|
12.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 9/12 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 23/2008
tal-11 ta’ Jannar 2008
li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2320/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skond ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà fl-avjazzjoni fil-Komunità kollha. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 ta’ l-4 ta’ April 2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (2) kien l-ewwel att li jistabbilixxi miżuri bħal dawn. |
|
(2) |
Hemm ħtieġa għal miżuri li jippreċiżaw iktar l-istandards bażiċi komuni. Għandhom jiġu stipulati rekwiżiti ta’ prestazzjoni fir-rigward tat-tagħmir Threat Image Projection (TIP). Madankollu, l-istandards għandhom ikunu rriveduti fuq bażi regolari u ta’ l-inqas kull sentejn biex ikun żgurat li dawn ikomplu jirriflettu l-iżviluppi tekniċi, b’mod partikolari fir-rigward tad-daqs tal-librerija ta’ immaġini virtwali disponibbli. |
|
(3) |
It-TIP għandu jintuża biex itejjeb il-prestazzjoni ta’ dawk li jispezzjonaw, meta jkunu qed jispezzjonaw kemm il-bagalji fil-kabina kif ukoll dawk fl-istiva, permezz ta’ proġezzjoni ta’ l-immaġini virtwali ta’ l-oġġetti ta’ theddid f’immaġini x-ray ta’ bagalji. Għandu jkun hemm perċentwali minima u massima ta’ l-immaġini virtwali ta’ oġġetti ta’ theddid li tiġi pproġettata fl-immaġini tal-bagalji. Permezz tar-reazzjoni ta’ dawk li jispezzjonaw il-bagalji, it-TIP għandu jinfurmahom jekk irrispondewx b’mod korrett fl-identifikazzjoni tagħhom ta’ l-immaġini virtwali ta’ l-oġġett ta’ theddid. Barra minn hekk, il-librerija ta’ immaġini virtwali użati għat-TIP għandha titkabbar u tiġġedded b'mod regolari, sabiex jitqiesu oġġetti ġodda ta’ theddid u biex tiġi evitata l-familjarità ma’ l-immaġini virtwali. |
|
(4) |
L-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta' prestazzjoni dwar it-tagħmir tas-sigurtà, inkluż it-TIP fl-ajruporti, m’għandhiex titqiegħed fid-dominju pubbliku għax jista' jsir abbuż minnha biex jiġu evitati l-kontrolli tas-sigurtà. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli biss għar-regolaturi u għall-manifatturi tat-tagħmir. |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 622/2003 għandu jiġi emendat skond dan. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ċivili, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 622/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward tan-natura kunfidenzjali ta’ dan l-Anness.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2008.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Jannar 2008.
Għall-Kummissjoni
Jacques BARROT
Viċi President
(1) ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 229, 29.6.2004, p. 3).
(2) ĠU L 89, 5.4.2003, p. 9. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1477/2007 (ĠU L 329, 14.12.2007, p. 22).
ANNESS
Skond l-Artikolu 1 l-Anness huwa sigriet u ma għandux jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.