għandhom jiġu ssodisfati taħt il-finanzjament tal-UE taħt il-proġett attwali, jenħtieġ li din telenka wkoll ir-rekwiżiti prijoritizzati u l-ħtiġijiet rakkomandati għall-finanzjament f'każ li jsiru disponibbli aktar fondi. Il-lista ser tkun soġġetta għal validazzjoni mill-Grupp ta' Ħidma COARM.

Eżitu 3 – Allinjament tad-dispożizzjonijiet relatati mas-sorveljanza tal-munizzjon fir-regolamenti dwar is-sikurezza tal-munizzjon tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti mal-prattika tajba u l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment.

3.1.4   Attivitajiet Mistennija

Attivitajiet relatati mal-Eżitu 1:

1.

Analiżi mhux fuq il-post u żvilupp tal-metodoloġija.

2.

Konsultazzjonijiet online u fil-pajjiż mal-partijiet ikkonċernati, valutazzjoni fuq il-post, u laqgħa ta' validazzjoni.

3.

Analiżi tad-dokumentazzjoni u kitba tar-rapport.

Attivitajiet relatati mal-Eżitu 2:

1.

Rieżami tas-sejbiet tal-valutazzjoni u mappa tal-lakuni identifikati meta mqabbla ma' prattika tajba u standards rikonoxxuti internazzjonalment.

2.

Konsultazzjonijiet online u fil-pajjiż mal-partijiet ikkonċernati, u laqgħa ta' approvazzjoni tal-prijoritajiet mal-awtoritajiet nazzjonali Ukreni.

3.

Analiżi tad-dokumentazzjoni, kitba tar-rapport, u sottomissjoni tar-rapport għall-validazzjoni mill-COARM

Attivitajiet relatati mal-Eżitu 3:

1.

L-abbozzar ta' aġġornament propost tar-regolamenti nazzjonali dwar is-sikurezza tal-munizzjon billi jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tal-munizzjon allinjati ma' standards rikonoxxuti internazzjonalment u prattika tajba.

2.

Appoġġ konsultattiv lill-awtoritajiet nazzjonali fil-validazzjoni interna u esterna, u rieżami legali finali tar-regolamenti dwar is-sikurezza tal-munizzjon, inkluż is-sorveljanza tal-munizzjon.

3.

Reviżjoni tal-abbozz ta' dispożizzjonijiet abbażi tal-feedback u appoġġ għall-allinjament/approvazzjoni formali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna.

3.2   Żvilupp tal-kapaċità teknika fis-sorveljanza tal-munizzjon tal-awtoritajiet nazzjonali fl-Ukrajna

3.2.1   Eżitu 2

Kapaċitajiet tekniċi nazzjonali mtejba għas-sorveljanza tal-munizzjon permezz ta' programm strutturat ta' tagħmir u taħriġ, li jippermetti lill-awtoritajiet Ukreni rilevanti jwettqu sorveljanza sistematika, sikura u infurmata dwar ir-riskju tal-munizzjon f'konformità ma' prattika tajba u standards rikonoxxuti internazzjonalment.

3.2.2   Deskrizzjoni

Bħala riżultat tal-azzjoni taħt l-Eżitu 2, waqt li jibnu fuq ir-rekwiżiti ta' kapaċità teknika kkonfermati u prijoritizzati u l-ħtiġijiet ivvalidati, il-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-munizzjon operazzjonali ser jiżdiedu permezz tal-forniment ta' tagħmir ta' sorveljanza mhux letali, taħriġ tekniku mmirat u pariri dwar l-użu ta' tagħmir, u servizzi ta' konsulenza dwar l-integrazzjoni operazzjonali ta' taħriġ u tagħmir f'attivitajiet ta' sorveljanza tal-munizzjon. It-tagħmir ta' sorveljanza ser jintuża biex jitwettaq ittestjar termodinamiku u kimiku, mekkaniku, ottiku u elettriku tal-munizzjon, bil-preferenza mogħtija lit-tagħmir li joriġina mill-UE. Ser tingħata prijorità lill-forniment ta' tagħmir mobbli biex jiġu żgurati l-flessibbiltà operazzjonali u s-sopravivenza, u biex ikunu jistgħu jsiru kontrolli integrati minn gruppi funzjonali ta' apparati fejn meħtieġ. L-eżitu ser jiżgura li l-assistenza tkun xprunata mill-ħtiġijiet, proporzjonata u koerenti, filwaqt li jiġu indirizzati direttament il-lakuni identifikati u tiġi evitata d-duplikazzjoni ma' inizjattivi oħra.

3.2.3   Eżiti Mistennija

Eżitu 1 – Akkwist u konsenja ta' tagħmir ta' sorveljanza tal-munizzjon mil-lista vvalidata mill-COARM lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Ukrajna.

Eżitu 2 – Taħriġ tal-persunal responsabbli mis-sorveljanza tal-munizzjon dwar l-użu tat-tagħmir akkwistat skont il-metodi rilevanti ta' sorveljanza tal-munizzjon u l-proċeduri operazzjonali tal-Ukrajna allinjati mal-prattika tajba u l-istandards internazzjonali.

3.2.4   Attivitajiet Mistennija

Attivitajiet relatati mal-Eżitu 1:

1.

L-akkwist tat-tagħmir kollu ta' sorveljanza tal-munizzjon inkluż fil-lista f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet approvati.

2.

It-trasport, l-iżdoganar tal-merkanzija, u d-distribuzzjoni tat-tagħmir fil-pajjiż.

3.

It-trasferiment tat-tagħmir u l-verifika tal-użu tiegħu.

Attivitajiet relatati mal-Eżitu 2:

1.

Konferma tar-rekwiżiti ta' taħriġ u l-programm ta' taħriġ abbażi tat-tagħmir ipprovdut.

2.

L-arranġament u l-implimentazzjoni ta' taħriġ dwar l-użu tat-tagħmir.

3.

L-għoti ta' mentoraġġ u appoġġ tekniku fuq il-post biex it-tagħmir jiġi integrat fl-attivitajiet ta' sorveljanza operazzjonali.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji tal-azzjoni huma direttament: l-awtoritajiet nazzjonali fl-Ukrajna - kustodji tal-munizzjon awtorizzati u awtoritajiet regolatorji tas-sikurezza tal-munizzjon, u indirettament: il-popolazzjonijiet ċivili li jgħixu qrib żoni ta' ħżin tal-munizzjon u rotot tat-trasport.

5.   Sostenibbiltà

Il-proġett jiżgura s-sostenibbiltà billi jistituzzjonalizza s-sorveljanza tal-munizzjon bħala funzjoni ta' sikurezza bi sjieda nazzjonali permezz ta' proċeduri standardizzati, tagħmir durabbli, u persunal imħarreġ inkorporat fi strutturi eżistenti, filwaqt li jiżgura l-kontinwità skont il-kundizzjonijiet ta' kunflitt u r-rilevanza għall-irkupru ta' wara l-kunflitt. Ir-reżiljenza teknika, it-tagħmir kosteffettiv, l-iskjerament deċentralizzat, u s-sjieda nazzjonali sħiħa jippermettu t-tnaqqis tar-riskju fit-tul, il-prevenzjoni tal-inċidenti, u l-konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza tal-munizzjon mingħajr dipendenza esterna kontinwa.

6.   Modalitajiet ta' Implimentazzjoni

L-azzjoni ser tiġi implimentata b'mod konġunt u kkoordinat mill-GICHD u l-ITF Enhancing Human Security (Organizzazzjoni għat-Tisħiħ tas-Sigurtà tal-Bniedem), fejn kull entità ta' implimentazzjoni speċjalizzata ser tiġi fdata bit-twassil ta' eżitu definit f'konformità mal-mandati, l-għarfien espert, u l-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħha. Il-GICHD ser jimplimenta l-attivitajiet taħt l-Eżitu 1, inkluż l-iżvilupp tal-lista ta' tagħmir u taħriġ għall-fini tal-Eżitu 2, filwaqt li l-ITF ser jimplimenta l-attivitajiet taħt l-Eżitu 2.

L-attivitajiet ser jiġu kkoordinati mill-qrib mal-awtoritajiet Ukreni rilevanti biex jiġu żgurati s-sjieda, ir-rilevanza u s-sostenibbiltà nazzjonali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1448/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)