SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tat-trasport – Direttiva 2006/126/KE – Artikolu 11(2) u (4) – Sospensjoni tad-dritt tas-sewqan ta’ vettura bil-mutur mogħtija – Liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-Istat Membru ta’ residenza normali permezz ta’ bdil ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor – Rifjut mill-ewwel Stat Membru li jeżegwixxi deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt ta’ sewqan adottata mit-tieni Stat Membru – Obbligu għat-tieni Stat Membru li ma jirrikonoxxix, fit-territorju tiegħu, il-validità tal-liċenzja tas-sewqan li kienet suġġetta għal sospensjoni”

Fil-Kawża C‑266/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-kriminali kontra

HV,

fil-preżenza ta’:

Sofiyska gradska prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, A. Hoesch u D. Klebs, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

–

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, P. Messina u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Artikolu 4(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102), kif ukoll tal-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (Tfassil mill-Ġdid) (ĠU 2006, L 403, p. 18).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura li għandha bħala suġġett l-eżekuzzjoni, fi Spanja, ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tas-sewqan mogħtija fil-Bulgarija, fir-rigward ta’ persuna residenti fi Spanja u li għandha liċenzja tas-sewqan maħruġa minn dan l-aħħar Stat Membru inkambju għal liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-ewwel Stat Membru.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Deċiżjoni Qafas 2008/947

3

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947, intitolat “Għanijiet u Ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għal:

(a)

ir-rikonoxximent ta’ sentenzi u, fejn applikabbli, deċiżjonijiet ta’ probation;

(b)

it-trasferiment tar-responsabbiltà għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi;

[…]

kif deskritt fi u previst f’din id-Deċiżjoni Qafas.”

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

[…]

(4)

‘sanzjoni alternattiva’ għandha tfisser sanzjoni, barra minn sentenza ta’ kustodja, miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà jew piena finanzjarja, li timponi obbligu jew istruzzjoni;

[…]”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, dwar it-“[t]ipi ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi li ġejjin:

[…]

(d)

istruzzjonijiet marbuta ma’ imgiba, residenza, edukazzjoni u taħriġ, attivitajiet ta’ divertiment, jew li jkun fihom limitazzjonijiet dwar jew modalitajiet ta’ twettiq ta’ attività professjonali;

[…]”

6

L-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Proċedura biex tintbagħat is-sentenza u fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta, fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) jew (2), l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tibgħat sentenza u, fejn applikabbli, deċiżjoni ta’ probation lil Stat Membru ieħor, għandha tiżgura li din tkun akkumpanjata b’ċertifikat, li l-forma standard tiegħu tinsab fl-Anness I.”

Id‑Direttiva 2006/126

7

Il-premessa 15 tad-Direttiva 2006/126 tistipula:

“Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ l-irtirar, tas-sospensjoni, tat-tiġdid tal-kanċellazzjoni ta’ liċenzji tas-sewqan lid-detenturi kollha ta’ liċenzja li jkunu kisbu r-residenza normali fit-territorju tagħhom.”

8

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.”

9

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet varji dwar l-iskambju, l-irtirar, is-sostituzzjoni u r-rikonoxximent ta’ liċenzji tas-sewqan”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.   Fejn id-detentur ta’ liċenzja nazzjonali valida tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru jkun għamel ir-residenza normali tiegħu fi Stat Membru ieħor, huwa jista’ jitlob li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tiġi sostitwita minn liċenzja ekwivalenti. […]

2.   Suġġett għall-osservanza tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istat Membru tar-residenza normali jista’ japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew il-kanċellament tad-dritt tas-sewqan lid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jissostitwixxi l-liċenzja għal dak il-għan.

[…]

4.   Stat Membru għandu jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ristretta, sospiża jew irtirata fi Stat Membru ieħor.

Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju ta’ l-Istat preċedenti.

Stat Membru jista’ wkoll jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kanċellata fi Stat Membru ieħor.”

10

Intitolat “Residenza normali”, l-Artikolu 12 tal-istess direttiva jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “residenza normali” tfisser il-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u ta’ xogħol, jew, fil-każ ta’ persuna li ma jkollhiex rabtiet ta’ xogħol, minħabba r-rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn tgħix.”

11

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/126, intitolat “Assistenza reċiproka”:

“L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jiskambjaw tagħrif dwar il-liċenzji li jkunu ħarġu, skambjaw, issostitwixxu, ġeddu jew ikkanċellaw.”

Id‑dritt Bulgaru

12

Skont l-Artikolu 78 tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NK”):

“Il-qorti [kompetenti] teżenta lill-persuna maġġorenni mir-responsabbiltà kriminali tagħha u timponilha multa ta’ BGN 1000 sa BGN 5000 [leva Bulgari (madwar EUR 500 sa EUR 2500)] meta l-kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv:

(a)

ir-reat huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tliet snin, jew kwalunkwe piena inqas severa oħra, meta kommessa b’mod intenzjonali, jew għal ċaħda tal-libertà ta’ mhux iktar minn ħames snin, jew kull piena oħra inqas severa, fil-każ ta’ imprudenza;

(b)

l-awtur ma jkunx ġie kkundannat għal delitt tad-dritt komuni u ma jkunx ġie eżentat mir-responsabbiltà kriminali tiegħu taħt dan il-kapitolu;

(ċ)

id-dannu materjali li jirriżulta mill-ksur ġie kkumpensat.

[…]

(4)   Il-qorti li timponi l-multa msemmija fil-paragrafu 1 tista’ wkoll timponi piena amministrattiva ta’ sospensjoni tad-dritt ta’ eżerċizzju ta’ professjoni jew attività għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet snin jekk tkun prevista sospensjoni ta’ dan id-dritt għar-reat ikkonċernat.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2018, li saret definittiva fl‑20 ta’ Novembru 2019, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, iddikjarat lil HV ħati li saq fit-territorju Bulgaru vettura bil-mutur bi ksur tar-regoli tat-traffiku u kkawża, b’negliġenza, danni fiżiċi moderati lil iktar minn persuna waħda. Abbażi tal-Artikolu 78(1) tan-NK, din il-qorti eżentat lil HV mir-responsabbiltà kriminali tagħha għal dan il-ksur u imponietlu multa amministrattiva ta’ BGN 1000 (madwar EUR 500). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 78(4) tan-NK, l-imsemmija qorti ddeċidiet li tissospendi d-dritt ta’ HV li jsuq vettura bil-mutur għal perijodu ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mill-jum li fih din is-sentenza ssir definittiva.

14

Il-Prosekutur fi ħdan il-qorti tar-rinviju informaha li din is-sospensjoni ma setgħetx tiġi eżegwita fit-territorju Bulgaru, peress li HV jirrisjedi b’mod permanenti fi Spanja u l-liċenzja tas-sewqan tiegħu maħruġa mill-awtoritajiet Bulgari ġiet skambjata ma’ liċenzja ekwivalenti maħruġa mill-awtoritajiet Spanjoli.

15

Fis‑27 ta’ Ottubru 2020, il-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Juzgado Central de lo Penal (il-Qorti Kriminali b’Kompetenza Nazzjonali, Spanja) is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2018, flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/947. Fil-punt 4 tat-Taqsima (j) ta’ dan iċ-ċertifikat, intitolat “Natura ta’ miżuri ta’ probation jew s-sanzjonijiet alternattivi”, kien immarkat l-“|istruzzjonijiet marbuta ma’ imgiba, residenza, edukazzjoni u taħriġ, attivitajiet ta’ divertiment, jew li jkun fihom limitazzjonijiet dwar jew modalitajiet ta’ twettiq ta’ attività professjonali”. Fil-punt 5 ta’ din it-taqsima, ġie ppreċiżat li l-piena ta’ sostituzzjoni kienet tikkonsisti f’sospensjoni tad-dritt ta’ sewqan ta’ vettura bil-mutur għal perijodu ta’ sitt xhur.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2021, il-Juzgado Central de lo Penal (il-Qorti Kriminali b’Kompetenza Nazzjonali) irrifjutat li tirrikonoxxi s-sentenza trażmessa u li teżegwixxi l-piena imposta kontra HV, minħabba li din ma kinitx tidher fost il-pieni previsti mil-Ley 23/2014 de conreocimiento mutuo de resoluciones penales en la Unión Europea (il-Liġi Nru 23/2014 dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tas-Sentenzi f’Materji Kriminali fl-Unjoni Ewropea), tal‑20 ta’ Novembru 2014 (BOE Nru 282, tal‑21 ta’ Novembru 2014, p. 1), u mid-deċiżjonijiet. Din il-qorti mmotivat ukoll ir-rifjut tagħha fuq il-bażi tad-Direttiva 2006/126.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li dan ir-rifjut jirrendi impossibbli l-eżekuzzjoni effettiva tas-sospensjoni tad-dritt ta’ sewqan mogħtija kontra HV, li jwassal, de facto, għall-impunità tiegħu. Madankollu, tali deċiżjoni taqa’ taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/947, peress li tikkostitwixxi “sanzjoni alternattiva”, li timponi “istruzzjonijiet marbuta ma’ imgiba”, fis-sens tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 4(1)(d) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

18

Din il-qorti tqis ukoll li l-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, stabbilit fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126, jidħol f’kunflitt mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi f’materji kriminali, kif ikkonkretizzat bid-Deċiżjoni Qafas 2008/947. Fil-fehma tagħha, tqum il-kwistjoni dwar liema minn dawn iż-żewġ atti tad-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li jintbagħat lill-Juzgado Central de lo Penal (il-Qorti Kriminali b’Kompetenza Nazzjonali) ċertifikat ġdid skont din id-deċiżjoni qafas.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Deċiżjonijiet ġudizzjarji f’kawżi kriminali li permezz tagħhom, fir-rigward ta’ reati li jikkonsistu fi ksur tar-regoli tat-traffiku li jikkawża, b’negliġenza, ħsara moderata fuq il-persuna, min iwettaq ir-reat jiġi kkundannat għal sanzjoni amministrattiva li tinvolvi ċ-ċaħda tad-dritt tas-sewqan għal żmien determinat, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas[2008/947]?

2)

L-Artikolu 11(2) u l-ewwel sat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva [2006/126] jippermettu lil Stat Membru, li fih ikollu r-residenza abitwali tiegħu d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn dan l-istess Stat, jirrifjuta li jirrikonoxxi u li jeżegwixxi sanzjoni amministrattiva, imposta fi Stat Membru ieħor, li tinvolvi ċ-ċaħda temporanja tad-dritt tas-sewqan ta’ vettura bil-mutur bħala konsegwenza tal-fatt li dan id-detentur kiser ir-regoli tat-traffiku u kkawża, b’negliġenza, ħsara moderata fuq il-persuna lil terzi, f’sitwazzjoni fejn ir-reat twettaq meta min wettaq ir-reat kellu liċenzja tas-sewqan maħruġa lilu mill-Istat ta’ residenza sabiex tissostitwixxi l-liċenzja inizjalment maħruġa mill-Istat li fih ġie kkundannat?”

Fuq l‑ammissibbiltà

20

Il-Gvern Ġermaniż jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi jsostni li ebda proċedura ma hija pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u li din tidher li qiegħda tipprova tikseb il-konferma li l-awtoritajiet Spanjoli kisru d-dritt tal-Unjoni, li ma jistax ikun is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

21

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, adita mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, għandha tiddeċiedi dwar il-mod kif għandha tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tas-sewqan ta’ vettura bil-mutur mogħtija fir-rigward ta’ HV, fil-kuntest ta’ proċedura pendenti quddiemha. F’dan il-kuntest, kif ġie indikat fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li jittrażmetti lill-Juzgado Central de lo Penal (il-Qorti Kriminali b’Kompetenza Nazzjonali) ċertifikat ġdid taħt din id-deċiżjoni qafas, hija għandhiex tibbaża ruħha fuq id-Direttiva 2006/126 jew fuq id-Deċiżjoni Qafas 2008/947.

24

Għaldaqstant, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni tidher li hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq it‑tieni domanda

26

Permezz ta’ din id-domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2006/126 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw l-Istat Membru ta’ residenza normali tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan, maħruġa minn dan l-Istat Membru, li ma jirrikonoxxix u jeżegwixxi fit-territorju tiegħu deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tas-sewqan ta’ vettura bil-mutur, adottata kontra dan id-detentur minn Stat Membru ieħor, minħabba ksur ta’ regolament tat-traffiku mwettaq fit-territorju tagħha, inkluż meta din il-liċenzja tas-sewqan tkun inħarġet minflok liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel mill-Istat Membru fejn twettaq dan il-ksur ta’ regolament tat-traffiku.

27

Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tagħha, jirriżulta li, għal raġunijiet ta’ sigurtà fit-toroq u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istat Membru fejn tinsab ir-residenza normali, fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor jista’ japplika għal din il-persuna d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan, jekk meħtieġ, jissostitwixxi l-liċenzja għal dak il-għan. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda għalhekk sitwazzjoni fejn id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan ikollu r-residenza normali tiegħu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punt 52)

28

Issa, f’dan il-każ, il-liċenzja tas-sewqan li għandu HV inħarġitlu mill-Istat Membru ta’ residenza normali tiegħu, bi skambju tal-liċenzja tas-sewqan li kienet inħarġitlu mill-Istat Membru fejn HV kien id-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tiegħu ta’ sewqan għal ksur tar-regoli tat-traffiku mwettaq fit-territorju ta’ dan tal-aħħar u li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126. Fil-fatt, ladarba din il-persuna tkun skambjat il-liċenzja tas-sewqan tagħha miksuba fl-ewwel Stat Membru permezz ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-Istat Membru ta’ residenza normali, hija ma għandhiex tibqa’ titqies bħala “detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

29

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha tkun suġġetta, fit-territorju tiegħu, għal restrizzjoni, għal sospensjoni jew għal irtirar, il-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor. Mill-kliem “jirrifjuta li jirrikonoxxi” jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix fakultà, iżda obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2012, Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punt 53, u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Kreis Heinsberg, C‑112/19, EU:C:2020:864, punt 37).

30

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jikkonċerna miżuri li jittieħdu skont il-liġijiet kriminali u tal-pulizija ta’ Stat Membru u li jaffettwaw il-validità, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punt 61). L-obbligu previst minn din id-dispożizzjoni huwa għalhekk intiż li jiggarantixxi l-eżekuzzjoni effettiva ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt ta’ sewqan mogħtija fit-territorju tal-Istat Membru li adottaha, konformement mal-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, stabbilit fl-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont dan il-prinċipju, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq reat tat-traffiku biss għandu l-kompetenza li jissanzjonah billi jieħu, jekk ikun il-każ, deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tas-sewqan (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Weber, C‑1/07, EU:C:2008:640, punt 38, u tat‑23 ta’ April 2015, Aykul, C‑260/13, EU:C:2015:257, punt 62).

31

Minn dan isegwi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, ma jimplikax li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tas-sewqan mogħtija fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari dak tar-residenza normali, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, tad-detentur tal-liċenzja tas-sewqan li kien is-suġġett ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, huwa biss l-Istat Membru li jkun adotta d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tas-sewqan li huwa kompetenti sabiex jiżgura, fit-territorju tiegħu, l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, anki fis-sitwazzjoni fejn id-destinatarju tagħha jkollu r-residenza normali tiegħu fi Stat Membru ieħor.

32

Minn dan jirriżulta li l-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li HV kien detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-awtoritajiet Bulgari qabel ma l-Istat Membru fejn stabbilixxa r-residenza normali tiegħu ma joħroġlux, skont bdil imwettaq b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/126, liċenzja tas-sewqan li huwa kellu fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt ta’ sewqan adottata fir-rigward HV, minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ dan tal-aħħar, tistax tiġi eżegwita fit-territorju Spanjol.

33

F’dan il-kuntest, għandu madankollu jingħad ukoll li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/126 tobbliga lill-Istati Membri jassistu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva u jiskambjaw informazzjoni dwar il-liċenzji li jkunu ħarġu, skambjaw, issostitwixxew, imġedda jew irtirati.

34

Din id-dispożizzjoni tista’ tikkontribwixxi għall-eżekuzzjoni effettiva ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tas-sewqan mogħtija fl-Istat Membru li ma huwiex dak tar-residenza normali tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, fuq talba ta’ dan l-Istat Membru u b’mod konformi mal-punt (a) tat-tielet sentenza tal-punt 3 tal-Anness I, Parti 13 u 14, kif ukoll mal-punt 4(a) tad-Direttiva 2006/126, l-Istat Membru tar-residenza normali jista’ jinkludi fuq liċenzja tas-sewqan eventwali indikazzjonijiet ta’ projbizzjoni tas-sewqan fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Stadt Pforzheim (Indikazzjonijiet fuq il-liċenzja tas-sewqan), C‑56/20, EU:C:2021:333, punti 45 u 46).

35

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2006/126 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-Istat Membru ta’ residenza normali tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan, maħruġa minn dan l-Istat Membru, li ma jirrikonoxxix u jeżegwixxi fit-territorju tiegħu deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tas-sewqan ta’ vettura bil-mutur, adottata fir-rigward ta’ dan id-detentur minn Stat Membru ieħor, minħabba ksur ta’ regolament tat-traffiku mwettaq fit-territorju tagħha, inkluż meta din il-liċenzja tas-sewqan inħarġet bi skambju għal liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel mill-Istat Membru fejn twettaq dan il-ksur ta’ regolament tat-traffiku.

Fuq l‑ewwel domanda

36

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda u tal-fatt li d-Direttiva 2006/126 biss tirregola s-sitwazzjoni fejn Stat Membru jissospendi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, billi tiddetermina l-effett ta’ tali sospensjoni huwa limitat għal dan it-territorju biss, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

Fuq l‑ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan.

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jawtorizzaw lill-Istat Membru ta’ residenza normali tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan, maħruġa minn dan l-Istat Membru, li ma jirrikonoxxix u jeżegwixxi fit-territorju tiegħu deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-dritt tas-sewqan ta’ vettura bil-mutur, adottata fir-rigward ta’ dan id-detentur minn Stat Membru ieħor, minħabba ksur ta’ regolament tat-traffiku mwettaq fit-territorju tagħha, inkluż meta din il-liċenzja tas-sewqan inħarġet bi skambju għal liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel mill-Istat Membru fejn twettaq dan il-ksur ta’ regolament tat-traffiku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.