SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

29 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Is-settur postali – Kontribuzzjoni ta’ kapital favur Post Danmark – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Kontribuzzjonijiet ta’ kapital favur PostNord – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Nuqqas ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T-334/22,

Danske Fragtmænd A/S, stabbilita f’Åbyhøj (id-Danimarka), irrappreżentata minn L. Sandberg-Mørch, avukata,

rikorrenti,

sostnuta minn

UPS Europe NV/SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

u

Dansk Avis Omdeling A/S, stabbilita f’Vejle (id-Danimarka),

irrappreżentati minn Sandberg-Mørch,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Carpi Badía u L. Nicolae, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Maertens, bħala aġent, assistita minn R. Holdgaard, avukat,

minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz, F.-L. Göransson, H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,

u minn

Post Danmark A/S, stabbilita f’Kopenħagen (id-Danimarka),

PostNord Group AB, stabbilita f’Solna (l-Isvezja),

irrappreżentati minn O. Koktvedgaard, avukat,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, R. da Silva Passos (Relatur), N. Półtorak, I. Reine u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: A. Marghelis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Danske Fragtmænd A/S, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/459 tal-10 ta’ Settembru 2021 dwar l-għajnuna mill-istat SA.49668 (2019/C) (ex 2017/FC) u SA.53403 (2019/C) (ex 2017/FC) implimentata mid-Danimarka u mill-Iżvezja għal PostNord AB u Post Danmark A/S (ĠU 2022, L 93, p. 146, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Ir-rikorrenti hija kumpannija rregolata mid-dritt Daniż attiva, b’mod partikolari, fis-suq Daniż tas-servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ tqassim ta’ pakketti.

3

PostNord AB hija kumpannija li l-attività prinċipali tagħha hija d-distribuzzjoni ta’ posta. Hija topera prinċipalment fis-swieq postali Svediżi, Daniżi, Norveġiżi u Finlandiżi. 40 % tal-kapital azzjonarju ta’ PostNord AB huwa proprjetà tar-Renju tad-Danimarka, filwaqt li 60 % tiegħu huwa proprjetà tar-Renju tal-Isvezja. Id-drittijiet tal-vot jinqasmu sa 50 % għal kull wieħed miż-żewġ Stati azzjonisti. PostNord hija 100 % proprjetarja ta’ PostNord Group AB.

4

Post Danmark A/S hija sussidjarja 100 % ta’ PostNord Group li topera fis-suq Daniż u barrani tas-servizzi postali. Sa mil-liberalizzazzjoni tas-suq postali Daniż fl-2011, Post Danmark tinsab f’kompetizzjoni mal-operaturi postali l-oħra.

5

Minħabba, b’mod partikolari, it-tendenza għad-diġitalizzazzjoni tal-korrispondenzi, Post Danmark naqset id-dħul tagħha b’55 % matul il-perijodu 2009-2019. Mill-2012, l-impriża rreġistrat telf.

6

Fl-20 ta’ Ottubru 2017, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja kkonkludew ftehim bilaterali intitolat “Agreement between the Kingdom of Sweden and the Kingdom of Denmark regarding [PostNord]” (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ Ottubru 2017”). Dan jiddeskrivi diversi miżuri favur PostNord u Post Danmark sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni fid-Danimarka u jiġi implimentat il-mudell ta’ produzzjoni l-ġdid żviluppat mill-bord tad-diretturi ta’ PostNord. Skont dan il-ftehim, il-mudell ta’ produzzjoni l-ġdid għandu b’mod partikolari jiġi ffinanzjat minn żewġ injezzjonijiet ta’ kapital favur PostNord, mogħtija mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja, kif ukoll kontribuzzjoni interna mogħtija minn PostNord Group lil Post Danmark.

7

Ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja wettqu, kull wieħed separatament, injezzjoni ta’ kapital favur PostNord għal ammont, rispettivament, ta’ SEK 267 miljun (madwar EUR 23.1 miljun) u ta’ SEK 400 miljun (madwar EUR 34.6 miljun), u PostNord Group wettqet injezzjoni ta’ kapital favur Post Danmark għal ammont ta’ 2,339 biljun krona Daniża (DKK) (madwar EUR 313.6 miljun) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017”).

8

Fis-27 ta’ Novembru 2017, assoċjazzjoni professjonali li tiġbor fiha lil kumpanniji rregolati mid-dritt Daniż attivi fis-settur tat-trasport bit-triq u tal-loġistika fid-Danimarka (Brancheorganisation for den danske vejgodstransport – ITD) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea li permezz tiegħu allegat li, permezz ta’ diversi miżuri preċedenti u futuri, l-awtoritajiet Daniżi u Svediżi kienu taw jew ser jagħtu għajnuna mill-Istat illegali lil Post Danmark. Fost dawn il-miżuri kien hemm l-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017.

9

Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward tal-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-Ftehim ta’ Ottubru 2017.

10

Fl-10 ta’ Settembru 2021, fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017 kienu jikkostitwixxu tliet miżuri distinti li kellhom jiġu evalwati separatament. Il-Kummissjoni qieset li l-injezzjoni ta’ kapital minn PostNord Group favur Post Danmark ma kinitx twassal għall-għoti ta’ vantaġġ u, għalhekk, li din il-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-injezzjonijiet ta’ kapital tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja favur PostNord kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, u ordnat l-irkupru tagħha mingħand PostNord.

It‑talbiet tal‑partijiet

11

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni, lir-Renju tal-Isvezja u lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.

12

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13

Ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

14

Post Danmark u PostNord Group jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15

UPS Europe NV/SA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16

Dansk Avis Omdeling A/S ma ppreżentatx nota ta’ intervent.

Id‑dritt

17

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, mir-Renju tal-Isvezja, minn Post Danmark u minn PostNord Group, issostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma wrietx li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet ġiet affettwata sostanzjalment mill-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017.

18

Ir-rikorrenti ssostni li għandha locus standi. L-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017 affettwaw sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq tas-servizzi postali fid-Danimarka u fil-pajjiżi nordiċi. Għalhekk, dawn ippermettew lil Post Danmark tipprattika “dumping tal-prezzijiet f’livell inferjuri għal dak tal-kompetizzjoni”. Ir-rikorrenti tallega li dawn l-injezzjonijiet ta’ kapital wassluha sabiex titlef numru sinjifikattiv ta’ klijenti u, konsegwentement, wasslu għal tnaqqis fis-sehem tagħha tas-suq ta’ 30 %, fatt li hija pproduċiet il-prova tiegħu.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

20

F’dan il-każ, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, id-destinatarji tagħha huma biss ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja, u mhux ir-rikorrenti. Għalhekk, dan ir-rikors ma jistax jiġi ddikjarat ammissibbli abbażi tal-ewwel frażi tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

21

It-tieni nett, l-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017 huma ta’ natura individwali. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkwalifikata bħala att regolatorju, fis-sens tat-tielet frażi tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Ottubru 2017, Greenpeace Energy vs Il-Kummissjoni, C-640/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:752, punt 26, u s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni, T-57/11, EU:T:2014:1021, punt 23). Għaldaqstant, dan ir-rikors ma jistax jiġi ddikjarat ammissibbli f’dan ir-rigward.

22

Għaldaqstant, dan ir-rikors għal annullament huwa ammissibbli biss jekk ir-rikorrenti tkun, konformement mat-tieni frażi tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi.

23

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel għandha tiġi eżaminata l-kundizzjoni tal-inċidenza individwali.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C-260/05 P, EU:C:2007:700, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, rikorrent li jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandu juri li huwa għandu status partikolari, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq. L-istess japplika b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ikkonċernat tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C-453/19 P, EU:C:2021:608, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Il-preġudizzju sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fis-suq inkwistjoni tirriżulta mhux minn analiżi fil-fond tad-diversi relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq, li tippermetti li tiġi stabbilita bi preċiżjoni l-portata tal-inċidenza fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu iżda, bħala prinċipju, minn konstatazzjoni prima facie li l-għoti tal-miżura prevista mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni twassal sabiex taffettwa sostanzjalment din il-pożizzjoni (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C-453/19 P, EU:C:2021:608, punt 58).

27

Minn dan jirriżulta li din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta meta r-rikorrent jipproduċi provi li jippermettu li jintwera li l-miżura inkwistjoni tista’ tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni tiegħu fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C-453/19 P, EU:C:2021:608, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ impatt sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq, għandu jitfakkar, minn naħa, li s-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata kienet tinsab f’xi relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma huwiex fi kwalunkwe każ suffiċjenti sabiex l-impriża msemmija tkun tista’ titqies li hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att. Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C-453/19 P, EU:C:2021:608, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-prova ta’ inċidenza sostanzjali kkawżata fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax tkun limitata għall-preżenza ta’ ċerti elementi li jindikaw degradazzjoni fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tar-rikorrent, bħal tnaqqis kunsiderevoli fid-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli jew ukoll tnaqqis sinjifikattiv tal-ishma mis-suq wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas ta’ tali għajnuna (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C-453/19 P, EU:C:2021:608, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova kif tfakkar fil-punt 27 iktar ’il fuq, wrietx li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

31

Sabiex jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti wrietx li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, fil-fehma tagħha, minn naħa, l-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017 ingħataw kollha fl-20 ta’ Ottubru 2017 lil Post Danmark u, min-naħa l-oħra, hija tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ Post Danmark.

32

Madankollu, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rwol tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ġustament issostni li kellha rwol attiv. Fil-fatt, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali bħala parti interessata. Madankollu, fi kwalunkwe każ, mis-sempliċi parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva ma jistax jiġi dedott li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li hija kellha rwol importanti f’din il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2019, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, T-492/15, EU:T:2019:252, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-impatt sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq, kif indikat fil-punt 18 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tallega li tilfet numru sinjifikattiv ta’ klijenti u madwar 30 % tas-sehem mis-suq minħabba “dumping tal-prezzijiet f’livell inqas minn dak tal-kompetizzjoni” applikat minn Post Danmark permezz tal-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017. Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti sostniet ukoll li l-għoti tal-injezzjonijiet ta’ kapital inkwistjoni kien wassal għal bidla fl-aġir tal-klijenti, li kienu ddeċidew li ma jibqgħux jużaw is-servizzi tagħha. Għalhekk, ir-rikorrenti tallega li, qabel l-għoti tal-imsemmija injezzjonijiet ta’ kapital, hija kienet titlef klijenti favur kompetituri differenti, filwaqt li, wara l-għoti tagħhom, hija tilfet klijenti kważi esklużivament għall-benefiċċju ta’ Post Danmark.

34

Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti pproduċiet tliet listi ta’ klijenti li telqu minnha sabiex jingħaqdu ma’ PostNord bejn Jannar 2016 u Novembru 2021. Fil-fehma tagħha, meta ngħaqdu ma’ PostNord, dawn il-klijenti għamlu użu b’mod partikolari mis-servizzi offruti minn Post Danmark. B’mod iktar preċiż, l-ewwel lista tkopri l-perijodu minn Jannar 2016 sa Ottubru 2018. It-tieni lista, li tirrepeti parzjalment l-ewwel waħda, tkopri l-perijodu minn Jannar 2018 sa Ġunju 2019. Fl-aħħar nett, it-tielet lista tkopri l-perijodu minn Ottubru 2019 sa Novembru 2021 (iktar ’il quddiem il-“listi ta’ klijenti allegatament mitlufa favur PostNord”).

35

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija tilfet madwar 30 % tal-ishma mis-suq għandha tiġi miċħuda, peress li ma ġietx sostnuta minn prova prima facie.

36

It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, żviluppat fl-istadju tar-replika, dwar l-allegata bidla fl-aġir tal-klijenti li ddeċidew li ma jibqgħux jużaw is-servizzi tagħha, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tirreferi għal-listi tal-klijenti allegatament mitlufa favur PostNord. L-ewwel waħda minn dawn il-listi, li tkopri parzjalment il-perijodu preċedenti għall-għoti tal-miżuri inkwistjoni, tidentifika lil diversi impriżi li għamlu użu minnhom il-klijenti l-antiki tar-rikorrenti, b’differenza miż-żewġ listi l-oħra, li jidentifikaw biss lil PostNord.

37

Issa, bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li l-klijenti kollha identifikati fl-ewwel lista kienu ntilfu wkoll għall-benefiċċju ta’ PostNord, inklużi dawk assoċjati mal-ismijiet ta’ impriżi kompetituri oħra, peress li dawn l-impriżi l-oħra kienu fir-realtà s-subappaltaturi ta’ PostNord.

38

Għaldaqstant, fid-dawl tal-argument tar-rikorrenti, il-listi tal-klijenti allegatament mitlufa favur PostNord għandhom kollha jinftiehmu bħala li jidentifikaw il-klijenti li jkunu telqu mir-rikorrenti sabiex jingħaqdu esklużivament ma’ PostNord jew mas-subappaltaturi tagħha. Fid-dawl ta’ dan l-argument, dawn ma jistgħux għalhekk jiġu interpretati bħala li jixhdu bidla fl-aġir ta’ dawn il-klijenti wara l-għoti tal-miżuri inkwistjoni.

39

Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ elementi oħra li jsostnu l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, qabel l-għoti tal-miżuri inkwistjoni, hija kienet titlef klijenti għall-benefiċċju ta’ diversi kompetituri filwaqt li, wara l-għoti ta’ dawn il-miżuri, hija kienet titlef klijenti esklużivament għall-benefiċċju ta’ PostNord u b’mod iktar partikolari ta’ Post Danmark, l-allegata benefiċjarja ta’ dawn il-miżuri, hemm lok li dan jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, ikkontestata mill-Kummissjoni.

40

It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija tilfet numru sinjifikattiv ta’ klijenti favur PostNord minħabba l-għoti tal-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017, għandu jiġi osservat dan li ġej.

41

Anki jekk jitqies li l-listi tal-klijenti allegatament mitlufa favur PostNord huma suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-plawżibbiltà, prima facie, ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 iktar ’il fuq, għandu jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti rnexxilhiex tistabbilixxi li din l-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha setgħetx tirriżulta mill-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017, konformement mal-oneru tal-prova impost fuqha.

42

Issa, anki jekk jiġi aċċettat li, fil-listi tal-klijenti allegatament mitlufa favur PostNord, ir-rikorrenti, minn naħa, identifikat b’mod korrett lill-klijenti li telqu minnha sabiex jingħaqdu ma’ PostNord u, min-naħa l-oħra, qieset korrettament li dawn kienu jagħmlu użu, b’mod partikolari, mis-servizzi offruti minn Post Danmark, l-allegata benefiċjarja tal-miżuri inkwistjoni, hija ma turix, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li tista’ teżisti korrelazzjoni bejn it-telf allegat ta’ klijenti favur PostNord u l-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017.

43

Fil-fatt, qabel kollox, mid-data prodotta mir-rikorrenti jirriżulta li hija tilfet, għall-benefiċċju ta’ PostNord, 22 klijent fl-2016, 26 klijent fl-2017, 19-il klijent fl-2018, 21 klijent fl-2019, 13-il klijent fl-2020 u 14-il klijent fl-2021. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkonstatat li t-telf ta’ klijentela allegatament subit mir-rikorrenti kien relattivament stabbli bejn l-2016 u l-2019, minkejja l-għoti tal-miżuri inkwistjoni. Mill-2018, it-telf ta’ klijentela allegatament subit mir-rikorrenti favur PostNord huwa saħansitra inqas minn dak irreġistrat fl-2016. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet oħra li jippermettu, b’mod partikolari, li jiġu kkuntestwalizzati ċ-ċifri pprovduti, ir-rikorrenti baqgħet ma wrietx li dawn jistabbilixxu rabta kawżali plawżibbli bejn it-telf ta’ klijentela allegat u l-miżuri inkwistjoni.

44

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċietx provi prima facie insostenn tal-argument tagħha li jgħid li t-telf ta’ klijenti allegat kien jirriżulta b’mod iktar speċifiku mill-prezzijiet ta’ dumping jew mill-prezzijiet inferjuri għal dawk tal-kompetizzjoni allegatament applikati minn Post Danmark permezz tal-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017.

45

Fil-fatt, minn naħa, għalkemm ir-rikorrenti indikat, matul is-seduta, li kienet ilmentat mal-Gvern Daniż dwar il-prezzijiet mitluba minn Post Danmark, hija madankollu ma pproduċietx provi li juru t-tressiq ta’ tali lment. Hija lanqas ma pproduċiet deċiżjoni li tikkonstata li Post Danmark kienet tipprattika prezzijiet ta’ dumping u lanqas dokument intiż sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali prattika.

46

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-irkupru, minn PostNord, tal-klijenti li hija kienet qiegħda titlef juri waħdu l-eżistenza ta’ prattika ta’ prezzijiet ta’ dumping jew ta’ prezzijiet iktar baxxi minn dawk tal-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 43 iktar ’il fuq, l-allegat telf ta’ klijenti subit mir-rikorrenti favur PostNord kien relattivament stabbli qabel u wara l-għoti tal-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017.

47

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-telf ta’ numru kbir ta’ klijenti favur PostNord huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-rabta kawżali bejn dan it-telf ta’ klijentela u l-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni (T-146/03, mhux ippubblikata, EU:T:2006:386). Ċertament, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ammettiet preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva tal-membri tar-rikorrenti minħabba s-sempliċi fatt li wieħed minnhom kien invoka telf ta’ klijenti għal 52 mill-pompi tal-petrol tiegħu, li kienu jixtru l-provvisti, wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri kkontestati, mingħand il-benefiċjarji tagħhom. Madankollu, minn naħa, minn din is-sentenza ma jirriżultax li, bħalma huwa l-każ hawnhekk, in-numru ta’ klijenti mitlufa għall-benefiċċju tal-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni kien relattivament simili qabel u wara l-għoti tal-imsemmija miżuri. Min-naħa l-oħra, f’deċiżjonijiet iktar reċenti, filwaqt li r-rikorrenti invokat telf ta’ klijenti għall-benefiċċju tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din ma kinitx ipprovdiet informazzjoni li tippermetti li jiġi kkonstatat li dan it-telf kien jirriżulta minn din il-miżura (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il-Kummissjoni, T-488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497, punt 54; digrieti tal-11 ta’ April 2018, Abes vs Il-Kummissjoni, T-813/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:189, punt 59, u tas-17 ta’ Mejju 2019, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, T-764/15, mhux ippubblikat, EU:T:2019:349, punt 134). Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn id-deċiżjonijiet iktar reċenti, għandu jitqies li s-sempliċi eżistenza ta’ telf ta’ klijenti favur PostNord ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li tista’ teżisti korrelazzjoni bejn it-telf u l-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017.

48

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-telf ta’ klijentela allegat jista’ jiġi imputat lil fatturi oħra li seħħew fl-2018. Fil-fatt, mid-dokument intern tar-rikorrenti intitolat “Management Report/Annual Report 2019”, ippreżentat minn Post Danmark u minn PostNord Group, jirriżulta li t-telf ta’ klijenti subit fl-2018 mir-rikorrenti jista’ jiġi spjegat minn żewġ fatturi, jiġifieri l-introduzzjoni minnha ta’ taxxa addizzjonali ta’ kapaċità u l-kwalità mhux sodisfaċenti tal-kunsinni ta’ pakketti. Ċertament, ir-rikorrenti, minn naħa, tqiegħed indiskussjoni r-rilevanza ta’ dan id-dokument intern u, min-naħa l-oħra, tindika li l-kwalità tal-kunsinni tal-pakketti tjiebet fl-2019. Madankollu, ir-rikorrenti la tikkontesta li introduċiet sovrataxxa tal-kapaċità u lanqas il-kwalità insodisfaċenti tas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti tagħha fl-2018, elementi msemmija fid-dokument intern tagħha stess.

49

Għaldaqstant, sa fejn provi oħra minbarra l-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017 jistgħu jispjegaw it-telf ta’ klijenti allegat, hija r-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova mfakkar fil-punt 27 iktar ’il fuq, li għandha tipproduċi provi li jippermettu li jiġi stabbilit b’mod partikolari li, minkejja dawn il-fatturi l-oħra indikati fil-punt 48 iktar ’il fuq, l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha seta’ jirriżulta mill-imsemmija injezzjonijiet ta’ kapital. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet tali provi.

50

Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, Post Danmark u PostNord Group indikaw li t-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ irreġistrat mir-rikorrenti bejn l-2018 u l-2019 kien inqas minn 3 %, li ma kienx jirrifletti allegat telf ta’ sehem tas-suq ta’ 30 % li jirriżulta mill-miżuri inkwistjoni. Ir-rikorrenti ma kkontestatx li d-dħul mill-bejgħ tagħha, bejn l-2018 u l-2019, kien ġarrab biss tnaqqis ta’ inqas minn 3 %. Barra minn hekk, din iċ-ċifra tirriżulta mid-dokument li hija stess ipproduċiet matul il-proċedura, intitolat “Annual Report 2019”. Issa, il-fatt li r-rikorrenti wettqet dħul mill-bejgħ relattivament kostanti matul il-perijodu kkonċernat, minkejja l-għoti tal-miżuri inkwistjoni, juri li dawn il-miżuri ma jistgħux jippreġudikaw sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq ikkonċernat.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li f’Ottubru 2017 Post Danmark ibbenefikat minn injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017 u li hija kienet f’kompetizzjoni mar-rikorrenti fis-suq tas-servizzi postali fid-Danimarka u fil-pajjiżi Nordiċi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha setgħet tiġi affettwata sostanzjalment mill-injezzjonijiet ta’ kapital imsemmija fil-ftehim ta’ Ottubru 2017. Minn dan isegwi li hija ma pprovatx, kif teħtieġ il-ġurisprudenza, li hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

52

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali inċidenza diretta tar-rikorrenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti.

Fuq l‑ispejjeż

53

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha flimkien ma’ dawk tal-Kummissjoni, ta’ Post Danmark u ta’ PostNord Group, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

54

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. B’hekk, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Iżvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

55

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li UPS Europe u Dansk Avis Omdeling, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Danske Fragtmænd A/S għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea, minn Post Danmark A/S u minn PostNord Group AB.

 

3)

Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Iżvezja, UPS Europe NV/SA u Dansk Avis Omdeling A/S għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Papasavvas

da Silva Passos

Półtorak

Reine

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Jannar 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.