European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1742

24.6.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1742

tal-21 ta’ Ġunju 2024

li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mad-distanza minima mill-kosta u mal-fond għas-sajd bit-tartaruni tax-xatt f’ilmijiet territorjali ta’ Franza kontigwi mal-kosta ta’ Occitanie u mal-kosta ta’ Provence-Alpes-Côte d’Azur

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(5) u l-Artikolu 13(5) u (10) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 587/2014 (2) li jistabbilixxi deroga mill-Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond għat-tartaruni tax-xatt li jistadu f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Franza (Languedoc-Roussillon u Provence-Alpes-Cote d’Azur). Ingħataw bosta estensjonijiet ta’ dik id-deroga, l-aħħar waħda bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2362 (3), u din skadiet fis-26 ta’ Awwissu 2024.

(2)

Fit-23 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Franza biex testendi d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2362. Franza pprovdiet ir-rapport imfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ għall-attivitajiet tas-sajd, stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni li dak l-Istat Membru adotta fit-13 ta’ Mejju 2014 (4) (“il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż”), u informazzjoni aġġornata li tiġġustifika l-estensjoni tad-deroga f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(3)

Matul il-75 sessjoni plenarja tiegħu organizzata f’Marzu 2024, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (5) ivvaluta t-talba għall-estensjoni tad-deroga konċernata, id-data ta’ appoġġ u r-rapport ta’ implimentazzjoni. Il-STECF irrikonoxxa li, minkejja informazzjoni limitata, l-isforz tas-sajd u l-qabdiet qed jonqsu (23 % biss tal-kwota tal-isforz tas-sajd intużat fl-2023) flimkien man-numru dejjem jonqos ta’ dgħajjes (3 bastimenti biss attwalment attivi fl-2023). Dan jimplika tnaqqis korrispondenti ta’ kwalunkwe impatt negattiv potenzjali tas-sajd fuq l-ekosistemi u r-riżorsi. Il-STECF ikkonkluda li minħabba li l-eliminazzjoni progressiva tas-sajd qed issir b’pass mgħaġġel, tant li fadal biss ammont żgħir ħafna ta’ bastimenti attivi, l-impatt tas-sajd x’aktarx li jkun minimu u jibqa’ jonqos.

(4)

Għar-raġunijiet mogħtija mill-STECF, li magħhom taqbel il-Kummissjoni, għandu jitqies li s-sajd bit-tartaruni tax-xatt ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar.

(5)

Il-wisa’ limitat tal-blata kontinentali jwassal għal restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi.

(6)

Is-sajd bit-tartaruni tax-xatt isir mix-xatt f’baħar li jkun baxx u jkollu fil-mira tiegħu diversi speċijiet. Minħabba n-natura tiegħu, dan it-tip ta’ sajd ma jista’ jsir bl-ebda rkaptu ieħor, minħabba li l-ebda rkaptu rregolat ieħor ma jista’ jintuża biex jinqabdu l-ispeċijiet fil-mira.

(7)

L-estensjoni tad-deroga mitluba minn Franza tikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ għadd limitat ta’ 17-il bastiment identifikati fil-pjan ta’ ġestjoni Franċiż, li minnhom kien hemm biss 3 li kienu attivi fl-2023. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 54 % tal-isforz tas-sajd f’termini ta’ bastimenti awtorizzati meta mqabbel mal-2014, billi dak iż-żmien id-deroga kienet tikkonċerna 37 bastiment awtorizzati speċifikati skont il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż.

(8)

Barra minn hekk, il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jkun hemm żieda fl-isforz tas-sajd, kif jitlob l-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lis-17-il bastiment speċifikati, li jinvolvu sforz totali ta’ 638 jum, li diġà għandhom awtorizzazzjoni minn Franza biex jistadu. Barra minn hekk, Franza llimitat l-isforz massimu permess għal kull irkaptu tas-sajd.

(9)

Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva li l-pjan ta’ ġestjoni Franċiż qiegħed tabilħaqq kulma jmur jelimina l-flotta għaliex l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd huma marbuta mal-bastimenti u jiġu rtirati awtomatikament meta l-bastiment li jkollu l-awtorizzazzjoni jiġi sostitwit, jew meta l-kaptan tal-bastiment ibigħ il-bastiment tiegħu jew jirtira.

(10)

It-talba tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati minn Franza u bastimenti b’aktar minn 5 snin esperjenza fis-sajd f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(11)

Dawk il-bastimenti huma inklużi f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni bi qbil mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(12)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 minħabba li l-pjan ta’ ġestjoni Franċiż jipprojbixxi is-sajd fil-ħabitats protetti msemmija hawn fuq.

(13)

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ konformità mal-qisien minimu tal-malji, il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż awtorizza deroga mill-qies minimu tal-malji stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 abbażi tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(7) ta’ dak ir-Regolament, minħabba n-natura selettiva ħafna tas-sajd ikkonċernat, l-effett negliġibbli tiegħu fuq l-ambjent tal-baħar u minħabba li mhuwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(14)

Il-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jippermetti li jibqgħu jiġu applikati d-derogi mill-qisien minimi tal-malji maħruġa fil-qafas tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u eżistenti fl-14 ta’ Awwissu 2019 sakemm ma jkunx iddeterminat mod ieħor permezz tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241. Il-Kummissjoni vvalutat din it-talba għal estensjoni tad-deroga minn Franza u kkonkludiet li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2019/1241 u fil-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX ta’ dak ir-Regolament, għaliex ma twassalx għal deterjorament tal-istandards ta’ selettività, b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber, eżistenti fl-14 ta’ Awwissu 2019, u għaliex għandha l-għan li tikseb l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament.

(15)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jfixklux l-attivitajiet tal-bastimenti li jużaw tagħmir barra minn xbieki tat-tkarkir, tat-tartaruni jew xbieki rmunkati simili, f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(16)

L-attività tat-tartaruni tax-xatt hija rregolata fil-pjan ta’ ġestjoni Franċiż biex jiġi żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241, li jissostitwixxi l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, ikunu minimi, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(17)

It-tartaruni tax-xatt ma jimmirawx għaċ-ċefalopodi, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(18)

Il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż jistabbilixxi pjan ta’ monitoraġġ għall-attivitajiet tas-sajd, kif previst fl-Artikolu 4(5), il-ħames subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u fl-Artikolu 13(9), it-tielet subparagrafu tiegħu. Dan jinkludi wkoll miżuri għar-reġistrazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, u b’hekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (7).

(19)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-estensjoni tad-deroga li talbet Franza tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Għalhekk jenħtieġ li l-estensjoni tad-deroga tingħata.

(20)

Jenħtieġ li Franza tirrapporta lill-Kummissjoni fiż-żmien dovut u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni Franċiż.

(21)

Li d-durata tad-deroga tkun limitata għal perjodu speċifiku se jippermetti li jittieħdu miżuri korrettivi ta’ ġestjoni minnufih f’każ li l-monitoraġġ tal-pjan ta’ ġestjoni Franċiż juri li l-istokk sfruttat ikun f’qagħda ta’ konservazzjoni ħażina, filwaqt li jipprovdi lok biex tittejjeb il-bażi xjentifika u b’hekk jittejjeb il-pjan ta’ ġestjoni.

(22)

Billi l-pjan ta’ ġestjoni Franċiż dejjem kopra s-sajd għat-tartaruni tax-xatt u billi d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2362 skadiet fis-26 ta’ Awwissu 2024, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess data sabiex il-kontinwità legali tkun żgurata.

(23)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(24)

Din l-applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għaliex is-sajd ikkonċernat kien dejjem kopert mill-pjan ta’ ġestjoni Franċiż għat-tartaruni tax-xatt.

(25)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga mir-Regolament (KE) Nru 1967/2006

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali ta’ Franza kontigwi mal-kosta ta’ Occitanie u mal-kosta ta’ Provence-Alpes-Côte d’Azur għat-tartaruni tax-xatt użati minn bastimenti li:

(a)

għandhom in-numru tar-reġistrazzjoni msemmi fil-pjan ta’ ġestjoni li Franza adottat f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż);

(b)

għandhom aktar minn 5 snin esperjenza fis-sajd u ma huma involuti fl-ebda żieda fil-ġejjieni fl-isforz tas-sajd ntużat; kif ukoll

(c)

għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u li joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż.

Artikolu 2

Pjan ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar

Fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, Franza għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jitfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni Franċiż.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-25 ta’ Awwissu 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1967/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 587/2014 tat-2 ta’ Ġunju 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond għat-tartaruni tax-xatt li jistadu f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Franza (Languedoc-Roussillon u Provenzja-Alpi-Côte d’Azur) (ĠU L 164, 3.6.2014, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/587/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2362 tat-2 ta’ Diċembru 2022 li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mad-distanza minima mill-kosta u mal-fond għas-sajd bit-tartaruni tax-xatt f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Franza (Occitanie u Provence-Alpes-Côte d’Azur) (ĠU L 312, 5.12.2022, p. 91, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2362/oj).

(4)   https://www.legifrance.gouv.fr/jorf/id/JORFTEXT000028986590/.

(5)   https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/d/stecf/stecf_plen_24-01.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal- 20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1742/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)