52012DC0304

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tad-Danimarka għall-2012 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tad-Danimarka għall-perjodu 2012-2015 /* COM/2012/0304 final */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tad-Danimarka għall-2012 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tad-Danimarka għall-perjodu 2012-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,[4]

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem Ewropa 2020, lli tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni biex tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (mill-2010 sal-2014), u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[5], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)       Fit-12 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tad-Danimarka għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' konverġenza aġġornat tad-Danimarka għall-perjodu 2011-2014.

(4)       Fit-23 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta’ Frar 2012, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[6], li fih hija identifikat id-Danimarka bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(5)       Fit-2 ta' Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(6)       Fit-2 ta' Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

(7)       Fit-30 ta’ April 2012, id-Danimarka ppreżentat il-programm ta' konverġenza tagħha li jkopri l-perjodu 2012-2015 u l-programm nazzjonali ta' riforma tagħha għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. Fl-analiżi dettaljata[7] tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, id-Danimarka qed tesperjenza żbilanċ intern u estern għalkemm mhux eċċessiv.

(8)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta' konverġenza tal-2012 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huma plawsibbli. Ix-xenarju li jipprojjetta tkabbir tal-PDG ta' 1.2 u 1.5% fl-2012 u l-2013 huwa konformi sew mat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2012 tal-Kummissjoni ta' 1.1 u 1.4%. Għaldaqstant, id-defiċits tal-gvern huma kemxejn iżgħar fil-programm ta' konverġenza (4.0 u 1.8% tal-PDG fl-2012 u fl-2013 rispettivament, meta mqabbla ma' 4.1 u 2.0% tal-PDG fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2012 tal-Kummissjoni). L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta fil-programm hu li jkun korrett id-defiċit eċċessiv sal-2013 u li jinkiseb l-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM) ta' minn tal-inqas baġit ibbilanċjat strutturalment fl-2020. Il-programm b'hekk jikkonferma l-OTM preċedenti, li jirrifletti adegwatament ir-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-defiċit nominali ppjanat fl-2013 huwa konsistenti ma' korrezzjoni f'waqtha tad-defiċit eċċessiv tal-gvern u, abbażi tal-bilanċ strutturali tal-baġit[8] (ikkalkulat mill-ġdid), l-isforz fiskali ppjanat f'dik is-sena jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill maħruġa skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv f'Lulju 2010. Il-proċess tal-konsolidazzjoni huwa kkonċentrat aktar fl-aħħar tal-perjodu milli kien ippjanat u fl-2013 jeħtieġ li jkun hemm sforz imdaqqas biex ikun żgurat l-aġġustament strutturali meħtieġ. Ir-riskji li ma jintlaħaqx il-valur referenzjarju ta' 3% tal-PDG fl-2013 huma limitati; it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2012 tal-Kummissjoni juri d-defiċit tal-gvern bħala 2.0% tal-PDG. Abbażi tal-bilanċ tal-baġit strutturali (ikkalkulat mill-ġdid), mill-2013 'il quddiem, it-titjib baġitarju stmat fil-bilanċ tal-baġit strutturali ma jilħaqx 0.5% tal-PDG meħtieġ mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-istess żmien, ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-gvern, meta jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, mistennija li tikkonforma mal-parametru referenzjarju tan-nefqa tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Parti mid-defiċits baġitarji se jkunu ffinanzjati billi jitnaqqas il-kont tal-gvern mal-Bank Nazzjonali tad-Danimarka. Id-dejn pubbliku gross tad-Danimarka huwa projjettat li jinżel minn 46.5% tal-PDG fl-2011 għal 41.1% fl-2015, ħafna inqas mis-60% tal-PDG.

(9)       Iż-żieda fil-provvista ta' ħaddiema hija prijorità ewlenija għad-Danimarka sabiex ikunu żgurati l-benesseri u s-sostenibbiltà fiskali futuri.. Fl-2011, id-Danimarka kkonkludiet riforma ambizzjuża tal-iskema tal-pensjonijiet ta' rtirar bikri volontarju u mexxiet 'il quddiem iż-żieda preċedentament ppjanata fl-età statutorja tal-irtirar u r-rabta tagħha mal-istennija tal-għomor. Issa jeħtieġ li l-iffukar jiċċaqlaq għal fuq ir-riforma tal-pensjoni ta' diżabbiltà u l-iskemi ta' impjiegi sussidjati (flessimpieg). Il-Gvern ressaq proposta għal riforma f'dan il-qasam, li għandha tkun implimentata mingħajr dewmien. Id-distakk dejjem akbar fl-eżiti tal-impjiegi bejn in-nies bi sfond ta' migrazzjoni u l-bqija tal-popolazzjoni lavorattiva jeħtieġ ukoll li jkun indirizzat.

(10)     It-tkabbir tal-produttività tax-xogħol fid-Danimarka naqqas il-pass tiegħu matul l-aħħar deċenji; waħda mill-kawżi hi l-prestazzjoni relattivament dgħajfa tal-edukazzjoni. Minkejja livell għoli ta' nfiq fuq l-edukazzjoni, il-kwalità tal-edukazzjoni fl-iskejjel Daniżi — kif imkejla mill-OECD fl-istħarriġ PISA — hija biss ta' livell medju. Barra minn hekk, l-istudenti ġeneralment jispiċċaw l-istudji tagħhom f'età ikbar minn dawk ta' Stati Membri oħra u r-rati ta' tluq bikri mill-istituzzjonijiet edukattivi vokazzjonali huma relattivament għolja. Sabiex jirreaġixxi għall-isfidi f'dan il-qasam, il-Gvern ħabbar għadd ta' miżuri ġodda kemm għall-edukazzjoni obbligatorja u kif ukoll għal dik sekondarja. Il-baġit tal-2012 jappoġġja wkoll l-introduzzjoni tal-klawsoli soċjali fis-sejħiet ta' akkwist pubbliku u tal-miżuri li jagħmluha finanzjarjament vijabbli għall-kumpaniji privati li joffru apprentistati, sabiex jiżdied l-għadd ta' postijiet disponibbli. Iż-żieda fil-provvista ta' apprentistati se tkun indirizzata wkoll fin-negozjati bejn it-Tliet Partijiet u fil-ħidma tal-Kumitat inter-ministerjali.

(11)     Raġuni potenzjali oħra għal tkabbir kajman tal-produttività huwa l-grad relattivament dgħajjef tal-kompetizzjoni fid-Danimarka. Fl-2011, kien adottat pakkett għal kompetizzjoni, li prinċipalment kien jiffoka fuq is-settur tal-kostruzzjoni, is-settur tal-bejgħ bl-imnut, u s-servizzi tas-saħħa u tas-settur pubbliku. Qed ikunu investigati l-kompetizzjoni għat-taxis u għas-servizzi tat-trasport kif ukoll il-liberalizzazzjoni tal-farmaċiji, fid-dawl ta' miżuri ġodda possibbli. Il-kwistjoni taż-żieda tal-akkwist pubbliku fil-muniċipalitajiet u r-reġjuni qed tiġi attwalment negozjata mal-gvernijiet reġjonali u lokali. F'dan il-kuntest, kumitat governattiv riċentement ikkonkluda li l-liġi Daniża tal-kompetizzjoni teħtieġ li tiġi msaħħa, u li s-sanzjonijiet għall-ksur huma attwalment baxxi wisq biex jaġixxu bħala deterrent. Minħabba li ttieħed għadd limitat biss ta' inizjattivi konkreti f'dan il-qasam matul l-aħħar sena, jeħtieġ li jittieħdu passi ulterjuri biex din l-isfida tkun indirizzata adekwatament.

(12)     Kif ikkonfermat fl-analiżi dettaljata skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, waqt li d-dejn gross għoli tal-unitajiet domestiċi sa ċertu punt huwa karatteristika strutturali tal-ekonomija Daniża, fejn l-assi tal-unitajiet domestiċi jaqbżu konsiderevolment l-obbligazzjonijiet, ifiġġ tħassib dwar id-dejn tal-unitajiet domestiċi hekk kif jidher li żviluppi fis-suq tad-djar wasslu biex id-dejn imur lil hinn mil-livelli spjegabbli mill-fatturi strutturali. Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tas-self ipotekarju nbidlet mill-2003 'l hemm, hekk kif is-self mingħajr pagamenti skedati u b'rati varjabbli beda jikseb il-popolarità flok is-self b'rati fissi u bi skeda ta' pagamenti. Għal livell ta' dejn partikolari, l-unitajiet domestiċi huma għalhekk iktar sensittivi issa għal żidiet fir-rati tal-imgħax u għal flutwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-proprjetà milli kienu għaxar snin ilu. Dan joħloq riskji potenzjali ikbar f'termini ta' stabbiltà finanzjarja u ekonomika. Fid-Danimarka ittieħdu miżuri relevanti biex jindirizaw il-vulnerabbiltajiet fis-sistema tal-ipoteki. Barra minn hekk, il-Ministeru għan-Negozju u t-Tkabbir qiegħed attwalment janalizza d-distribuzzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet madwar l-unitajiet domestiċi u l-vulnerabbiltà potenzjali tagħhom f'każ ta' xokkijiet ekonomiċi differenti. Madankollu, għandhom jitqiesu wkoll miżuri biex jipprevjenu żviluppi proċikliċi fis-suq tad-djar fuq terminu medju, preferibbilment billi tkun allinjata mill-ġdid it-taxxa fuq il-valur tal-proprjetà mal-valuri reali tas-suq. It-tneħħija tal-limitu massimu taż-żieda annwali tat-taxxa muniċipali fuq il-valur tal-art tista' wkoll tipprevjeni effetti proċikliċi futuri. Tali miżuri għandhom ikunu introdotti gradwalment, waqt li titqies il-ħtieġa attwali għall-istabbilizzazzjoni fis-suq tad-djar.

(13)     Id-Danimarka ħadet għadd ta' impenji bħala parti mill-Patt Euro Plus. Dawn l-impenji, u l-implimentazzjoni tal-impenji preżentati fl-2011 huma relatati mat-trawwim tal-impjiegi, it-titjib tal-kompetittività, it-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u r-rinfurzar tal-istabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Patt Euro Plus. Fir-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati r-riżultati ta' din il-valutazzjoni.

(14)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tad-Danimarka. Hija vvalutat il-programm ta' konverġenza u l-programm nazzjonali ta' riforma, u ppreżentat analiżi dettaljata. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fid-Danimarka imma qieset ukoll il-konformità mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) hawn taħt.

(15)     Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza tad-Danimarka, u l-opinjoni tiegħu[9] hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt,

(16)     Fid-dawl tar-riżultati tal-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm nazzjonali ta' riforma tad-Danimarka għall-2012 u l-programm ta' konverġenza tad-Danimarka. Ir-rakomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi partikolarment fir-rakkomandazzjonijiet (3), (4) u (5) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li d-Danimarka għandha tieħu azzjoni matul il-perjodu 2012-2013 biex:

1.           Timplimenta l-istrateġija baġitarja kif maħsuba, biex tiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2013 u tikseb l-isforz ta' aġġustament strutturali medju annwali speċifikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Minn hemm 'l hemm tiżgura sforz adegwat ta' aġġustament strutturali biex tagħmel progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM), inkluż li tilħaq il-parametru referenzjarju tan-nefqa.

2.           Tieħu passi ulterjuri biex ittejjeb il-provvista tal-ħaddiema fuq terminu twil billi tirriforma l-pensjonijiet ta' diżabbiltà, u billi tiffoka aktar l-iskemi ta’ impjiegi sussidjati (is-sistema tal-'flessimpieg') fuq persuni b'kapaċitajiet imnaqqsa għax-xogħol, u ttejjeb l-impjegabbiltà tal-persuni bi sfond ta' migrant.

3.           Timplimenta l-miżuri mħabbra mingħajr dewmien, biex ittejjeb il-kosteffikaċja tas-sistema edukattiva, tnaqqas ir-rata ta' tluq bikri mill-iskola, partikolarment fl-edukazzjoni vokazzjonali, u żżid l-għadd ta’ apprentistati.

4.           Tkompli bl-isforzi tagħha biex telimina l-ostakoli għall-kompetizzjoni, partikolarment fis-servizzi lokali, fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u tal-kostruzzjoni, anki billi l-akkwist tas-servizzi muniċipali u reġjonali jinfetaħ ulterjorment għall-kompetizzjoni u billi jkun żgurat li s-sanzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni huma deterrent suffiċjenti.

5.           Tikkunsidra miżuri preventivi ulterjuri biex issaħħaħ l-istabbiltà tas-suq tad-djar u tas-sistema finanzjarja fuq terminu medju, inkluż billi tqis ir-riżultati tal-istudju tal-Ministeru għan-Negozju u t-Tkabbir li għaddej bħalissa dwar id-distribuzzjoni tal-assi u d-dovuti madwar l-unitajiet domestiċi, u billi tirrevedi l-valur tal-proprjetà u s-sistema muniċipali tat-taxxa fuq il-valur tal-art.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25

[3]               COM (2012) 304 finali.

[4]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tas-26 ta' April 2012

[6]               COM (2012) 68 finali.

[7]               SWD (2012) 153 finali.

[8]               Bilanċ aġġustat ċiklikament, nett mill-miżuri ta' darba jew temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-programm, bl-użu tal-metodoloġija komunament maqbula

[9]               Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97